This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021IP0501
European Parliament resolution of 15 December 2021 on the impact of organised crime on own resources of the EU and on the misuse of EU funds with a particular focus on shared management from an auditing and control perspective (2020/2221(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2021 dwar l-impatt tal-kriminalità organizzata fuq ir-riżorsi proprji tal-UE u fuq l-użu ħażin tal-fondi tal-UE b'enfasi partikolari fuq il-ġestjoni kondiviża minn perspettiva ta' awditjar u kontroll (2020/2221(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2021 dwar l-impatt tal-kriminalità organizzata fuq ir-riżorsi proprji tal-UE u fuq l-użu ħażin tal-fondi tal-UE b'enfasi partikolari fuq il-ġestjoni kondiviża minn perspettiva ta' awditjar u kontroll (2020/2221(INI))
ĠU C 251, 30.6.2022, pp. 37–47
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
30.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 251/37 |
P9_TA(2021)0501
L-impatt tal-kriminalità organizzata fuq ir-riżorsi proprji tal-UE u fuq l-użu ħażin tal-fondi tal-UE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2021 dwar l-impatt tal-kriminalità organizzata fuq ir-riżorsi proprji tal-UE u fuq l-użu ħażin tal-fondi tal-UE b'enfasi partikolari fuq il-ġestjoni kondiviża minn perspettiva ta' awditjar u kontroll (2020/2221(INI))
(2022/C 251/03)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 310, 317 u 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF) (1), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (3) (ir-Regolament Finanzjarju), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapporti tal-2019 u tal-2020 tal-OLAF u r-Rapporti ta' Attività tal-2019 u l-2020 tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 01/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) intitolat “Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 06/2019 tal-QEA intitolat “L-indirizzar tal-frodi fl-infiq fil-qasam tal-koeżjoni tal-UE: jeħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali jsaħħu l-identifikazzjoni, ir-rispons u l-koordinazzjoni”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 13/2021 tal-QEA intitolat “L-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur bankarju huma frammentati u l-implimentazzjoni mhijiex suffiċjenti”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2019 intitolata “L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi: azzjoni iktar b'saħħitha għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE” (COM(2019)0196) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha, intitolat “Fraud risk assessment” (Valutazzjoni tar-riskju ta' frodi) (SWD(2019)0171), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-3 ta' Settembru 2020 intitolat “Il-31 Rapport Annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi – 2019” (Rapport PIF) (COM(2020)0363) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh (SWD(2020)0156, SWD(2020)0157, SWD(2020)0158, SWD(2020)0159 u SWD(2020)0160), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni Kontra l-Frodi u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (5), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2019/1798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 li taħtar il-Kap Prosekutur Ewropew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (6), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) bit-titolu “Fraud and corruption in European Structural and Investment Funds – a spotlight on common schemes and preventive actions” (Frodi u korruzzjoni fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej – enfasi fuq skemi komuni u azzjonijiet preventivi) (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar l-Istrateġiji Nazzjonali Kontra l-Frodi żviluppati minn grupp ta' ħidma ta' esperti tal-Istati Membri, diretti u kkoordinati mill-unità għall-Prevenzjoni, ir-Rapportar u l-Analiżi tal-Frodi fl-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (8), ippubblikati fit-13 ta' Diċembru 2016, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' April 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 (COM(2021)0170), |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament Ewropew fis-7 ta' Lulju 2021 intitolat “The Impact of Organised Crime on the EU's Financial Interest” (L-Impatt tal-Kriminalità Organizzata fuq l-Interessi Finanzjarji tal-UE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pakkett tal-Kummissjoni ta' erba' proposti leġiżlattivi biex jiġu armonizzati r-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT), ippubblikat fl-20 ta' Lulju 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2021 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – ġlieda kontra l-frodi – rapport annwali 2019 (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0330/2021), |
|
A. |
billi r-reat finanzjarju u ekonomiku jinvolvi l-korruzzjoni, il-frodi, il-koerċizzjoni, il-vjolenza, il-kollużjoni, l-ostruzzjoni u l-intimidazzjoni għal gwadann illegali, bi flejjes ta' oriġini illegali jiġu moħbija permezz ta' ħasil tal-flus u, possibbilment, użati għal skopijiet illegali ulterjuri, inkluż il-finanzjament tat-terroriżmu; |
|
B. |
billi, skont il-QEA, il-prevenzjoni tal-frodi ma ngħatatx attenzjoni biżżejjed, u l-Kummissjoni hija nieqsa minn informazzjoni komprensiva dwar l-iskala, in-natura u l-kawżi tal-frodi; |
|
C. |
billi għadd dejjem jikber ta' gruppi tal-kriminalità organizzata huma attivi fl-UE, spiss b'kopertura transfruntiera; billi l-fenomenu huwa dejjem aktar kumpless bi swieq kriminali ġodda u modi ġodda ta' operat li qed jitfaċċaw minħabba l-globalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda; billi organizzazzjonijiet tat-tip mafjuż huma partikolarment attivi fit-tentattivi tagħhom li jinterċettaw fondi tal-UE f'diversi Stati Membri; |
|
D. |
billi t-teknoloġija ġġib kapaċitajiet ġodda ta' detezzjoni u monitoraġġ, filwaqt li tagħmel il-ħidma tal-investigaturi aktar effettiva u tippermetti d-disinn ta' miżuri ta' infurzar aktar intelliġenti; |
Il-fondi tal-UE affettwati mill-kriminalità organizzata
|
1. |
Jisħaq li l-kriminalità organizzata wriet livell għoli ta' infiltrazzjoni fl-istruttura soċjali, politika, ekonomika, finanzjarja, imprenditorjali u amministrattiva tal-Istati Membri, kif ukoll il-kapaċità li taħsel fl-ekonomija legali r-rikavat enormi tal-kriminalità, inklużi reati kommessi kontra l-interessi finanzjarji tal-UE, u b'hekk tirrappreżenta theddida serja għal-libertajiet taċ-ċittadini tal-UE; jisħaq, quddiem dan kollu, li l-kriminalità organizzata tirrappreżenta theddida serja għad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-infiltrazzjoni fl-ekonomija legali mill-kriminalità organizzata hija essenzjali biex jiġi ggarantit it-trattament ugwali quddiem il-liġi, biex jiġu protetti d-drittijiet u l-benesseri taċ-ċittadini, biex jiġu prevenuti l-abbużi u biex jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont tad-detenturi ta' karigi pubbliċi; jemmen li huwa meħtieġ rispons komuni u kkoordinat mill-UE u l-Istati Membri tagħha; |
