This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021IR2503
Opinion of the European Committee of the Regions — The gender dimension of structural and cohesion funds 2021-2027, with a focus on the preparation of the operational programmes
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Id-dimensjoni tal-ġeneru tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni 2021-2027, b’enfasi fuq it-tħejjija tal-programmi operazzjonali
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Id-dimensjoni tal-ġeneru tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni 2021-2027, b’enfasi fuq it-tħejjija tal-programmi operazzjonali
COR 2021/02503
ĠU C 97, 28.2.2022, pp. 56–59
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
28.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 97/56 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Id-dimensjoni tal-ġeneru tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni 2021-2027, b’enfasi fuq it-tħejjija tal-programmi operazzjonali
(2022/C 97/11)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Sfond u kummenti ġenerali
|
1. |
ifakkar fl-importanza tal-politika ta’ koeżjoni, li l-objettivi ġenerali tagħha huma l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mat-tnaqqis tad-disparitajiet fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni differenti, sabiex tinkiseb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; |
|
2. |
jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tinftiehem sew bħala: (1) prinċipju fundamentali għal-leġiżlazzjoni dwar il-politika ta’ koeżjoni; (2) kriterju orizzontali għat-tħejjija tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, (3) objettiv li għandu jiġi segwit mill-programmi, u (4) fattur b’saħħtu li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli u bilanċjat tal-politika ta’ koeżjoni; |
|
3. |
josserva li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha tiġi indirizzata b’mod ġenerali u għadha limitata għall-oqsma tal-politika tal-Fond Soċjali Ewropew Plus, kif ukoll fil-fażi tal-analiżi tal-kuntest u l-programmazzjoni, mentri tinħtieġ aktar attenzjoni fuq bażi regolari fil-fażijiet tal-leġiżlazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni; |
|
4. |
jirrimarka li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija ta’ benefiċċju mhux biss għan-nisa iżda għas-soċjetà kollha, peress li hija xprun b’saħħtu tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku, kif stabbilit ukoll fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, li tenfasizza li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tgħin biex jiżdiedu l-impjieg u l-produttività; |
|
5. |
jinsab konvint li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs, flimkien mat-tisħiħ tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u tal-kura, b’mod partikolari dawk marbuta mal-ħarsien tal-ommijiet u tat-tfal, se jagħmluha aktar faċli biex tiġi kkombinata karriera mal-familja, li min-naħa tagħha tista’ tgħin biex tiżdied ir-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u li tiġi indirizzata l-kriżi demografika serja li qed tiffaċċja l-Ewropa. Iż-żieda fl-appoġġ għall-familji Ewropej u ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol huma miżuri importanti biex jittaffew il-problemi ta’ sostenibbiltà tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jistabbilixxu ruħhom bħala ġenituri; |
|
6. |
jirrikonoxxi u japprezza l-isforzi li saru mill-istituzzjonijiet Ewropej biex jippromovu l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, kif ukoll l-importanza kbira marbuta mat-tilħiq tal-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-qafas leġiżlattiv u ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet abilitanti u s-sistema ta’ traċċar fil-programmi ta’ nfiq relatati ma’ objettivi speċifiċi; |
|
7. |
jinsab imħasseb, madankollu, li fl-2017 ir-rata ta’ impjieg u l-paga medja tan-nisa fl-Ewropa kienu għadhom madwar 12-il punt (67,3 % meta mqabbel ma’ 79 %) u 16-il punt, rispettivament, inqas mill-irġiel, u li, skont l-analiżi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), il-prestazzjoni tal-pajjiżi tal-UE fl-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri ilha tonqos mill-2012. Fil-fatt, skont l-EIGE, li jikklassifika l-elementi ewlenin tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fuq skala minn 0 sa 16, il-valur medju tal-Istati Membri naqas minn 8,4 fl-2012 għal 7,4 fl-2018; |
