EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0057

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni politika fl-Uganda (2021/2545(RSP))

ĠU C 465, 17.11.2021, p. 154–159 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/154


P9_TA(2021)0057

Is-sitwazzjoni politika fl-Uganda

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni politika fl-Uganda (2021/2545(RSP))

(2021/C 465/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Uganda,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-elezzjonijiet fl-Uganda,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tat-12 ta' Jannar 2021 dwar l-elezzjonijiet ġenerali li kien imiss fl-Uganda,

wara li kkunsidra r-rimarki mill-Ambaxxatur tal-UE Attilio Pacifici tat-12 ta' Jannar 2021 dwar l-iffriżar tal-kontijiet bankarji tal-NGOs,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali konġunta mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-Uganda u l-missjonijiet diplomatiċi fl-Uganda tal-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, l-Iżvezja, l-Islanda u n-Norveġja tas-26 ta' Novembru 2020 dwar il-vjolenza reċenti relatata mal-elezzjonijiet fl-Uganda,

wara li kkunsidra n-noti tal-laqgħa għall-istampa tal-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Jannar 2021,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-esperti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tad-29 ta' Diċembru 2020 intitolata “L-Uganda: esperti tan-NU mħassba serjament dwar ir-repressjoni elettorali”,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948, li l-Uganda hi firmatarja tagħha,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, li ġie rratifikat mill-Uganda fil-21 ta' Ġunju 1995,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tas-27 ta' Ġunju 1981,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza tat-30 ta' Jannar 2007,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-10 ta' Diċembru 1984 kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Uganda tal-1995, emendata fl-2005,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (il-Ftehim ta' Cotonou) tat-23 ta' Ġunju 2000 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu dwar in-nondiskriminazzjoni;

wara li kkunsidra l-Strateġija Konġunta UE-Afrika,

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE fl-Uganda tat-18 ta' Frar 2016,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali konġunta tal-Grupp tas-Sħab għad-Demokrazija u l-Governanza (PDG) tat-23 ta' Diċembru 2020 dwar l-arrest ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli inklużi fiha,

wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-Uganda tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fl-14 ta' Jannar 2021 il-votanti tal-Uganda marru jivvutaw biex jeleġġu president u membri tal-parlament fost għadd kbir ħafna ta' rapporti ta' irregolaritajiet, u billi fis-16 ta' Jannar 2021, il-Kummissjoni Elettorali ddikjarat lill-President Yoweri Museveni, li ilu fil-kariga għal 35 sena, ir-rebbieħ – għas-sitt mandat – b'59 % tal-voti, kontra l-mexxej ewlieni tal-oppożizzjoni Robert Kyagulanyi Ssentamu, magħruf ukoll bħala Bobi Wine, li rċieva 35 %; billi kien diffiċli li jiġu vverifikati r-riżultati tal-elezzjoni għaliex il-Kummissjoni Elettorali ma segwietx il-proċess tal-għadd preskritt;

B.

billi t-tħejjija għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-Uganda tal-2020 kienet imħassra mill-vjolenza, b'kandidati tal-oppożizzjoni, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, esperti elettorali u ġurnalisti jiffaċċjaw oppressjoni u intimidazzjoni sistematiċi meta eżerċitaw id-drittijiet leġittimi tagħhom; billi l-użu eċċessiv tal-forza mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà tebba' serjament il-proċess elettorali;

C.

billi mill-ħarifa tal-2020 'il quddiem l-awtoritajiet intensifikaw ir-repressjoni tagħhom tal-oppożizzjoni politika qabel l-elezzjonijiet, meta aġenziji tas-sigurtà arrestaw il-kandidati ewlenin tal-oppożizzjoni Bobi Wine, Patrick Oboi Amuriat u Lt Gen. Henry Tumukunde, li sfratta l-manifestazzjonijiet tagħhom u llimita l-kopertura mill-media tal-elezzjonijiet;

D.

billi l-kandidat presidenzjali tal-partit tal-oppożizzjoni Forum għat-Tibdil Demokratiku, Patrick Oboi Amuriat, ġie arrestat bosta drabi qabel l-elezzjonijiet, u f'waħda mill-manifestazzjonijiet tal-kampanja tiegħu, fid-9 ta' Novembru 2020, il-folol ġew dispersi bil-gass tad-dmugħ u l-konvoj tiegħu qala' tiri tan-nar mill-pulizija fis-6 ta' Jannar 2021;