|
2. |
Jinnota li l-frodi tad-dħul hija qasam li fih il-ħsara li ssir mill-kriminalità organizzata hija partikolarment sinifikanti, inkluża l-frodi doganali; jinnota li l-frodi hija komponent sostanzjali tal-frodi tad-dħul; jinnota li dan it-tip ta' frodi ħafna drabi jitwettaq billi jiġu ffalsifikati d-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni, jintużaw dokumenti frawdolenti biex jiġu ddikjarati l-oġġetti, u billi l-oriġini tal-oġġetti tiġi ddikjarata b'mod falz biex jiġu evitati d-dazji anti-dumping tal-UE; jinnota li l-QEA dan l-aħħar enfasizzat nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni dwar il-kontrolli doganali u l-applikazzjoni tagħha, li jirriżultaw f'armonizzazzjoni, valutazzjoni tar-riskju u skambju ta' informazzjoni insuffiċjenti fl-Unjoni kollha u bejn l-Istati Membri; jinsab imħasseb li dan joħloq opportunitajiet għall-kriminalità organizzata biex tisfrutta d-dgħufijiet fis-sistema attwali u biex tiffroda lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha mill-introjtu; jinnota li l-frodi doganali hija wkoll ta' spiss imwettqa billi l-oġġetti importati fl-UE jiġu sottovalutati, u permezz ta' dan il-frodaturi jistgħu jevitaw li jħallsu rati ogħla ta' dazji fuq l-importazzjoni; jinnota li l-iskemi ta' sottovalutazzjoni investigati mill-OLAF f'dawn l-aħħar snin jikkonċernaw prinċipalment oġġetti importati miċ-Ċina; jilqa' l-ħidma li saret mill-OLAF fl-investigazzjoni ta' dawn il-każijiet; dan naqqas it-telf stmat tal-baġit tal-UE minn aktar minn EUR 1 biljun fl-2017 għal EUR 180 miljun fl-2020 (10); jissottolinja li minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, l-isforzi biex tiġi miġġielda l-frodi tas-sottovalutazzjoni jridu jkomplu, peress li l-iskemi ta' frodi qed jevolvu biex jiżviluppaw xejriet ġodda, b'mod partikolari fil-qasam tal-kummerċ elettroniku; |
|
3. |
Jinnota li l-frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) hija komponent ewlieni ieħor tal-frodi tad-dħul; jinnota li l-frodi tal-VAT hija definita bħala l-evitar tal-ħlas tal-VAT jew it-talba frawdolenti għall-ħlas lura tal-VAT mill-awtoritajiet nazzjonali wara katina illeċita ta' tranżazzjonijiet; jinnota li l-aktar forom komuni ta' frodi tal-VAT huma l-frodi intra-Komunitarja b'negozjant nieqes, il-frodi tal-kummerċ elettroniku, u l-frodi kontra l-proċedura doganali 42; jirrimarka li s-settur tal-fjuwil huwa wieħed mis-setturi l-aktar f'riskju mill-frodi tal-VAT, fejn in-networks kriminali jabbużaw mir-regoli dwar l-eżenzjoni mill-VAT u d-differenzi fil-prezzijiet bejn tipi differenti ta' fjuwil, u dan jirriżulta f'telf kbir fid-dħul mit-taxxa; jinsab imħasseb dwar il-fatt li ġie ppruvat li l-gruppi kriminali jiskambjaw l-għarfien, l-informazzjoni u l-intelligence fil-qasam tal-frodi tal-VAT, billi jagħmlu użu estensiv ta' teknoloġiji ġodda, kriptovaluti alternattivi u nuqqasijiet fl-istrutturi tan-negozju legali biex itejbu u jaħbu l-attivitajiet kriminali tagħhom, u b'hekk jiġġeneraw profitti ta' diversi biljuni ta' euro mill-frodi tal-VAT; jenfasizza l-fatt li, skont il-Valutazzjoni ta' Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata tal-Unjoni Ewropea (SOCTA) 2021 tal-Europol, il-frodi tal-VAT hija mwettqa minn persuni b'għarfien tajjeb tas-sistema tal-VAT, il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri tat-taxxa; iqis li huma ta' dispjaċir id-dgħufijiet sistemiċi tas-sistema kurrenti intra-Komunitarja tal-VAT u n-nuqqas ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri; |
|
4. |
Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li s-sussidji huma qasam affettwat mill-frodi min-naħa tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni; jinnota bi tħassib kbir li, skont ir-rapporti tal-Europol, l-għadd ta' każijiet bħal dawn żdied b'mod kostanti matul is-snin; jinnota li l-frodi tas-sussidji sseħħ f'ħafna oqsma tal-infiq tal-UE, bħall-politika agrikola, il-politika ta' koeżjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-politika ambjentali; jinnota bi tħassib li l-applikazzjonijiet frawdulenti għal għotjiet u offerti tal-UE normalment ikunu bbażati fuq dikjarazzjonijiet, rapporti ta' progress u fatturi foloz; jirrimarka li ħafna minn dawn l-attivitajiet frawdolenti jitwettqu minn gangs ta' kriminalità organizzata, inklużi gangs bi stil Mafjuż; |
|
5. |
Jinnota li minbarra l-perikli ovvji għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika ppreżentati mill-forom ta' vjolenza li huma xi ħaġa tipika fl-organizzazzjonijiet kriminali, il-kriminalità organizzata taf tikkawża problemi serji daqshom fil-forma tal-penetrazzjoni fl-ekonomija legali u kondotta assoċjata li tikkorrompi uffiċjali pubbliċi, bl-infiltrazzjoni konsegwenti fl-istituzzjonijiet u fl-amministrazzjoni pubblika; itenni l-appell tiegħu biex l-UE ssir membru sħiħ tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) mingħajr dewmien; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu pprovduti biżżejjed riżorsi għas-sistema ġudizzjarja u li l-għodod kollha disponibbli jintużaw b'mod koerenti fl-Istati Membri kollha biex jiġu identifikati u indirizzati l-frodi u l-kriminalità kemm finanzjarja kif ukoll ekonomika; |
|
6. |
Jenfasizza li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija l-akbar partita fil-baġit tal-UE u tirrappreżenta 31 % tan-nefqa baġitarja totali għall-perjodu 2021-2027; jisħaq li huwa vitali li s-sistemi ta' kontroll tal-PAK fil-livell tal-UE u nazzjonali jaħdmu b'mod xieraq sabiex jiżguraw li l-interessi finanzjarji tal-UE u ċ-ċittadini tagħha jkunu protetti b'mod effettiv minn kwalunkwe użu ħażin tal-fondi tal-UE; jieħu nota tal-impatt speċjali tal-kriminalità organizzata fl-użu ħażin tal-fondi tal-PAK; itenni t-tħassib tiegħu li l-istruttura kurrenti tas-sussidji tal-PAK tinċentiva l-ħtif tal-art minn strutturi kriminali u oligarkiċi; jisħaq li l-istrutturi oligarkiċi, meta mqabbla mal-gangs tal-kriminalità organizzata, huma ugwalment jew aktar finanzjarjament detrimentali għall-PAK, u li l-identifikazzjoni ta' dawn l-istrutturi hija essenzjali għall-protezzjoni tal-bdiewa ġenwini; jissottolinja li l-bdiewa jeħtiġilhom ikunu protetti mill-intimidazzjoni minn gangs kriminali li jfittxu li jitolbu sussidji għall-art tagħhom; jisħaq li trasparenza limitata flimkien mal-korruzzjoni tippermetti lill-organizzazzjonijiet kriminali jżommu l-azzjonijiet tagħhom fejn ma jidhrux u jipprevjenu l-finanzjament tal-UE milli jilħaq lill-benefiċjarji intenzjonati tiegħu; itenni li l-iżvilupp ta' strumenti legali xierqa fil-livell tal-Unjoni kontra l-ħtif tal-art u l-kondiviżjoni effettiva tal-informazzjoni abilitanti huma kruċjali f'dan ir-rigward; itenni bil-qawwa l-ħtieġa ta' kooperazzjoni mtejba bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; |
|
7. |
Jisħaq li l-istabbiliment ta' bażi tad-data interoperabbli ċentralizzata b'data standardizzata u ta' kwalità għolja li turi l-benefiċjarji diretti u finali tas-sussidji tal-UE huwa kruċjali sabiex jiġu identifikati l-frodaturi, in-networks kriminali u l-istrutturi oligarkiċi, u biex jiġu pprevenuti milli jużaw ħażin il-fondi tal-UE; jenfasizza li tali bażi tad-data tagħti spinta sostanzjali lill-kapaċità tal-infurzar tal-liġi biex il-fondi użati ħażin jiġu rkuprati; jissottolinja li sabiex tinħoloq bażi tad-data bħal din, trid tittejjeb l-interoperabbiltà bejn il-bażijiet tad-data nazzjonali eżistenti u dawk fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw fil-ħolqien ta' tali bażi tad-data ċentralizzata f'konformità mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja; jenfasizza li l-informazzjoni trid tkun ta' kwalità adegwata u disponibbli f'format standardizzat, sabiex tkun tista' tiġi skambjata u aggregata b'mod awtomatizzat; jissottolinja li l-benefiċjarji jrid ikollhom identifikatur uniku li jiżgura t-traċċabbiltà tagħhom fl-Istati Membri kollha u l-fondi, indipendentement mill-metodu ta' ġestjoni; jenfasizza li l-użu ta' teknoloġiji ġodda, bħal reġistri diġitali komprensivi tal-artijiet, huwa essenzjali fit-tisħiħ tat-trasparenza, il-ġbir effettiv tad-data u l-mitigazzjoni tar-riskju, u b'hekk fl-aħħar mill-aħħar jitnaqqsu l-opportunitajiet għall-frodaturi; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex twessa' l-użu ta' teknoloġiji bħal dawn u jistieden lill-Istati Membri kollha biex iħaffu l-implimentazzjoni ta' dawn is-soluzzjonijiet; jindika l-ħtieġa ta' skrutinju akbar mill-Kummissjoni jew mill-aġenziji rilevanti, inkluż fir-rigward tal-bhejjem, u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-fondi mogħtija għal kull ras ta' baqar, li l-eżistenza attwali tagħhom trid tiġi vverifikata kif xieraq; |
|
8. |
Jirrimarka li l-konċentrazzjoni tal-appoġġ għall-introjtu agrikolu hija prinċipalment xprunata minn pagamenti diretti bbażati fuq l-erja; jissottolinja l-ħtieġa ta' appoġġ aktar immirat u bilanċ aħjar bejn benefiċjarji kbar u żgħar fil-livell tal-Istati Membri; jiddispjaċih li l-limitu massimu jibqa' volontarju fil-PAK il-ġdida; jistieden lill-Istati Membri jużaw l-għodod ridistributtivi differenti fi ħdan il-PAK il-ġdida bħala miżura kontra l-użu ħażin tal-fondi agrikoli u għad-distribuzzjoni aktar ġusta tagħhom; jikkritika l-fatt li, fil-Kunsill Ewropew Speċjali ta' Lulju 2020, l-Istati Membri unilateralment iddeċidew li ma jintroduċux ammonti massimi għal persuni fiżiċi taħt l-ewwel jew it-tieni pilastru, filwaqt li antiċipaw deċiżjoni fin-negozjati tat-trilogu dwar ir-riforma tal-PAK; |
|
9. |
Jenfasizza li l-Istati Membri huma responsabbli għall-fondi agrikoli tal-UE taħt ġestjoni kondiviża mal-Kummissjoni; iqis li l-mudell ta' implimentazzjoni l-ġdid u l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali l-ġodda jistgħu jkunu opportunità biex jissaħħu l-kontrolli mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tad-distribuzzjoni u l-ġestjoni tal-fondi, sakemm l-Istati Membri jkollhom sistemi ta' ġestjoni u kontroll effettivi stabbiliti, u biex titqajjem kuxjenza fost l-awtoritajiet responsabbli għall-konċessjoni ta' għotjiet dwar l-opportunitajiet ta' frodi; jenfasizza li l-prinċipju ta' awditu uniku għandu jgħin biex tittaffa l-pressjoni fuq il-bdiewa u li l-kontrolli m'għandhomx jirriżultaw f'piż amministrattiv żejjed jew addizzjonali għall-bdiewa żgħar u ta' daqs medju; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza ta' skambji bejn l-atturi tal-infurzar tal-liġi Ewropej u l-awtoritajiet ta' rilaxx tal-finanzjament sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta' għarfien minn qabel ta' frodi possibbli; |
|
10. |
Jistieden lill-Kummissjoni żżid is-sensibilizzazzjoni tal-Istati Membri dwar il-kriminali organizzati involuti fl-evażjoni tat-taxxa, il-korruzzjoni u l-prattiki illegali (bħal “pocket contracts”) b'rabta mat-tranżazzjonijiet tal-art, u tappoġġjahom fil-ġlieda kontra din il-kriminalità; |
|
11. |
Iqis li għandu jsir kull sforz biex jiġi żgurat li l-mudell ta' implimentazzjoni l-ġdid għall-PAK ma jirriżultax fi tnaqqis fil-livell ta' assorbiment tal-fondi tal-PAK mill-benefiċjarji finali b'konsegwenza ta' żbalji mhux intenzjonali, nuqqas ta' trasparenza fir-regoli jew nuqqas ta' informazzjoni adegwata, b'mod partikolari matul il-perjodu inizjali ta' implimentazzjoni; |
|
12. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' sistema ta' prevenzjoni tal-frodi mfassla b'mod speċifiku biex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin tal-fondi agrikoli tal-UE; jirrimarka li għalkemm l-għadd ta' każijiet ta' frodi tnaqqas b'mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar snin, il-miżuri kontra l-frodi għandhom jibqgħu prijorità għolja għall-UE u l-Istati Membri; jissottolinja li l-fondi tal-UE jridu jiġu rkuprati fil-ħin u jilqa' d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regolament orizzontali tal-PAK dwar il-penali proporzjonati bħala deterrenti effettivi; |
|
13. |
Jinnota li l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) huwa responsabbli għall-ġlieda kontra l-frodi fil-pagamenti tal-PAK, u li każijiet miftuħa huma bbażati fuq informazzjoni mill-Istati Membri jew rapporti minn membri tal-pubbliku li ġew affettwati u li mbagħad jistgħu jiffaċċjaw ritaljazzjoni; jenfasizza, barra minn hekk, li l-każijiet tal-OLAF huma kunfidenzjali ħafna u mhumiex ippubbliċizzati b'mod wiesa' meta jingħalqu; jitlob, għalhekk, li l-informaturi jiġu protetti u li l-awtoritajiet tal-investigazzjoni tal-frodi fl-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki f'dan il-qasam; |
|
14. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu mmonitorjati l-aġenziji tal-pagamenti agrikoli fl-Istati Membri, li tiġi garantita l-indipendenza kemm formali kif ukoll informali tagħhom, u li l-ħidma tagħhom tinġieb f'konformità mar-regoli tal-UE, li fir-rigward tagħhom spezzjonijiet fuq il-post, fost miżuri oħra, jistgħu jwasslu għal sistema ta' kontroll aħjar; |
|
15. |
Jisħaq li r-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari l-Artikolu 61 tiegħu, irid jiġi rispettat u implimentat fl-Istati Membri kollha u jiġi applikat għall-pagamenti kollha tal-fondi tal-UE, inklużi l-pagamenti diretti għall-agrikoltura; |
