Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DP0067

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-11 ta' Frar 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/2361 fir-rigward tal-arranġamenti għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (C(2021)0766 – 2021/2562(DEA))

ĠU C 474, 24.11.2021, pp. 175–176 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 474/175


P9_TA(2021)0067

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: arranġamenti għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-11 ta' Frar 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/2361 fir-rigward tal-arranġamenti għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (C(2021)0766 – 2021/2562(DEA))

(2021/C 474/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2021)0766),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2021, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 4 ta' Marzu 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 65(5) u 93(6) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

wara li kkunsidra l-fatt li ma saret ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fid-9 ta' Marzu 2021,

A.

billi l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (“il-Bord”) jiddependi fuq id-data dwar l-assi totali u l-iskoperturi għar-riskju totali li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jiġbor mingħand l-entitajiet li huma soġġetti għall-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni biex jikkalkula t-tariffi superviżorji msemmija fir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (2) meta jikkalkula l-kontribuzzjonijiet annwali individwali msemmija fir-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2361 (3); billi r-Regolament (UE) Nru 1163/2014 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2019/2155 tal-Bank Ċentrali Ewropew (4), u b'hekk inbidel l-approċċ ta' impożizzjoni minn wieħed li jipprevedi l-ħlas bil-quddiem tat-tariffi superviżorji annwali lill-BĊE għal wieħed li jipprevedi l-impożizzjoni ta' tariffi superviżorji biss wara t-tmiem tal-perjodu tariffarju rilevanti;

B.

billi dawk il-bidliet mill-BĊE jeħtieġu emendi għall-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data u għall-ħruġ tal-avviżi ta' kontribuzzjoni skont ir-Regolament delegat (UE) 2017/2361 sabiex tinżamm il-koerenza bejn is-sistema tal-Bord ta' ġbir bil-quddiem tal-kontribuzzjonijiet u r-reġim il-ġdid tal-BĊE, u biex il-Bord ikun jista' jkompli jikkalkula u jiġbor bil-quddiem il-kontribuzzjonijiet annwali;

C.

billi r-regolament delegat għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza peress li l-Bord jeħtieġ li japplika l-arranġamenti tranżitorji sabiex jiġbor il-kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tiegħu għas-sena finanzjarja 2021 malajr kemm jista' jkun wara l-bidu tas-sena;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2014/41) (ĠU L 311, 31.10.2014, p. 23).

(3)  Ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2361 tal-14 ta' Settembru 2017 dwar is-sistema finali ta' kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (ĠU L 337, 19.12.2017, p. 6).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/2155 Tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta' Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1163/2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2019/37) (ĠU L 327, 17.12.2019, p. 70).


Top