This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022XG0620(01)
Council Conclusions on the Development of Sustainable Public Procurement 2022/C 236/02
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iżvilupp ta’ Akkwist Pubbliku Sostenibbli 2022/C 236/02
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iżvilupp ta’ Akkwist Pubbliku Sostenibbli 2022/C 236/02
ST/9145/2022/INIT
ĠU C 236, 20.6.2022, pp. 2–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
20.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 236/2 |
Abbozz ta’ Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iżvilupp ta’ Akkwist Pubbliku Sostenibbli
(2022/C 236/02)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
FILWAQT LI JFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar is-Suq Uniku (1), li fihom il-Kunsill jissottolinja r-rwol importanti tal-akkwist pubbliku fil-kisba tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali;
FILWAQT LI JFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Lulju 2020 li jgħidu li l-pjan għall-irkupru Ewropew ser jeħtieġ investiment massiv, b’mod partikolari bil-għan li jwassal għal irkupru sostenibbli u reżiljenti, filwaqt li jappoġġa l-prijoritajiet ekoloġiċi u diġitali tal-Unjoni Ewropea;
FILWAQT LI JENFASIZZA li huwa meħtieġ sforz komuni mhux biss biex jiġu appoġġati n-negozji li huma l-aktar milquta mill-kriżi tas-saħħa iżda wkoll biex isiru investimenti pubbliċi li jrawmu l-konverġenza, ir-reżiljenza, is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-indipendenza Ewropea f’setturi strateġiċi;
FILWAQT LI JENFASIZZA r-rwol kruċjali li l-akkwist pubbliku jista’ jkollu fl-implimentazzjoni xierqa tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u fl-inkorporazzjoni ta’ dawn l-għanijiet biex jinqeda l-interess pubbliku;
FILWAQT LI JFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar “Nagħmlu l-Irkupru Ċirkolari u Ekoloġiku” (2), li fihom il-Kunsill esprima l-appoġġ tiegħu għall-gwida proposta fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari - Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva” (3) dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku;
FILWAQT LI JFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-investiment pubbliku permezz tal-akkwist pubbliku (4), li fihom il-Kunsill jappoġġa kunsiderazzjonijiet ambjentali ambizzjużi fl-akkwist, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta’ kriterji jew miri, u fit-tassazzjoni peress li din tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà;
FILWAQT LI JFAKKAR fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2019 bl-isem “Inwettqu dak li wiegħdna u nħejju għall-futur” (5);
FILWAQT LI JFAKKAR fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni “Pjaneta nadif għall-kulħadd” (6)u “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (7);
FILWAQT LI JIĠBED L-ATTENZJONI għall-miri vinkolanti adottati fil-livell tal-UE għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030 u n-newtralità klimatika sal-2050, kif affermati mill-ġdid reċentement fil-proposti kollha tal-Kummissjoni li jinsabu fil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”;
JAPPELLA lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu fi sħubija mill-qrib mal-Parlament Ewropew, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, u l-Kumitat tar-Reġjuni biex isegwu dawn l-objettivi komuni u, għal dak il-għan, biex jaħdmu, b’mod partikolari għal:
L-introduzzjoni ta’ Kunsiderazzjonijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli fl-Akkwist Pubbliku
|
1. |
JENFASIZZA l-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli bħala mod kif jinkisbu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-protezzjoni ambjentali filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem; |
|
2. |
IQIS li x-xerrejja pubbliċi għandhom ikunu jistgħu jużaw ir-riżorsi tagħhom b’mod strateġiku biex jappoġġaw bl-aħjar mod possibbli t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, innovattiva, ċirkolari u soċjalment responsabbli, b’mod partikolari billi jinvestu f’infrastruttura sostenibbli, prodotti sostenibbli u/jew tal-ekonomija ċirkolari, u billi jużaw proċessi u teknoloġiji li jkunu huma stess ambizzjużi fir-rigward tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli segwiti, filwaqt li jfittxu l-aħjar valur possibbli għall-flus, u jippromwovu kompetizzjoni wiesgħa fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku; |
|
3. |
JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, f’konformità mal-impenn tagħha fil-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli (8) u fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, fil-kuntest ta’ proposti leġiżlattivi futuri, inkluż dawk li jemendaw il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE relatata mad-diversi setturi ta’ attività, il-possibbiltà li jiġu introdotti kunsiderazzjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal oġġetti jew servizzi settorjali; JISSOTTOLINJA li, skont is-settur, dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jvarjaw minn għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, kapaċitajiet professjonali jew speċifikazzjonijiet tekniċi marbuta mal-iżvilupp sostenibbli fil-kuntratti għal kriterji ta’ sostenibbiltà, b’mod partikolari għall-eżekuzzjoni jew l-għoti ta’ kuntratti; JENFASIZZA l-importanza li x-xerrejja pubbliċi jitħallew jiddeterminaw l-aktar mod xieraq biex jinkludu tali kunsiderazzjonijiet fil-proċeduri tagħhom; JIEĦU NOTA tal-ħidma li diġà daħlu għaliha l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri f’dan ir-rigward, u JISSOTTOLINJA l-ħtieġa li din tiġi aċċellerata u intensifikata; |
|
4. |
IĦEĠĠEĠ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jidentifikaw, fir-rigward tal-akkwist pubbliku, is-setturi rilevanti f’termini tas-sensittività tagħhom għal kunsiderazzjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli u jivvalutaw il-maturità tagħhom, filwaqt li jqisu, pereżempju, il-kapaċità tal-operaturi ekonomiċi li jindirizzaw dawn il-kunsiderazzjonijiet il-ġodda; |
|
5. |
JENFASIZZA l-ħidma li tlestiet, li għadha għaddejja u li kważi waslet fil-livell tal-Istati Membri biex tiġi stabbilita n-natura prijoritarja ta’ ċerti setturi; JENFASIZZA l-ħtieġa li din il-ħidma tiġi kkoordinata fil-livell tal-UE; |
|
6. |
JENFASIZZA l-importanza tar-rwol li l-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni jista’ jkollhom f’dan ir-rigward billi jinvolvu u jistiednu lid-diversi partijiet ikkonċernati sabiex jiddeterminaw jekk id-diversi setturi identifikati għandhomx jingħataw prijorità jew le; IQIS li l-Kunsill jenħtieġ li jkun involut ukoll f’din il-ħidma; |
|
7. |
JENFASIZZA l-importanza li tiġi definita metodoloġija ġenerali li tippermetti lil dawn il-korpi jiddeterminaw jekk kull settur ta’ attività għandux jitqies bħala prijorità jew le permezz ta’ analiżi fil-fond tal-maturità tiegħu; |
|
8. |
IQIS li ħidma koerenti ser tagħmilha possibbli li jiġu identifikati kemm it-testi settorjali tal-UE li jistgħu jiġu emendati fis-snin li ġejjin kif ukoll il-firxa tal-emendi li jeħtieġ li jsiru fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tagħhom dwar l-akkwist pubbliku sabiex jgħinu fil-kisba tal-objettivi ambjentali u klimatiċi stabbiliti fil-livell tal-UE; |
|
9. |
JEMMEN li huwa meħtieġ li jintlaħqu dawn l-objettivi skont l-iskadenzi tal-2030 u tal-2050, imsemmija hawn fuq, u JENFASIZZA l-importanza ta’ approċċ gradwali u armonizzat; IQIS, għalhekk, li t-testi li jkopru s-setturi kollha identifikati bħala setturi ta’ prijorità għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard mill-2030; IQIS, barra minn hekk, li jeħtieġ li jiġu emendati t-testi relatati mas-setturi li fadal sa mhux aktar tard mill-2050, li hija s-sena ta’ referenza stabbilita biex tinkiseb in-newtralità klimatika tal-UE; |
|
10. |
IQIS li huwa essenzjali li din il-ħidma tiġi integrata fi ħdan approċċ komprensiv; IQIS, sa fejn hu xieraq u fattibbli, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, għalhekk, jikkunsidraw qafas ġenerali, maħsub biex jintroduċi l-kunsiderazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli u reżiljenti fl-akkwist pubbliku, irrispettivament mis-settur ikkonċernat; |
|
11. |
JENFASIZZA l-importanza, meta jittieħdu miżuri, li ma jiġix impost piż amministrattiv eċċessiv fuq ix-xerrejja pubbliċi, u speċjalment fuq il-korpi sottoċentrali għall-akkwisti; |
|
12. |
JISTIEDEN lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibdew din il-ħidma kollha mingħajr dewmien. |
(1) ST 10698/20: “Suq Uniku approfondit għal irkupru qawwi u Ewropa kompetittiva u sostenibbli”.
(2) ST 13852/20.
(3) ST 6766/20 + ADD 1: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2020) 98 final.
(4) ST 13352/20: “Investiment Pubbliku permezz tal-Akkwist Pubbliku: Irkupru Sostenibbli u Spinta mill-Ġdid ta’ Ekonomija Reżiljenti tal-UE”.
(5) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2018) 800 final.
(6) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2018) 773 final.
(7) ST 15051/19 + ADD 1: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2019) 640 final.
(8) ST 5269/20: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2020) 21 final.