|
16. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmu tal-ilmenti ċentralizzat fl-Unjoni kollha biex jappoġġja lil dawk l-individwi li jkollhom jittrattaw prattiki inġusti ta' ħtif tal-art u intimidazzjoni minn organizzazzjonijiet kriminali, billi jagħtihom l-opportunità li jressqu lment malajr mal-Kummissjoni; |
|
17. |
Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw malajr id-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (11) (id-Direttiva dwar l-Informaturi) u jinkludu, bħala parti mill-proċess ta' implimentazzjoni, salvagwardji legali għal individwi u korpi indipendenti li jikxfu l-korruzzjoni, inklużi ġurnalisti, informaturi, media indipendenti u NGOs li jaħdmu kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu oqfsa komprensivi għall-protezzjoni tal-informaturi; itenni l-urġenza ta' din it-talba minħabba r-rapporti taż-żieda fl-attakki fiżiċi kontra l-ġurnalisti, iż-żieda fil-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (kawżi SLAPP) u r-rikors għal liġijiet ta' sigurtà mgħoddija b'ħeffa f'ċerti Stati Membri, li jikkriminalizzaw it-tixrid ta' immaġnijiet ta' uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jew ta' data dwar tali uffiċjali, u b'hekk jimblukkaw il-ħidma tal-ġurnalisti u jillimitaw l-obbligu ta' rendikont tal-awtoritajiet nazzjonali; |
|
18. |
Jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni u l-OLAF identifikaw frodi fl-offerti pubbliċi u fl-akkwist bħala xejra ewlenija fost dawk li jwettqu l-frodi; jinnota li l-kollużjoni bejn l-individwi u l-organizzazzjonijiet, l-użu ta' fatturi foloz, il-ħolqien ta' kumpaniji u kredenzjali foloz, u d-direzzjoni mill-ġdid ta' fondi mill-iskop oriġinali tagħhom huma modi komuni biex jiddgħajfu l-proċeduri ta' akkwist pubbliku; jirrimarka li l-iskemi ta' frodi spiss isiru fuq livell transnazzjonali u jistgħu jkopru diversi pajjiżi (tal-UE u mhux tal-UE), u b'hekk ikunu diffiċli biex jiġu identifikati u eliminati; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li f'ħafna Stati Membri m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni speċifika kontra l-kriminalità organizzata; jenfasizza li l-kooperazzjoni f'waqtha bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi hija komponent ewlieni ta' rispons effettiv għall-kriminalità transnazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti tal-UE u nazzjonali jtejbu l-interoperabbiltà tas-sistemi tagħhom, jiffaċilitaw l-iskambju f'waqtu ta' informazzjoni u jsaħħu l-kooperazzjoni u l-operazzjonijiet konġunti biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata transnazzjonali; jitlob, għalhekk, li tissaħħaħ in-natura transnazzjonali tal-ġlieda kontra l-frodi u l-armonizzazzjoni tal-liġijiet kriminali fl-Istati Membri għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, li hija ta' importanza vitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas ta' regoli komuni li jippermetti lill-Istati Membri jittrasferixxu l-proċedimenti kriminali lejn Stat Membru ieħor sabiex jiġu evitati investigazzjonijiet paralleli; |
|
19. |
Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 toħloq opportunitajiet ġodda għall-frodaturi u għall-kriminalità organizzata; jinnota bi tħassib li l-Europol osservat żieda fl-attivitajiet kriminali relatati mal-coronavirus fil-forma ta' ċiberkriminalità, frodi u falsifikazzjoni, inkluża dik tat-tagħmir mediku u t-tagħmir ta' protezzjoni personali (PPE); ifakkar fil-prattiki qarrieqa u l-offerti foloz ta' vaċċini identifikati mill-pajjiżi tal-UE, bħala wieħed minn ħafna eżempji dannużi, li fihom il-frodaturi ppruvaw ibigħu aktar minn 1,1 biljun doża ta' vaċċini għal prezz totali ta' aktar minn EUR 15,4-il biljun; jenfasizza li t-theddida ta' bejgħ illeċitu ta' ċertifikati diġitali foloz tal-COVID-19 qed tikber b'mod rapidu, b'għadd ta' eżempji li ġew identifikati f'diversi Stati Membri; |
|
20. |
Jinsab imħasseb dwar il-valutazzjoni tar-Rapport PIF, li sab li seba' Stati Membri identifikaw frodi b'relazzjoni mal-infrastruttura tas-saħħa fl-2019 u li l-infrastruttura tas-saħħa kienet partikolarment affettwata mill-ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku; jirrimarka li d-dipendenza mill-proċeduri ta' akkwist ta' emerġenza b'reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19 setgħet aggravat dawn il-problemi; jenfasizza li l-proċeduri ta' emerġenza jridu jirrispettaw l-istess standards ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont bħall-proċeduri regolari; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jikkomplementaw dawn il-proċeduri permezz tal-użu ta' għodod ta' mitigazzjoni tar-riskju, b'enfasi fuq il-prevenzjoni, kif ukoll permezz ta' kontrolli u skrutinju komprensivi ex post; |
|
21. |
Jinsab imħasseb ferm bl-aspettattiva tal-Europol li r-reċessjoni ta' wara l-pandemija se toħloq opportunitajiet ġodda għall-kriminalità organizzata; iwissi li hekk kif il-kriminalità organizzata ssegwi l-flus, iż-żieda bla preċedent fl-infiq tal-UE fil-kuntest tal-pjan ta' rkupru ta' NextGenerationEU toffri potenzjal kbir għall-użu ħażin tal-fondi mill-kriminalità organizzata; jenfasizza li din iż-żieda bla preċedent fl-infiq trid tiġi koperta b'riżorsi xierqa, li għandhom jiġu allokati lill-istituzzjonijiet rilevanti li jikkostitwixxu l-oqfsa tal-UE u nazzjonali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi u l-kriminalità organizzata; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-użu ta' teknoloġiji ġodda, bħall-bażi tad-data Arachne u s-sistema ta' identifikazzjoni bikrija u ta' esklużjoni (EDES), għandhom isiru elementi obbligatorji tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jaqbel dwar iż-żieda ta' 40 kariga ta' awditur fil-QEA, u l-appell tiegħu lill-OLAF u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) biex jiżguraw li jallokaw biżżejjed riżorsi għall-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta' attivitajiet kriminali mmirati lejn NextGenerationEU; |
|
22. |
Jisħaq li l-kriminali organizzati, b'mod partikolari l-kriminali tat-tip mafjuż, huma diġà magħrufa li fil-passat iddiriġew in-negozju tagħhom lejn l-enerġija rinnovabbli; iwissi li, peress li huma diġà attivi f'dan is-settur, l-organizzazzjonijiet kriminali jistgħu faċilment jinterċettaw il-fondi allokati għat-tranżizzjoni ekoloġika, li jammontaw għal perċentwal sinifikanti tal-fondi ta' NextGenerationEU; |
|
23. |
Jieħu nota bi tħassib tal-faċilitaturi tal-kriminalità organizzata, bħall-ħasil tal-flus, iċ-ċiberkriminalità, il-frodi tad-dokumenti, il-korruzzjoni, reġistrazzjoni falza u l-użu ta' kumpaniji fittizji; jisħaq li dawn l-azzjonijiet għandhom impatt fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet li janalizzaw bir-reqqa u b'mod effettiv jekk il-flus tal-UE jintefqux kif maħsub; |
