Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AT40135(02)

Sommarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2021 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (KAŻ AT.40135 – FOREX – STERLING LADS) (notifikat bid-dokument nru C(2021)8613 final) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) 2022/C 185/05

C/2021/8613

ĠU C 185, 6.5.2022, pp. 50–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 185/50


SOMMARJU TAD-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta’ Diċembru 2021

li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

(KAŻ AT.40135 – FOREX – STERLING LADS)

(notifikat bid-dokument nru C(2021)8613 final)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 185/05)

Fit-2 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull penali imposti, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-destinatarji tad-Deċiżjoni pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. L-oġġett tal-ksur kien ir-restrizzjoni u/jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tan-negozjar immedjat ta’ muniti G10 fis-suq tal-muniti barranin (“Forex” jew “FX”) (2).

(2)

Il-muniti tal-G10 ikkonċernati minn din id-Deċiżjoni jinkludu d-Dollari tal-Istati Uniti, tal-Kanada, tal-Awstralja u ta’ New Zealand (USD, CAD, AUD u NZD rispettivament), il-Yen Ġappuniż (JPY), il-Frank Żvizzeru (CHF), il-Lira Sterlina (GBP), l-Euro (EUR), u l-Kroni Żvediżi, Norveġiżi u Daniżi (SEK, NOK u DKK rispettivament) (jiġifieri 11-il munita b’kollox, li jikkorrispondu għall-konvenzjoni tas-suq għall-muniti koperti mid-deżinjazzjoni G10).

(3)

L-attività ta’ negozjar immedjat tal-muniti tal-G10 tinkludi kemm (i) il-ġenerazzjoni tas-suq (jiġifieri l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tal-klijent biex jiġi skambjat ammont tal-munita bl-ekwivalenti tiegħu f’munita oħra); u (ii) in-negozjar f’isimhom stess (jiġifieri l-eżekuzzjoni ta’ kambju ta’ muniti oħra sabiex tiġi ġestita l-iskopertura li tirriżulta mit-tranżazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq jew biex tiġi mmodifikata skopertura tal-munita indipendentement minn kwalunkwe ordni tal-klijent).

(4)

Il-postijiet tan-negozjar immedjat ta’ muniti G10 tal-impriżi rilevanti kienu disposti li jinnegozjaw kwalunkwe munita minn dawn skont id-domanda tas-suq. Filwaqt li n-negozjanti parteċipi stess kienu primarjament responsabbli mill-ġenerazzjoni tas-suq fir-rigward ta’ muniti jew pari ta’ muniti speċifiċi, il-mandat tagħhom awtorizzahom li jinnegozjaw ulterjorjment f’isem l-impriża tagħhom stess fir-rigward ta’ kwalunkwe munita G10 disponibbli fil-kotba tagħhom, xi ħaġa li għamlu fil-perjodu rilevanti sa gradi differenti, biex jimmassimizzaw il-valur tal-parteċipazzjonijiet rispettivi tagħhom.

(5)

It-tliet tipi ta’ ordnijiet li ġejjin, li jikkaratterizzaw l-attività ta’ negozjar mwettaq fuq l-ordni tal-klijenti (ġenerazzjoni tas-suq) tan-negozjanti parteċipi huma pertinenti fil-ksur:

(a)

Ordnijiet immedjati tal-klijenti, biex jitwettqu immedjatament negozji b’ċertu ammont ta’ munita bir-rata prevalenti tas-suq;

(b)

Ordnijiet kundizzjonali tal-klijenti (pereżempju ordnijiet stop-loss jew take-profit), li jiġu skattati meta jintlaħaq livell partikolari tal-prezzijiet u li jiftaħ l-iskopertura għar-riskju tan-negozjanti. Dawn isiru eżegwibbli biss meta s-suq jilħaq ċertu livell;

(c)

L-ordnijiet mill-klijenti għall-eżekuzzjoni ta’ negozju b’rata normattiva tal-imgħax tas-suq tal-muniti barranin jew “iffissar” għal pari ta’ muniti partikolari, li fil-każ preżenti tikkonċerna biss ir-rati tal-kambju spot tal-għeluq WM/Reuters u r-rati ta’ referenza tal-kambju.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1   PROĊEDURA

(6)

L-investigazzjoni ġiet skattata permezz ta’ applikazzjoni għall-immunità minn UBS fis-27 ta’ Settembru 2013. Sussegwentement, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjonijiet inizjali għall-klemenza mingħand Barclays fil-11 ta’ Ottubru 2013, mingħand RBS fl-14 ta’ Ottubru 2013 u mingħand HSBC fis-17 ta’ Lulju 2015. L-applikazzjonijiet kollha ġew segwiti minn bosta sottomissjonijiet minn kull parti. [...] ma applikatx għall-klemenza. Fit-2 ta’ Lulju 2014 il-Kummissjoni tat immunità kundizzjonali lil UBS.

(7)

Fis-27 ta’ Ottubru 2016 tnedew proċedimenti kontra l-partijiet bil-ħsieb li jsiru diskussjonijiet dwar ir-riżolviment. Bejn Novembru 2016 u Frar 2018, il-Kummissjoni kellha laqgħat bilaterali u kienet f’kuntatt ma’ kull waħda mill-partijiet, inkluż [....] fi tliet ċikli ta’ riżolviment, f’konformità mal-Avviż ta’ Riżolviment (3).

(8)

Fit-22 ta’ Jannar 2018, il-Kulleġġ tal-Kummissarji approva l-firxiet tal-multi li x’aktarx japplikaw. Fid-19 ta’ Frar 2018, [...] infurmat lill-Kummissjoni li ma kinitx se tkompli tipparteċipa fil-proċedura ta’ riżolviment tat-tilwim. Il-Kummissjoni għalhekk marret lura għall-proċedura ordinarja għal [...] f’konformità mal-paragrafu 19 tal-Avviż dwar ir-Riżolviment. Bejn [...] u [...], il-partijiet ressqu t-talba formali għar-riżolviment tagħhom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10a (2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (4).

(9)

Fl-24 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni adottat b’mod parallel Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) indirizzata lill-erba’ partijiet involuti fir-riżolviment u DO ordinarja ssimplifikata indirizzata lil [...]. Id-destinatarji kollha wieġbu għad-DO billi kkonfermaw kienet tikkorrispondi mal-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom ta’ riżolviment u li għalhekk huma baqgħu impenjati li jsegwu l-proċedura tar-riżolviment.

(10)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fit-30 ta’ Novembru 2021. Fl-1 ta’ Diċembru 2021, l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu. Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fit-2 ta’ Diċembru 2021.

2.2   SOMMARJU TAL-KSUR

(11)

Id-Deċiżjoni tikkonċerna l-imġiba li seħħet fi [...] chatroom imsejħa Sterling Lads (jew “STG Lads”), bejn UBS, Barclays, RBS, HSBC (“l-erba’ partijiet li għażlu r-riżolviment”) u [...]. L-imġiba seħħet mill-25 ta’ Mejju 2011 sat-12 ta’ Lulju 2012. [...] ipparteċipat fil-ksur minn [...] sa [...]. Il-kartell affettwa mill-inqas liż-ŻEE.

(12)

Il-kartell huwa ddokumentat f’komunikazzjonijiet li seħħew fiċ-chatroom STG Lads bejn ċerti kummerċjanti individwali awtorizzati li jinnegozjaw muniti tal-G10 fi tranżazzjonijiet ta’ kambju barrani immedjati f’isem u għan-nom tal-impriżi rispettivi li jimpjegawhom tagħhom fil-post tan-negozjar ta’ tranżazzjonijiet ta’ kambju barrani ta’ muniti G10.

(13)

Il-kartell kien jikkonsisti fi ksur uniku u kontinwu kkaratterizzat mill-iskambju bejn il-kummerċjanti – f’chatroom privata u multilaterali u fuq bażi estensiva u rikorrenti – ta’ ċerta informazzjoni kummerċjalment sensittiva attwali jew li tħares ’il quddiem dwar l-attivitajiet kummerċjali tagħhom. L-iskambji tal-informazzjoni kienu mmirati li jaffetwaw żewġ parametri bażiċi tal-kompetizzjoni fl-attività ta’ negozjar immedjat ta’ muniti tal-G10: il-prezzijiet u l-ġestjoni esperta tar-riskji.

(14)

Minflok ma kkompetew b’mod awtonomu fir-rigward ta’ dawn il-parametri, fid-deċiżjonijiet tagħhom relatati mas-suq in-negozjanti bbażaw fuq informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet, l-intenzjonijiet u r-restrizzjonijiet tal-kompetituri tagħhom. L-iskambji ta’ informazzjoni soġġetti għal din id-Deċiżjoni kienu jikkonċernaw:

(a)

Skambji li jiżvelaw dettalji tal-ordnijiet pendenti tal-klijenti, fejn in-negozjanti parteċipi ddiskutew liberament id-dettalji kunfidenzjali tal-ordnijiet tal-klijenti pendenti tagħhom (bħal-livell skattatur tal-ordnijiet kundizzjonali tal-klijenti, id-daqs tal-ordnijiet tal-klijenti għall-iffissar u t-tip jew l-isem tal-klijenti ta’ ordnijiet immedjati). Din l-informazzjoni żiedet il-livell ta’ trasparenza għall-membri taċ-chatroom dwar l-attivitajiet ta’ negozjar tagħhom, għenet lin-negozjanti parteċipanti fid-deċiżjonijiet tas-suq sussegwenti tagħhom u ppermettitilhom jidentifikaw okkażjonijiet biex jikkoordinaw il-kummerċ tagħhom.

(b)

l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet ta’ riskju miftuħa tan-negozjanti, li seta’ jipprovdilhom tagħrif dwar l-imġiba potenzjali ta’ hedging tal-kollegi tagħhom. Huma pprovdew informazzjoni lin-negozjanti li setgħet tkun rilevanti għad-deċiżjonijiet ta’ negozjar sussegwenti tagħhom għal perjodu ta’ minuti jew sal-iskambju ta’ informazzjoni li jmiss. Barra minn hekk, dawn jippermettu lin-negozjanti parteċipanti jidentifikaw okkażjonijiet biex jikkoordinaw l-imġiba tagħhom, b’mod partikolari billi jastjenu milli jieħdu azzjoni.

(c)

Skambji li jiżvelaw il-firxiet bejn it-talba u l-offerta eżistenti jew maħsuba tagħhom, li żvelaw il-firxa kkwotata min-negozjanti għal pari ta’ muniti u daqsijiet kummerċjali speċifiċi. Dawn ippermettew lin-negozjanti parteċipanti jiksbu ċertezza akbar dwar il-prezzijiet li kienu qed jikkwotaw u infurmaw l-imġiba sussegwenti tagħhom fl-ipprezzar. Dawn jistgħu wkoll jippermettu wkoll l-allinjament tal-firxiet għal tranżazzjonijiet partikolari u jaffettwaw il-prezz globali mħallas mill-klijenti għan-negozjar tal-muniti.

(d)

Skambji li jiżvelaw dettalji oħra ta’ attivitajiet ta’ negozjar kurrenti jew ippjanati fejn in-negozjanti parteċipanti kkondividew taħlita ta’ diversi mill-informazzjoni kummerċjalment sensittiva msemmija qabel, għenu lin-negozjanti parteċipanti fid-deċiżjonijiet sussegwenti tagħhom, u ppermettewlhom li jikkoordinaw in-negozjar tagħhom.

(15)

Barra minn hekk, l-erba’ partijiet fir-riżolviment irrikonoxxew li dawn l-iskambji estensivi u rikorrenti ta’ informazzjoni sensittiva attwali jew li tħares’ il quddiem seħħew skont sett ta’ regoli taċiti li: (i) tali informazzjoni setgħet tintuża għall-benefiċċju rispettiv tan-negozjanti u sabiex tidentifika okkażjonijiet biex tikkoordina l-kummerċ tagħhom; (ii) tali informazzjoni tkun kondiviża fiċ-chatroom privata; (iii) in-negozjanti ma jiżvelawx din l-informazzjoni kondiviża li jirċievu minn parteċipanti oħra taċ-chatrooms lil partijiet barra miċ-chatrooms privati; u (iv) tali informazzjoni kondiviża ma tintużax kontra n-negozjanti li jaqsmuha (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-fehim sottostanti”).

(16)

Skont l-erba’ partijiet fir-riżolviment, u skont il-fehim sottostanti u bil-ħsieb li jiksbu vantaġġ fuq kompetituri li ma kinux fiċ-chatroom, in-negozjanti kull tant żmien ikkoordinaw l-attivitajiet ta’ negozjar tagħhom fir-rigward tan-negozjar immedjat ta’ muniti tal-G10 billi żammew lura milli jinnegozjaw kif ippjanat tul perjodu ta’ żmien minħabba pożizzjoni jew attività ta’ negozjar imħabbra ta’ negozjant ieħor. Din il-prattika hija magħrufa bħala “standing down” (astensjoni minn attività).

2.3   DESTINATARJI

(17)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-entitajiet legali li ġejjin (“id-destinatarji”):

UBS AG (“UBS”),

NatWest Group plc u NatWest Markets Plc (collectively “RBS”),

Barclays PLC, Barclays Execution Services Limited u Barclays Bank PLC (flimkien “Barclays”), u

HSBC Holdings plc (“HSBC”).

(18)

UBS, Barclays, RBS, HSBC u l-impriża parteċipanti l-oħra, [...], ħadu sehem fl-imġiba msemmija qabel fil-perjodi indikati fit-tabella li ġejja:

Tabella 1: involviment tal-Partijiet fiċ-chatroom

BANK

DĦUL

ĦRUĠ

UBS

25.5.2011

4.11.2011

 

8.11.2011

12.7.2012

 

30.5.2011

12.7.2012

BARCLAYS

25.5.2011

12.7.2012

25.5.2011

4.11.2011

 

8.11.2011

12.7.2012

RBS

5.8.2011

12.7.2012

HSBC

25.5.2011

12.7.2012

[...]

[...]

[...]

2.4   RIMEDJI

(19)

Id-Deċiżjoni applikat il-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-2006 dwar il-Multi. Il-metodoloġija u l-parametri tal-immultar ġew deċiżi mill-Kulleġġ tal-Kummissarji fit-22 ta’ Jannar 2018 fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżolviment. Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ trattament ugwali japplika għall-parametri tal-multi għall-partijiet kollha għall-istess ksur irrispettivament minn jekk jsegwux il-proċedura ta’ riżolviment inkella dik ordinarja. Għalhekk, l-istess metodu għall-kalkolu tal-multi ġie applikat biex jiġu kkalkulati l-multi tad-destinatarji u l-multa ta’ [...].

2.4.1   Ammont bażiku tal-multa

(20)

Kif inhu l-każ ta’ każijiet finanzjarji oħrajn, it-tranżazzjonijiet immedjati ta’ muniti G10 ma jiġġenerawx bejgħ fis-sens normali tat-terminu: Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tapplika indikatur speċifiku għall-valur tal-bejgħ bħala punt tat-tluq għad-determinazzjoni tal-multi. Fid-dawl tad-differenzi fid-durata tal-involviment ta’ partijiet differenti u tad-daqs tas-suq li jvarja tan-negozji immedjati tal-muniti G10 matul il-perjodu tal-ksur, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tibbaża l-indikatur għall-valur tal-bejgħ direttament fuq il-valur tal-bejgħ li fil-fatt sar mill-impriżi matul ix-xhur li jikkorrispondu għall-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fil-ksur, li sussegwentement jiġi annwalizzat.

(21)

Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-indikatur għall-valuri rilevanti tal-bejgħ kif ġej:

(a)

L-ewwel, bħala ammont ta’ referenza l-Kummissjoni tieħu l-ammonti nozzjonali annwalizzati negozjati mid-destinatarju kkonċernat fit-tranżazzjonijiet tal-munita immedjati, li l-impriżi kkonċernati nnegozjaw fil-qafas ta’ tranżazzjonijiet immedjati tal-muniti G10 ma’ kontroparti li tinsab fiż-ŻEE. Għal dan il-għan il-Kummissjoni tqis li jkun iktar xieraq li l-indikatur għall-valur tal-bejgħ ikun ibbażat direttament fuq id-dħul tad-destinatarji fix-xhur li jikkorrispondu mal-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fil-ksur, li mbagħad jinħadem fuq sena.

(b)

It-tieni, dawn l-ammonti ġew immultiplikati b’fattur ta’ aġġustament xieraq, uniformi għad-destinatarji kollha, li jirreflettu l-firxiet bejn it-talba u l-offerta applikabbli fi tranżazzjonijiet tal-munita immedjati tal-muniti G10.

(22)

L-indikatur tal-valur tal-bejgħ kien ibbażat direttament fuq il-valur tal-bejgħ effettivament imwettaq mill-impriżi matul ix-xhur li jikkorrispondu għall-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fil-ksur, li sussegwentement ġie annwalizzat. Minħabba li l-ksur kopra ż-ŻEE kollha, l-indikatur għall-valur tal-bejgħ ġie ddeterminat fuq tranżazzjonijiet tal-muniti immedjati ta’ muniti G10 li daħlu fihom ma’ kontropartijiet li jinsabu fiż-ŻEE.

2.4.2   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

(23)

Il-Kummissjoni applikat għall-ammonti nozzjonali fattur uniformi xieraq ibbażat fuq il-livelli tal-firxa bejn it-talba u l-offerta osservati fl-evidenza.

2.4.3   Ċirkustanzi aggravanti u mitiganti

(24)

L-ebda ċirkostanzi aggravanti jew mitiganti ma ġew applikati f’dan il-każ.

2.4.4   Żieda speċifika bħala deterrent

(25)

Sabiex jiġi żgurat li l-multi jkollhom effett ta’ deterrent suffiċjenti, il-Kummissjoni tista’ żżid il-multi imposti fuq impriżi li għandhom fatturat lil hinn mill-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi li l-ksur ikun marbut magħhom (5).

(26)

F’dan il-każ huwa xieraq li jiġi applikat fattur multiplikanti ta’ deterrenza fuq il-multi li għandhom jiġu imposti fuq HSBC.

2.4.5   Applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta’ 10 %

(27)

L-ammont tal-multa kien inqas mil-limitu massimu tal-fatturat dinji ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

2.4.6   Applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006: tnaqqis ta’ multi

(28)

UBS ingħatat immunità mill-multi u Barclays ibbenefikat minn perjodi ta’ immunità parzjali. Barra minn hekk, Barclays, RBS u HSBC ingħataw tnaqqis tal-multi fi ħdan il-faxex diġà attribwiti lilhom.

2.4.7   Applikazzjoni tal-Avviż ta’ Riżolviment

(29)

Il-partijiet kollha fir-riżolviment irċevew tnaqqis ta’ 10 % għar-riżolviment.

2.5   KONKLUŻJONI

(30)

Il-multi li ġejjin ġew imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(31)

Tabella 2: Ammonti tal-multi għall-ksur

(32)

Impriża

Multi (f’EUR)

UBS

0

Barclays

54 348 000

RBS

32 472 000

HSBC

174 281 000


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1)

(2)  Il-każ ma jikkonċernax in-negozjar fil-pront elettroniku tal-FX, skont it-tifsira tan-negozji immedjati ta’ muniti li jiġu awtomatikament irreġistrati mill-pjattaformi ta’ negozjar elettroniċi jew mill-algoritmi tal-kompjuter proprjetarji tal-banek rilevanti jew jiġu eżegwiti fuqhom.

(3)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 f’każijiet ta’ kartelli, ĠU C 167, 2.7.2008, p. 1 (“l-Avviż dwar ir-Riżolviment”).

(4)  ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.

(5)  Il-punt 30 fil-Linji Gwida tal-2006 dwar il-multi.


Top