This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021IP0080
European Parliament resolution of 11 March 2021 on the draft Commission implementing decision authorising the placing on the market of products containing, consisting of or produced from genetically modified cotton GHB614 × T304-40 × GHB119 pursuant to Regulation (EC) No 1829/2003 of the European Parliament and of the Council (D070621/02 — 2021/2553(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 × T304-40 × GHB119 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D070621/02 – 2021/2553(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 × T304-40 × GHB119 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D070621/02 – 2021/2553(RSP))
ĠU C 474, 24.11.2021, pp. 66–73
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
24.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 474/66 |
P9_TA(2021)0080
Qoton ġenetikament modifikat GHB614 × T304-40 × GHB119
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 × T304-40 × GHB119 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D070621/02 – 2021/2553(RSP))
(2021/C 474/06)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 × T304-40 × GHB119 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D070621/02, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2013 dwar applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' ikel u għalf ġenetikament modifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemendaw ir-Regolamenti (KE) Nru 641/2004 u (KE) Nru 1981/2006 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tal-11 ta' Jannar 2021, li matulha ma ngħatat l-ebda opinjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (3), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-21 ta' Ġunju 2018, u ppubblikata fil-25 ta' Lulju 2018 (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”) (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, |
|
A. |
billi, fit-30 ta' Settembru 2014, Bayer CropScience AG (“l-applikant”) ressaq applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, li jikkonsistu minn jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 × T304-40 × GHB119 (“il-qoton ĠM”) f'konformità mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi l-applikazzjoni kopriet ukoll it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qoton ĠM, jew li jikkonsistu minn tali qoton, għal użi oħra għajr l-ikel u l-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni; |
|
B. |
billi, fil-21 ta' Ġunju 2018, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli, li ġiet ippubblikata fil-25 ta' Lulju 2018; |
|
C. |
billi l-qoton ĠM huwa derivat minn inkroċjar ta' tliet eventi tal-qoton ġenetikament modifikat (“ĠM”), u jagħti tolleranza għall-erbiċidi li fihom il-glufosinat u l-glifosat (“l-erbiċidi komplementari”) minbarra li jipproduċi żewġ proteini insettiċidi (tossini “Bt” jew “Cry”): Cry1Ab u Cry2Ae, li huma tossiċi għal ċerti larvi lepidopterani li jieklu l-qoton (6); |
|
D. |
billi, filwaqt li l-konsum taż-żejt taż-żerriegħa tal-qoton min-naħa tal-bniedem jista' jkun relattivament limitat fl-Ewropa, jista' jinstab f'varjetà wiesgħa ta' prodotti tal-ikel, inklużi t-taħwir tal-ikel, il-majoneż, prodotti fini tal-forn, kremi u biċċiet taċ-ċikkulata; billi l-qoton jingħata lill-annimali prinċipalment fil-forma ta' kejk/għalf taż-żerriegħa tal-qoton jew bħala żerriegħa tal-qoton b'kontenut sħiħ ta' xaħam (7); billi l-qoton jiġi kkunsmat ukoll fil-forma ta' dqiq tal-qoton mill-bnedmin; |
|
E. |
billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li ikel jew għalf ĠM ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qiegħda titqies fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha; billi dawn il-fatturi leġittimi għandhom jinkludu l-obbligi tal-Unjoni skont l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (“SDGs”) tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (“KDB tan-NU”); |
|
F. |