Stimi tal-impatt finanzjarju tal-kriminalità organizzata
|
24. |
Jinsab imħasseb li l-kompitu tal-istima tal-firxa u s-severità tal-impatt tal-kriminalità organizzata fuq il-baġit tal-UE ġie ripetutament iġġudikat bħala estremament diffiċli jew saħansitra impossibbli, minħabba, fost raġunijiet oħra, id-definizzjonijiet differenti tal-kriminalità organizzata fost l-Istati Membri u n-nuqqas ta' stimi affidabbli b'rabta mal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni, u dan ikkomplika l-isforzi għall-koordinazzjoni tal-miżuri u l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-każijiet; jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx għarfien dwar l-iskala, in-natura u l-kawżi tal-frodi, u sal-lum għadhom ma għamlux valutazzjonijiet konsistenti tal-frodi mhux identifikata; jisħaq li n-nuqqas ta' stimi affidabbli jipprevjeni valutazzjoni preċiża tas-sitwazzjoni, u dan ixxekkel il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jtejbu l-ġbir tad-data u jżidu l-affidabbiltà tad-data kkomunikata lill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina u tikkollabora mal-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex twettaq valutazzjoni komprensiva fl-UE kollha dwar id-daqs reali, in-natura u l-kawżi tal-frodi, bl-involviment tal-aġenziji rilevanti tal-UE u l-kollaborazzjoni mas-sħab mill-pajjiżi ġirien tal-UE; |
|
25. |
Jinnota li r-Rapport PIF tal-2019 kellu 514 irregolarità frawdulenti fuq in-naħa tan-nefqa b'valur finanzjarju ta' EUR 381,4 miljun, u 425 irregolarità frawdulenti fuq in-naħa tad-dħul, li jammontaw għal EUR 79,7 miljun; jenfasizza li dawn iċ-ċifri ma jkoprux il-firxa vera ta' frodi, li x'aktarx tkun ferm akbar; jenfasizza wkoll li mhux il-frodi kollha titwettaq minn gangs ta' kriminalità organizzata, speċjalment min-naħa tan-nefqa, fejn il-frodi spiss titwettaq minn individwi jew kumpaniji individwali u tista' wkoll tinkludi uffiċjali pubbliċi jew uffiċjali tal-gvern ta' livell għoli; |
|
26. |
Jinnota li skont studji reċenti, il-penetrazzjoni tal-kriminalità organizzata tal-akkwist pubbliku tal-UE tinsab bejn 2,7 % u 3,6 % tal-infiq totali; jesprimi dispjaċir għall-fatt li dan jindika li mill-2014 sal-2020, bejn EUR 1,9 biljun u EUR 2,6 biljun ta' Fondi ta' Koeżjoni tal-UE setgħu ġew miżapproprjati mill-kriminalità organizzata; jinnota li filwaqt li l-limitazzjonijiet tad-data jħallu impatt fuq l-affidabbiltà ta' dawn l-istimi, dawn xorta jagħtu indikazzjoni tal-gravità tal-problema; |
|
27. |
Jisħaq bi tħassib li l-korruzzjoni hija parti integrali mill-attivitajiet kważi kollha tal-organizzazzjonijiet kriminali u li thedded b'mod serju l-interessi finanzjarji tal-UE, b'telf stmat fil-PDG li jvarja bejn EUR 170 biljun u EUR 990 biljun u spiża għall-UE ta' aktar minn EUR 5 biljun fis-sena għall-parti tal-baġit tal-akkwist pubbliku biss (12); |
|
28. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li skont il-Europol, madwar EUR 40 biljun sa EUR 60 biljun jintilfu kull sena għall-gruppi tal-kriminalità organizzata permezz ta' forma speċifika ta' frodi tal-VAT, jiġifieri frodi intra-Komunitarja b'negozjant nieqes (MTIC); jenfasizza li l-biċċa l-kbira tat-telf tal-VAT jiġġarrab mill-Istati Membri, peress li 0,3 % biss tal-VAT miġbura tiġi ttrasferita għall-baġit tal-UE; jenfasizza li, madankollu, ir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT kienu jikkostitwixxu 11,97 % tad-dħul totali mill-baġit tal-UE fl-2019, li jindika li t-telf tal-VAT ikkawżat minn organizzazzjonijiet kriminali għandu impatt serju fuq id-dħul tal-UE; |
Miżuri ta' awditjar u kontroll kontra l-kriminalità organizzata
|
29. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni identifikat nuqqasijiet fil-ġbir u fl-analiżi tagħha tad-data fil-ġlieda kontra l-frodi, fl-użu ta' sistemi ta' rapportar (bħas-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni (EDES) u Arachne) mill-Istati Membri, u fil-fluss tal-informazzjoni; jinnota li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-kriminalità transfruntiera ġiet aġġornata biss dan l-aħħar u ma tkoprix l-awtoritajiet rilevanti kollha, u b'hekk tfixkel skambju effettiv ta' informazzjoni bejn il-korpi tal-UE u l-Istati Membri; |
|
30. |
Iqis id-Direttiva PIF bħala pass importanti lejn il-protezzjoni tal-baġit tal-UE, peress li tipprovdi definizzjoni komuni ta' reati kriminali u l-użu ħażin tal-fondi, u l-armonizzazzjoni ta' sanzjonijiet għal reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE; japprezza li d-direttiva tistabbilixxi proċeduri ċari ta' rapportar u investigazzjoni, tiddefinixxi l-monitoraġġ tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju ta' frodi u tippromwovi l-użu ta' informazzjoni, ta' bażijiet tad-data u ta' analitika tad-data mill-Istati Membri; jilqa' l-valutazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva PIF u l-fatt li l-Istati Membri kollha pprovdew notifika tat-traspożizzjoni sħiħa tagħhom tad-Direttiva PIF (13); jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-grad sa fejn id-direttiva ġiet trasposta fil-liġi nazzjonali; ifakkar li l-Kummissjoni identifikat kwistjonijiet ta' konformità f'diversi Stati Membri; jinnota li dawn il-kwistjonijiet jikkonċernaw, fost l-oħrajn, id-definizzjoni ta' reati kriminali (“frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, “ħasil tal-flus”, “korruzzjoni”, “miżapproprjazzjoni”), ir-responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi u fiżiċi u s-sanzjonijiet kontrihom, u l-obbligu tal-Istati Membri li jirrapportaw data statistika kull sena lill-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jallinjaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mar-rekwiżiti tad-Direttiva PIF u jħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-konformità tal-Istati Membri, peress li t-traspożizzjoni xierqa hija ta' importanza vitali biex tippermetti lill-UPPE jwettaq investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet effettivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura traspożizzjoni korretta u komprensiva, inkluża l-possibbiltà ta' proċeduri ta' ksur; |
|
31. |
Jilqa' t-twaqqif tal-UPPE, bil-mandat tiegħu li jinvestiga, li jressaq għall-prosekuzzjoni, li jressaq reati kontra l-baġit tal-UE, bħala assi importanti fil-ġlieda kontra l-frodi u l-kriminalità organizzata fl-UE; jitlob finanzjament effettiv u l-allokazzjoni xierqa tar-riżorsi umani għall-UPPE; iqis li r-rwol tal-UPPE huwa partikolarment promettenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera relatata mal-baġit tal-Unjoni, peress li l-awtoritajiet nazzjonali huma limitati bil-fruntieri tagħhom fil-prosekuzzjoni tagħhom u korpi oħra tal-UE (bħall-Eurojust, l-Europol u l-OLAF) ma għandhomx is-setgħat investigattivi u ta' prosekuzzjoni meħtieġa; jinnota li l-enfasi tal-mandat tal-UPPE hija definita fid-Direttiva PIF u tinkludi l-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq u d-dħul tal-UE, il-frodi tal-VAT, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u l-parteċipazzjoni f'organizzazzjonijiet kriminali; jenfasizza li dawn il-punti fokali huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, u jittama li l-UPPE għalhekk se jkun għodda effettiva għall-ġlieda kontra l-organizzazzjonijiet kriminali li għandhom impatt fuq il-baġit tal-UE; jiddispjaċih li ħames Stati Membri għadhom ma ngħaqdux mal-UPPE u jistedinhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jingħaqdu miegħu; jistieden lill-Kummissjoni, fil-frattemp, iżżid is-superviżjoni ta' dawk l-Istati Membri; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' nomini ta' prosekuturi delegati Ewropej, b'mod partikolari mis-Slovenja, u dewmien konsiderevoli f'ħafna Stati Membri oħrajn; jenfasizza li dan idgħajjef b'mod sever l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ġlieda effettiva tal-UPPE kontra l-kriminalità transfruntiera; |
|
32. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati aħjar ir-reati ambjentali b'dimensjoni transfruntiera u li jaffettwaw il-bijodiversità u r-riżorsi naturali, bħall-kummerċ illegali ta' pjanti u annimali, il-qtugħ illegali tas-siġar u t-traffikar tal-injam, u t-traffikar illegali tal-iskart; jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għall-estensjoni tal-mandat tal-UPPE sabiex jiġu koperti r-reati ambjentali transfruntiera; |
|
33. |
Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-Kummissjoni stabbiliet pjan tal-persunal għall-UPPE li ma jippermettilux jissodisfa l-mandat tiegħu b'mod effiċjenti; jissottolinja li huwa meħtieġ persunal adegwat sabiex l-UPPE jkun jista' jwettaq il-kompitu ewlieni tiegħu, jiġifieri l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera li taffettwa l-baġit tal-UE; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-UPPE bħalissa huwa mgħammar b'għadd insuffiċjenti ta' analisti tal-każijiet u investigaturi finanzjarji biex jappoġġjaw l-attivitajiet ta' prosekuzzjoni tal-prosekuturi delegati Ewropej; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-persunal operattiv tal-UPPE bħalissa huwa prinċipalment iffukat fuq ir-reġistrazzjoni ta' każijiet u mhux fuq il-prosekuzzjoni tagħhom; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-UPPE indika nuqqas urġenti ta' esperti legali u tal-IT kwalifikati addizzjonali, kif ukoll persunal amministrattiv biex l-operazzjonijiet ikunu jistgħu jiffunzjonaw mingħajr xkiel; jenfasizza li minbarra l-ammont ta' każijiet annwali tiegħu ta' 2 000 każ, l-UPPE jeħtieġlu jittratta ammont pendenti ta' aktar minn 3 000 każ; jinsab imħasseb li l-ammont ta' xogħol tal-UPPE se jkompli jiżdied fis-snin li ġejjin fid-dawl tal-ammonti mingħajr preċedent mobilizzati permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-aċċellerazzjoni tal-proċeduri ta' akkwist matul il-kriżi tal-COVID-19; jenfasizza li l-pjan tal-persunal tal-Kummissjoni għall-UPPE għall-2022 mhuwiex biżżejjed biex jirrimedja n-nuqqasijiet identifikati mill-UPPE; jenfasizza li meta l-UPPE jkun kompletament funzjonali, il-benefiċċji tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni tal-baġit tal-UE se jeċċedu l-ispejjeż tiegħu; jistieden bis-sħiħ lill-Kummissjoni żżid il-baġit u l-persunal kwalifikat disponibbli għall-UPPE sabiex ikun jista' jikseb il-potenzjal sħiħ tiegħu fil-ġlieda kontra l-kriminalità; |
|
34. |
Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE biex tiġi indirizzata l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 u l-enfasi tagħha fuq it-tisħiħ ta' skambju ta' informazzjoni effettiv u f'waqtu bejn il-korpi tal-UE u l-Istati Membri, pereżempju permezz ta' interoperabbiltà aħjar bejn is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE u l-iżgurar ta' konnessjoni ma' bażijiet tad-data rilevanti fl-Istati Membri; japprezza l-impenn tal-Kummissjoni li tissimplifika l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u li tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tal-għodod eżistenti, bħall-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT); jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li ttejjeb l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-Europol, il-Eurojust u pajjiżi mhux tal-UE; |
|
35. |
Jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-prevenzjoni tal-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata fl-ekonomija legali, pereżempju billi jiġi rieżaminat il-Qafas tal-UE Kontra l-Ħasil tal-Flus u r-regoli eżistenti tal-UE kontra l-korruzzjoni; jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-adattament tal-infurzar tal-liġi għall-era diġitali; |
|
36. |
Jinnota li l-ħasil tal-flus jippermetti lill-kriminali jżommu l-profitti tagħhom mhux identifikati, u li l-offerta ta' servizzi ta' ħasil tal-flus fiha nnifisha saret negozju profittabbli għall-organizzazzjonijiet kriminali; jenfasizza li dan għandu impatt sinifikanti fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri, peress li 98 % tar-rikavati kriminali stmati ma jiġux ikkonfiskati u jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-kriminali; jemmen li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus hija kruċjali għall-prevenzjoni tal-użu ħażin tal-fondi minn organizzazzjonijiet kriminali; jinsab imħasseb ħafna dwar is-sejbiet tal-QEA (14) li l-azzjonijiet tal-UE għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus huma frammentati u kkoordinati ħażin, li l-qafas legali eżistenti huwa inkonsistenti u għadu mhux kompletament traspost fl-Istati Membri kollha u li dan jista' jiġi sfruttat mill-kriminali; ifaħħar lill-Kummissjoni dwar il-pakkett leġiżlattiv il-ġdid li għandu l-għan li jirrevedi l-qafas dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus/il-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML/CTF), sett uniku ta' regoli li jirrappreżenta pass kbir 'il quddiem fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u li se jippermetti l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus/il-Finanzjament tat-Terroriżmu; |
|
37. |