E.

billi l-militarizzazzjoni tal-kampanja elettorali li dejjem kienet qed tiżdied saret partikolarment evidenti fit-18 u d-19 ta' Novembru 2020 meta l-forzi tas-sigurtà rażżnu lid-dimostranti li kienu qed jitolbu l-ħelsien tal-kandidat presidenzjali li dak iż-żmien kien detenut, Bobi Wine, u dan irriżulta f'mill-inqas 54 dimostrant imutu f'mill-inqas seba' distretti madwar il-pajjiż, mijiet jiġu arrestati u oħrajn jgħibu;

F.

billi wara l-elezzjonijiet, il-kandidat tal-oppożizzjoni Bobi Wine tqiegħed taħt detenzjoni domiċiljari de facto, b'forzi tas-sigurtà jiċċirkondaw daru għal 11-il jum;

G.

billi fl-1 ta' Frar 2021, Bobi Wine ressaq petizzjoni quddiem il-Qorti Suprema tal-Uganda biex jikkontesta r-riżultati tal-elezzjoni, fejn allega frodi fuq skala wiesgħa, inkluż l-involviment ta' membri tal-militar jimlew il-kaxxi tal-voti, jivvotaw għan-nies u jżommu lill-votanti milli jidħlu fil-postijiet tal-votazzjoni; billi l-President Museveni ffaċċja sfidi fil-Qorti Superjuri wara l-aħħar erba' elezzjonijiet;

H.

billi fis-7 ta' Jannar 2021, Bobi Wine ressaq petizzjoni quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) li takkuża lill-President Museveni u disa' uffiċjali għolja oħra bi ksur multiplu tad-drittijiet tal-bniedem;

I.

billi l-missjonijiet ta' osservaturi internazzjonali u ta' esperti elettorali kienu fil-biċċa l-kbira assenti mill-elezzjonijiet wara li l-awtoritajiet tal-Uganda naqsu milli jakkreditaw il-missjonijiet u billi l-awtoritajiet naqsu wkoll milli jimplimentaw rakkomandazzjonijiet minn missjonijiet tal-passat; billi l-UE kienet offriet li tibgħat tim żgħir ta' osservaturi elettorali, iżda l-offerta ġiet irrifjutata; billi l-Istati Uniti tal-Amerka kkanċellat l-osservazzjoni tagħha tal-elezzjoni ġenerali tal-Uganda minħabba li l-biċċa l-kbira tat-talbiet ta' akkreditazzjoni tagħha ġew miċħuda; billi r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-2016 għamel madwar 30 rakkomandazzjoni, inkluż li tiġi enfasizzata l-ħtieġa ta' korp elettorali aktar indipendenti u l-eliminazzjoni tal-użu eċċessiv tal-forza mis-servizzi tas-sigurtà, li l-ebda waħda minnhom ma ġiet implimentata mill-awtoritajiet tal-Uganda;

J.

billi l-gvern irrestrinġa l-aċċess għall-internet qabel l-elezzjonijiet u beda jintroduċi taxxa fuq il-media soċjali fuq l-utenti li jixtru data fuq l-internet, u billi kien hemm rapporti ta' aċċess għall-pjattaformi tal-messaġġi online u tal-media soċjali li ġew imblukkati qabel l-elezzjonijiet; billi l-aċċess għal xi siti tal-media soċjali għadu ristrett;

K.

billi l-pandemija tal-COVID-19 intużat ukoll bħala pretest għal repressjoni u restrizzjonijiet sproporzjonati fuq laqgħat u attivitajiet tal-oppożizzjoni; billi l-Uganda rrappurtat madwar 40 000 każ tal-COVID-19; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem esprima tħassib li l-miżuri tal-COVID-19 intużaw biex jirrestrinġu l-libertajiet politiċi u l-parteċipazzjoni politika matul il-proċess elettorali; billi fis-26 ta' Diċembru 2020, l-Uganda ssospendiet il-kampanji f'żoni fejn l-oppożizzjoni kienet tgawdi popolarità partikolari, inklużi Mbarara, Kabarole, Luwero, Kasese, Masaka, Wakiso, Jinja, Kalungu, Kazo, il-Belt ta' Kampala u Tororo, filwaqt li ġew ikkwotati l-prekawzjonijiet tal-COVID-19;

