EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0603

Kawża T-603/21: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Settembru 2021 – WO vs UPPE

ĠU C 513, 20.12.2021, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 513/29


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Settembru 2021 – WO vs UPPE

(Kawża T-603/21)

(2021/C 513/44)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: WO (rappreżentant: V. Vitkovskis, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

konformement mal-Artikolu 270 TFUE, tannulla d-deċiżjoni 028/2021 tal-Kulleġġ tal-UPPE dwar iċ-ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent għall-funzjoni ta’ Prosekutur Delegat Ewropew inkwantu infondata u illegali;

tordna lill-UPPE tħallas kumpens lir-rikorrent minħabba ksur tal-protezzjoni tad-data personali tiegħu, il-proċeduri ta’ ħatra inġusti u d-deċiżjoni illegali ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni ta’ Prosekutur Delegat Ewropew.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka disa’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata biss fuq preżunzjonijiet u hija nieqsa minn motivazzjoni suffiċjenti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-inklużjoni ta’ informazzjoni fittizja dwar ir-rikorrent fid-deċiżjoni kkontestata.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq data personali relatata mar-rikorrent miksuba illegalment.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq vjolazzjoni tad-data personali tar-rikorrent mill-UPPE, inkluż fir-rigward ta’ parti mid-data fid-deċiżjoni.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija konnessa mas-sanzjoni dixxiplinari applikata fuq ir-rikorrent iktar minn ħmistax-il sena ilu u li hija bbażata fuq din is-sanzjoni dixxiplinari. Ma hemm ebda sistema legali u/jew att fl-Unjoni Ewropea li tippermetti li reati amministrattivi/nuqqas dixxiplinari jitqiesu bħala rilevanti wara li jkunu għaddew ħmistax-il sena.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li ebda wieħed mill-argumenti pprovduti mir-rikorrent ma ttieħed inkunsiderazzjoni. Ġew injorati.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-proċedura ta’ ħatra ġiet miksura billi ġew applikati kriterji addizzjonali fil-konfront tar-rikorrent u billi dan ġie evalwat fuq perijodu itwal meta mqabbel mal-kandidati l-oħra. Għaldaqstant inkiser il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-kandidati kollha.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq applikazzjoni ta’ att legali li ma kienx jeżisti, fil-konfront tal-applikant, fil-kuntest taċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu.

9.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istat Membru u l-istituzzjoni tal-Unjoni wkoll inkiser mill-UPPE. L-opinjoni tal-istituzzjoni tal-Istat Membru li nnomina lill-persuna għall-pożizzjoni ta Prosekutur Delegat Ewropew ġiet injorata. Qed jiġi sostnut ukoll li l-UPPE wettqet evalwazzjoni mhux xierqa tal-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-persuna nnominata.


Top