Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0755

Kawża T-755/21: Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Diċembru 2021 – Illumina vs Il-Kummissjoni

ĠU C 37, 24.1.2022, p. 54–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/54


Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Diċembru 2021 – Illumina vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-755/21)

(2022/C 37/71)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Illumina, Inc. (Wilmington, Delaware, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: D. Beard, Barrister-at-law, u P. Chappatte, lawyer)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 2021 fil-Każ COMP/M.10493 adottata skont l-Artikolu 8(5)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (1) (i) li tikkonstata li Illumina implimentat l-akkwist ta’ GRAIL bi ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet; (ii) li timponi fuq Illumina u GRAIL il-miżuri interim stabbiliti fit-Taqsima 4.7 tad-Deċiżjoni; u (iii) li titlob lil Illumina u GRAIL jimplimentaw jew jiksbu l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri minnufih, u fin-nuqqas ta’ dan jiġu imposti sanzjonijiet perjodiċi (iktar ’il quddiem id-Deċiżjoni); u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni ma taqax taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni inkwantu l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet ma japplikax. B’mod partikolari:

Is-setgħa tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet sabiex tadotta d-Deċiżjoni tiddependi fuq il-konċentrazzjoni implimentata bi ksur tal-Artikolu 7.

Jekk il-kontestazzjoni ta’ Illumina fil-Każ T-227/21 tad-deċiżjoni tar-rinviju tintlaqa’ u d-deċiżjonijiet ta’ rinviju jiġu annullati, f’dan il-każ Illumina qatt ma kienet tkun suġġetta għall-obbligu taħt l-Aritkolu 7 tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet li tissospendi l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni u konsegwentement, il-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta d-Deċiżjoni jew kwalunkwe parti minnha.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet fid-Deċiżjoni li jirrigwardaw il-finanzjament huma sproporzjonati. B’mod partikolari:

Ir-rekwiżit fid-Deċiżjoni li Illumina tipprovdi finanzjament għal GRAIL taħt kundizzjonijiet li jipprojbixxu lil Illumina milli tkun taf l-iskop ta’ dan il-finanzjament huwa sproporzjonat peress li Illumina għandha ħtieġa urġenti għal tali informazzjoni sabiex tikkonforma ruħha ma’ obbligi legali oħrajn.

It-tħassib tal-Kummissjoni seta’ jiġi faċilment indirizzat permezz ta’ miżuri inqas intrużivi.

3.

It-tielet motivi ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni hija sproporzjonata fit-trattament tal-obbligi kuntrattwali preeżistenti ta’ Illumina u/jew il-Kummissjoni naqset milli tipprovdi raġunijiet xierqa skont l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari:

Ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa tawtoloġiku u għaldaqstant jikser l-obbligu ta’ motivazzjoni xierqa għad-deċizjoni tagħha.

Id-Deċiżjoni tidher li titlob b’mod sproporzjonat lil Illumina tikser obbligi kuntrattwali preeżistenti sabiex tipprovdi informazzjoni lil detenturi partikolari ta’ strumenti finanzjarji.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40.


Top