Jilqa', b'mod partikolari, il-proposta għall-ħolqien ta' aġenzija ġdida tal-UE, l-Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA), u jenfasizza li l-AMLA għandha tingħata riżorsi umani u finanzjarji adegwati sabiex tkun kompletament funzjonali; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-istabbiliment tal-AMLA mhuwiex antiċipat qabel l-2023 u li mhux se jkun kompletament operattiv sal-2026; jissottolinja li l-kwistjonijiet attwali fir-rigward tal-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus/il-Finanzjament tat-Terroriżmu huma ta' natura urġenti u ma jippermettux li jintilef aktar ħin; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta miżuri konkreti biex tindirizza l-kwistjonijiet attwali qabel ma l-AMLA ssir kompletament operattiva; |
|
38. |
Jilqa', barra minn hekk, il-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni dwar il-kriptoassi, settur fil-biċċa l-kbira mhux regolat sfruttat b'mod wiesa' minn kriminali organizzati, li jmexxu flussi kbar ta' flus illeċiti b'impunità fis-suq tal-kriptovaluti; ifakkar li l-anonimità ta' ċerti kriptovaluti qed twassal għal żieda fl-użu tagħhom għal attivitajiet illeġittimi; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-kumpaniji tal-kriptovaluti jużaw l-istrumenti ta' analiżi biex jivvalutaw l-attività kriminali potenzjali assoċjata mad-destinazzjoni u mal-indirizzi tad-destinatarji u jiżguraw li japplikaw b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus meta l-utenti jsarrfu l-kriptovaluti f'valuta reali; jisħaq li l-muniti kriptografiċi jridu jkunu soġġetti għall-istess korpi superviżorji bħall-muniti tradizzjonali; |
|
39. |
Jinnota li l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja (UIF) għandhom rwol ewlieni fid-detezzjoni ta' każijiet ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu transfruntiera (ML/TF); jinnota li fl-UE, l-UIF joperaw fuq livell nazzjonali u li l-Kummissjoni sabet li l-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni fost l-UIF nazzjonali ma kinux biżżejjed (15); jiddispjaċih li hemm differenzi fl-ammont u t-tip ta' data skambjata bejn l-UIF; jinnota li dan ifixkel il-kooperazzjoni bejniethom, u li dan min-naħa tiegħu għandu impatt negattiv fuq il-kapaċità tagħhom li jidentifikaw u jressqu għall-prosekuzzjoni l-kriminalità transfruntiera fil-ħin; |
|
40. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-approċċi nazzjonali biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata jvarjaw b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri f'termini ta' leġiżlazzjoni, strateġiji u kapaċità operazzjonali; jinnota li dan huwa parzjalment dovut għal livelli differenti ta' adozzjoni u implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jinsab imħasseb dwar ir-rwol u l-kapaċitajiet differenti tas-Servizzi ta' Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS) fl-Istati Membri, possibbilment minħabba li l-leġiżlazzjoni tal-UE ma tiddefinix il-mandat tagħhom b'mod preċiż biżżejjed u tikkomplika l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-isforzi biex tiġi miġġielda l-frodi li tinvolvi l-fondi tal-UE għandhom it-tendenza li ma jiġux prijoritizzati bl-istess mod bħall-frodi li tinvolvi l-infiq nazzjonali; dan huwa enfasizzat mill-fatt li aktar minn nofs l-investigazzjonijiet tal-OLAF mhumiex segwiti mill-Istati Membri u saħansitra inqas jilħqu l-istadju tal-prosekuzzjoni; jiddispjaċih ħafna li xi Stati Membri kontinwament jagħżlu li ma jimplimentawx ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF wara l-konklużjoni ta' investigazzjoni u ma jnidux azzjonijiet ġudizzjarji bil-għan li jirkupraw il-fondi tal-UE li jkunu ġew iffrodati; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-prerogattivi tagħha u tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-implimentazzjoni korretta u f'waqtha tal-leġiżlazzjoni tal-UE; |
|
41. |
Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li riċerka reċenti tindika li xi Stati Membri ma jipprijoritizzawx il-frodi li tinvolvi l-fondi tal-UE bl-istess mod bħall-frodi li taffettwa l-infiq domestiku; jinnota li għalkemm il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali kontra l-frodi (NAFS), 13-il Stat Membru biss għamlu dan u l-ebda wieħed minnhom ma uża l-mudell ipprovdut mill-Kummissjoni; jinnota bi tħassib li dawn id-differenzi bejn l-Istati Membri joħolqu ostakli għal kooperazzjoni effiċjenti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tieħu azzjoni aktar determinata bil-għan li tagħmilha obbligatorja għall-Istati Membri li jistabbilixxu regoli għall-prevenzjoni tal-frodi kontra l-UE; |
Konklużjonijiet
|
42. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ komuni għall-valutazzjoni tal-impatt tal-kriminalità organizzata fuq il-fondi tal-UE u tevalwa l-effikaċja tal-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata l-problema fl-Istati Membri kollha; iqis bħala kruċjali skambju f'waqtu, komplut u effettiv ta' informazzjoni, u jtenni għalhekk, l-importanza tal-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet sabiex tinkiseb data komparabbli fil-korpi u fl-Istati Membri tal-UE biex jiġi stmat l-impatt tal-attivitajiet tal-kriminalità organizzata fuq il-finanzi tal-UE u azzjoni rapida biex dan jiġi miġġieled; |
|
43. |
Jinsab imħasseb li s-sistema attwali ta' approċċi nazzjonali differenti tipprevjeni approċċ effettiv u transfruntier biex tiġi indirizzata l-problema, u dan jagħti lill-kriminali opportunità li jkomplu bl-azzjonijiet tagħhom mingħajr ma jinżammu responsabbli; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib mal-korpi tal-UE u ma' xulxin u jagħmlu użu mill-għodod u mis-servizzi tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata sabiex jimmassimizzaw l-iskambju tad-data u jiffaċilitaw l-operazzjonijiet transfruntiera li jimmiraw lejn attivitajiet ta' kriminalità organizzata kontra l-baġit tal-UE; |
|
44. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw użu aktar koerenti tal-għodod kollha disponibbli biex jidentifikaw u jindirizzaw il-frodi, b'mod partikolari l-pjattaforma tal-IT Arachne u l-EDES; jenfasizza li l-interoperabbiltà tal-Arachne, tal-EDES u tal-bażijiet tad-data istituzzjonali u nazzjonali hija kruċjali biex jiġi żgurat l-iskambju effettiv tal-informazzjoni mmirat lejn il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi kontra l-baġit tal-UE; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-Arachne u l-EDES bħalissa huma limitati fl-ambitu tagħhom u fl-għarfien u l-użu tagħhom mill-Istati Membri; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-EDES tkopri fondi ġestiti direttament u indirettament iżda mhux fondi taħt ġestjoni kondiviża, minkejja li dawn tal-aħħar jirrappreżentaw madwar 80 % tan-nefqa tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni testendi l-applikazzjoni tal-EDES għal dawn il-fondi; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u, b'mod partikolari, lill-Istati Membri fil-Kunsill, biex jagħmlu l-użu tal-Arachne obbligatorju; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid il-qafas għall-iskambju tad-data fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE u mal-Istati Membri, sabiex timmassimizza l-grad ta' skambju effettiv ta' informazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tirrispetta r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data; |
