EUR-Lex Acesso ao direito da União Europeia

Voltar à página inicial do EUR-Lex

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 52022XC0630(04)

Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ħajt ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, limitata għal Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd u ta’ bidu ta’ rieżami tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-ħajt ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina 2022/C 248/08

C/2022/4361

ĠU C 248, 30.6.2022, p. 107—118 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/107


Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ħajt ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, limitata għal Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd u ta’ bidu ta’ rieżami tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-ħajt ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2022/C 248/08)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ ħajt ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u prodotti minn Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd. u Hangzhou Huachun Chemical Fiber Co. Ltd (“il-produttur esportatur ikkonċernat”), qed jiġu ddampjati u b’hekk qed jikkawżaw jew jikkontribwixxu għal dannu materjali (2) lill-industrija tal-Unjoni.

1.   Lment

L-ilment tressaq fis-16 ta’ Mejju 2022 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fibri magħmula mill-bniedem (“CIRFS” jew “l-ilmentatur”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-ħjut ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

Verżjoni pubblika tal-ilment u analiżi ta’ kemm l-ilment ġie appoġġat mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 6.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.

2.   Prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja mhux ippreżentati għall-bejgħ bl-imnut, inkluż monofilament ta’ inqas minn 67 deċiteks (eskluż ħajt tal-ħjata u raden multiplu (mitwi) jew immaljat “Z”, maħsub għall-produzzjoni ta’ ħajt tal-ħjata, lest għaż-żbigħ u biex jirċievi trattament ta’ finitura, imdawwar b’mod ħafif fuq tubu mtaqqab tal-plastik) (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (3).

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazji anti-dumping definittivi imposti bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2017/325 (4) tal-24 ta’ Frar 2017, kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1159 (5) tad-29 ta’ Ġunju 2017. Bħalissa għaddejja reviżjoni tal-iskadenza (6) dwar dawn il-miżuri.

4.   Allegazzjoni ta’ dumping

Il-prodott li allegatament huwa oġġett ta’ dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”) bħalissa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 5402 20 00 (il-kodiċi TARIC 5402 2000 10). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss, bla ħsara għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. L-ambitu ta’ din l-investigazzjoni huwa soġġett għad-definizzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat kif tinsab fit-Taqsima 2.

L-ilmentatur sostna li mhuwiex xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-ispejjeż domestiċi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Biex jissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-ilmentatur qagħad fuq l-informazzjoni fir-rapport tal-pajjiż tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-suq fil-pajjiż kkonċernat (7). B’mod partikolari, l-ilmentatur sostna li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott investigat jidhru li huma affettwati minn distorsjonijiet bħala konsegwenza tal-preżenza tal-Istat b’mod ġenerali u aktar speċifiku li jaffettwaw is-settur kimiku, minn distorsjonijiet fit-taqsima dwar il-materja prima (użata fil-produzzjoni tal-ħjut ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri, jiġifieri l-aċidu tereftaliku purifikat u l-monoetilen glikol), u d-distorsjonijiet deskritti fil-kapitoli dwar id-distorsjonijiet ġenerali tal-enerġija u tax-xogħol.

B’hekk, fid-dawl tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq paragun ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott investigat, meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Il-marġni tad-dumping ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dan it-tqabbil huwa sinifikanti għall-produttur esportatur ikkonċernat.

Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed provi skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li jissuġġerixxu li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Ir-rapport tal-pajjiż jinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (8).

5.   Allegazzjoni ta’ dannu u kawżalità

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-produttur esportatur ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza pprovduta mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat mill-produttur esportatur ikkonċernat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba u l-kwantitajiet mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tal-livell ta’ profittabbiltà tagħha.

6.   Proċedura

Ladarba ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment ġie ppreżentat f’isem l-industrija tal-Unjoni, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qed tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni hija limitata fl-ambitu għall-produttur esportatur ikkonċernat u kull kumpanija relatata magħhom. Il-produttur esportatur ikkonċernat kiseb rata ta’ dazju antidumping ta’ żero wara l-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping kontra l-importazzjonijiet ta’ ħjut ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (9). Għaldaqstant, dan il-produttur esportatur kien eskluż mill-ambitu ta’ dak il-proċediment, inkluż kull rieżami sussegwenti tiegħu. Produttur esportatur ieħor, Hangzhou Zhanhong Chemical Fiber Co., Ltd, ukoll irċieva rata ta’ dazju anti-dumping ta’ żero fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping imsemmija hawn fuq. Madankollu, jidher li dan il-produttur esportatur ma baqax jeżisti. Jekk il-Kummissjoni tirċievi evidenza kuntrarja, Hangzhou Zhanhong Chemical Fiber Co., Ltd se tkun koperta mill-investigazzjoni preżenti.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott taħt investigazzjoni li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat u li hu prodott mill-produttur esportatur ikkonċernat huwiex qiegħed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dawn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ħolqux dannu lill-industrija tal-Unjoni jew jekk ikkontribwewx għalih.

Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għan-Notifika ppubblikata (10) dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.

6.1.    Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

6.2.    Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dannu u mar-rabta ta’ kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

6.3.    Proċedura ta’ kif jiġi stabbilit id-dumping

Il-produttur esportatur (11) ikkonċernat huwa mistieden jipparteċipa fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

6.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

Biex tikseb informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportatur ikkonċernat u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Poplari taċ-Ċina.

Il-produtturi esportatur ikkonċernat irid jimla kwestjonarju fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċhttps://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2613

6.3.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (HS) ipprovduti fl-ilment, jipproponu pajjiż(i) rappreżentattiv(i) xieraq/xierqa u jipprovdu l-identità tal-produtturi tal-prodott taħt investigazzjoni f’dawk il-pajjiżi. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2 (6a) tar-Regolament bażiku, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni se tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti, inkluż, fejn xieraq, l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq li biħsiebha tuża għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2 (6a) permezz ta’ nota għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet fl-investigazzjoni se jingħataw 10 ijiem biex jikkummentaw dwar in-nota f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 2(6a).

Bl-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni se teżamina jekk f’dawk il-pajjiżi terzi hemmx livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħal dak fil-pajjiż ikkonċernat, jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat f’dawk il-pajjiżi terzi u jekk id-data rilevanti hijiex disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż terz wieħed rappreżentattiv, se tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, it-Turkija tista’ tkun pajjiż terz xieraq rappreżentattiv.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni tistieden lill-produttur esportatur ikkonċernat biex jipprovdi l-informazzjoni dwar il-materjali (mhux maħduma kif ukoll ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AD690_INFO_ON_INPUTS_FOR_EXPORTING_PRODUCER_FORM L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 6.6 u 6.8 ta’ hawn taħt.

Barra minn hekk, kwalunkwe preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid tiġi ppreżentata fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Tali informazzjoni fattwali għandha tittieħed esklussivament minn sorsi pubbliċi li huma faċilment disponibbli.

6.3.3.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (12) (13)

Importaturi tal-prodott li qiegħed jiġi investigat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li mhumiex relatati, huma mistiedna biex jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja lil xi assoċjazzjonijiet ta’ importaturi magħrufa.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem min-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi hija disponibbli fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2613.

6.4.    Proċedura għad-determinazzjoni tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Kalkolu tad-dannu huwa bbażat fuq evidenza pożittiva u jinvolvi l-eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li jkun qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Fil-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid ta’ kampjun isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha dwar il-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu parti mill-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2613

6.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu kkawżat, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping tkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar jekk l-impożizzjoni tal-miżuri tkunx fl-interess tal-Unjoni. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta f’format ħieles jew inkella billi jiġi komplut il-kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott investigat, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċhttps://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2613. L-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku se titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali meta tiġi ppreżentata.

6.6.    Partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li pprovdew informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 6.3.1, 6.3.3, 6.4 u 6.5 hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw ruħhom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq din il-paġna sabiex ikollok aċċess (14).

6.7.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti waqt is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġejja:

Għal seduti ta’ smigħ li jsiru qabel ma tiskadi l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Is-smigħ normalment isir fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Wara l-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni. Is-smigħ normalment isir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-divulgazzjoni jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni.

Fl-istadju tal-konstatazzjonijiet definittivi, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni finali. Is-smigħ normalment isir fil-perjodu mogħti għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien l-iskadenza biex isiru l-kummenti dwar din id-divulgazzjoni.

L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ barra l-limitu ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jiċħdu talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali ċaħda.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

6.8.    Struzzjonijiet għal sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u / jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment għad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u / jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li jintalab trattament kunfidenzjali għalihom għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (15). Il-partijiet li jippreżentaw l-informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jenħtieġ li jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfornix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi t-talbiet biex il-partijiet interessati jiġu rreġistrati bħala tali kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet ta’ difiża tal-kummerċ)” ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-posta elettronika validu tagħhom u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Direttorat Ġ

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Email: TRADE-AD690-HTYP-DUMPING@ec.europa.eu

TRADE-AD690-HTYP-INJURY@ec.europa.eu

7.   Skeda tal-investigazzjoni

Normalment, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien 13-il xahar u mhux aktar minn 14-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, normalment il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti sa mhux aktar tard minn seba’ (7) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, iżda fi kwalunkwe każ sa mhux iktar tard minn tmien (8) xhur mill-pubblikazzjoni tagħha.