billi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 503/2013 jirrikjedi valutazzjoni dwar jekk il-prattiki agrikoli mistennija jinfluwenzawx l-eżitu tal-punti tat-tmiem studjati; billi, skont dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, dan huwa speċjalment rilevanti għall-pjanti reżistenti għall-erbiċidi; billi, barra minn hekk, is-siti differenti magħżula għall-provi fuq il-post għandhom jirriflettu l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u agronomiċi differenti li fihom tkun se titkabbar l-għalla; |
Nuqqas ta' data dwar l-espressjoni ġenika u l-kompożizzjoni tal-pjanti
|
G. |
billi, il-provi fuq il-post għall-valutazzjoni agronomika u tal-kompożizzjoni tal-qoton ĠM twettqu fl-Istati Uniti fi tmien siti biss, iżda mhux f'żoni oħra rilevanti għall-produzzjoni tal-qoton; billi intużat biss data minn sena waħda, l-2012, biex tiġi prodotta data dwar il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi rilevanti li fihom jistgħu jitkabbru l-pjanti; |
|
H. |
billi, il-glufosinat u l-glifosat ma ntużawx fid-dożi għoljin li jistgħu jkunu mistennija fil-kuntest taż-żieda fir-reżistenza għall-ħaxix ħażin; |
|
I. |
billi l-EFSA naqset milli titlob li jsiru aktar studji, eż. provi fuq il-post li jdumu aktar minn staġun wieħed u minn siti f'reġjuni oħra li jipproduċu l-qoton; billi, barra minn hekk, ma ġiet iġġenerata l-ebda data li tirrappreżenta kundizzjonijiet ambjentali aktar estremi, bħal dawk ikkawżati mit-tibdil fil-klima, minkejja li ntwera li l-fatturi ambjentali jistgħu jħallu impatt fuq l-espressjoni tat-tossini Bt (8); |
Nuqqas ta' valutazzjoni tal-erbiċidi komplementari
|
J. |
billi għadd ta' studji wrew li l-għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi jirriżultaw f'użu akbar ta' erbiċidi komplementari, fil-biċċa l-kbira minħabba l-emerġenza ta' ħaxix ħażin tolleranti għall-erbiċidi (9); billi, b'konsegwenza ta' dan, għandu jkun mistenni li l-qoton ĠM ikun espost għal dożi kemm ogħla kif ukoll ripetuti ta' glufosinat u glifosat, u li għalhekk il-ħsad jista' jkun fih kwantità ogħla ta' residwi; |
|
K. |
billi għad hemm dubji dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat; billi, f'Novembru 2015, l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġenu, filwaqt li, f'Marzu 2017, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi kkonkludiet li l-ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju ta' dan, fl-2015, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, l-aġenzija speċjalizzata dwar il-kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ikklassifikat il-glifosat bħala karċinoġenu possibbli għall-bnedmin; |
|
L. |
billi, skont l-EFSA, id-data tossikoloġika li tippermetti li ssir valutazzjoni tar-riskju għall-konsumaturi għal diversi prodotti ta' dekompożizzjoni tal-glifosat rilevanti għall-għelejjel ĠM tolleranti għall-glifosat hija nieqsa (10); |
|
M. |
billi l-glufosinat huwa kklassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni 1B u għalhekk jissodisfa l-“kriterji ta' limitu” stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11); billi l-approvazzjoni għall-użu tal-glufosinat fl-Unjoni skadiet fil-31 ta' Lulju 2018 (12); billi l-qoton ġenetikament modifikat ġie doppjament tolleranti għall-glufosinat, u ppermetta l-użu ta' dożi saħansitra ogħla fuq il-pjanti; |
|
N. |
billi l-istudji juru li l-glifosat u l-glufosinat jista' jkollhom impatt serju fuq il-mikrobijoma (13), u konsegwentement it-tossiċità fit-tul (tossiċità mħallta) tal-ikel u l-għalf sħaħ tat-tossini Bt fuq l-imsaren mill-bexx bil-glifosat u l-glufosinat għandha l-ewwel tiġi vvalutata qabel ma tintlaħaq kwalunkwe konklużjoni dwar l-impatti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel; |
|
O. |
billi l-valutazzjoni tar-residwi ta' erbiċidi u tal-prodotti ta' diżintegrazzjoni tagħhom misjuba fi pjanti ĠM titqies li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM) u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-OĠM; billi dan huwa problematiku peress li l-mod kif l-erbiċidi komplementari jiġu dekomposti mill-pjanta ĠM kkonċernata, u l-kompożizzjoni u għalhekk it-tossiċità tal-prodotti ta' dekompożizzjoni (“metaboliti”), jistgħu jiġu affettwati mill-modifika ġenetika nnifisha (14); |
Mistoqsijiet pendenti dwar it-tossini Bt
|
P. |
billi l-proteini Cry1Ab u Cry2Ae prodotti f'Escherichia coli (E. coli) u B. thuringiensis intużaw rispettivament għat-twettiq tal-istudji tas-sikurezza, minflok ma ntużaw proteini prodotti mill-pjanta ĠM nnifisha (15), jiġifieri li l-valutazzjoni tal-effetti tossiċi hija bbażata fuq l-ekwivalenza preżunta tat-tossini Bt prodotti artifiċjalment f'batterji bit-tossini Bt prodotti mill-pjanti; billi, madankollu, sabiex jitqiesu b'mod adegwat l-effetti sinerġistiċi, il-valutazzjonijiet ma għandhomx ikunu bbażati biss fuq testijiet b'tossini Bt transġeniċi prodotti f'sistemi mikrobiċi; |
|
Q. |
billi, barra minn hekk, ftit li xejn jista' jiġi attribwit għal testijiet tossikoloġiċi mwettqa bil-proteini waħedhom, minħabba l-fatt li t-tossini Bt fl-għelejjel ĠM, bħall-qamħirrun, il-qoton u l-fażola tas-sojja, huma intrinsikament aktar tossiċi minn tossini Bt iżolati; billi dan huwa minħabba li l-inibituri tal-proteażi (PI), preżenti fit-tessut tal-pjanti, jistgħu jżidu t-tossiċità tat-tossini Bt billi jdewmu d-degradazzjoni tagħhom; billi dan il-fenomenu ntwera f'għadd ta' studji xjentifiċi, inkluż wieħed imwettaq għal Monsanto 30 sena ilu li wera li anke l-preżenza ta' livelli estremament baxxi ta' PI saħħet it-tossiċità tat-tossini Bt sa 20 darba (16); |
|
R. |
billi dawk l-effetti qatt ma tqiesu fil-valutazzjonijiet tar-riskju tal-EFSA, minkejja li huma rilevanti għall-pjanti Bt kollha approvati għall-importazzjoni jew għall-kultivazzjoni fl-Unjoni; billi r-riskji li jirriżultaw minn din it-tossiċità msaħħa minħabba l-interazzjoni bejn it-tossini PI u Bt, għall-bnedmin u l-annimali li jikkunsmaw ikel u għalf li fihom it-tossini Bt ma jistgħux jiġu esklużi; |
|
S. |
billi għadd ta' studji juru li ġew osservati effetti kollaterali li jistgħu jaffettwaw is-sistema immunitarja wara esponiment għal tossini Bt u li xi tossini Bt jista' jkollhom karatteristiċi aġġuvanti (17), li jfisser li dawn jistgħu jżidu l-allerġeniċità ta' proteini oħra li jidħlu f'kuntatt magħhom; |
|
T. |
billi l-valutazzjoni tal-interazzjoni potenzjali ta' residwi tal-erbiċidi u l-metaboliti tagħhom mat-tossini Bt titqies li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju; billi dan huwa problematiku peress li r-residwi mill-bexx bil-glifosat u l-glufosinat huma magħrufa li jiddisturbaw il-mikrobijoma li, pereżempju, tista' żżid ir-reazzjonijiet immuni flimkien mat-tossini Bt (18); |
Għelejjel Bt: effetti fuq organiżmi mhux fil-mira u żieda fir-reżistenza
|
U. |
billi, għall-kuntrarju tal-użu ta' insettiċidi, fejn l-esponiment ikun fil-ħin tal-bexx u għal żmien limitat wara, l-użu ta' għelejjel Bt ĠM jwassal għal esponiment kontinwu tal-organiżmi fil-mira u dawk li mhux fil-mira għat-tossini Bt; |
|
V. |
billi s-suppożizzjoni li t-tossini Bt juru modalità ta' azzjoni waħda speċifika għall-mira ma tistax tibqa' titqies bħala korretta u l-effetti fuq organiżmi mhux fil-mira ma jistgħux jiġu esklużi (19); billi ġie rrappurtat li għadd dejjem akbar ta' organiżmi mhux fil-mira jiġu affettwati b'ħafna modi; billi 39 pubblikazzjoni rieżaminati bejn il-pari li jirrappurtaw effetti negattivi sinifikanti tat-tossini Bt fuq ħafna speċijiet “barra mill-firxa” jissemmew f'ħarsa ġenerali riċenti (20); |
|
W. |
billi firxa tal-organiżmi li mhumiex fil-mira fl-Unjoni jistgħu jiġu esposti għat-tossini Bt permezz tat-tixrid, l-iskart u d-demel li jirriżultaw mill-importazzjoni tal-għejjel Bt; billi fil-valutazzjoni tar-riskju ma ġie evalwat l-ebda effett fuq organiżmi mhux fil-mira; |
|
X. |
billi l-valutazzjoni tar-riskju ma qisitx l-iżvilupp ta' reżistenza fil-pesti fil-mira għat-tossini Bt, li possibbilment jirriżulta fl-użu ta' pestiċidi anqas sikuri għall-ambjent jew għal żieda fid-dożi u l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-għelejjel ĠM fil-pajjiż tal-kultivazzjoni; billi, l-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Istati Uniti qed tippjana li jitneħħew b'mod gradwali bosta ibridi tal-qamħirrum Bt, kif ukoll xi varjetajiet tal-qoton Bt, fit-tliet snin sa ħames snin li ġejjin, minħabba ż-żieda fir-reżistenza tal-insetti għal tali għelejjel (21); |
|
Y. |
billi, filwaqt li ġie ddikjarat li l-użu tal-għelejjel Bt iwassal għal tnaqqis fl-użu tal-insettiċidi, studju riċenti ppubblikat tal-Istati Uniti (22), sab li “diversi analiżijiet dwar l-influwenza tal-għelejjel Bt fuq ix-xejriet tal-użu tal-pestiċidi ma jidhrux li qiesu t-trattamenti taż-żerriegħa u għalhekk setgħu enfasizzaw wisq it-tnaqqis fl-użu tal-insettiċidi (speċjalment rigward ‘iż-żona ttrattata’) assoċjat mal-għelejjel Bt”; |
|
Z. |
billi l-Unjoni hija parti għall-KDB tan-NU, li tagħmilha ċara li kemm il-pajjiżi li jesportaw kif ukoll dawk li jimportaw għandhom responsabbiltajiet internazzjonali fir-rigward tad-diversità bijoloġika; |
Kummenti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri
|
AA. |
billi l-Istati Membri ressqu bosta kummenti kritiċi lill-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur (23); billi dawk il-kummenti kritiċi jinkludu li d-data u l-analiżijiet tad-data pprovduti dwar l-evalwazzjoni fenotipika, il-kompożizzjoni u t-tossiċità mhumiex biżżejjed, li l-analiżi tal-kompożizzjoni ma qisitx ir-residwi u lanqas il-metaboliti tal-erbiċidi komplementari, u li l-proposta tal-applikant għal pjan ta' monitoraġġ ambjentali ma tilħaqx l-objettivi ddefiniti fl-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) u li ma tirrelatax l-attivitajiet ta' monitoraġġ mal-għanijiet rilevanti ta' protezzjoni; billi awtorità kompetenti ta' Stat Membru rrifjutat il-proposta li l-qoton ĠM jitqiegħed fis-suq fuq il-bażi li l-evalwazzjonijiet preċedenti għat-tliet eventi uniċi ma kinux biżżejjed biex jiżguraw protezzjoni għolja tas-saħħa tal-bniedem; |
Il-ħarsien tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni
|
AB. |
billi fir-rapport tal-2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel instab li, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa (25); billi l-Mira tal-SDG 3.9 tan-NU għandha l-għan, li sal-2030, tnaqqas b'mod sostanzjali l-għadd ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u tniġġis u kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija (26); billi l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-qoton ĠM iżżid id-domanda għal din l-għalla ttrattata b'erbiċida li hija tossika għar-riproduzzjoni u li ma għadhiex awtorizzata għall-użu fl-Unjoni, u b'hekk iżżid l-esponiment tal-ħaddiema f'pajjiżi terzi; billi r-riskju ta' żieda fl-esponiment tal-ħaddiema huwa ta' tħassib partikolari fir-rigward ta' għelejjel ĠM li huma tolleranti għall-erbiċidi, meta jitqies il-volumi ogħla ta' erbiċidi użati; |
Proċess deċiżjonali mhux demokratiku
|
AC. |
billi l-votazzjoni fil-11 ta' Jannar 2021 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma tat l-ebda opinjoni, li jfisser li l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri; billi 13-il Stat Membru (li jirrappreżentaw 35,52 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni) ivvutaw kontra l-awtorizzazzjoni, filwaqt li 10 Stati Membri biss (li jirrappreżentaw 27,49 %) ivvutaw favur; billi 4 Stati Membri (li jirrappreżentaw 37 %) astjenew; |
|
AD. |
billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-OĠM għadhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti b'mod ġenerali iżda sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet ta' ikel u għalf ĠM, huwa problematiku; |
|
AE. |
billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament Ewropew adotta total ta' 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM għall-ikel u għall-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Unjoni (tliet riżoluzzjonijiet); billi, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament Ewropew diġà adotta 16-il oġġezzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM; billi ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe wieħed minn dawk l-OĠM; billi r-raġunijiet li għalihom l-Istati Membri ma jappoġġawx l-awtorizzazzjonijiet jinkludu nuqqas ta' rispett għall-prinċipju ta' prekawzjoni fil-proċess tal-awtorizzazzjoni u tħassib xjentifiku relatat mal-valutazzjoni tar-riskju; |