|
8. |
jiddispjaċih, barra minn hekk, li l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 ma tinkludix azzjonijiet speċifiċi għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma kollha tal-politika tal-UE, u jfakkar li jeħtieġ li jissaħħaħ l-użu ta’ indikaturi effettivi biex jitkejjel u jiġi vvalutat l-impatt tal-ġeneru fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji; |
|
9. |
iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea tintensifika l-isforzi għal ugwaljanza ġenwina bejn il-ġeneri, li għandhom jiġu segwiti f’approċċ doppju ta’ inizjattivi speċifiċi biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi speċifiċi minn naħa waħda, u l-integrazzjoni, bħala approċċ orizzontali li jkopri l-politiki Ewropej kollha, min-naħa l-oħra; |
|
10. |
ifakkar li sabiex tintlaħaq ugwaljanza ġenwina bejn il-ġeneri, dan l-objettiv għandu jiġi inkluż f’kull stadju tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u matul il-fażi ta’ implimentazzjoni sussegwenti, meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet, żviluppati l-politiki, u allokati r-riżorsi. Huwa importanti, għal dan l-għan, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu l-programmi soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt adatti fir-rigward tal-ġeneru; |
|
11. |
jirrakkomanda, madankollu, li l-approċċ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri m’għandux jiddevja l-attenzjoni lejn miżuri u investimenti speċifiċi mmirati speċifikament lejn it-tneħħija tal-kawżi tad-diskriminazzjoni u l-appoġġ għall-proċessi għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, il-parteċipazzjoni u t-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol; |
|
12. |
iħeġġeġ, għal dan il-għan, lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel użu akbar tal-istrumenti stabbiliti mill-EIGE biex timmonitorja b’mod regolari r-rata ta’ implimentazzjoni tal-impenji fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-koeżjoni; f’każ li l-istrumenti ma jkunux biżżejjed, jitlob il-ħolqien ta’ strumenti speċifiċi għall-kejl ta’ kisbiet konkreti li jorbtu l-ugwaljanza mal-koeżjoni; |
|
13. |
iqis li jeħtieġ, b’referenza għall-prinċipju tar-regolamentazzjoni aħjar, li tingħata aktar attenzjoni biex jiġi żgurat li l-interventi regolatorji adottati jkun jista’ jkollhom impatt reali u effettiv fuq il-kuntest soċjali u kulturali, billi jittrasformaw il-garanziji legali inkorporati fil-Karta f’dinamika ta’ bidla strutturali fir-relazzjonijiet bejn il-ġeneri. Għal dan l-għan jeħtieġ li t-tfassil tal-liġi ma jibqax iħares lejn l-individwi bħala kunċetti legali, u jkun dejjem aktar iffukat biex jintervjeni f’każijiet konkreti ta’ diskriminazzjoni preżenti fis-soċjetà; |
|
14. |
jemmen li jeħtieġ li jiġu indirizzati l-fattur tal-ġeneru u r-rabta tiegħu mad-distakk diġitali, u jinħtieġ aktar investiment fid-diġitalizzazzjoni, l-innovazzjoni diġitali u l-konnettività diġitali; il-politika ta’ koeżjoni għandha tappoġġja l-aċċess ugwali għan-nisa u l-irġiel għat-taħriġ u l-impjieg, u tgħin biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, u ġusta, ma taggravax id-disparità bejn il-ġeneri f’dak li jirrigwarda n-nisa u l-irġiel; |
|
15. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi metodoloġija għall-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneru b’rabta mal-programmi ffinanzjati mill-UE, u tagħmel disponibbli data u indikaturi speċifiċi għall-ġeneru, f’konformità ma’ dak li ġie miftiehem fl-aħħar Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri ta’ taħriġ adatti għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni biex jimplimentaw aħjar dawn il-metodoloġiji ġodda; |
|
16. |
jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19, li affettwat b’mod partikolari s-setturi ekonomiċi bi preżenza qawwija tan-nisa, aggravat l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri. In-nisa huma impjegati aktar ta’ spiss f’dawk li tradizzjonalment jitqiesu bħala “impjiegi tan-nisa”, bħall-kura tas-saħħa, il-bejgħ bl-imnut u l-kura tat-tfal. Dan wassal biex dawn il-ħaddiema nisa jkunu l-aktar esposti matul il-pandemija, u ġew esposti b’mod sproporzjonat għall-virus u l-impatt tal-kriżi. L-akbar impatt fuq il-ġeneru tal-COVID-19 jidher mhux biss f’rati aktar baxxi ta’ impjieg, iżda wkoll fid-diffikultà akbar għan-nisa – meta mqabbla mal-irġiel – biex jirritornaw għax-xogħol wara t-tmiem tar-restrizzjonijiet: għalhekk għandhom jiġu stabbiliti għodod adegwati biex jinkoraġġixxu l-integrazzjoni mill-ġdid tan-nisa li tilfu l-impjieg tagħhom bħala riżultat tal-lockdowns, inkluż billi tiġi sfruttata l-esperjenza minn kriżijiet preċedenti; |
|
17. |
iqis li, fost id-diversi strumenti ta’ politika tal-Unjoni, il-politika ta’ koeżjoni hija partikolarment adatta biex tikkontribwixxi għal żieda reali fil-livell tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kemm f’termini tal-volum tal-finanzjament kif ukoll tan-natura u l-finalizzazzjoni tiegħu; jenfasizza li, b’mod partikolari fir-reġjuni fejn il-programmi tagħhom jammontaw għal sehem sinifikanti tal-baġit globali, l-impatt fuq il-ġeneru huwa wkoll funzjoni ta’ kif il-programmi jiġu fformulati u implimentati; |
|
18. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u b’mod partikolari lill-Istati Membri biex jikkoordinaw mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jfasslu ftehimiet ta’ sħubija, sabiex jitqiesu l-isfidi relatati ma’ politiki effettivi dwar l-ugwaljanza fil-livell lokali u reġjonali; |
|
19. |
jenfasizza, fil-fatt, kif id-diversi fondi tal-politika ta’ koeżjoni jagħmluha possibbli li jiġu implimentati miżuri mmirati direttament lejn iż-żieda għal aktar ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-impjieg, fl-inklużjoni soċjali, fl-edukazzjoni u fil-kura tat-tfal, bħalma huwa l-każ tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għandu jikkontribwixxi aktar, minn investimenti u servizzi b’appoġġ għall-intraprenditorija femminili, sat-tnaqqis tad-differenza bejn il-ġeneri fir-riċerka u l-innovazzjoni u t-titjib tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika, tal-ICT u dik soċjali; |
|
20. |
jitlob, għalhekk, li l-kontribut għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma jitqiesx bħala kompitu tal-Fond Soċjali biss, li huwa fond li primarjament huwa ffukat fuq il-persuni, iżda għandu jiġi mill-fondi kollha, inkluż il-FEŻR, li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa mmirat lejn in-negozji, u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li għandu rwol importanti fil-promozzjoni tal-iżvilupp taż-żoni rurali u ta’ villaġġi żgħar ħafna li huma mbiegħda mill-bliet, oqsma fejn il-problema tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol spiss hija aktar akuta; jeħtieġ li jittejbu s-sinerġiji bejn il-koeżjoni, il-fondi għall-irkupru u programmi oħra li jeżistu fil-marġni tal-politika ta’ koeżjoni; |
|
21. |
itenni bil-qawwa li l-politika ta’ koeżjoni trid tindirizza l-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u tqis l-objettivi relatati bħala prijorità, peress li mhuwiex realistiku li tiġi prevista koeżjoni ekonomika u soċjali akbar mingħajr ma tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jiġu eliminati d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi fil-pagi; |
|
22. |
itenni għalhekk li, fost il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jitqiesu sew matul dan il-perkors, l-interpretazzjoni tal-miżuri tal-politika dwar il-ġeneri hija wkoll ta’ importanza kbira bħala għodda għat-tilħiq konkret tal-objettivi tal-politiki ta’ koeżjoni; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tinkludi taqsima speċifika dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-8 Rapport annwali dwar il-Fond ta’ Koeżjoni; |
|
23. |