L.

billi f'diversi okkażjonijiet, miżuri restrittivi relatati mal-COVID-19 kienu mmirati lejn gruppi partikolari, u dan irriżulta fi vjolenza eċċessiva u arresti arbitrarji mingħajr aċċess għal avukat, kif muri mir-rejd tal-pulizija li sar fid-29 ta' Marzu 2020 fuq il-Fondazzjoni Children of the Sun, kenn għaż-żgħażagħ mingħajr dar li jidentifikaw ruħhom bħala leżbjani, omosesswali, bisesswali jew transġeneru;

M.

billi f'Novembru 2020, l-Uffiċċju Nazzjonali għall-NGOs (organizzazzjonijiet mhux governattivi) waqqaf b'mod arbitrarju l-attivitajiet tal-Osservazzjoni Elettorali Nazzjonali Uganda, organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li kienet għadha kif ġiet iffurmata u li hija mmexxija miċ-ċittadini, u stabbilita biex tosserva l-elezzjonijiet; billi l-Awtorità tal-Intelligence Finanzjarja tal-Uganda ffriżat il-kontijiet bankarji ta' diversi organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, inkluż il-Forum Nazzjonali tal-NGOs tal-Uganda u n-Network tan-Nisa tal-Uganda (UWONET), filwaqt li kkwotat akkużi mhux korroborati ta' finanzjament tat-terroriżmu;

N.

billi matul dawn l-aħħar snin, l-awtoritajiet tal-Uganda mmiraw dejjem aktar lejn l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari dawk li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet; billi fit-23 ta' Diċembru 2020, Nicholas Opiyo, avukat ewlieni tad-drittijiet tal-bniedem u Sakharov Fellow ġie arrestat flimkien ma' tliet avukati oħra – Herbert Dakasi, Anthony Odur, u Esomu Obure – u Hamid Tenywa, membru tal-Pjattaforma Nazzjonali tal-Unità (NUP), dwar akkużi ta' ħasil tal-flus u ksur tal-garanziji kostituzzjonali tal-Uganda; billi Nicholas Opiyo nħeles fuq bail fit-30 ta' Diċembru 2020, iżda għadu qed jistenna li jiġi pproċessat; billi Opiyo jiċħad bil-qawwa kollha l-akkużi, u jiddikjara li l-flejjes intużaw legalment biex jappoġġjaw il-ħidma ta' Chapter Four Uganda għad-drittijiet tal-bniedem;

O.

billi mijiet ta' partitarji tal-NUP inħatfu minn operaturi tas-sigurtà matul il-kampanja elettorali u għadd mhux ċar minnhom għadhom qed jiġu detenuti bil-forza jew huma neqsin;

P.

billi fit-2 ta' Jannar 2020, f'ittra lill-Ministeru għal-Finanzi, il-President Museveni ordna s-sospensjoni tal-Faċilità ta' Governanza Demokratika (DGF); billi, id-DGF tiffinanzja l-maġġoranza tal-NGOs fl-Uganda u hija appoġġjata minn bosta Stati Membri inklużi l-Awstrija, in-Norveġja, in-Netherlands, l-Iżvezja, id-Danimarka u l-Irlanda; billi l-iskop tagħha huwa li ssaħħaħ id-demokratizzazzjoni, tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja u ssaħħaħ l-obbligu ta' rendikont; billi l-implimentazzjoni ta' programmi importanti b'finanzjament tal-UE qed tiġi mfixkla b'mod sever;

Q.

billi f'Diċembru 2020, in-Network tad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Ġurnalisti – Uganda rrapporta 'l fuq minn 100 każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra ġurnalisti, inkluża l-vjolenza mill-pulizija, li seħħet prinċipalment meta kienu qed ikopru l-kampanji ta' kandidati politiċi; billi fit-30 ta' Diċembru 2020 il-pulizija iddikjarat bil-qawwa li kienu biss il-“ġurnalisti ċċertifikati” li kienu se jitħallew ikopru l-votazzjoni; billi fl-aħħar ta' Novembru 2020, l-awtoritajiet keċċew tliet ġurnalisti Kanadiżi; billi l-Uganda huwa kklassifikat fil-125 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa 2020 ta' Reporters Mingħajr Fruntieri;

R.

billi fit-12 ta' Diċembru 2020 il-gvern iffriża l-assi ta' erba' NGOs attivi fil-kampanji elettorali li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ – UWONET, il-Forum Nazzjonali tal-NGOs, iċ-Ċentru Internazzjonali tan-Nisa għall-Paċi, u l-Alleanza tal-Monitoraġġ Elettorali tal-Finanzi – fuq akkużi ta' finanzjament tat-terroriżmu;

S.

billi fil-11 ta' Jannar 2021, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundanna dak li sejjaħ “is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda” u rrapporta bosta każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' parteċipazzjoni, kif ukoll il-privazzjoni arbitrarja tal-ħajja, l-arrest u d-detenzjoni arbitrarji, u t-tortura;

T.

billi retorika dejjem aktar kontra l-Punent kienet preżenti fil-kampanja elettorali u fid-dikjarazzjonijiet tal-President Museveni;

U.

billi l-Uganda għandha waħda mill-iżgħar popolazzjonijiet u waħda mill-aktar popolazzjonijiet li qed jikbru malajr fid-dinja, li ħafna minnhom eżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw b'mod paċifiku; billi miljun votant żagħżugħ eliġibbli ma ġewx irreġistrati mill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali tal-Uganda, li ddikjarat li ma kellhiex ir-riżorsi materjali biex tirreġistrahom;

V.

billi permezz tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, l-UE qed tipprovdi lill-Uganda b'EUR 578 miljun, jiġifieri biex tappoġġja l-promozzjoni ta' governanza tajba, ittejjeb l-infrastruttura, tiżgura s-sigurtà tal-ikel u tappoġġja l-agrikoltura; billi l-Uganda tirċievi wkoll EUR 112,2-il miljun mill-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika;

W.

billi l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u l-iżvilupp bejn l-Uganda u l-UE, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra titwettaq fil-kuntest tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana għaż-żamma tal-paċi fis-Somalja (AMISOM);

X.

billi l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-NU jikklassifika l-Uganda fil-159 post minn 189, u billi skont Transparency International, l-Uganda tikklassifika fil-137 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni;

Y.

billi l-Uganda għandha waħda mill-aktar liġijiet ħorox fid-dinja kontra l-omosesswalità u billi d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTQ+ għadhom jippersistu;

Z.

billi l-eks mexxej tal-milizzja u suldat tifel Ugandiż Dominic Ongwen instab ħati ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità fil-QKI f'sentenza storika fl-4 ta' Frar 2021, li matulha ġie kkundannat għal 61 akkuża individwali ta' qtil, stupru, skjavitù sesswali, sekwestru ta' persuna u tortura mwettqa matul iż-żmien tiegħu bħala kmandant tal-Lord's Resistance Army (LRA), kult vjolenti li min-nofs is-snin tmenin sa ftit snin ilu għamel kampanja ta' vjolenza mdemmija fl-Uganda u f'pajjiżi ġirien;

1.

Jiddeplora l-fatt li l-proċess elettorali ma kienx demokratiku u trasparenti; jikkundanna l-użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija u l-forzi armati fl-elezzjoni presidenzjali u l-indħil dejjem jikber tagħhom fil-proċess politiku; jiddispjaċih għall-fatt li osservaturi elettorali indipendenti, lokali u internazzjonali ġew ipprojbiti milli jissorveljaw l-elezzjoni, u dan ma jħallihiex tiġi vvalutata skont standards rikonoxxuti internazzjonalment; jissottolinja l-importanza fundamentali ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti, li huma prerekwiżit għal żvilupp sostenibbli u fit-tul; f'dan l-ispirtu jfaħħar lill-poplu Ugandiż, b'mod partikolari l-popolazzjoni żagħżugħa, għall-kuraġġ u l-entużjażmu għad-demokrazija li wrew matul din il-kampanja elettorali;

2.

Jikkundanna l-vjolenza kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni politika fl-Uganda, il-fastidju kontinwu u r-repressjoni sistematika fuqhom, kif ukoll it-trażżin tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-media, u t-tfixkil tal-pjattaformi tal-media soċjali u l-qtugħ tal-internet;

3.

Jistieden lill-gvern, għalhekk, biex iwaqqaf l-użu persistenti tal-forza letali u eċċessiva mill-forzi tas-sigurtà u l-arresti arbitrarji u d-detenzjoni politiċi tal-oppożizzjoni u s-sostenituri, dimostranti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti, u l-attakki kontrihom,

4.

Jistieden lill-Gvern tal-Uganda jiżgura l-ġustizzja u r-responsabbiltà għall-vittmi kollha billi jwettaq investigazzjonijiet imparzjali, bir-reqqa u indipendenti dwar l-isparar u l-vjolenza mwettqa mill-forzi tas-sigurtà, u bl-istess mod jistieden lill-ġudikatura tal-Uganda tapplika b'mod oġġettiv u indipendenti l-qafas leġiżlattiv eżistenti u tieħu nota sħiħa tal-fatti u l-evidenza disponibbli; jistieden lill-awtoritajiet tal-Uganda jniedu investigazzjoni indipendenti immedjata dwar il-ġrajjiet traġiċi tat-18 u tad-19 ta' Novembru 2020, fejn mill-inqas 54 persuna nqatlu bla bżonn mill-pulizija wara l-arrest ta' Bobi Wine, u fejn mijiet oħra sfaw midruba, fatt li l-President Museveni stess irrikonoxxa, u biex dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

5.

Jissottolinja li l-appelli u l-kontestazzjonijiet kontra r-riżultati elettorali huma karatteristika fundamentali ta' proċess elettorali kredibbli; jistenna li l-kontestazzjonijiet u l-ilmenti elettorali kollha jiġu indirizzati b'mod indipendenti u trasparenti bl-użu tar-rimedji kostituzzjonali u legali disponibbli;

6.

Jistieden lill-gvern jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jew iwaqqa' l-akkużi kollha kontra dawk kollha arrestati u detenuti unikament talli pparteċipaw f'assemblej politiċi paċifiċi jew talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, inkluż lil Nicholas Opiyo, Sakharov Fellow tal-Parlament Ewropew fl-2016; ifakkar lill-Gvern tal-Uganda jirrispetta l-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal għaqda paċifika u sikura, inkluż il-moviment liberu tal-atturi politiċi kollha u s-sostenituri tagħhom, u jiddenunzja r-ripressjoni li għaddejja fuq is-soċjetà ċivili; jistieden lill-gvern jiżgura li d-drittijiet tas-Sur Opiyo għal proċess dovut u smigħ ġust jiġu rispettati sal-ogħla standard;

7.

Ifakkar lill-awtoritajiet Ugandiżi fl-obbligu tagħhom li jiggarantixxu, jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet fundamentali – inklużi d-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini tal-pajjiż – ir-rappreżentanza ġusta irrispettivament mill-isfond etniku, il-libertà tal-kelma u l-libertà ta' għaqda, u li jaffermaw ir-rwol kruċjali tal-oppożizzjoni politika, l-atturi tas-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti u l-media fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet ineħħu kwalunkwe restrizzjoni li tista' tillimita d-dritt tan-nies għal-libertà ta' għaqda paċifika, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni;

8.

Ifakkar lill-Gvern tal-Uganda fl-importanza tal-libertà ta' espressjoni u r-rwol tal-media ħielsa u pluralistika f'soċjetà demokratika; jinnota bi tħassib li l-ġurnalisti li jkopru l-elezzjonijiet kienu regolarment soġġetti għall-intimidazzjoni u l-vjolenza; jistenna li l-awtoritajiet tal-Uganda joħolqu ambjent fejn il-ġurnalisti jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr xkiel;

9.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Uganda jiżguraw aċċess għall-internet sigur u mingħajr restrizzjonijiet għal kulħadd, inkluż għall-media soċjali u l-pjattaformi ta' messaġġi online, peress li n-nuqqas ta' dan jikkostitwixxi ostaklu serju għal-libertà tal-informazzjoni, inkluża l-libertà tal-media;

10.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Uganda biex itemmu s-sospensjoni arbitrarja tal-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, u l-arresti ta' attivisti tas-soċjetà ċivili u l-iffriżar tal-assi finanzjarji tagħhom; f'dan ir-rigward, jikkundanna bl-aktar mod qawwi t-tentattivi biex jiġi limitat il-finanzjament tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari bl-ordni tal-President Museveni li jissospendi d-DGF ta' diversi miljuni ta' euro, fond kollettiv ikkoordinat mill-UE u s-sħab għall-iżvilupp nazzjonali biex jappoġġja gruppi li jaħdmu biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, japprofondixxu d-demokrazija u jtejbu r-responsabbiltà fl-Uganda;

11.

