Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0715

Kawża T-715/21: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Novembru 2021 – Cellnex Telecom u Retevisión I vs Il-Kummissjoni

ĠU C 37, 24.1.2022, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/42


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Novembru 2021 – Cellnex Telecom u Retevisión I vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-715/21)

(2022/C 37/56)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Cellnex Telecom, SA (Madrid, Spanja) u Retevisión I, SA (Madrid) (rappreżentanti: J. Buendía Sierra; A. Lamadrid de Pablo u N. Bayón Fernández, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara ammissibbli u tilqa’ l-motivi għal annullament invokati fir-rikorsi tagħhom;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ġunju 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28599 (C 23/2010) (ex NN 36/2010, ex CP 163/2009) mogħtija minn Spanja għall-estensjoni tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati (minbarra f’Castilla La Mancha) (1);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur manifest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u ksur tad-drittijiet proċedurali mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-partijiet interessati.

Ir-rikorrenti jallegaw f’dan ir-rigward li dan il-ksur seħħ bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata suġġett tar-rikors mingħajr ma ġiet adottata deċiżjoni ġdida għall-ftuħ ta’ proċedura, u mingħajr ma ġiet emendata d-deċiżjoni għall-ftuħ ta’ proċedura li ppreċediet id-Deċiżjoni tal-2013, u mingħajr ma ġew informati minn qabel dwar l-analiżi preliminari tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għażla.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE f’relazzjoni mal-kunċett ta’ għażla, ksur tal-oneru tal-prova u nuqqas ta’ motivazzjoni.

Ir-rikorrenti jallegaw f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni tiżbalja fl-analiżi “prinċipali” ta’ għażla tagħha meta ssostni li s-sistema ta’ riferiment hija “il-kundizzjonijiet normali tas-suq li fihom għandhom joperaw l-impriżi”, fejn tinkludi l-impriżi u s-setturi kollha tal-ekonomija. Il-Kummissjoni tiżbalja fl-analiżi “sussidjarja” ta’ għażla tagħha meta ssostni li t-teknoloġiji terrestri u bis-satellita jkunu f’sitwazzjonijiet paragunabbli fil-mument meta jingħata s-sinjal ta’ televiżjoni diġitali lil dik li d-deċiżjoni kkontestata suġġett tar-rikors issejjaħ żona II.


(1)  ĠU 2021, L 417, p. 1


Top