EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0054

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar (2021/2540(RSP))

ĠU C 465, 17.11.2021, p. 135–142 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/135


P9_TA(2021)0054

Is-sitwazzjoni fil-Myanmar

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar (2021/2540(RSP))

(2021/C 465/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya, b'mod partikolari dawk tat-22 ta' Novembru 2012 (1), tal-20 ta' April 2012 (2), tal-20 ta' Mejju 2010 (3), tal-25 ta' Novembru 2010 (4), tas-7 ta' Lulju 2016 (5), tal-15 ta' Diċembru 2016 (6), tal-14 ta' Settembru 2017 (7), tal-14 ta' Ġunju 2018 (8), tat-13 ta' Settembru 2018 (9) u tad-19 ta' Settembru 2019 (10),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 u tal-10 ta' Diċembru 2018 dwar il-Myanmar/Burma,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' April 2020 biex jiġġeddu l-miżuri restrittivi eżistenti kontra l-Myanmar għal tnax-il xahar ieħor,

wara li kkunsidra s-Sitt Djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar fl-14 ta' Ottubru 2020 permezz ta' vidjokonferenza,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-1 ta' Frar 2021 dwar il-Myanmar,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Myanmar mill-VP/RGħ f'isem l-Unjoni Ewropea tat-2 ta' Frar 2021,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sesswali b'rabta mal-kunflitti, li ġie ppubblikat fit-23 ta' Marzu 2018 (S/2018/250),

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) dwar il-Myanmar u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħra,

wara li kkunsidra r-rapport tal-UNIFFM tat-22 ta' Awwissu 2019 dwar il-vjolenza sesswali u sessista fil-Myanmar u l-impatt fuq il-ġeneru tal-kunflitti etniċi tiegħu (A/HRC/42/CRP.4),

wara li kkunsidra r-rapporti mir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, u r-rapporti mill-mekkaniżmu superviżorju tal-ILO,

wara li kkunsidra l-Ordni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-23 ta' Jannar 2020 dwar it-Talba għall-indikazzjoni ta' miżuri proviżorji ppreżentata mir-Repubblika tal-Gambja fil-kawża li tikkonċerna l-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju (il-Gambja vs il-Myanmar),

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju,

wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-missjonijiet diplomatiċi fil-Myanmar tad-29 ta' Jannar 2021 dwar l-appoġġ għat-tranżizzjoni demokratika tal-Myanmar u l-isforzi biex jiġu promossi l-paċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp fil-pajjiż,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Frar 2021 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-Myanmar,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-3 ta' Frar 2021, li fiha kkundannaw il-kolp ta' stat fil-Myanmar,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-5 ta' Frar 2021 dwar il-Myanmar,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, tal-4 ta' Frar 2021,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-president tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) tal-1 ta' Frar 2021 dwar l-iżviluppi fir-Repubblika tal-Unjoni tal-Myanmar,

wara li kkunsidra l-ICCPR,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-Myanmar, Tom Andrews,

wara li kkunsidra r-Regola 132(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

A.

billi, fl-1 ta' Frar 2021, il-militar tal-Myanmar, magħruf bħala t-Tatmadaw, fi ksur ċar tal-kostituzzjoni tal-Myanmar, arresta lill-President Win Myint u l-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, kif ukoll membri ewlenin tal-gvern, ħatfu s-setgħa fuq il-fergħat leġiżlattivi, ġudizzjarji u eżekuttivi tal-gvern permezz ta' kolp ta' stat, u ħarġu stat ta' emerġenza ta' sena;

B.

billi b'reazzjoni għall-kolp ta' stat, faqqgħu protesti f'diversi bliet fil-Myanmar; billi fis-7 ta' Frar 2021, madwar 100 000 persuna ħadu sehem b'mod paċifiku f'dimostrazzjoni kontra l-kolp ta' stat f'Yangon; billi mill-1 ta' Frar 2021, madwar 164 politiku, uffiċjal tal-gvern, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, patrijiet u kittieba ġew arrestati illegalment jew inżammu f'detenzjoni domiċiljari; billi, b'reazzjoni għall-protesti kontinwi, fit-8 ta' Frar il-militar iddikjara l-liġi marzjali fl-akbar bliet tal-pajjiż, impona curfew mil-lejl għan-nhar u pprojbixxa l-laqgħat kollha ta' aktar minn ħames persuni;

C.