Jistenna li l-Gvern tal-Uganda jieqaf immedjatament milli juża l-pandemija tal-COVID-19 bħala pretest għall-introduzzjoni ta' liġijiet u politiki li jiksru d-dritt internazzjonali u biex ireġġa' lura l-garanziji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża r-restrizzjoni bla bżonn tad-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u l-libertà ta' espressjoni, li l-mira ewlenija tagħhom huma l-persuni LGBTQ+; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Uganda jirrispettaw id-drittijiet u d-dinjità tal-poplu tal-pajjiż u jillimitaw b'mod strett l-eżerċizzju tas-setgħa ta' emerġenza għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika;

12.

Jikkritika bil-qawwa l-liġijiet ħorox tal-Uganda kontra l-omosesswalità u jappella għar-reviżjoni urġenti tagħhom, flimkien ma' strateġija għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTQ+;

13.

Jinsisti li d-delegazzjoni tal-UE fl-Uganda tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTQ+ u tappoġġja b'mod attiv lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-persuni LGBTQ+ fuq il-post;

14.

Jinsisti fuq l-impenn u r-rieda tal-UE li tinvolvi ruħha mal-awtoritajiet tal-Uganda u tassisti fir-riformi demokratiċi u ta' governanza tant meħtieġa; jissottolinja, madankollu, li s-suċċess ta' din il-kooperazzjoni jiddependi ħafna mir-rieda min-naħa tal-Uganda biex fil-fatt timplimenta dawk ir-riformi; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-użu sistematiku tar-repressjoni u l-vjolenza tal-istat jista' jkollu impatt fundamentali fuq ir-relazzjoni futura tal-UE mal-Uganda; jistieden lill-UE tisfrutta l-influwenza politika pprovduta mill-programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-programmi ta' appoġġ baġitarju, biex issaħħaħ id-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda;

15.

Jinsisti li l-UE u atturi internazzjonali oħra jżommu u jsaħħu l-approċċ integrat u koordinat tagħhom dwar l-Uganda, li jinkludi l-promozzjoni ta' governanza tajba, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u t-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja u l-istat tad-dritt, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqajmu din il-kwistjoni ta' tħassib permezz ta' mezzi pubbliċi u diplomatiċi; itenni li s-sanzjonijiet kontra individwi u organizzazzjonijiet responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda jridu jiġu adottati fil-livell tal-UE skont il-mekkaniżmu l-ġdid ta' sanzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-hekk imsejjaħ Att Magnitsky tal-UE;

16.

Jirrakkomanda skrutinju akbar tal-ġestjoni fiskali u t-trasparenza tal-Uganda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jkomplu jwettqu rieżamijiet sistematiċi tal-programmi ta' appoġġ baġitarju tal-UE fejn ikun hemm riskju li l-fondi jiġu ddevjati għall-użu mill-awtoritajiet Ugandiżi f'attivitajiet li jistgħu jinkoraġġixxu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u jkunu mmirati lejn attivisti;

17.

Jilqa' l-verdett fil-każ kontra l-eks kmandant tal-LRA Dominic Ongwen, li nstab ħati ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mill-QKI, u jqisu bħala pass sinifikanti lejn il-ġustizzja u r-responsabbiltà għall-atroċitajiet imwettqa mil-LRA

18.

Jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà fir-reġjun u jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħidma importanti tal-AMISOM; jisħaq li l-objettivi fit-tul tagħha se jintlaħqu biss jekk dawk kollha involuti jmexxu bl-eżempju fir-rigward tar-rispett tal-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tar-Repubblika tal-Uganda, lill-iSpeaker tal-Parlament tal-Uganda, u lill-Unjoni Afrikana, u lill-istituzzjonijiet tagħha.

(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.


Top