|
AF. |
billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, tan-nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri u tal-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qiegħda tkompli tawtorizza l-OĠM; |
|
AG. |
billi ma hija meħtieġa l-ebda bidla fil-liġi biex il-Kummissjoni tkun tista' ma tawtorizzax OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat ta' Appell (27); |
|
1. |
Iqis li dan l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003; |
|
2. |
Iqis li dan l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, f'konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern; |
|
3. |
Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha; |
|
4. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni, f'ittra tal-11 ta' Settembru 2020 lill-Membri, finalment irrikonoxxiet il-ħtieġa li titqies is-sostenibbiltà f'dak li għandu x'jaqsam mad-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni dwar l-OĠM (29); jesprimi, madankollu, id-diżappunt kbir tiegħu li, minn dakinhar il-Kummissjoni kompliet tawtorizza l-OĠM għall-importazzjoni fl-Unjoni, minkejja l-oġġezzjonijiet kontinwi mill-Parlament u l-vot kontra mill-maġġoranza tal-Istati Membri; |
|
5. |
Jistieden lill-Kummissjoni timxi 'l quddiem bl-akbar urġenza rigward l-iżvilupp ta' kriterji ta' sostenibbiltà, bl-involviment sħiħ tal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar kif se jitwettaq dan il-proċess u f'liema perjodu ta' żmien; |
|
6. |
Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi sakemm ir-riskji għas-saħħa assoċjati mar-residwi jkunu ġew investigati b'mod komprensiv fuq bażi ta' każ b'każ, li jirrikjedi valutazzjoni sħiħa tar-residwi mill-bexx ta' dawn l-għelejjel ĠM b'erbiċidi komplementari, valutazzjoni tal-prodotti ta' dekompożizzjoni tal-erbiċidi u kwalunkwe effett kombinatorju, inkluż bil-pjanta ĠM stess; |
|
7. |
Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax l-importazzjoni, għall-użu bħala ikel jew għalf, ta' kwalunkwe pjanta ĠM li saret tolleranti għal sustanza erbiċida attiva mhux awtorizzata għall-użu fl-Unjoni; |
|
8. |
Jistieden lill-EFSA fl-aħħar taċċetta d-differenzi sostanzjali bejn it-tossini Bt nattivi u dawk espressi permezz ta' transġeni sintetiċi fil-pjanti tal-għelejjel ĠM, u li twessa' l-valutazzjoni tar-riskju tagħha sabiex tqis b'mod sħiħ l-interazzjonijiet u l-effetti kombinati kollha bejn it-tossini Bt, il-pjanti ĠM u l-kostitwenti tagħhom, ir-residwi mill-bexx bl-erbiċidi komplementari, l-ambjent kif ukoll l-impatti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel; |
|
9. |
Jistieden lill-EFSA ma taċċettax aktar studji tat-tossiċità bbażati fuq proteini iżolati li x'aktarx ikunu differenti fl-istruttura u fl-effetti bijoloġiċi meta mqabbla ma' dawk prodotti mill-pjanta nnifisha, u tirrikjedi li t-testijiet kollha jitwettqu b'tessuti mill-pjanta ĠM; |
|
10. |
Jistieden lill-EFSA tiżgura li d-data mill-provi fuq il-post jew mis-serer tkopri firxa wiesgħa biżżejjed ta' kundizzjonijiet agronomiċi u ambjentali biex tevalwa l-impatt tal-fatturi kollha ta' stress li għandhom ikunu mistennija waqt il-kultivazzjoni fuq l-espressjoni tal-ġeni u l-kompożizzjoni tal-pjanti; |
|
11. |
Jistieden lill-EFSA tiżgura li d-data mill-provi fuq il-post jew mis-serer tkopri firxa wiesgħa biżżejjed ta' varjetajiet differenti biex tevalwa l-impatt ta' sfondi ġenetiċi varji fuq l-espressjoni ġenetika u l-kompożizzjoni tal-pjanti; |
|
12. |
Jistieden lill-EFSA titlob data dwar l-impatt tal-konsum tal-ikel u l-għalf derivati minn pjanti ĠM fuq il-mikrobijoma intestinali; |
|
13. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, għal darb'oħra, tqis l-obbligi tal-Unjoni skont ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, il-KDB tan-NU u l-SDGs tan-NU; |
