EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0731

Kawża T-731/21: Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2021 – Společnost pro eHealth databáze vs Il-Kummissjoni

ĠU C 37, 24.1.2022, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/43


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2021 – Společnost pro eHealth databáze vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-731/21)

(2022/C 37/57)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrent: Společnost pro eHealth databáze (Praga, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentant: P. Konečný, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 6597 tat-2 ta’ Settembru 2021;

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti f’din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-projbizzjoni ta’ retroattività u fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ kundizzjonijiet iktar onerużi fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-proġett.

Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta ma setgħetx tirreferi għal obbligu li jirriżulta minn dokument mhux vinkolanti, li l-eżistenza tiegħu ma kinitx magħrufa mill-partijiet kuntrattwali u li fir-rigward tal-użu tiegħu qatt ma kienu taw il-kunsens tagħhom.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li r-riferiment għal obbligu li jirriżulta minn tali dokument mhux vinkolanti sar mill-konvenuta minflok riferiment għall-kuntratt inkwistjoni dwar l-għoti ta’ sussidju.

Fl-istess ħin, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ retroattività sa fejn irreferiet għall-applikazzjoni ta’ rekwiżiti formali iktar rigorużi li jirriżultaw minn dokument li kien inħoloq biss wara l-mument li fih ġie konkluż il-kuntratt dwar l-għoti ta’ sussidju.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità ta’ att legali minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-provi prodotti.

Ir-rikorrenti ssostni li, fir-rapport finali dwar l-awditu finanzjarju mwettaq, il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi prodotti mir-rikorrenti, minkejja li kien imissha ħadithom inkunsiderazzjoni, b’tali mod li kisret il-prinċipju ta’ legalità ta’ att legali.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-provi prodotti kienu ġew prodotti fuq talba mill-awditur finanzjarju.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità ta’ att legali li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ żball fil-kalkolu.

Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta wettqet żball fid-determinazzjoni tal-ammont użat bħala bażi għall-kalkolu tal-ammont finali li kellu jitħallas lura mir-rikorrenti lill-konvenuta.

Ir-rikorrenti targumenta li, jekk ikollha tħallas lura l-ammont ikkalkolat mill-konvenuta, hija tkun qiegħda tħallas lura somma li qatt ma kienet tħallset lilha, u tkun qiegħda tħallas lill-konvenuta ammont ferm ogħla.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Ir-rikorrenti ssostni li għandu jiġi rrikonoxxut favur tagħha rimbors tal-ispejjeż għall-membri tal-persunal minn tal-inqas ekwivalenti għas-salarji medji tal-impjegati kkonċernati, matul is-snin 2008 sa 2011, fil-kumpannija IT fir-Repubblika Ċeka. Ir-rikorrenti tqis li n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ dawn l-ispejjeż huwa att inġust u sproporzjonat min-naħa tal-konvenuta.


Top