EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0692

Kawża T-692/21: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Ottubru 2021 – AL vs Il-Kummissjoni u OLAF

ĠU C 37, 24.1.2022, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/38


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Ottubru 2021 – AL vs Il-Kummissjoni u OLAF

(Kawża T-692/21)

(2022/C 37/51)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: AL (rappreżentant: R. Rata, avukat)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea, L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla i) d-deċiżjoni tal-OLAF OCM (2021)22007 datata 22 ta’ Lulju 2021; ii) id-deċiżjoni tal-OLAF OCM (2021)22008 datata 22 ta’ Lulju 2021; iii) id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (riferiment Ares(2021)20233749) datata 22 ta’ Marzu 2021 u iv) id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (riferiment Ares(2021)1610971) datata 3 ta’ Marzu 2021;

tikkundanna lill-konvenuti jħallsu i) l-ammont ta’ EUR 1 127,66 miżmum fl-assenza ta’ deċiżjoni amministrattiva individwali tal-PMO fir-rigward tal-irkupru; ii) l-ammont ta’ EUR 9 250,05 miżmum għal Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2021 u iii) EUR 1 ex æquo et bono bħala kumpens għad-dannu mhux materjali sostnut mir-rikorrent li jirriżulta mill-aġir illegali tal-OLAF fl-investigazzjoni OF/2016/0928/A1 li wasslet għat-tneħħija tar-rikorrent mill-kariga tiegħu;

tikkundanna lill-konvenuti jbatu l-ispejjeż tagħhom u l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur mill-OLAF tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, ikkawżat miċ-ċaħda tal-ilment tar-rikorrent tat-23 ta’ Marzu 2021 bħala inammissibbli abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita skont liema r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF ma jikkostitwixxux atti li jikkawżaw effetti ġuridiċi.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mill-OLAF tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 90a tal-imsemmija regolamenti, ikkawżat miċ-ċaħda tal-ilment tar-rikorrent datat 23 ta’ April 2021 inkwantu inammissibbli. Ir-rikorrent jallega li l-ilment kellu jiġi ddikjarat ammissibbli mill-OLAF għaliex l-OLAF huwa servizz tal-Kummissjoni, u għalhekk jagħmel parti mill-Kummissjoni, u li kellu jeżamina l-ilment tar-rikorrent.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 90(2) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal sa fejn il-Kummissjoni adottat deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda rigward l-ilment tar-rikorrent dirett kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2021 (riferiment Ares(2021)2023374) li tikkonferma d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2021 (riferiment Ares(2021)1610971).


Top