|
14. |
Jenfasizza li l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 (30), li ġew adottati fil-Parlament bħala bażi għal negozjati mal-Kunsill, jiddikjaraw li l-Kummissjoni ma għandhiex tawtorizza OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur; jinsisti li l-Kummissjoni tirrispetta din il-pożizzjoni u jistieden lill-Kunsill jipproċedi bil-ħidma tagħha u jadotta approċċ ġenerali dwar dan il-fajl bħala kwistjoni ta' urġenza; |
|
15. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 157, 8.6.2013, p. 1 .
(3) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(4) Opinjoni Xjentifika tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar il-valutazzjoni tal-qoton ġenetikament modifikat GHB614× T304-40 × GHB119 għall-użu fl-ikel u l-għalf, l-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (applikazzjoni EFSA-GMO-NL-2014-122), EFSA Journal 2018; 16(7):5349,
https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.2903/j.efsa.2018.5349
(5) Fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM. Barra minn hekk, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta r-riżoluzzjonijiet li ġejjin:
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0028). |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0029). |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × MON 88017 × 59122 × DAS-40278-9, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina żewġ, tlieta jew erba' mill-eventi uniċi MON 89034, 1507, MON 88017, 59122 u DAS-40278-9 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0030). |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikat LLCotton25 (ACS-GHØØ1-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0054). |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 (MON-89788-1), li jikkonsistu minn tali fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0055). |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u s-subkombinazzjonijiet MON 89034 × NK603 × DAS-40278-9, 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u NK603 × DAS-40278-9, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0056). |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × 1507 × 5307 × GA21, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn, tlieta, erbgħa jew ħamsa mill-eventi uniċi Bt11, MIR162, MIR604, 1507, 5307 u GA21 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0057). |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Mejju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 × MON 89788 × A5547-127, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0069). |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u NK603, u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1111 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0291). |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata SYHT0H2 (SYN-ØØØH2-5), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0292). |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 87460 × MON 89034 × MIR162 × NK603, ikunu jikkonsistu minnu jew li jkunu magħmulin minnu, u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-avvenimenti MON 87427, MON 87460, MON 89034, MIR162 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0293). |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0365). |
|
— |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × MON 87411 u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u MON 87411, li jikkonsistu minnhom jew li huma prodotti minnhom, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0366) |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MIR604 (SYN-IR6Ø4-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0367). |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 88017 (MON-88Ø17-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0368). |
|
— |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 (MON-89Ø34-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0369). |
(6) Opinjoni tal-EFSA, p. 10.
(7) Opinjoni tal-EFSA, p. 22.
(8) Ara, pereżempju, Adamczyk, J.J. Jr., Meredith, W. R. Jr., “Genetic basis for variability of Cry1Ac expression among commercial transgenic Bacillus thuringiensis (Bt) cotton cultivars in the United States” (Il-bażi ġenetika għall-varjabbiltà tal-espressjoni Cry1Ac fost il-kultivaturi tal-qoton Bacillus thuringiensis (Bt) transġeniku kummerċjali), Journal of Cotton Science, 2004, 8(1), pp. 433-440, https://pubag.nal.usda.gov/catalog/10670
u Trtikova, M., Wikmark, O.G., Zemp, N., Widmer, A., Hilbeck, A., “Transgene expression and Bt protein content in transgenic Bt maize (MON810) under optimal and stressful environmental conditions” (L-espressjoni tat-transġene u l-kontenut tal-proteina Bt fil-qamħirrum Bt transġeniku (MON810) f'kundizzjonijiet ambjentali ottimali u stressanti), Plos ONE, 2015:10(4), e0123011, https://journals.plos.org/plosone/article?id=10.1371/journal.pone.0123011
(9) Ara, pereżempju, Bonny, S., “Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides: Overview and Impact” (Għelejjel, Ħaxix Ħażin, u Erbiċidi Ġenetikament Modifikati Tolleranti għall-Erbiċidi), Environmental Management, Jannar 2016; 57(1), pp. 31-48, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738 u Benbrook, C.M., “Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. – the first sixteen years” (L-impatti ta' għelejjel modifikati ġenetikament fuq l-użu tal-pestiċidi fl-Istati Uniti – l-ewwel sittax-il sena), Environmental Sciences Europe; 28 ta' Settembru 2012, Vol. 24(1), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24
(10) Il-konklużjoni tal-EFSA dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva tal-glifosat, EFSA Journal 2015; 13(11):4302, p. 3, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4302
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
(12) https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/active-substances/?event=as.details&as_id=79
(13) Ara, pereżempju, https://www.sciencedirect.com/science/article/abs/pii/S0304389420301400?via=ihub
(14) Dan huwa fil-fatt il-każ għall-glifosat, kif iddikjarat fl-opinjoni motivata tal-EFSA “Rieżami tal-livelli massimi ta' residwi eżistenti għall-glifosat skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005”, EFSA Journal 2018; 16(5):5263, p. 12, https://www.efsa.europa.eu/fr/efsajournal/pub/5263
(15) L-Opinjoni Xjentifika tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar l-applikazzjoni EFSA-GMO-NL-2011-97 għat-tqegħid fis-suq tal-qoton T304-40 reżistenti għall-insetti u l-qoton modifikat ġenetikament tolleranti għall-erbiċidi għall-użu ta' ikel u għalf, l-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 minn Bayer CropScience AG, EFSA Journal 2013; 11(6):3251, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/3251, u l-Opinjoni Xjentifika tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar l-applikazzjoni (EFSA-GMO-NL-2011-96) għat-tqegħid fis-suq tal-qoton ġenetikament modifikat GHB119, reżistenti għall-insetti u tolleranti għall-erbiċidi għall-użu tal-ikel u l-għalf, l-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 minn Bayer CropScience AG, EFSA Journal 2016; 14(10):4586, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4586, p. 14
