This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021IR3911
Opinion of the European Committee of the Regions — Eradicating homelessness in the European Union: the local and regional perspective
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-eradikazzjoni tal-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea: il-perspettiva lokali u reġjonali
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-eradikazzjoni tal-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea: il-perspettiva lokali u reġjonali
COR 2021/03911
ĠU C 97, 28.2.2022, pp. 26–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
28.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 97/26 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-eradikazzjoni tal-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea: il-perspettiva lokali u reġjonali
(2022/C 97/06)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Sfond u introduzzjoni
|
1. |
jinnota li l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar probabbilment hija l-aktar manifestazzjoni severa tal-esklużjoni soċjali fl-Ewropa. Hija problema soċjetali urġenti li teħtieġ aktar attenzjoni minn dawk li jfasslu l-politika fil-livelli rilevanti kollha inklużi l-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE; |
|
2. |
jenfasizza li l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar hija kwistjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE. Il-firxa u n-natura tal-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar ivarjaw, iżda ebda Stat Membru ma rnexxielu jsolvi l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar; |
|
3. |
jirrimarka li l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar hija realtà dinamika li ma tikkonċernax biss lill-persuni mingħajr dar li jgħixu fit-triq. Il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar għandha tinkludi wkoll lil persuni li jgħixu f’ċentri ta’ kenn jew f’postijiet li mhumiex maħsuba għall-akkomodazzjoni, persuni li dalwaqt jitilqu minn istituzzjoni mingħajr ebda alternattiva ta’ akkomodazzjoni, kif ukoll dawk kollha li m’għandhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji u/jew li jiddependu minn membri tal-familja jew ħbieb għal akkomodazzjoni okkażjonali. Is-sottovalutazzjoni tar-realtà kumplessa ta’ persuni mingħajr dar għall-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar li jgħixu fit-toroq iwassal biss għal interventi ta’ politika ta’ kwalità baxxa. Huwa importanti li ssir distinzjoni bejn sitwazzjonijiet ta’ każijiet totali ta’ kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar u dawk fejn ikun hemm network minimu ta’ appoġġ, peress li l-azzjoni jeħtieġ li tkun imfassla għal ċirkostanzi differenti sabiex tiġi ottimizzata l-effettività tal-interventi ta’ politika; |
|
4. |
jinnota bi tħassib li l-ġentrifikazzjoni, il-kiri għal żmien qasir għat-turisti fil-bliet u l-finanzjalizzazzjoni — flimkien mal-konsegwenzi tal-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi globali ta’ dawn l-aħħar deċennji — wasslu għal sitwazzjoni fejn il-provvista ta’ djar affordabbli naqset b’mod konsiderevoli, speċjalment fi bliet u żoni metropolitani li qed jikbru, mingħajr ma jiġu sottovalutati l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-bliet iżgħar u ż-żoni rurali, li b’hekk qed jaggravaw il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar. Għalhekk huma meħtieġa aktar investimenti u qafas aħjar għall-investimenti f’akkomodazzjoni affordabbli bħala għodda ewlenija biex tiġi evitata l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar; |
|
5. |
jenfasizza li l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar hija problema multidimensjonali li taffettwa firxa ta’ nies f’termini ta’ gruppi differenti ta’ nies li għandhom bżonn attenzjoni (in-nisa, iż-żgħażagħ, it-tfal, l-immigranti u l-persuni li jfittxu ażil, eċċ.), li jgħixu f’kondizzjonijiet vulnerabbli u prekarji. Il-kawżi u l-fatturi li jiskattaw il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar huma multipli u jinkludu fatturi strutturali bħan-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli, il-qgħad, id-diskrepanzi fil-kopertura mis-sistema tal-protezzjoni soċjali, id-diskriminazzjoni u n-nuqqasijiet fil-politiki tal-migrazzjoni, kif ukoll fatturi personali bħal saħħa mentali batuta, vizzji u problemi ta’ relazzjonijiet personali. Kwalunkwe politika effettiva trid tindirizza n-natura multidimensjonali tal-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar; |
|
6. |
jinnota li, skont l-istimi tal-NGO Ewropea FEANTSA, fl-2019, kien hemm minn tal-inqas 700 000 persuna li jorqdu fit-triq jew f’ċentri ta’ kenn fi kwalunkwe lejl, dan jirrappreżenta żieda ta’ 70 % f’10 snin. Il-Kumitat jinsab mħasseb ħafna dwar l-għadd li qed jikber b’rata mgħaġġla tal-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar fl-UE f’dawn l-aħħar żminijiet; |
|
7. |
