This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CN0408
Case C-408/21 P: Appeal brought on 2 July 2021 by the Council of the European Union against the judgment of the General Court (Second Chamber) delivered on 21 April 2021 in Case T-252/19, Pech v Council
Kawża C-408/21 P: Appell ippreżentat fit-2 ta' Lulju 2021 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-21 ta’ April 2021 fil-Kawża T-252/19, Pech vs Il-Kunsill
Kawża C-408/21 P: Appell ippreżentat fit-2 ta' Lulju 2021 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-21 ta’ April 2021 fil-Kawża T-252/19, Pech vs Il-Kunsill
ĠU C 51, 31.1.2022, p. 15–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
31.1.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/15 |
Appell ippreżentat fit-2 ta' Lulju 2021 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-21 ta’ April 2021 fil-Kawża T-252/19, Pech vs Il-Kunsill
(Kawża C-408/21 P)
(2022/C 51/19)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: A. de Gregorio Merino, E. Dumitriu-Segnana, K. Pavlaki, E. Rebasti, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Laurent Pech, Ir-Renju tal-Isvezja
Talbiet
— |
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali; |
— |
tiddeċiedi definittivament dwar il-kwistjoni suġġett ta’ dan l-appell; u |
— |
tikkundanna lir-rikorrent fil-Kawża T-252/19 għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fl-ewwel istanza u fil-kuntest ta’ dan l-appell. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill jinvoka tliet aggravji:
L-ewwel aggravju: interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1)
L-ewwel parti tal-aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni dwar jekk l-opinjoni mitluba għandhiex portata partikolarment wiesgħa u interpretat dan il-kriterju, stabbilit mill-ġurisprudenza, b’mod li jrendih ineffettiv. Billi ma rrispondietx għall-argumenti mressqa mill-Kunsill f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.
It-tieni parti tal-aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura delikata tal-opinjoni ġudizzjarja fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kuntest li fih ingħatat, b’mod partikolari n-natura determinanti li għandha għall-proċess deċiżjonali. L-interpretazzjoni tan-natura delikata tal-opinjonijiet ġuridiċi proposta mill-Qorti Ġenerali, li tiżola l-kontenut ta’ opinjoni ġuridika miċ-ċirkustanzi li hemm madwara, hija ġuridikament żbaljata u ċċaħħad mill-parti l-kbira tal-essenza tagħha l-protezzjoni offruta mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament.
It-tielet parti tal-aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni dwar jekk l-iżvelar tal-opinjoni ġuridika jimminax il-proċeduri legali li jmiss billi jikkomprometti l-ugwaljanza bejn il-partijiet quddiem il-qorti u d-drittijiet tad-difiża tal-Kunsill.
It-tieni aggravju: interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001
L-ewwel parti tat-tieni aggravju: billi ddeċidiet dwar l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-deċiżjoni konfermattiva kellha – imma kienet naqset milli – tiċċita elementi tanġibbli. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali llimitat ir-raġunament tagħha għal affermazzjonijiet ġenerali li, flimkien, jiċħdu l-protezzjoni minflok ma jirrispondu b’mod speċifiku għall-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-Kunsill rigward ir-riskju li kien jikkostitwixxi l-proċess deċiżjonali tiegħu.
It-tieni parti tat-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-prinċipju ta’ responsabbiltà demokratika li fuqu huwa bbażat it-tisħiħ tat-trasparenza tad-dokumenti leġiżlattivi japplika bl-istess mod għad-dokumenti kollha relatati mal-proċeduri leġiżlattivi, kemm jekk ikunu jinkludu pożizzjonijiet ta’ persuni li jieħdu deċiżjonijiet kif ukoll jekk ikunu jikkostitwixxu kontribuzzjonijiet ta’ servizzi interni, inkluż is-servizz ġuridiku.
It-tielet aggravju: ksur tal-Artikolu 113 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali u żnaturament tal-fatti
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura u li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kienu nbdew proċeduri ġudizzjarji kontra r-Regolament 2020/2092 (2) għal dak li jikkonċerna eżattament l-istess kwistjonijiet ġuridiċi bħala dawk eżaminati fl-opinjoni. Din hija irregolarità ta’ proċedura li ma ppermettietx lill-Kunsill jinstema’ dwar element essenzjali għall-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
(2) Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU 2020, L 443 I, p. 1).