(16) MacIntosh, S.C., Kishore, G.M., Perlak, F.J., Marrone, P.G., Stone, T.B., Sims, S.R., Fuchs, R.L., “Potentiation of Bacillus thuringiensis insecticidal activity by serine protease inhibitors” (Il-potenzjalizzazzjoni tal-attività tal-insettiċidi Bacillus thuringiensis minn inibituri tal-proteażi tas-serina), Journal of Agricultural and Food Chemistry , 38, pp. 1145-1152, https://pubs.acs.org/doi/abs/10.1021/jf00094a051
(17) Għal rieżami, ara Rubio-Infante, N., Moreno-Fierros, L., “An overview of the safety and biological effects of Bacillus thuringiensis Cry toxins in mammals” (Ħarsa ġenerali lejn is-sikurezza u l-effetti bijoloġiċi tat-tossini Cry Bacillus thuringiensis fil-mammiferi), Journal of Applied Toxicology, Mejju 2016, 36(5), pp. 630-648, http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.1002/jat.3252/full
(18) Parenti, M.D., Santoro, A., Del Rio, A., Franceschi, C., “Literature review in support of adjuvanticity/immuno-genicity assessment of proteins” (Rieżami tal-letterattura b'appoġġ għall-valutazzjoni tal-aġġuvantiċità/l-immunoġeniċità tal-proteini), Pubblikazzjonijiet ta' sostenn tal-EFSA, Jannar 2019, 16(1): 1551, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/abs/10.2903/sp.efsa.2019.EN-1551
(19) Ara, pereżempju, Hilbeck, A., Otto, M., “Specificity and combinatorial effects of Bacillus thuringiensis Cry toxins in the context of GMO risk assessment” (L-effetti kkombinati u tal-ispeċifiċità tat-tossini Cry Bacillus thuringiensis fil-kuntest tal-valutazzjoni tar-riskju tal-OĠM), Frontiers in Environmental Science 2015, 3:71, https://www.frontiersin.org/articles/10.3389/fenvs.2015.00071/full
(20) Hilbeck, A., Defarge, N., Lebrecht, T., Bøhn, T., “Insecticidal Bt crops. EFSA's risk assessment approach for GM Bt plants fails by design” (Għelejjel Bt tal-insettiċidi. L-approċċ tal-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA għall-pjanti Bt ĠM jfalli mid-disinn), RAGES 2020, p. 4, https://www.testbiotech.org/sites/default/files/RAGES_report-Insecticidal%20Bt%20plants.pdf
(21) https://www.dtnpf.com/agriculture/web/ag/crops/article/2020/09/29/epa-proposes-phasing-dozens-bt-corn
(22) Douglas, M.R., Tooker, J.F., “Large-Scale Deployment of Seed Treatments Has Driven Rapid Increase in Use of Neonicotinoid Insecticides and Preemptive Pest Management in U.S. Field Crops” (Użu fuq Skala Kbira tat-Trattamenti taż-Żrieragħ Wassal għal Żieda Rapida fl-Użu ta' Insettiċidi Neonikotinojdi u Ġestjoni tal-Pesti Preventiva fl-Għelejjel fl-Istati Uniti), Environmental Science and Technology 2015, 49, 8, pp. 5088-5097, https://pubs.acs.org/doi/10.1021/es506141g
(23) Kummenti mill-Istati Membri, aċċessibbli permezz tar-reġistru tal-mistoqsijiet tal-EFSA (Referenza: EFSA-Q-2014-00721): https://www.efsa.europa.eu/en/register-of-questions
(24) Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).
(25) https://www.ohchr.org/EN/Issues/Food/Pages/Pesticides.aspx
(26) https://www.un.org/sustainabledevelopment/health/
(27) Il-Kummissjoni “tista'”, u mhux “għandha”, tmexxi bl-awtorizzazzjoni jekk ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat ta' Appell skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (l-Artikolu 6(3)).
(28) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
(29) https://tillymetz.lu/wp-content/uploads/2020/09/Co-signed-letter-MEP-Metz.pdf
(30) Testi adottati, P9_TA(2020)0364.