billi l-partit tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD) ħareġ rebbieħ mill-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-Myanmar fit-8 ta' Novembru 2020, u rebaħ 396 siġġu minn 476 (madwar 83 % tas-siġġijiet kollha disponibbli); billi dawn kienu t-tieni elezzjonijiet ikkontestati wara kważi 50 sena ta' dittatorjat militari, billi l-Partit għas-Solidarjetà u l-Iżvilupp tal-Unjoni (USDP) appoġġat mit-Tatmadaw rebaħ biss 33 siġġu; billi l-partit NLD kompla jżid is-sehem tal-vot tiegħu mill-elezzjonijiet tal-2015, li kienu l-ewwel elezzjonijiet demokratiċi fil-Myanmar mill-1990, fejn l-NLD rebaħ 360 siġġu u l-USDP rebaħ 41; billi l-militar kien diġà rrifjuta li jirrikonoxxi l-elezzjonijiet tal-1990 li fihom l-NLD rebaħ 392 mill-492 siġġu;

D.

billi l-għadd ta' votanti fl-elezzjonijiet demokratiċi kollha kien konsistentement madwar 70 %, li juri l-appoġġ tal-poplu tal-Myanmar għad-demokrazija;

E.

billi l-Parlament il-ġdid kellu jiltaqa' għall-ewwel darba fil-jum tal-kolp ta' stat; billi l-kolp ta' stat militari jinjora r-rieda espressa demokratikament tal-poplu tal-Myanmar, u jirrifletti l-intenzjoni tat-Tatmadaw li għal darb'oħra ħataf il-poter sħiħ fuq il-Myanmar, bħalma ġara matul it-tmexxija militari tiegħu – li uffiċjalment intemmet fl-2012, iżda li fir-realtà ma ntemmet qatt; billi t-Tatmadaw iddikjara li se jsiru elezzjonijiet ġodda wara l-istat ta' emerġenza ta' sena li issa ġie impost, li jimplika nuqqas ta' rappreżentanza parlamentari matul dan il-perjodu;

F.

billi minkejja l-kolp ta' stat, fl-4 ta' Frar 2021, 70 Membru Parlamentari eletti ħadu l-ġurament parlamentari fil-kariga, filwaqt li wiegħdu li jkomplu jwettqu l-funzjoni tal-parlament u li jwettqu l-mandat tagħhom bħala rappreżentanti tal-poplu;

G.

billi t-Tatmadaw, konxju b'mod ċar mil-livell baxx ta' appoġġ tiegħu fost il-popolazzjoni, irrifjuta li jaċċetta r-riżultati elettorali u rrefera għal frodi mifruxa tal-votanti mingħajr ma ppreżenta l-ebda evidenza; billi l-kummissjoni elettorali u l-osservaturi elettorali tal-Myanmar ma kkonfermawx l-allegazzjonijiet tat-Tatmadaw; billi t-Tatmadaw u l-id politika tiegħu, il-(USDP), żiedu l-allegazzjonijiet ta' irregolaritajiet elettorali f'dawn l-aħħar ġimgħat, u talbu lill-Kummissjoni Elettorali tal-Unjoni tal-Myanmar biex tintervjeni; billi l-militar jorganizza dimostrazzjonijiet b'appoġġ għall-militar; billi huwa stmat li 1,5 miljun votant minn minoranzi etniċi f'żoni milquta minn kunflitti, il-maġġoranza tagħhom Rohingya, ma tħallewx jipparteċipaw fl-elezzjoni; billi l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tal-Myanmar tiddikjara li r-Rohingya bħala “mhux ċittadini” jew “residenti barranin”, u ċċaħħadhom miċ-ċittadinanza;

H.

billi dan il-kolp ta' stat jikkostitwixxi ksur ċar tal-kostituzzjoni tal-Myanmar tal-2008; billi l-Kostituzzjoni tal-Myanmar tipprevedi li l-President biss jista' effettivament itemm it-tmexxija ċivili; billi l-kolp ta' stat militari tal-1 ta' Frar 2021 għalhekk ma kienx kostituzzjonali peress li l-President Win Myint ġie arrestat illegalment;

I.

billi t-Tatmadaw stabbilixxa lill-Ġeneral Myint Swe bħala president interim; billi l-kap kmandant tal-militar, il-Ġeneral Min Aung Hlaing, li jinsab fuq listi ta' sanzjonijiet internazzjonali minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-persekuzzjoni tal-minoranza Musulmana, x'aktarx se jibqa' dak li jieħu d-deċiżjonijiet ewlenin;

J.