|
45. |
Jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri billi tipprovdi taħriġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex tarmahom b'għarfien adegwat għall-użu ta' għodod bħall-EDES u l-Arachne bl-aktar mod effettiv possibbli u f'konformità mal-istandards ta' rapportar tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tanalizza d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-awtoritajiet nazzjonali meta jużaw l-EDES u l-Arachne u biex toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi u ttejjeb il-linji gwida ġenerali eżistenti u l-faċilità tal-użu ta' dawn l-għodod; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li xi Stati Membri jopponu l-użu ta' dawn l-għodod minħabba l-biża' ta' żieda fil-piż burokratiku; jenfasizza li meta jiġu integrati kif xieraq, dawn l-għodod jistgħu fil-fatt inaqqsu l-burokrazija; jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom dwar din il-kwistjoni u lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha aktar fil-promozzjoni tal-vantaġġi tal-EDES u l-Arachne lill-Istati Membri; jitlob l-introduzzjoni ta' skemi ta' taħriġ kontra l-ħasil tal-flus li jippermettu lill-awtoritajiet jidentifikaw ir-riskju ta' frodi potenzjali qabel ma jiġu żborżati l-fondi, b'mod partikolari fil-qasam ta' “kun af il-klijent tiegħek” u l-involviment mhux żvelat ta' persuni esposti politikament f'sussidji, proġetti u għotjiet tal-PAK; |
|
46. |
Iqis ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (16) (Regolament CPR), li jistabbilixxi regoli komuni applikabbli għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond ta' Koeżjoni, bħala element importanti ieħor għall-prevenzjoni tal-użu ħażin tal-fondi tal-UE mill-kriminalità organizzata; |
|
47. |
Jenfasizza li pass importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata qed jagħmilha anqas profittabbli; ifakkar f'dan ir-rigward fil-ħidma tal-OLAF, li l-investigazzjonijiet tiegħu huma għodda kruċjali fil-ġlieda kontra l-frodi; jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li r-rata ta' akkuża wara r-rakkomandazzjonijiet mill-OLAF lill-Istati Membri hija baxxa u ssegwi xejra 'l isfel, wara li naqset minn 53 % fil-perjodu 2007-2014 għal 37 % fil-perjodu 2016-2020; jinnota wkoll li l-punt sa fejn l-ammonti finanzjarji rrakkomandati għall-irkupru fil-fatt jiġu rkuprati ma ġiex ivvalutat f'dawn l-aħħar snin, u li l-aktar valutazzjoni reċenti li tkopri s-snin 2002 sa 2016 tindika rata ta' rkupru ta' 30 %; jistieden lill-OLAF u lill-Kummissjoni jinvestigaw ir-raġunijiet sottostanti u lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligu legali tagħhom li jirkupraw il-fondi u jikkooperaw mill-qrib mal-korpi tal-Unjoni biex jiżguraw li l-fondi użati ħażin mill-kriminalità organizzata jiġu rkuprati b'mod effettiv, peress li 98 % tar-rikavati kriminali stmati ma jiġux ikkonfiskati u jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-kriminali; jistieden lill-OLAF jiġbor informazzjoni dwar ir-rata ta' rkupru wara r-rakkomandazzjonijiet finanzjarji tiegħu u jippubblika din l-informazzjoni fir-rapporti annwali tiegħu; huwa tal-fehma li azzjoni deċiżiva għall-irkupru ta' fondi, inkluż permezz ta' sekwestri preventivi jew ibbażati fuq il-valuri, tista' tiskoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet kriminali milli jwettqu frodi kontra l-UE, u b'hekk tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha; jistieden lill-Istati Membri jżidu r-rata ta' konfiska tal-fondi assoċjati mal-frodi, b'aktar enfasi fuq miżuri preventivi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tikkomplementa l-approċċ frammentat attwali lejn l-irkupru tal-assi permezz ta' korp għall-UE kollha inkarigat li jiżgura l-irkupru f'waqtu u effettiv tal-fondi tal-UE; |
|
48. |
Jemmen li l-prevenzjoni tal-frodi u l-ġlieda kontra l-frodi mwettqa mill-kriminalità organizzata għandhom ikunu objettiv prijoritarju għall-awtoritajiet ta' ġestjoni, ta' ċertifikazzjoni u ta' awditjar, kif ukoll għandhom ikunu s-suġġett ta' investigazzjonijiet finanzjarji speċjalizzati; jemmen li l-ġlieda kontra l-gruppi kriminali organizzati tirrikjedi wkoll regoli u miżuri msaħħa rigward l-iffriżar u l-konfiska tal-assi, inkluż, meta jkun xieraq, is-sekwestru temporanju ta' proprjetà ta' valur ekwivalenti għar-rikavat tal-kriminalità, bil-għan li l-partijiet ikkonċernati jiġu ostakolati milli jittrasferixxu dan ir-rikavat jew jiddisponu minnu qabel ma jiġu konklużi l-proċedimenti kriminali; jisħaq fuq l-importanza fundamentali li jsir kull sforz biex jiġu rkuprati l-fondi tal-UE miksuba permezz ta' frodi; jappoġġja bil-qawwa investigazzjonijiet aktar effettivi sabiex iħarbtu l-istrutturi tal-kriminalità organizzata u jisħaq li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom ikunu iżjed avvanzati mill-kriminali li kulma jmur qed jużaw teknoloġiji ġodda u jaħtfu kwalunkwe opportunità biex jespandu l-attivitajiet illegali tagħhom, online jew offline; |
o
o o
|
49. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.
(2) ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43.
(3) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(4) ĠU L 172, 17.5.2021, p. 110..
(5) ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.
(6) ĠU L 274, 28.10.2019, p. 1.
(7) https://www.oecd.org/gov/ethics/prevention-fraud-corruption-european-funds.pdf
(8) https://ec.europa.eu/sfc/sites/default/files/EN-ORI-General%20Guidelines%20on%20National%20Anti-Fraud%20Strategies%20ARES%282016%296943965.pdf
(9) Testi adottati, P9_TA(2021)0337.
(10) Rapport tal-OLAF 2020
(11) ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.
(12) Rand Europe, 2016, The Cost of Non-Europe in the area of Organised Crime and Corruption (Il-Kost tan-Non-Ewropa fil-qasam tal-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni): Anness II: Korruzzjoni.
(13) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2021)0536).
(14) Rapport Speċjali Nru 13/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: “L-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur bankarju huma frammentati u l-implimentazzjoni mhijiex suffiċjenti”.
(15) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2021)0190. Impact assessment accompanying the Anti-money laundering package (Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-pakkett kontra l-ħasil tal-flus), 20.07.2021.
(16) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għallAffarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).