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ (4) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati jingħataw tlett (3) ijiem tax-xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm huma preċiżi l-kalkoli.

F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jiġu infurmati, permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni, li mhux se jiġu imposti dazji erba’ (4) ġimgħat qabel id-data tal-għeluq skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Fejn ikun applikabbli, id-divulgazzjoni finali addizzjonali tispeċifika l-iskadenza għall-partijiet interessati biex jagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub.

8.   Rieżami tal-miżuri

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010, ġie impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ħajt ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li bħalissa huma kklassifikati taħt il-kodiċi NM ex 5402 20 00 (il-kodiċi TARIC 5402 2000 10). Ir-rata tad-dazju ad valorem għal Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd kienet ta’ 0 %.

Fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fil-Messiku – Ċanga u Ross (16), l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri imposti fuq Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 ma għadhiex xierqa u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1105/2010 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. Għalhekk jenħtieġ li jinfetaħ rieżami fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1105/2010 sabiex tkun tista’ ssir kwalunkwe emenda meħtieġa fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tal-Messiku – Ċanga u Ross.

Għalhekk, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2015/476, għal rieżami tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1105/2010.

9.   Preżentazzjoni ta’ informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika. Il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra mhux koperta minn dawn it-taqsimiet jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:

Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, kull informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex tirribatti l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn partijiet interessati oħra u dment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.

10.   Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħrajn

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħrajn. Meta jagħmlu hekk, il-partijiet interessati jistgħu jindirizzaw biss kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħrajn u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-iskadenza tal-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, isir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali jiġu ppreżentati fi żmien tlett (3) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar isiru fi żmien jum (1) mill-iskadenza għal kummenti marbutin ma’ din id-divulgazzjoni, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-perjodu ta’ żmien indikat huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mill-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

11.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata abbażi ta’ raġuni valida.

Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem.

Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

12.   Nonkoperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, il-konstatazzjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Meta jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u, għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma għandux jitqies bħala nonkooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitluba tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost żejjed mhux raġonevoli. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

13.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti dwar il-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-file, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta se jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ jenħtieġ li jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jsegwu l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsina 6.7 ta’ din in-Notifika anki fir-rigward tal-interventi, inklużi s-seduti ta’ smigħ, mill-Uffiċjal tas-Seduta. Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati jenħtieġ li jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ ikun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għal talbiet għal interventi, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament iqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/ (bl-Ingliż).

14.   Ipproċessar ta’ data personali

Kull data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/ (bl-Ingliż).


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għat-theddida ta’ dannu materjali jew għad-dewmien materjali biex tiġi stabbilita industrija, kif stipulat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku.

(3)  Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jirreferu għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(4)  ĠU L49, 25.2.2017, p. 6.

(5)  ĠU L167, 30.6.2017, p. 31.

(6)  ĠU C87, 23.2.2022, p. 2.

(7)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 20 ta’ Diċembru 2017, SWD (2017) 483 final/2, disponibbli hawnhekk: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf

(8)  Id-dokumenti msemmija fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll wara talba motivata kif xieraq.

(9)  Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 tad-29 ta’ Novembru 2010 li jimponi dazju definittiv tal-antidumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan (ĠU L 315, 1.12.2010, p. 1).

(10)  Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

(11)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott investigat.

(12)  Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma maħruġa bi dritt tal-vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja fil-każ biss li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed biss), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(13)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni għajr biex jiġi stabbilit id-dumping.

(14)  F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz ta’ email lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel +32 22979797.

(15)  Dokument “Sensitive” (Sensittiv) huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(16)  Il-Messiku – Miżuri Definittivi ta’ Anti-dumping fuq iċ-Ċanga u r-Ross, Rapport tal-Korp tal-Appell, WT/DS295/AB/R, id-29 ta’ Novembru 2005.

(17)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Verżjoni “Sensittiva”

Verżjoni “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR IMPORTAZZJONIJIET TA’ ĦJUT TA’ TENAĊITÀ GĦOLJA TA’ POLIESTERI LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 6.3.3 tan-Notifika ta’ bidu.

Jenħtieġ li kemm il-verżjoni “Sensitive” kif ukoll il-verżjoni “For inspection by interested parties” jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-Notifika ta’ bidu.

1.   DETTALJI TA’ KUNTATT U IDENTITÀ

Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem il-kumpanija

 

Indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Indirizz tal-Email:

 

Telefown

 

2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, tal-prodott li qed jiġi investigat kif definit fin-Notifika ta’ bidu.

 

Volum f’tunnellata metrika

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott investigat (minn kullimkien)

 

 

Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti d-dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew domestiku) tal-prodott investigat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott investigat, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel li possibbilment tiġi inkluża fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal din il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


Início