billi sa mill-kolp ta' stat, it-Tatmadaw illimita b'mod sever l-ispazju għas-soċjetà ċivili, u ħareġ restrizzjonijiet severi fuq il-midja, inklużi blackouts sħaħ tal-internet u tal-pjattaformi tal-midja soċjali; billi t-Tatmadaw qed jiġi akkużat minn osservaturi internazzjonali li uża aħbarijiet foloz biex jimmanipula l-opinjoni pubblika dwar il-kolp ta' stat; billi ġew implimentati restrizzjonijiet nazzjonali fuq il-midja soċjali, u t-televiżjoni xxandar esklussivament l-istazzjon televiżiv ta' Myawaddy li huwa proprjetà tal-militar;

K.

billi l-militar kellu drawwa li jimmarġinalizza rivali u kritiċi politiċi billi jakkużahom b'reati arkani; billi Aung San Suu Kyi ġiet arrestata u aktar tard akkużata b'importazzjoni illegali ta' mill-inqas 10 walkie-talkies; billi l-President Win Mytint – li kien tneħħa mill-poter – ġie arrestat fl-1 ta' Frar 2021 talli kiser ir-regolamenti tal-coronavirus ta' emerġenza u jinsab akkużat li laqa' karozza mimlija partitarji matul il-kampanja elettorali s-sena l-oħra; billi jekk jinstabu ħatja, kemm Aung San Suu Kyi kif ukoll Win Myint jistgħu jiffaċċjaw sa tliet snin ħabs; billi ż-żamma ta' rekord kriminali tista' tipprekludihom milli jirritornaw f'kariga pubblika;

L.

billi madwar 100 grupp ingħaqdu mal-Moviment ta' Diżubbidjenza Ċivili, li sejjaħ għal strajkijiet fis-servizz mediku, fost setturi oħra;

M.

billi l-Myanmar għandu storja twila ta' taqbida demokratika u soppressjoni militari; billi mill-indipendenza tiegħu mir-Renju Unit fl-1948, b'mod partikolari matul il-perjodu twil bejn l-1962 u l-2015, il-militar kellu kontroll sod fuq il-poter, li rrestrinġa kwalunkwe progress demokratiku, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-limitazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u l-inkarċerazzjoni tal-attivisti tal-oppożizzjoni, inkluża r-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi 1991 Aung San Suu Kyi, li kienet taħt detenzjoni domiċiljari matul perjodi kbar bejn l-1989 u l-2010;

N.

billi l-kostituzzjoni attwali daħlet fis-seħħ fl-2008, u billi, qabel l-elezzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem qajmu tħassib minħabba li tiggarantixxi 25 % tas-siġġijiet fil-parlament lit-Tatmadaw u b'hekk effettivament tagħti lill-militar is-setgħa li jagħmel veto għal kwalunkwe bidla kostituzzjonali ulterjuri, li għandha tirrikjedi 75 % tal-voti; billi l-kostituzzjoni tkompli tiżgura li t-Tatmadaw iżomm kontroll sħiħ tal-forzi tas-sigurtà, il-pulizija, u l-Ministeri tal-Affarijiet Interni, tad-Difiża u tal-Fruntieri;

O.

billi wara sensiela ta' protesti u taqbidiet interni, il-pajjiż beda jinfetaħ gradwalment b'mod demokratiku fil-bidu tas-snin 2010, li wassal għal żieda fil-libertajiet ċivili, inkluż progress demokratiku kajman, viżibbli permezz tal-elezzjonijiet ġenerali tal-2015 kif ukoll sensiela ta' elezzjonijiet sekondarji li kollha ntrebħu l-aktar mill-oppożizzjoni NLD;

P.

billi minħabba din is-sitwazzjoni ġenerali delikata, il-Myanmar, filwaqt li għandu gvern semidemokratiku u ċivili sa mill-2015, baqa' fi stat fraġli u mimli tensjoni, peress li l-forzi favur id-demokrazija u t-Tatmadaw, minkejja l-fehmiet kondiviżi l-aktar dwar ċerti proġetti ta' żvilupp ekonomiku u riformi ekonomiċi, kellhom viżjonijiet fundamentalment differenti dwar it-triq futura tal-pajjiż;

Q.

billi l-ftuħ demokratiku fil-Myanmar, li ilu jseħħ mill-2010, kien fil-biċċa l-kbira mmotivat mill-bżonn li l-pajjiż jiżviluppa ekonomikament, peress li kien qed ibati minħabba sanzjonijiet internazzjonali stretti b'riżultat tal-ħakma militari tiegħu u s-sitwazzjoni devastanti tad-drittijiet tal-bniedem; billi bħala riżultat ta' riformi demokratiċi kawti, ċerti sanzjonijiet internazzjonali ġew revokati b'mod kajman, li għalhekk ippermetta l-iżvilupp ekonomiku, u kien ta' benefiċċju għal partijiet kbar tal-popolazzjoni tal-Myanmar; billi l-kolp ta' stat jerġa' joħloq is-sitwazzjoni ta' qabel il-proċessi ta' demokratizzazzjoni u jdgħajjef il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' preferenzi “Kollox ħlief Armi” (EBA) u t-treġġigħ lura tas-sanzjonijiet;

R.

billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment kontra l-minoranza Musulmana fil-Myanmar – speċjalment ir-Rohingya – li l-gvern tal-Myanmar naqas milli jirrikonoxxi bħala grupp etniku ta' pajjiżu, kompla għaddej wara l-ftuħ demokratiku u traġikament laħaq il-qofol tiegħu fl-atroċitajiet li twettqu fl-2017, u li n-NU kkaratterizzat bħala tindif etniku, u wassal għal eżodu massiċċ ta' rifuġjati lejn il-pajjiż ġar tal-Bangladesh; billi l-minoranza Rohingya, minkejja bosta appelli mill-komunità internazzjonali, għadha tiġi ppersegwitata fil-Myanmar sal-ġurnata tal-lum;

S.

billi l-appelli internazzjonali biex jieqaf it-tindif etniku tar-Rohingya u biex titjieb is-sitwazzjoni tagħhom ġew fil-biċċa l-kbira injorati mill-gvern tal-Myanmar; billi konsegwentement, f'Settembru 2019 il-Parlament spiċċa biex issospenda lil Aung San Suu Kyi, li dak iż-żmien kienet Kunsillier tal-Istat u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Myanmar, mill-komunità tiegħu tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov għad-drittijiet tal-bniedem talli naqset milli tieħu azzjoni kontra dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem dokumentat sew; billi minn dak iż-żmien 'l hawn inħarġu sanzjonijiet internazzjonali kontra l-militar u l-Kap Kmandant, il-Ġeneral Min Aung Hlaing, fost persuni oħra, minħabba ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

T.

billi fil-Myanmar hemm diversi gruppi etniċi, inklużi l-popli Rohingya, Karen, Rakhine, Shan u Chin; billi l-kunflitti interni wasslu għall-mewt traġika ta' eluf ta' nies tul dawn l-aħħar għexieren ta' snin; billi l-ġlied li seħħ reċentement fl-Istat ta' Kayin wassal għall-ispostament ta' 4 000 persuna f'Diċembru 2020 biss; billi f'dawn l-aħħar snin, il-militar allegatament wettaq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u atroċitajiet, fosthom stupru u delitti tal-gwerra, li wassal lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) biex tiftaħ investigazzjoni b'attenzjoni speċifika għas-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya; billi l-IIFFMM talbet l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-Ġeneral Min Aung Hlaing għal ġenoċidju fit-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine, kif ukoll għal delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra fl-Istati ta' Rakhine, Kachin u Shan;

U.

billi l-Ordni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-23 ta' Jannar 2020 indikat miżuri proviżorji fil-kawża relatata mal-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju u r-Rohingya miġjuba mill-Gambja kontra l-Myanmar; billi l-Gvern tal-Myanmar, li d-difiża tiegħu quddiem il-QIĠ qed titmexxa minn Aung San Suu Kyi, sejjaħ l-allegazzjonijiet ta' ġenoċidju stampa fattwali qarrieqa u mhux kompluta tas-sitwazzjoni; billi l-Gvern tal-Myanmar ħa għadd limitat ta' passi kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' diversi direttivi presidenzjali; billi l-Gvern għad irid jemenda jew jirrevoka liġijiet ewlenin li jiffaċilitaw id-diskriminazzjoni kontra r-Rohingya, inkluża l-Liġi tal-1982 dwar iċ-Ċittadinanza;

V.

billi l-UE konsistentement talbet li dawk responsabbli għal tali delitti jinżammu responsabbli u sponsorjat ir-riżoluzzjonijiet adottati fil-UNHRC tas-27 ta' Settembru 2018 u fit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-16 ta' Novembru 2018; billi l-ogħla rappreżentanti militari li ssorveljaw l-attakki kontra r-Rohingya għadhom fil-karigi tagħhom u pparteċipaw fil-kolp ta' stat; billi l-Parlament esprima kemm-il darba l-kundanna tiegħu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-attakki sistematiċi u mifruxa kontra l-popolazzjoni Rohingya;

W.