jirrimarka li l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bħad-dritt għal akkomodazzjoni kif minqux fil-Karta Soċjali Ewropea riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar tista’ tkun ukoll ksur ta’ diversi drittijiet ċivili u politiċi, bħad-dritt għall-protezzjoni kontra trattament inuman jew degradanti u d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, u f’xi każijiet anke d-dritt għall-ħajja; |
|
8. |
jilqa’ l-fatt li l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar b’mod gradwali qed issir prijorità tal-politika soċjali fl-Ewropa — u fil-livell internazzjonali. Diversi organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU u l-OECD kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-UE dan l-aħħar ħadmu fuq il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar Il-Kumitat jilqa’ din l-attenzjoni internazzjonali u jittama li din se tgħin lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jtejbu l-mod kif jindirizzaw il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar; |
|
9. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar għandha dimensjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-saħħa pubblika. B’mod partikolari, persuni mingħajr dar li jinsabu f’ċentri ta’ kenn, huma aktar suxxettibbli li jiġu infettati, li jiddaħħlu l-isptar u li jmutu wara infezzjoni minħabba l-kondizzjonijiet tal-għajxien u l-kondizzjonijiet mediċi sottostanti tagħhom; |
|
10. |
jemmen li l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar tista’ tiġi solvuta jekk l-aħjar taħlita ta’ politiki ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ koordinazzjoni tiġi implimentata b’mod sostnut u sistemiku. Din it-taħlita ta’ politiki għandha tinvolvi kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi soċjali u s-servizzi tal-akkomodazzjoni, flimkien mas-sistema ġudizzjarja, u soluzzjonijiet ibbażati fuq l-akkomodazzjoni, bħall-approċċ ta’ “l-akkomodazzjoni l-ewwel” (Housing First). Dawn is-soluzzjonijiet ibbażati fuq l-akkomodazzjoni, li għandhom l-għan li jindirizzaw il-privazzjoni ta’ akkomodazzjoni, u jippromovu l-inklużjoni soċjali ta’ individwi u familji b’diffikultajiet soċjoekonomiċi, jistgħu jiġu ottimizzati permezz ta’ forom innovattivi ta’ akkomodazzjoni, u ffinanzjati permezz ta’ investimenti pubbliċi-privati u tat-tielet settur. Hemm biżżejjed evidenza biex jiġi konkluż li l-ġestjoni tal-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar li hija bbażata biss fuq sistema ta’ ċentri ta’ kenn hija ineffiċjenti, ineffettiva u għalja; |
|
11. |
jaqbel mal-fehma li soluzzjonijiet iffukati fuq l-akkomodazzjoni għandhom jitqiesu bħala dritt, aktar milli soġġetti għal rispons ta’ mġiba u/jew kisbiet (1). Fl-istess ħin, l-iżgurar ta’ akkomodazzjoni għandu jkun parti minn approċċ komprensiv li jiżgura l-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ strutturali kif ukoll personalizzati li jassistu lin-nies biex ma jibqgħux mingħajr dar, u li jindirizzaw b’mod effettiv il-kawżi ewlenin tal-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar fuq bażi individwali. Kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi soċjali u tas-saħħa hija kruċjali, speċjalment fil-kuntest tal-pandemija. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li ssir enfasi wkoll fuq il-prevenzjoni, billi jiġu introdotti miżuri speċifiċi li jgħinu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli u li jinsabu f’riskju li jispiċċaw bla dar; |
|
12. |
jargumenta li statistika aġġornata dwar il-profil u n-natura tal-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar hija essenzjali għat-tfassil tajjeb tal-politika u l-provvista ta’ servizzi. Il-Kumitat jinnota b’dispjaċir li m’hemm l-ebda data uffiċjali tal-UE dwar il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, u jitlob li tittieħed azzjoni urġenti biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata; |
|
13. |
jissuġġerixxi li, fin-nuqqas ta’ definizzjoni Ewropea tal-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jużaw bħala definizzjoni qafas il-klassifikazzjoni ETHOS, li tkopri l-kondizzjoni ta’ persuni li jorqdu barra, il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, l-għajxien f’akkomodazzjoni prekarji, u l-għajxien f’akkomodazzjoni inadegwata. Dan jiffaċilita l-kooperazzjoni Ewropea; |
|
14. |
ifakkar fit-talba tiegħu biex tingħata attenzjoni speċjali wkoll lill-problema tal-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar fost iż-żgħażagħ LGBTIQ, biex titqajjem kuxjenza u jiġu promossi ċentri ta’ kura u postijiet ta’ kenn għaż-żgħażagħ fil-komunitajiet lokali (2); |
|
15. |
jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi ewlenin fil-ġlieda kontra l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, iżda ħafna drabi ma jkollhomx lievi ta’ politika ewlenin u l-appoġġ finanzjarju sabiex ikunu effettivi. Għalhekk, il-politiki dwar il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar għandhom jinvolvu l-livelli rilevanti kollha ta’ gvern; |
|
16. |
jirrimarka li l-approċċ sostnut u sistemiku ta’ “l-akkomodazzjoni l-ewwel” jista’ jkun il-bażi biex tiġi indirizzata b’suċċess il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, kif kien il-każ f’xi Stati Membri tal-UE bħall-Finlandja; |
|
17. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, li tnediet mill-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Portugiża tal-UE f’Ġunju 2021. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-inklużjoni tal-Pjattaforma fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għalkemm “jesprimi dispjaċir f’dan ir-rigward li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jistabbilixxi l-ebda mira kwantitattiva għall-ġlieda kontra l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar” (3); |
|
18. |
japprova wkoll is-sejħa tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern biex il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar tiġi indirizzata bħala prijorità tal-politika soċjali tal-UE fl-isforzi kollha biex tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali u jiġi indirizzat il-faqar, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni ta’ Porto ta’ Mejju 2021; |
Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
|
19. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea jkollha rwol attiv fil-koordinazzjoni tal-Pjattaforma u biex talloka biżżejjed riżorsi tal-UE biex tiżgura governanza effettiva u impatt ta’ politika viżibbli. Il-Kumitat jistenna bil-ħerqa l-involviment attiv tal-Istati Membri, permezz tal-livelli kollha ta’ gvern tagħhom, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-Pjattaforma, kif ukoll l-isforzi tagħhom biex itemmu l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar sal-2030, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni ta’ Lisbona dwar il-Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, u f’konformità mal-Aġenda 2030 tan-NU dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Ta’ min jinnota li l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar timmina l-kisba ta’ diversi Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, jiġifieri l-Għanijiet 1, 2, 3, 6, 8, 10 u 11, li jappellaw għal politiki trasversali biex din il-kondizzjoni tiġi indirizzata b’mod effettiv; |
|
20. |
huwa impenjat li jaqdi rwol attiv fil-Pjattaforma, anke bħala membru tal-Bord ta’ Tmexxija, sabiex ileħħen l-isfidi li jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġlieda kontra l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar. Għal dan il-għan iħeġġeġ lill-Pjattaforma sabiex tirrikonoxxi bis-sħiħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tiffaċilita l-involviment sħiħ tagħhom f’dan l-isforz; |
|
21. |
jissuġġerixxi li l-Pjattaforma tqis l-interessi u t-tħassib tal-popolazzjoni mingħajr dar fil-ħidma politika futura tagħha, u li l-attivitajiet relatati mal-Pjattaforma jiġu integrati fil-programmi ta’ ħidma tal-kummissjonijiet rilevanti bħas-SEDEC. Il-Kumitat jista’ jorganizza b’mod regolari konferenza Ewropea dwar dawk il-politiki lokali u reġjonali dwar il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tiegħu; |
|
22. |
jissuġġerixxi li FEANTSA tingħata rwol importanti fil-koordinazzjoni u/jew il-ġestjoni tal-Pjattaforma peress li hija l-uniku ċentru Ewropew ta’ għarfien u prattika transnazzjonali fl-Ewropa u l-għarfien espert tagħha huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ u diġà tintuża fl-iżvilupp tal-politika dwar il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. L-għarfien espert ta’ FEANTSA se jkun kruċjali biex il-Pjattaforma tinbidel minn idea għal realtà; |
|
23. |
iqis li hemm erba’ linji ta’ azzjoni importanti għall-Pjattaforma: il-faċilitazzjoni ta’ skambji transnazzjonali u t-tagħlim reċiproku; il-promozzjoni tal-aċċess għall-finanzjament u l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE; il-ġbir ta’ data u l-monitoraġġ tal-progress tal-politika; u l-identifikazzjoni u l-għajnuna biex jiżdiedu l-innovazzjonijiet promettenti, bħall-“akkomodazzjoni l-ewwel”; |
|
24. |
jissuġġerixxi li “l-akkomodazzjoni l-ewwel” issir tema ta’ prijorità tal-Pjattaforma, minħabba l-interess li qed jikber b’rata mgħaġġla fost id-diversi partijiet interessati bħall-gvernijiet nazzjonali u lokali, l-NGOs u l-fornituri tal-akkomodazzjoni. Il-Kumitat jemmen li “l-akkomodazzjoni l-ewwel”, li għandha tkun ikkomplementata b’mod imperattiv minn servizzi ta’ appoġġ soċjali ta’ kwalità għolja sabiex il-persuni jiġu megħjuna jindirizzaw l-isfidi personali, għandha twassal għal bidla sistemika fil-mod kif tiġi indirizzata l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar u mhux biss tiġi promossa fil-livell tal-proġett; |
|
25. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura enfasi qawwija fuq il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar fl-inizjattivi ta’ politika rilevanti kollha tal-UE bħall-Garanzija Ewropea għat-Tfal, l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, l-Istrateġija tal-UE dwar l-LGBT, l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali, il-Programm tal-UE għas-Saħħa, il-Patt tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, u l-Inizjattiva tal-UE dwar l-Akkomodazzjoni Affordabbli; |
|
26. |
jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw il-finanzjament u l-opportunitajiet ta’ finanzjament mingħajr preċedent tal-UE sabiex jindirizzaw il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, speċjalment dawk relatati mal-FSE+, il-FEŻR u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-Kummissjoni għandha tippromovi b’mod attiv l-użu tal-Fondi Strutturali mal-awtoritajiet ta’ ġestjoni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u t-tielet settur. Il-Kumitat jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment jappoġġja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw proposti ta’ investiment li jistgħu jiġu ffinanzjati taħt il-Programm InvestEU bħala parti miċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti; |
|
27. |
jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-kooperazzjoni transnazzjonali bejn il-bliet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u tikkapitalizza fuq il-ħidma li diġà saret dwar il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar taħt il-Programm URBACT u l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani (Inizjattiva UIA); |
|
28. |
jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu l-enfasi fuq il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar fil-proċess tas-Semestru tal-UE, u jikkunsidraw il-ħruġ ta’ Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż dwar il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar għall-Istati Membri fejn il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar saret emerġenza soċjali; |
|
29. |
jistieden lill-Kunsill tal-Ewropa, f’konformità mal-Artikolu 31(2) tal-Karta Soċjali Ewropea (4) aġġornata tiegħu, biex jagħti attenzjoni partikolari lill-emerġenza tal-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, u lill-aġenziji rilevanti tal-UE biex jikkunsidraw li jniedu attivitajiet dwar il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, u jqisu l-impatt devastanti tagħha fuq l-individwi u n-nisġa soċjali usa’. Jistieden b’mod partikolari għall-involviment tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, peress li l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar hija fost l-aktar ksur urġenti tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa; tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, peress li l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr djar hija l-aktar forma estrema ta’ standards tal-għajxien baxxi; taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, peress li l-persuni mingħajr dar huma affettwati b’mod sproporzjonat minn mard infettiv; tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, peress li l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar hija problema li qed tikber f’diversi Stati Membri tal-UE fost iċ-ċittadini mobbli tal-UE li jivvjaġġaw għal skopijiet ta’ xogħol; u taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, peress li l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr djar tista’ tkun il-fattur li jiskatta l-vizzju jew hija konsegwenza ta’ vizzju; |
|
30. |
jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex fil-politiki tagħhom jintegraw l-iżvilupp u l-finanzjament tal-innovazzjoni soċjali applikata għall-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, kif ikkunsidrat fil-Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Innovazzjoni Soċjali, bħala waħda mill-mezzi kif tiġi evitata l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar; |
|
31. |
jistieden lill-Istati Membri kollha jiżviluppaw strateġiji nazzjonali dwar il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u b’approċċ b’saħħtu bbażat fuq l-akkomodazzjoni u fuq il-post, sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw il-bliet u r-reġjuni differenti. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi sett ta’ għodod Ewropej biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-ippjanar strateġiku tagħhom; |
|
32. |
jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE jwaqqfu minnufih il-kriminalizzazzjoni u l-penalizzazzjoni tal-persuni li jorqdu barra, f’konformità mal-ġurisprudenza dwar id-drittijiet tal-bniedem u kif mitlub mill-Parlament Ewropew. |
Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2021.
Apostolos TZITZIKOSTAS
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) “Fighting homelessness and housing exclusion in Europe — A study of national policies” (Il-ġlieda kontra l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar u l-eslużjoni mill-akkomodazzjoni — Studju tal-politiki nazzjonali), Network Ewropew dwar il-Politika Soċjali (2019) (https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=21629&langId=en) (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) SEDEC-VII/015, l-Opinjoni tal-KtR dwar “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025”.
(3) L-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar L-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali minn perspettiva lokali u reġjonali (COR-2021-01127).
(4) Artikolu 31(2): Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-problema ta’ persuni mingħajr dar bil-għan li din tiġi eliminata gradwalment (https://www.coe.int/en/web/european-social-charter).