jirrakkomanda li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-programmi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2021-2027 jiżviluppaw proġetti u miżuri li jkollhom l-għan li: a) jappoġġjaw ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja, billi jistimulaw lin-negozji sabiex jadottaw strateġiji adatti fuq il-postijiet tax-xogħol; b) iħeġġu l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ nisa li tilfu xogħolhom minħabba l-COVID-19; c) iżidu u jtejbu s-servizzi ta’ kura, sabiex jonqos il-piż minn fuq in-nisa; d) jimplimentaw azzjonijiet speċifiċi u mmirati li jkollhom l-għan li jħeġġu lin-nisa jipparteċipaw f’oqsma ta’ attività li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel; e) jiġġieldu kontra l-isterjotipi u r-rwol tal-ġeneru, kif ukoll jipprevjenu d-diskriminazzjoni u l-fastidju sesswali u tal-ġeneru fuq il-post tax-xogħol; f) joffru ħiliet u kompetenzi professjonali biex jiggwidaw il-proċess kumplessiv tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru; g) jipprovdu lill-benefiċjarji tal-fondi Ewropej appoġġ u linji gwida sabiex il-perspettiva tal-ġeneru tiġi inkorporata b’mod aħjar fl-oqsma differenti ta’ intervent, mill-politiki dwar ix-xogħol sa dawk dwar ir-riċerka u l-iżvilupp, u mill-ħarsien tal-ambjent sat-trasport pubbliku u t-teknoloġiji diġitali; h) in-nisa jiġu mħeġġa jsiru intraprendituri; i) tingħata attenzjoni lit-tfassil tal-infrastruttura bil-għan li titjieb is-sikurezza tan-nisa; j) jiġu promossi azzjonijiet sabiex jiggarantixxu t-tagħlim fi skejjel imħalltin u jieqfu l-isterjotipi u r-rwoli tal-ġeneru fis-swali tal-iskejjel; u k) tiġi eliminata l-immaġni sessista tan-nisa fil-media; |
|
24. |
jirrakkomanda li l-awtoritajiet maniġerjali tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 jikkooperaw, jikkoordinaw u jappoġġjaw il-korpi tal-ugwaljanza fil-kisba ta’ ħiliet u għarfien speċifiċi sabiex jintegraw b’mod sistematiku l-perspettiva tal-ġeneru matul iċ-ċiklu tal-fondi, kemm fit-tħejjija tal-programmi operazzjonali, fl-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll fil-fażi ta’ evalwazzjoni, biex b’hekk ikun possibbli li jiġi aċċertat l-impatt li dawn il-programmi għandhom fuq it-tnaqqis tad-disparitajiet bejn il-ġeneri matul u wara l-implimentazzjoni tagħhom; |
|
25. |
jittama li l-evalwazzjoni tal-mudelli għall-organizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi (eż. it-trasport pubbliku), kif ukoll il-mudelli ta’ intervent b’mod ġenerali, jiġu estiżi dejjem aktar sabiex tiġi vverifikata l-konsistenza tagħhom mal-objettivi tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
|
26. |
iqis li huwa ta’ importanza kbira li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi inkorporata wkoll fil-pjani nazzjonali ta’ rkupru mfassla fl-ambitu ta’ NextGenerationEU, billi jiġu applikati l-prinċipji u l-għodod għall-valutazzjoni tal-ġeneru għal proġetti kbar; |
|
27. |
jirrakkomanda li d-data u l-istatistika meħtieġa jkunu disponibbli għall-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex iwettqu valutazzjonijiet adegwati tal-inugwaljanzi eżistenti bejn il-ġeneri; |
|
28. |
iħeġġeġ sabiex ikun hemm tixrid akbar ta’ għodod bħall-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneru u l-ibbaġitjar sensittiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru fil-livell tal-programmi Ewropej, li bħalissa rarament jintużaw; |
|
29. |
jiġbed l-attenzjoni għall-esperjenza tal-perjodu 2014-2020 fir-rigward tal-punti kritiċi li ġejjin li għandha tingħata attenzjoni dwarhom: a) id-disparità bejn id-dikjarazzjonijiet formali u l-akkwisti attwali; b) in-nuqqas ta’ għarfien adegwat dwar kif għandha tiġi implimentata l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b’mod partikolari fl-interventi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali; c) il-ħtieġa għal aktar enfasi fuq il-ġeneri fil-kriterji tal-għażla u fis-sistemi ta’ evalwazzjoni; d) il-fatt li tinħtieġ rabta aktar b’saħħitha bejn l-istrateġiji nazzjonali u l-azzjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; e) l-utilità tal-iżvilupp ta’ sistema ta’ governanza għall-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
|
30. |
jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jaqsmu ideat u prattiki tajba mal-korpi tas-soċjetà ċivili attivi fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u li jeħtieġ li jissaħħu t-taħriġ, il-koordinazzjoni u l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni, fir-rigward kemm tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni kif ukoll tas-sħubija. |
Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2021.
Apostolos TZITZIKOSTAS
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni