Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52021BP0158

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2021 dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa għas-sena finanzjarja 2022 tal-Parlament (2020/2264(BUI))

    ĠU C 506, 15.12.2021, p. 247–256 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 506/247


    P9_TA(2021)0158

    L-estimi tad-dħul u tan-nefqa għas-sena finanzjarja 2022 tal-Parlament

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2021 dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa għas-sena finanzjarja 2022 tal-Parlament (2020/2264(BUI))

    (2021/C 506/48)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 39 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2), u d-dikjarazzjonijiet konġunti maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f'dan il-kuntest (3), kif ukoll id-dikjarazzjonijiet unilaterali relatati (4),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprja ġodda (5),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Mejju 2020 dwar l-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2021 (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021 (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar it-tieni abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021 (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE (10),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar miżuri biex jiġu evitati u miġġielda l-mobbing u l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol, fl-ispazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE (11),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Parlament Ewropew (12),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020 – 2025”(COM(2020)0152),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), b'mod partikolari l-paragrafu 2.1.4 tagħha dwar “Il-bini u r-rinnovament b'użu effiċjenti tal-enerġija u tar-riżorsi”,

    wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Nofs it-Terminu 2024 tal-EMAS adottata mill-Kumitat ta' Tmexxija għall-Ġestjoni Ambjentali fi Brussell fil-15 ta' Diċembru 2020,

    wara li kkunsidra l-istudju: Il-marka tal-karbonju tal-Parlament Ewropew – Lejn in-newtralità karbonika (13),

    wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 14/2014: L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE kif jikkalkolaw, inaqqsu u jpaċu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra? (14),

    wara li kkunsidra r-rekwiżiti tal-addizzjonalità fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli), b'mod partikolari l-Premessa 90 u l-Artikolu 27 tagħha,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini tal-UE (15),

    wara li kkunsidra d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (16) u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (17),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar ir-rwol eżemplari tal-bini tagħhom fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (18);

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur (COM(2020)0789), b'mod partikolari l-paragrafu 9 dwar l-ivvjaġġar kollettiv,

    wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau bl-għan li jitħejja l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2022,

    wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fit-8 ta' Marzu 2021 skont l-Artikoli 25(7) u 102(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

    wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Kumitat għall-Baġits skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 102 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0145/2021),

    A.

    billi ż-żieda kontinwa tal-importanza fir-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur, fergħa waħda tal-awtorità baġitarja, b'setgħat ta' skrutinju u bħala promotur tad-demokrazija Ewropea, inkluż fil-kuntest tar-rispons Ewropew għall-pandemija tal-COVID-19, u skont id-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-iskrutinju baġitarju ta' proposti ġodda bbażati fuq l-Artikolu 122 tat-TFUE b'implikazzjonijiet potenzjali apprezzabbli għall-baġit tal-Unjoni (19), enfasizzat il-ħtieġa kontinwa li l-Parlament jingħata għarfien leġiżlattiv xieraq u riżorsi finanzjarji adegwati biex jiżgura l-kwalità tal-ħidma leġiżlattiva u ta' skrutinju u jikkomunika dwar ir-riżultati tiegħu; billi l-kredibbiltà tal-Parlament u tal-Membri tiegħu f'għajnejn iċ-ċittadini Ewropej tiddependi fuq il-kapaċità tal-Parlament stess li jippjana u jeżegwixxi l-infiq tiegħu bi prudenza u b'effiċjenza u b'mod iġġustifikat sabiex jirrifletti r-realtajiet ekonomiċi prevalenti;

    B.

    billi l-Kummissjoni fit-tbassir tax-Xitwa tagħha, tistma li l-PDG naqas b’6,9 % fl-2020 u tipprevedi li dan mhux se jirkupra għal-livell tal-2019 qabel l-2023; billi l-estimi adottati mill-Parlament irrappreżentaw żieda ta' 2,68 % għall-2020 u żieda ta' 2,54 % għall-2021;

    C.

    billi l-baġit propost mis-Segretarju Ġenerali għall-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament għall-2022 jirrappreżenta żieda ta' 3,31 %, ferm ogħla mir-rata ta' inflazzjoni;

    D.

    billi l-Parlament ra tnaqqis ġenerali ta' 6 % fil-persunal tiegħu matul il-perjodu tal-QFP preċedenti, li twettaq prinċipalment mill-amministrazzjoni tiegħu, filwaqt li fl-istess ħin, minn mindu ġie adottat it-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament, fir-rwol tiegħu ta' koleġiżlatur, qiegħed jittratta numru akbar ta' fajls leġiżlattivi u żied l-attivitajiet relatati man-Next Generation EU; billi jinsab mħasseb ħafna dwar l-ammont ta' xogħol mhux sostenibbli għal ħafna segretarjati speċjalizzati tal-kumitati u l-gruppi politiċi;

    E.

    billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jilħaq il-miri klimatiċi ambizzjużi tiegħu mingħajr kumpens (tpaċija) tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tiegħu permezz ta' krediti internazzjonali;

    F.

    billi aktarx fl-2021 hu mistenni li tittieħed deċiżjoni dwar il-futur tal-bini Paul-Henri Spaak, abbażi tal-eżitu ta' kompetizzjoni mill-Bureau, li jfisser żieda sinifikanti fl-infiq fil-kuntest ta' kriżi; u billi l-bini Spaak għandu jissodisfa l-ogħla standards ambjentali u ta' sikurezza;

    G.

    billi l-fond ta' pensjoni volontarja ġie stabbilit fl-1990 mir-Regoli tal-Bureau li jirregolaw l-iskema ta' pensjoni addizzjonali (volontarja) (20); billi, fil-laqgħa tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2018, il-Bureau ddeċieda li jimmodifika r-regoli applikabbli għall-fond tal-pensjoni billi jgħolli l-età tal-irtirar minn 63 għal 65 sena u billi jintroduċi imposta ta' 5 % fuq il-pagamenti tal-pensjoni għal pensjonanti futuri biex titjieb il-vijabbiltà ta' dawn il-pagamenti; billi huwa stmat li dawk il-bidliet fir-regoli naqqsu d-defiċit attwarjali b'EUR 13,3-il miljun;

    Qafas ġenerali

    1.

    Ifakkar li l-akbar sehem tal-baġit tal-Parlament huwa stabbilit permezz ta' obbligi statutorji jew kuntrattwali; jinnota li 55 % tal-baġit huwa soġġett għal indiċjar tas-salarji f'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew; ifakkar li l-previżjonijiet attwali dwar l-indiċjar tas-salarji mill-Kummissjoni għal Lulju 2021 u 2022 jammonta għal 2,9 % u 2,5 % rispettivament li jfisser żieda ta' EUR 31,9 miljun fl-2022;

    2.

    Jappoġġja l-ftehim li ntlaħaq fil-Konċiljazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits, fl-14 ta' April 2021, biex tkun iffissata ż-żieda ta' 2,4 % tal-baġit 2021, perċentwal li jikkorrispondi għal-livell kumplessiv tal-estimi għall-2022 ta' EUR 2 112 904 198, biex jitnaqqas il-livell tan-nefqa fl-abbozz preliminari tal-estimi approvat mill-Bureau fit-8 ta' Marzu 2021 ta' EUR 18,85 miljun u biex, konsegwentement, jitnaqqsu l-approprjazzjonijiet proposti għal-linji baġitarji li ġejjin:

    1004 01 – Spejjeż għall-vjaġġi regolari; sessjonijiet, kumitati jew id-delegazzjonijiet tagħhom, gruppi politiċi u mixxellanji; 1405 01 — Nefqa fuq l-Interpretazzjoni interpretazzjoni esterna; 2007 01 – Kostruzzjoni ta' bini u sistemazzjoni fil-bini; 2022 – Manutenzjoni, żamma, operat u tindif tal-bini; 2024 – Konsum tal-enerġija; 2120 01: Għamara: xiri, kiri, tiġdid, manutenzjoni u tiswija ta' għamara; 2140: Tagħmir u installazzjonijiet tekniċi; 3000 – Nefqiet għall-missjonijiet tal-persunal u vjaġġar fuq xogħol bejn it-tliet postijiet ta' xogħol; 3040 – Nefqa mixxellanja għal laqgħat interni; 3042 – Laqgħat, kungressi, konferenzi u delegazzjonijiet; 3210 09: Nefqa għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari, inklużi l-bibljoteka, l-arkivji storiċi, il-valutazzjoni tal-għażliet xjentifiċi u teknoloġiċi (STOA) u ċ-Ċentru Ewropew tal-Midja Xjentifika: nefqa għaċ-Ċentru Ewropew tal-Midja Xjentifika; 3243 01: Ċentri għall-Viżitaturi tal-Parlament Ewropew: Il-Parlamentarium u l-“Europa Experience”; 3244 01: L-Organizzazzjoni u l-akkoljenza ta' gruppi ta' viżitaturi, il-programm Euroscola u stediniet għall-multiplikaturi tal-opinjoni minn pajjiżi terzi: spejjeż ta' akkoljenza u sussidji għall-gruppi ta' viżitaturi; 4220 02: Nefqa relatata mal-assistenza parlamentari: salarji u indennizzi tal-assistenti akkreditati – Statut għall-Membri; 4220 04: Nefqa relatata mal-assistenza parlamentari: spejjeż għall-missjonijiet u l-ivvjaġġar fuq xogħol bejn it-tliet postijiet tax-xogħol u t-taħriġ estern tal-assistenti akkreditati — Statut għall-Membri;

    3.

    Jappoġġja bil-qawwa żieda ta' 76 kariga għall-gruppi politiċi u 66 kariga fis-segretarjati tal-kumitati biex jiġi akkomodat proporzjonalment l-ammont ta' xogħol akbar u jiġu implimentati l-politiki tal-Unjoni; b'mod parallel, jistieden lill-Bureau juża sinerġiji possibbli sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-amministrazzjoni, u janalizza kif id-diġitalizzazzjoni u modi ġodda ta' ħidma jgħinu biex jiġu ssimplifikati d-direttorati u jippermettu t-trasferiment tal-karigi lejn is-segretarjati tal-Kumitati; jitlob lill-Bureau jeżamina wkoll jekk l-assistenza parlamentari tal-Membri hijiex adegwata, fid-dawl tad-domanda dejjem tikber fuq il-Membri u l-persunal tagħhom;

    4.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-Baġit 2022 tal-Parlament irid ikun realistiku u preċiż sabiex jiġi evitat l-ibbaġitjar żejjed; jieħu nota tal-prattika kontinwa tat-“trasferiment ta' tlaqqit” ta' tmiem is-sena li tikkontribwixxi għall-proġetti immobiljari; jinnota li dan it-“trasferiment ta' tlaqqit” sistematikament isir fl-istess kapitoli, l-istess titoli u, spiss, eżattament fuq l-istess linji baġitarji; iqis li tali prattika tirriskja li titqies bħala bbaġitjar żejjed programmat; jitlob li, qabel it-trasferiment ta' tlaqqit li jmiss, titnieda riflessjoni dwar il-finanzjament ta' investimenti ewlenin ibbażati fuq it-trasparenza;

    L-ekoloġizzazzjoni tal-Parlament

    5.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-Parlament jeħtieġ li jkun minn ta' quddiem nett fl-adozzjoni ta' metodi ta' ħidma u prattiki ta' laqgħat aktar diġitali, flessibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, billi jittieħdu t-tagħlimiet mill-esperjenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u jiġu kapitalizzati l-investimenti teknoloġiċi li diġà ġew implimentati; jappella, f'dan il-kuntest, għal rieżami komprensiv u ambizzjuż dwar kif il-Membri, il-persunal u l-uffiċjali jwettqu l-ħidma parlamentari tagħhom; iqis li tali rieżami għandu jkollu bħala l-enfasi ewlenija tiegħu l-funzjonament effettiv u tajjeb tal-istituzzjoni, u għandu jivvaluta wkoll l-effett ta' settings remoti u ibridi fuq il-kwalità tal-laqgħat, filwaqt li jiġu evitati miżuri li jiġġeneralizzaw b'mod eċċessiv intiżi biex jiġu ffaċċjati ċirkostanzi eċċezzjonali;

    6.

    Jilqa' l-miri tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali (EMAS) tal-Parlament għall-2024; ifakkar li l-istrateġija ta' nofs it-terminu 2024 tal-EMAS tinkludi klawżola ta' rieżami biex tiżdied l-ambizzjoni ambjentali abbażi tal-prestazzjoni osservata; jistieden lill-Parlament sabiex, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, jerġa' jivvaluta l-miri tal-EMAS tiegħu fl-2022, u biex jerġa' jivvaluta 'l fuq il-miri adottati fl-2019 għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni; itenni t-talba tiegħu biex il-pjan attwali tiegħu għat-tnaqqis tas-CO2 jiġi emendat bil-għan li tintlaħaq in-newtralità karbonika sal-2030 bl-użu ta' prezz intern tal-karbonju;

    7.

    Jirrikonoxxi li kważi żewġ terzi tal-impronta tal-karbonju tal-Parlament joriġinaw mit-trasport tal-persuni; jitlob tnaqqis sostanzjali ta' vvjaġġar għal-laqgħat li jistgħu jitwettqu b'mod effettiv b'mod remot jew b'mod ibridu u l-promozzjoni ta' bidla lejn alternattivi b'livell baxx ta' karbonju għall-bqija tal-ivvjaġġar, dment li dan ma jaffettwax il-kwalità tal-ħidma leġiżlattiva u politika;

    8.

    Jitlob li t-telexogħol volontarju jiġi estiż għal aktar jiem u għal aktar funzjonijiet; Jitlob li tingħata preferenza lil laqgħat ibridi jew laqgħat kompletament remoti meta dawn ma jinvolvux teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, bħal seduti ta' smigħ u skambji ta' fehmiet jew laqgħat interni u preparatorji, filwaqt li jirrikonoxxi li l-preżenza fiżika hija aktar effiċjenti għan-negozjati politiċi, inkluż għall-forniment ta' interpretazzjoni u għal interpretazzjoni remota kull meta jkunu meħtieġa; jistieden lis-Segretarju Ġenerali sabiex, wara l-miżuri ta' kontinwità tan-negozju tal-COVID-19, jistabbilixxi qafas flessibbli ġdid għall-forniment ta' interpretazzjoni remota fl-era ta' wara l-COVID; jinnota li ż-żmien eċċessiv imqatta' fl-użu ta' għodod diġitali jista' jkollu effetti negattivi fuq il-benesseri ta' xi persuni; jitlob reviżjoni tar-regoli tal-missjonijiet sa tmiem l-2022 biex tiġi żgurata approvazzjoni xierqa bbażata fuq il-ħtiġijiet, ġustifikazzjoni speċifika għall-awtorizzazzjoni tal-missjonijiet kollha, rekwiżiti għal mezzi tat-trasport b'livell baxx ta' karbonju mingħajr ma l-Membri jiġu mxekkla milli jwettqu l-mandat tagħhom u l-esklużjoni tal-aktar modi ta' trasport dannużi bl-eċċezzjoni ta' każijiet estremi fejn jista' jkun diffiċli li jinstabu mezzi alternattivi ta' trasport għal vjaġġi twal jew lejn żoni b'aċċess diffiċli li jfixklu l-bilanċ bejn il-mira ambjentali u l-effiċjenza tal-ħidma parlamentari; jistenna li jkun hemm laqgħat ta' tħejjija totalment remoti, kif ukoll briefings remoti ta' wara l-missjoni għaż-żjarat kollha tad-delegazzjonijiet uffiċjali bħala kundizzjoni għal awtorizzazzjoni, u biex, mill-2022, l-awtorizzazzjoni għal delegazzjonijiet tiġi limitata biss għal dawk il-persuni li huma intitolati li jipparteċipaw f’tali delegazzjonijiet; jistieden lill-Bureau jiżgura li l-laqgħat straordinarji tal-kumitati fi Strasburgu jkunu strettament limitati għal ċirkostanzi eċċezzjonali u li jeħtieġ li jkunu debitament ġustifikati qabel ma jiġu approvati f'kull każ individwali;

    9.

    Iħeġġeġ lill-Membri jużaw trasport alternattiv b'livell baxx ta' karbonju; itenni t-talba tiegħu biex jiġu riveduti l-miżuri ta' implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri biex ikun jista’ jsir rimborż ta' biljetti tal-ajru flessibbli fil-klassi ekonomika għal vjaġġar fl-Unjoni, bl-eżenzjoni ta' titjiriet lejn u minn reġjuni ultraperiferiċi u titjiriet b'waqfa waħda jew aktar jew li jkunu itwal minn erba' sigħat; jinnota li l-ivvjaġġar ta' uħud mill-Membri mill-kostitwenzi tagħhom lejn il-postijiet tax-xogħol tal-Parlament jirrikjedi vjaġġi twal u jista' jsir biss bl-ajruplan;

    10.

    Jitlob għal titjib tal-infrastruttura tar-roti, tar-roti tat-tagħbija, tar-roti elettriċi u tal-iscooters elettriċi fil-bini tal-Parlament, b'mod partikolari permezz tal-installazzjoni ta' stazzjonijiet tal-parkeġġ u tat-tiswija tar-roti li jkunu faċli biex jintużaw u sikuri; jitlob lill-Parlament jikkollabora mill-qrib mal-awtoritajiet lokali rilevanti u b'mod partikolari, mar-Reġjun ta' Brussell fl-isforzi tiegħu biex ikun minn ta' quddiem fil-mobilità urbana sostenibbli billi jieħu rwol proattiv fl-implimentazzjoni tal-Pjan GoodMove; jitlob l-espansjoni tal-iskema ta' roti ta' servizz fi ħdan il-Parlament; jitlob miżuri speċifiċi biex titħeġġeġ il-mobilità attiva fost il-persunal tal-Parlament, inklużi attivitajiet ta' taħriġ speċifiku rigward l-ivvjaġġar sikur, il-manutenzjoni u t-tiswija; jitlob li jkun hemm skema pilota għar-roti tat-tagħbija għal ċerti proċessi loġistiċi fi ħdan il-Parlament u bejn il-binjiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

    11.

    Iħeġġeġ lill-persunal tal-Parlament biex juża t-trasport pubbliku u jappella għal sistema li tikkombina passes tat-trasport pubbliku sussidjati għall-persunal, u li jiġi eskluż l-intitolament għat-tieni vinjetta għall-parkeġġ, sal-2022; jistenna li l-karozzi uffiċjali jintużaw għat-trasport tal-Membri, il-persunal u l-assistenti parlamentari akkreditati (APAs) li jkunu fuq ordnijiet ta' missjoni bejn Brussell u Strasburgu; jitlob żieda adegwata fl-għadd ta' spazji għall-parkeġġ riżervati esklussivament għall-vetturi elettriċi u ħarsa ġenerali lejn l-għadd globali ta' spazji għall-parkeġġ f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli fit-tliet postijiet tax-xogħol;

    12.

    Jistenna li l-gruppi kollha ta' viżitaturi jkunu infurmati mis-servizzi tal-Parlament dwar l-impatt ambjentali tat-trasport tagħhom u li fl-2022 tiġi stabbilita sistema ta' rimborż inċentivat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar abbażi tal-impatt ambjentali; jirrikjedi lill-Bureau jibda l-proċess ta' reviżjoni tar-regoli relatati mal-gruppi ta' viżitaturi f'konformità mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur (COM(2020)0789), b'mod partikolari l-paragrafu 9 ta' dik il-Komunikazzjoni, dwar l-ivvjaġġar kollettiv, u biex jadatta l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għall-gruppi ta' viżitaturi għall-bidliet fil-prezzijiet tas-suq u biex jippermetti modifiki sabiex jiġi evitat ċaqliq fis-suq tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li joħolqu diskriminazzjoni ġeografika indiretta għall-viżitaturi;

    13.

    Jappella lill-Amministrazzjoni timmonitorja t-tkomplija fiż-żidiet fl-ispejjeż tal-enerġija previsti għall-2022 u biex tesplora l-iffrankar tal-ispejjeż u l-effiċjenzi fil-konsum; jitlob li jitwaqqaf l-aġġornament tal-installazzjonijiet tat-tisħin tal-fjuwils fossili u li jkun hemm pjan direzzjonali biex jiġu eliminati gradwalment il-fjuwils fossili skont stadji importanti speċifiċi li għandhom jiġu adottati fl-2022 biex jiġu evitati assi mitlufa u biex issir analiżi tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-użu ta' sistemi ta' pompi tas-sħana u teknoloġiji rilevanti oħra f'konformità mal-objettivi tal-EMAS; jistieden lill-Parlament ikompli jżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita enerġetika tiegħu u b'mod partikolari l-produzzjoni tal-enerġija u jistenna l-installazzjoni ta' pannelli fotovoltajċi tal-ogħla livell fuq il-bjut biex jinkiseb l-ogħla potenzjal possibbli għal tali pannelli fi Brussell sal-2023; jitlob, fl-istess ħin, it-tibdil gradwali tal-Garanziji ta' Akkwist tal-Oriġini b'sorsi tal-enerġija rinnovabbli lokali;

    14.

    Jistenna li s-servizzi tal-Parlament ikomplu jnaqqsu l-konsum tal-karti billi jimxu lejn ambjent mingħajr karti, kollettiv u online għal-laqgħat kollha, filwaqt li jkomplu jimplimentaw modalitajiet tal-firem elettroniċi; itenni t-talba tiegħu biex titwettaq analiżi ta' soluzzjonijiet alternattivi għall-bagolli f'konformità mal-objettiv tal-EMAS għal Parlament “mingħajr karti” kemm jista' jkun malajr;

    15.

    Jistenna li l-prinċipji tal-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel u tal-Ekonomija Ċirkolari jiġu applikati għall-investimenti kollha, inklużi dawk diġitali, u għad-deċiżjonijiet ta' ġestjoni; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija tal-Parlament għall-ġestjoni tal-iskart f'konformità mal-prinċipji tal-ġerarkija tal-iskart, b'mod partikolari fir-rigward ta' approċċ sostenibbli u ċirkolari għall-ġestjoni tal-iskart tal-kostruzzjoni; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa ta' miżuri biex il-Parlament ikun ħieles minn plastik li jintuża darba biss;

    16.

    Ifakkar fl-appoġġ tal-maġġoranza vasta tal-Membri tal-Parlament għal sede unika li tiżgura l-infiq effiċjenti ta' flus il-kontribwenti tal-Unjoni u biex il-Parlament jassumi r-responsabbiltà istituzzjonali tiegħu li jnaqqas l-impronta tal-karbonju tiegħu; ifakkar fil-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet sabiex jiġu ottimizzati l-ħidma istituzzjonali, l-ispejjeż finanzjarji u l-impronta tal-karbonju tal-Parlament; jemmen li l-esperjenza miksuba u l-investimenti li saru fix-xogħol u l-laqgħat remoti tista' sservi bħala bażi biex jiġu adattati l-ħtiġijiet għall-missjonijiet tal-persunal; ifakkar li skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu; jinnota li bidliet permanenti jkunu jirrikjedu bidla fit-Trattat li għaliha hija meħtieġa l-unanimità;

    17.

    Ifakkar li l-kundizzjonijiet tas-sejħiet għall-offerti għandhom imorru lil hinn mill-prinċipju tal-aħjar prezz u għandhom jinkludu wkoll il-kriterji ambjentali, soċjali u tal-ġeneru b'indikaturi dettaljati; jilqa' l-estensjoni tal-mandat tal-Helpdesk għall-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku biex jinkludi l-element soċjali u tal-ġeneru u jitlob li jiddaħħal l-obbligu li l-Helpdesk għall-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku jiġi kkonsultat f'każ ta' proċeduri ta' akkwist ta' aktar minn EUR 15 000; jistenna li l-Bureau jadotta sistema ta' rapportar dwar is-sostenibbiltà bħall-Inizjattiva Globali ta' Rapportar u l-estensjoni tagħha għall-Integrazzjoni tal-Ġeneru fir-Rapportar dwar is-Sostenibbiltà sal-2022;

    Trasparenza u responsabbiltà

    18.

    Jiddispjaċih li l-Bureau qiegħed jirrifjuta li jimplimenta r-rieda tal-Plenarja, espressa f'diversi okkażjonijiet, biex tiġi riformata l-Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali (GEA), biex b'hekk jiġi evitat b'mod attiv li flus il-kontribwenti tal-Unjoni jintużaw b'mod aktar trasparenti u responsabbli; jitlob lill-Bureau jintroduċi bidliet fir-regoli li jirregolaw il-GEA sa tmiem l-2021;

    19.

    Jiddispjaċih li l-Bureau qiegħed jirrifjuta li jimplimenta r-rieda tal-Plenarja, espressa f'diversi okkażjonijiet, rigward il-passi ta' riforma ewlenin għall-Parlament li ssemmew inizjalment fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE1, fosthom l-introduzzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ obbligatorji kontra l-fastidju għall-persunal u għall-Membri kollha; jitlob lill-Bureau jimplimenta minnufih u bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tal-Plenarja;

    20.

    Jiddispjaċih li l-Bureau qiegħed jirrifjuta li jimplimenta r-rieda tal-Plenarja, espressa f'diversi okkażjonijiet, biex l-APAs li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni tal-informaturi (21) jingħataw l-istess livell għoli ta' protezzjoni bħal dak mogħti lill-APAs vittmi ta' fastidju; jistieden lill-Bureau jiddefinixxi standards ċari u legalment ċerti dwar f'liema każijiet tista' tingħata protezzjoni lill-informaturi, inkluż lill-APAs, u jippubblika dawk l-istandards;

    21.

    Jiddispjaċih li l-Bureau jirrifjuta li jimplimenta r-rieda tal-Plenarja, espressa f'diversi okkażjonijiet, biex tittieħed azzjoni għall-allinjament sħiħ tar-rati tal-allowances tal-uffiċjali, apparti l-impjegati taċ-ċivil u l-APAs fir-rigward tal-ivvjaġġar fuq xogħol bejn it-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament; jistieden lill-Bureau jindirizza din il-kwistjoni mingħajr aktar dewmien u jieħu l-miżuri meħtieġa ħalli jirrimedja dik l-inugwaljanza mit-tkomplija tas-sessjonijiet plenarji fi Strasburgu;

    22.

    Jerġa' jitlob lill-Konferenza tal-President tirrevedi d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li jirregolaw il-ħidma tad-delegazzjonijiet u tal-missjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea; jissottolinja li tali reviżjoni għandha tqis il-possibbiltà li l-APAs, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jakkumpanjaw lill-Membri f'Delegazzjonijiet u f'Missjonijiet uffiċjali tal-Parlament;

    23.

    Jiddispjaċih li l-Bureau dewwem l-implimentazzjoni tar-rieda tal-Plenarja, espressa f'diversi okkażjonijiet, biex jaħdem fuq soluzzjoni teknika li tippermetti lill-Membri jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw filwaqt li jibbenefikaw mil-liv tal-maternità jew tal-paternità, waqt mard fit-tul jew f'każijiet ta' force majeure u jiċċaraw il-limiti legali, finanzjarji u tekniċi li tali soluzzjoni tkun tinvolvi; jemmen li kwalunkwe pass meħud f'dan ir-rigward kien jippermetti li jiġi avvanzat l-istabbiliment tal-iskema ta' xogħol u votazzjoni remoti tal-Parlament stabbilita meta feġġet il-pandemija; jistenna li, peress li issa ġiet ikkonfermata l-possibbiltà teknika, il-Bureau se jieħu f'idejh il-ħidma biex jitneħħew il-limiti legali u finanzjarji li jistgħu jibqgħu;

    24.

    Ifakkar li skont ir-Rapporti Annwali tar-Reġistru ta' Trasparenza f'dawn l-aħħar snin, madwar nofs l-entrati kollha fir-Reġistru huma żbaljati; jibża' li r-Reġistru ma jistax jissodisfa l-għan tiegħu li jipprovdi aktar trasparenza dwar l-attivitajiet tar-rappreżentanti ta' interess jekk nofs l-entrati tiegħu jipprovdu informazzjoni mhux kompluta jew żbaljata; jitlob lill-Parlament jieħu miżuri biex iżid il-preċiżjoni tar-Reġistru;

    25.

    Itenni t-talba tiegħu li l-Parlament jabbozza rapport annwali dettaljat dwar ir-rappreżentanti ta' interess u organizzazzjonijiet oħra li jkunu ngħataw aċċess għall-bini tal-Parlament, u jippubblikah f'konformità mar-regolament dwar il-protezzjoni tad-data;

    26.

    Jistenna li fil-futur il-Bureau jinforma lill-Membri b'mod proattiv dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Plenarja;

    Ġeneru

    27.

    Jitlob li ssir analiżi tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru li tirfed l-abbozz preliminari tal-estimi futuri f'konformità mal-impenn tal-Unjoni għal Ibbaġitjar Skont il-Ġeneru; jappella għal sistema speċifika ta' kontabbiltà skont il-ġeneru b'infiq għall-Membri, il-persunal u l-esperti f'forma diżaggregata skont il-ġeneru;

    28.

    Jitlob l-adozzjoni ta' kriterji ta' evalwazzjoni u monitoraġġ tal-akkwist skont il-ġeneru, ibbażati fuq il-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs preżenti fl-ispeċifikazzjonijiet kollha tal-offerti tal-Parlament;

    Infrastruttura diġitali

    29.

    Jappoġġja l-investiment fl-infrastruttura diġitali, inkluż fiċ-ċibersigurtà; jissottolinja l-ħtieġa li l-ICT tintegra soluzzjonijiet ta' software sikuri, jiġifieri, soluzzjonijiet ta' software b'sors miftuħ biex jiġi żgurat kontroll sħiħ fuq is-software u fuq il-ġestjoni tad-data mill-Parlament kif ukoll il-libertà fl-iżvilupp tal-applikazzjonijiet u li l-akkwist ta' teknoloġija għandu speċifikament jevita d-dipendenza fuq pjattaformi teknoloġiċi kbar jew il-lock-in teknoloġiku fil-konfront ta' dawn il-pjattaformi, b'mod partikolari fir-rigward tal-fornituri ta' servizz ta' cloud;

    30.

    Jisħaq li l-Parlament jeħtieġlu jintegra l-kwistjoni ambjentali fl-aġenda diġitali; jisħaq li l-innovazzjoni diġitali trid tikkontribwixxi b'mod pożittiv għat-tranżizzjoni ekoloġika; jitlob li jinkiseb tnaqqis fl-impronta ambjentali tat-teknoloġija diġitali (IT ekoloġika), b'mod partikolari permezz tal-adattament tal-politiki interni; jistieden lill-Parlament jintegra l-ekodisinn tas-servizzi diġitali fil-ġestjoni tiegħu tal-ICT u jagħżel għażliet li jirrispettaw l-ekonomija ċirkolari u jippromwovu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

    31.

    Ifakkar fir-riskji inerenti għas-sigurtà tal-informazzjoni u l-privatezza tal-użu ta' soluzzjonijiet dipendenti fuq partijiet terzi għall-kondiviżjoni ta' data sensittiva u l-impatt pożittiv ta' software b'sors miftuħ għall-awtonomija diġitali u l-benefiċċji tiegħu f'termini ta' sigurtà; jinsisti li l-utenti għandhom ikunu jistgħu jużaw software b'sors miftuħ fuq l-apparat tal-Parlament, u jenfasizza l-ħtieġa għal soluzzjonijiet deċentralizzati u b'sors miftuħ għal laqgħat virtwali u għall-messaġġi istantanji; jenfasizza l-ħtieġa li l-utenti jitħarrġu b'mod xieraq b'enfasi speċjali fuq iċ-ċibersigurtà; jisħaq fuq il-ħtieġa għal software awtomatiku ta' traskrizzjoni u traduzzjoni tal-lingwa biex tiġi appoġġjata d-diffużjoni ugwali tal-informazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha;

    32.

    Iħeġġeġ bil-qawwa li jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-Parlament jakkwista software u infrastruttura diġitali, inklużi soluzzjonijiet tal-cloud, jevita effetti ta' intrappolament tal-bejjiegħa permezz ta' rekwiżiti ta' portabbiltà u interoperabbiltà sħiħa, juża software b'sors miftuħ u jalloka l-akkwisti biex ikunu mmirati lejn l-SMEs u lin-negozji ġodda;

    33.

    Jisħaq li d-data u l-għodod tas-software ġġenerati mis-settur pubbliku u/jew data u għodod tas-software ffinanzjati pubblikament għandhom ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw, ikunu aċċessibbli b'mod miftuħ u konformi mad-drittijiet fundamentali u, jekk ikunu maħsuba għal użu kritiku, irid ikollhom ċertifikazzjoni tas-sigurtà jew verifika tas-sigurtà; iqis li, barra minn hekk, l-IA użata mill-Parlament għandha tiġi rilaxxata bħala sors miftuħ, fl-ambitu tal-proċedura ta' akkwist pubbliku, u b'dokumentazzjoni tas-software u l-algoritmi aċċessibbli biex b'hekk ikun jista' jsir rieżami dwar kif is-sistema tal-IA tkun waslet għal konklużjoni partikolari; jenfasizza li awditu tad-drittijiet fundamentali għandu jkun parti minn valutazzjoni tal-konformità minn qabel;

    34.

    Jinnota li ddaħħlu fis-seħħ sistemi ta' votazzjoni remota biex jissalvagwardjaw il-kontinwità tal-ħidma tal-Parlament matul il-pandemija; jitlob li dawn is-sistemi ta' votazzjoni jiġu unifikati;

    35.

    Jappella għal networks bla fili aktar veloċi u aktar sikuri fit-tliet postijiet tax-xogħol;

    Ħidma maċ-ċittadini

    36.

    Jissottolinja li l-Parlament huwa l-unika istituzzjoni tal-Unjoni soġġetta għal vot universali dirett; iqis li huwa importanti li ċ-ċittadini jiġu pprovduti b'fehim aħjar tal-attivitajiet tal-Parlament kif ukoll li titqajjem kuxjenza politika u jiġu promossi l-valuri tal-Unjoni; jappella għal żieda fil-mezzi diġitali għal parteċipazzjoni diretta maċ-ċittadini;

    37.

    Jappoġġja l-istabbiliment ta' Europa Experiences fl-Istati Membri kollha sal-2024; jieħu nota tal-konferma li d-dewmien ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 mhux se jikkomprometti l-istadji kritiċi; jappoġġja l-amministrazzjoni fil-politika tagħha li għandha l-għan li timmassimizza s-sinerġiji; jistenna li l-impatt baġitarju fit-tul tal-Europa Experiences f'termini ta' spejjeż operattivi jiġi ppreżentat lill-Kumitat għall-Baġits qabel l-adozzjoni tal-baġit 2022; ifakkar li Europa Experiences għandha tippermetti liċ-ċittadini kollha jifhmu aħjar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet Ewropej;

    38.

    Iqis li l-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLOs) għandhom ikabbru n-network tagħhom u jinvolvu ruħhom aktar maċ-ċittadini; jistieden lill-Parlament jiżviluppa laqgħat u avvenimenti bħall-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ (EYE) bejn il-Membri u ż-żgħażagħ fil-livell lokali permezz tal-EPLOs tiegħu;

    39.

    Jirrikonoxxi l-importanza tal-gruppi ta' viżitaturi; jinnota li l-ebda grupp ta' viżitaturi ma seta' jżur il-bini tal-Parlament matul il-pandemija tal-COVID-19; ifakkar li, f'konformità mad-deċiżjoni tal-Bureau tal-5 ta' Ottubru 2020, 40 % tal-kwota mhux użata tal-2020 ġiet riallokata għall-2022; jilqa' l-fatt li l-Parlament jinvesti sforzi konsiderevoli fis-servizzi li joffri lill-viżitaturi, speċjalment għaż-żgħażagħ li jibqgħu grupp ta' destinatarji ewlieni; jitlob li ma jkun hemm ebda żieda addizzjonali fl-allowances għall-viżitaturi għall-bqija tal-leġiżlatura lil hinn minn dak li huwa operazzjonalment fattibbli;

    40.

    Jirrikonoxxi li madwar 50 miljun persuna jappartjenu għal diversi minoranzi lingwistiċi, reġjuni u komunitajiet fl-Unjoni; ifakkar li l-Parlament iħeġġeġ l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, inklużi l-minoranzi nazzjonali, reġjonali u lingwistiċi, fl-Unjoni; ifakkar li l-Parlament jappoġġja bil-qawwa l-multilingwiżmu u jippromwovi d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali, reġjonali u lingwistiċi; iqis li l-Parlament jista' jikkontribwixxi b'mod attiv għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni billi jipprovdi informazzjoni wkoll fil-lingwi tal-minoranzi, tar-reġjuni u tal-komunitajiet lingwistiċi, fejn xieraq; jitlob lill-Bureau janalizza l-fattibbiltà u jistma l-ispiża finanzjarja tal-forniment ta' materjali ta' komunikazzjoni, pereżempju għaċ-Ċentri Europa Experience u l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fil-lingwi tal-minoranzi, tar-reġjuni u tal-komunitajiet lingwistiċi fi ħdan l-Istati Membri differenti;

    41.

    Jistieden lill-Bureau jfassal it-traduzzjoni ta' riżoluzzjonijiet ewlenin dwar il-politika barranija adottati skont l-Artikolu 54 (Rapporti fuq inizjattiva proprja) fil-lingwi uffiċjali mhux tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (jiġifieri l-Għarbi, iċ-Ċiniż u r-Russu), kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati skont l-Artikolu 132 (riżoluzzjoni li takkumpanja d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni/VP/RGħ) u l-Artikolu 144 (riżoluzzjoni ta' urġenza) fil-lingwa uffiċjali tal-pajjiż ikkonċernat, bil-ħsieb li jissaħħu l-impatt u s-sensibilizzazzjoni tal-attivitajiet tal-Parlament fil-qasam tal-affarijiet barranin, u jistieden lill-awtorità baġitarja tiżgura li jkun hemm biżżejjed approprjazzjonijiet disponibbli għal dan l-għan.

    42.

    Jistieden lis-Segretarju Ġenerali janalizza l-fattibbiltà tal-introduzzjoni tal-interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali internazzjonali għad-dibattiti plenarji kollha, f'konformità mat-talbiet adottati mill-Plenarja, u jimplimenta din id-deċiżjoni fir-rigward tal-prinċipju ta' aċċess ugwali għaċ-ċittadini kollha;

    43.

    Iqis li huwa ta' importanza kbira li kull istituzzjoni tal-Unjoni involuta fit-twaqqif u l-ġestjoni tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li jmiss, inkluż il-Parlament, għandha tkun mgħammra b'mod adegwat bil-baġits amministrattivi biex din tkun suċċess diġà mill-komunikazzjoni tal-estimi tad-dħul u n-nefqa;

    44.

    Jitlob li tiġi introdotta l-opportunità għaċ-ċittadini u r-residenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi sħab biex jagħmlu żjarat virtwali ggwidati fil-Parlament sabiex jinkiseb fehim aħjar tax-xogħol u l-valuri tal-istituzzjoni fost il-pubbliku ġenerali;

    45.

    Jitlob li jkun hemm servizz ta' viżitaturi ddedikat għall-anzjani li jenfasizza l-programmi u l-politiki tal-Unjoni li jippromwovu t-tixjiħ attiv;

    Proġetti immobiljari oħra

    46.

    Jistenna ppjanar u teħid ta' deċiżjonijiet aktar trasparenti u dettaljati, inkluż l-għoti ta' informazzjoni bikrija, b'kunsiderazzjoni dovuta għall-Artikolu 266 tar-Regolament Finanzjarju rigward il-politika immobiljari tal-Parlament; jappella għal dibattitu dwar il-funzjonament tal-Parlament u rieżami tal-ħtiġijiet tal-ispazju tal-Parlament fid-dawl tal-effetti tal-pandemija u taż-żieda mistennija fit-telexogħol u, jekk ikun xieraq, għall-adattament tal-istrateġija immobiljari tiegħu fit-tul; jisħaq li ppjanar bir-reqqa għandu jippermetti ffrankar sostanzjali;

    47.

    Jitlob lill-Bureau jħabbar id-deċiżjoni tiegħu dwar il-bini Paul-Henri Spaak, inkluża analiżi dettaljata tal-ispejjeż u tad-dokumenti ġustifikattivi; jieħu nota tan-nuqqas ta' disponibbiltà tal-bini Spaak matul ix-xogħlijiet ta' rinnovazzjoni u jitlob li jiġi ottimizzat l-ispazju diġà disponibbli f'konformità mal-ħtiġijiet tal-Parlament; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-impenn tal-Parlament li jwettaq l-adattament u r-rinnovament neċessarji tal-bini tiegħu sabiex jinħoloq ambjent aċċessibbli għall-utenti kollha f'konformità mal-istandards tal-Unjoni; jirrakkomanda li d-diversità u l-kriterji ta' inklużjoni jiġu kkunsidrati kif xieraq fl-ippjanar u fir-ristrutturar tal-bini tal-Parlament;

    48.

    Jilqa' d-deċiżjoni tal-Bureau li jadotta passaporti tal-bini għall-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-portafoll tal-bini tal-Parlament; jistenna li l-użu tal-għodda l-ġdida jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effettiva tal-perkors biex jinkiseb bini newtrali għall-klima jew passiv kemm jista' jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-2050; jistenna wkoll li l-passaport ikun jinkludi t-titjib tal-kwalità tal-arja ta' ġewwa u l-bini b'saħħtu;

    49.

    Jinnota li l-baġit propost mis-Segretarju Ġenerali għall-2022 jipprevedi EUR 4,358 miljun għall-kostruzzjoni fid-daħla tal-bini WEISS u jinnota wkoll li EUR 8 miljun kienu diġà previsti fil-baġit tal-2021 għal tali kostruzzjoni; jitlob informazzjoni aġġornata dwar l-ispejjeż ġenerali ta' dan il-proġett;

    Kwistjonijiet oħrajn

    50.

    Itenni t-talba tiegħu lill-Bureau biex jistabbilixxi flessibbiltà sħiħa tal-preżenza tal-Membri matul il-Ġimgħat Ekoloġiċi biex jiġu ffaċilitati l-arranġamenti ta' ħidma tagħhom;

    51.

    Ifakkar fl-Artikolu 27(1) u (2) tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (22) li jiddikjara li “[I]l-fond għall-pensjoni volontarja mwaqqaf mill-Parlament Ewropew għandu jinżamm wara d-dħul fis-seħħ ta' dan l-Istatut għall-Membri jew ex Membri li diġà kisbu drittijiet jew jeddijiet futuri f'dak il-fond” u li “[D]rittijiet miksuba u drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom”; jistieden lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau jirrispettaw bis-sħiħ l-Istatut għall-Membri u jistabbilixxu pjan ċar għall-Parlament li jassumi u jieħu f'idejh l-obbligi u r-responsabbiltajiet għall-iskema tal-pensjoni volontarja tal-Membri tiegħu flimkien mal-Fond tal-Pensjoni;

    52.

    Jinnota li l-fornituri tas-servizzi ntlaqtu ħażin mill-pandemija; jilqa' l-isforzi tal-Parlament, bħall-forniment ta' ikliet ta' solidarjetà, biex jgħinu jitnaqqas l-impatt fuq is-sottokuntratturi u l-impjegati tagħhom; jenfasizza l-fatt li s-sottokuntrattar tas-servizzi tat-tindif u tal-forniment tal-ikel ipoġġi lin-nies, prinċipalment lin-nisa, f'pożizzjoni estremament vulnerabbli; jinsab imħasseb ħafna dwar l-għadd enormi ta' sensji lil impjegati fil-kumpanija tal-forniment tal-ikel, il-Grupp COMPASS; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti tal-Parlament biex, f'kollaborazzjoni mas-sottokuntratturi, jinvestigaw is-soluzzjonijiet alternattivi possibbli kollha biex jissalvagwardjaw l-impjiegi fi ħdan il-qafas tad-djalogu soċjali u jakkwistaw servizzi addizzjonali ġustifikabbli fir-rigward tal-użu tal-baġit tal-Parlament; jistieden lill-Parlament jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiżgura li l-ogħla standards tal-liġi tax-xogħol għall-persunal tat-tindif, li huwa magħmul prinċipalment min-nisa, u għall-persunal tal-forniment tal-ikel qed jiġu rispettati minn kuntratturi esterni, b'mod partikolari fir-rigward tal-pressjoni psikoloġika u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; jistieden lill-Bureau jikkunsidra mill-ġdid il-politika ta' esternalizzazzjoni tal-Parlament;

    53.

    Jappella lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau biex inisslu kultura ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni fl-amministrazzjoni kollha tal-Parlament u approċċ ta' ġestjoni razzjonalizzata sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà ambjentali, u jitnaqqsu d-dokumentazzjoni u l-burokrazija fil-qafas tal-ħidma interna tal-istituzzjoni; jisħaq fuq il-fatt li l-esperjenza ta' ġestjoni razzjonalizzata hija t-titjib kontinwu tal-proċedura tal-ħidma bis-saħħa tas-semplifikazzjoni u l-esperjenza tal-persunal amministrattiv;

    54.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi riveduta l-politika tar-riżorsi umani tal-Parlament sabiex l-istituzzjoni tkun tista' tagħmel użu mill-għarfien espert miksub mill-persunal kollu tal-Parlament; jemmen li huwa għalhekk meħtieġ li jinbidlu r-regoli biex il-kategoriji kollha tal-persunal, inklużi l-Assistenti Parlamentari Akkreditati, ikunu jistgħu jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet interni u jistabbilixxu skemi ta' żvilupp tar-riżorsi umani li jippermettu lill-Parlament iżomm l-għarfien espert ta' dawn il-kategoriji għas-servizz tal-Istituzzjoni;

    55.

    Jistieden lis-Segretarju Ġenerali jivvaluta r-riskji relatati mal-impjieg ta' għadd dejjem jikber ta' aġenti kuntrattwali, inkluż il-periklu li tinħoloq struttura tal-persunal b'żewġ livelli fi ħdan il-Parlament; jinsisti li l-kompiti u l-karigi permanenti ewlenin għandhom jitwettqu minn persunal permanenti;

    56.

    Jappella għal aktar flessibbiltà u inqas burokrazija fil-ġestjoni u l-kuntratti tal-uffiċċji tal-Membri tal-PE filwaqt li jitqiesu l-iżbalji ripetuti tal-pjattaformi online u d-diffikultà biex joperaw mill-bogħod matul il-pandemija tal-COVID-19; jitlob lis-Segretarjat u lis-servizzi finanzjarji tal-Parlament biex jistabbilixxu sett speċjali ta' regoli flessibbli;

    57.

    Jinnota li kull semestru l-Parlament jilqa' madwar 250 trainee fi Brussell; iqis li t-trainees kollha tal-Parlament għandhom jiġu offruti l-istess tnaqqis għat-trasport bħall-membri l-oħra tal-persunal; iqis li dawn il-miżuri ma jżidux piż sinifikanti fuq il-baġit tal-Parlament u jirriżultaw fi tnaqqis sinifikanti tal-ispejjeż għat-trainees fi Brussell;

    58.

    Ifakkar li jeħtieġ li jiġu ddedikati riżorsi adegwati għall-finanzjament ta' attivitajiet kulturali u artistiċi fil-bini tal-Parlament u barra minnu, sabiex jiġi enfasizzat l-appoġġ tiegħu għas-settur kulturali u kreattiv;

    59.

    Ifakkar fl-impenn politiku tal-Parlament fir-rigward tal-uffiċċji ta' kollegament esterni tiegħu u jħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiżgura l-kundizzjonijiet meħtieġa, bħall-ġestjoni konġunta tal-bini fejn ikun meħtieġ, u jiżgura l-akkreditazzjoni tal-istatus diplomatiku tal-persunal tal-Parlament lill-awtoritajiet tal-Istati ospitanti;

    60.

    Jappella għal rapporti annwali f'waqthom u trasparenti tal-Awtorità għall-Partiti Politiċi u l-Fondazzjonijiet;

    61.

    Iqis li l-pandemija tal-COVID-19 għandha impatti negattivi fuq il-vivaċità tal-Parlament; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat Parlament dinamiku u animat ladarba tintemm il-kriżi tal-COVID-19; jitlob għalhekk lill-Bureau jwettaq analiżi maħsuba biex jinstabu prattiki ġodda li jistgħu jagħmlu lill-Parlament aktar vivaċi, segwiti minn rakkomandazzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati permezz ta' reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura, jekk ikun meħtieġ;

    o

    o o

    62.

    Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2022;

    63.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

    (2)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

    (3)  ĠU C 444 I, 22.12.2020.

    (4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0357, Anness II.

    (5)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

    (6)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15.

    (7)  Testi adottati, P9_TA(2020)0123.

    (8)  Testi adottati, P9_TA(2020)0302.

    (9)  Testi adottati, P9_TA(2020)0385.

    (10)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 19..

    (11)  Testi adottati, P8_TA(2018)0331.

    (12)  Testi adottati, P8_TA(2019)0010.

    (13)  https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2020/652735/IPOL_STU(2020)652735_EN.pdf

    (14)  ĠU C 364, 15.10.2014, p. 3.

    (15)  Testi adottati, P9_TA(2020)0227.

    (16)  Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).

    (17)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

    (18)  Testi adottati, P7_TA(2012)0306.

    (19)  ĠU C 444 I, 22.12.2020, p. 5.

    (20)  Testi adottati mill-Bureau, PE 113.116/BUR./rev. XXVI/ 01-04-2009.

    (21)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

    (22)  Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (2005/684/KE, Euratom) (ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1).


    Fuq