billi mill-2013 'l hawn, l-Unjoni Ewropea appoġġat politikament u finanzjarjament il-proċess ta' tranżizzjoni demokratika tal-Myanmar u għamlet sforzi enormi biex tippromwovi l-paċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp fil-pajjiż; billi f'Ottubru 2015, l-UE ffirmat ftehim ta' waqfien mill-ġlied mal-pajjiż kollu bħala xhud internazzjonali, u dan jirrifletti r-rwol ewlieni tagħha fl-appoġġ għall-proċess ta' paċi; billi l-UE allokat EUR 688 miljun f'appoġġ għall-iżvilupp lill-Myanmar tul il-perjodu 2014 – 2020; billi l-Myanmar jibbenefika minn preferenzi kummerċjali fl-ambitu tal-iskema EBA, li tippermetti aċċess bla dazju u bla kwoti għas-suq uniku tal-UE; billi l-proċess ta' djalogu msaħħaħ fl-ambitu tal-EBA diġà kien tnieda fl-2018, b'attenzjoni partikolari fir-rigward tal-konformità mal-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol;

X.

billi, fit-23 ta' April 2020, il-Kunsill estenda l-miżuri restrittivi fuq il-Myanmar b'sena sat-30 ta' April 2021, inklużi ffriżar tal-assi u projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar fuq 14-il uffiċjal għoli militari, tal-gwardja tal-fruntiera u tal-pulizija fil-Myanmar responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popolazzjoni Rohingya u kontra minoranzi etniċi fl-irħula u persuni ċivili fl-Istati ta' Rakhine, Kachin u Shan; billi ma ġiet imposta l-ebda miżura restrittiva fuq il-Ġeneral Min Aung Hlaing jew fuq il-Viċi Kap Kmandant, il-Ġeneral Soe Win;

Y.

billi huwa stmat li fl-Istat ta' Rakhine għad hemm madwar 600 000 Rohingya li qed jiġu soġġetti għal politiki u prattiki diskriminatorji persistenti, ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali tagħhom, arresti arbitrarji, konfinament f'kampijiet iffullati żżejjed, nuqqas ta' libertà ta' moviment u aċċess limitat ħafna għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa;

Z.

billi l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) kien ittrasferixxa USD 350 miljun f'finanzjament ta' emerġenza għall-coronavirus lill-Myanmar ġimgħa qabel il-kolp ta' stat;

AA.

billi t-Tatmadaw u l-ġenerali tiegħu qed jiffaċċjaw allegazzjonijiet ta' korruzzjoni mifruxa u huma involuti sew fl-ekonomija tal-Myanmar peress li għandhom sjieda ta' konglomerati b'saħħithom, jikkontrollaw il-kummerċ tal-pajjiż fi prodotti prezzjużi bħall-ġada u l-injam, jimmaniġġjaw infrastruttura bħal portijiet u digi, u jmexxu banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni, sptarijiet, gyms u l-midja; billi l-kolp ta' stat militari jpoġġi f'riskju l-involviment kontinwu tal-finanzi, it-turiżmu u l-investimenti internazzjonali;

AB.

billi l-kolp ta' stat intlaqa' b'kundanna, kritika u tħassib minn firxa wiesgħa ta' atturi internazzjonali bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġappun, l-Indja, l-Awstralja u l-Kanada; billi l-Presidenza tal-ASEAN ħarġet dikjarazzjoni li fiha ħeġġet “id-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni u r-ritorn għan-normalità”; billi fil-5 ta' Frar 2021 il-President Indoneżjan Joko Widodo u l-Prim Ministru Malasjan Muhyiddin Yassin talbu laqgħa dedikata tal-ASEAN dwar il-kwistjoni;

AC.

billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU Guterres sejjaħ il-kolp ta' stat “assolutament inaċċettabbli”; billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ħareġ stqarrija għall-istampa li fiha esprima “tħassib serju” dwar il-kolp ta' stat militari fil-Myanmar u appella għall-ħelsien immedjat tal-mexxejja eletta tal-pajjiż, Aung San Suu Kyi, u l-President Win Myint; billi ċ-Ċina u r-Russja pprevenew l-adozzjoni ta' test aktar b'saħħtu min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi fis-7 ta' Frar 2021, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-Myanmar Tom Andrews ippubblika dikjarazzjoni li fiha ħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU – fost partijiet ikkonċernati oħra – biex ilaqqa' Sessjoni Speċjali minnufih;

AD.

billi, fl-14 ta' Novembru 2019, l-Awla Preliminari III tal-Qorti Kriminali Internazzjonali ddeċidiet li tawtorizza investigazzjoni dwar id-delitt ta' deportazzjoni ta' persuni Rohingya mill-Myanmar għall-Bangladesh; billi skont l-aħħar rapport tal-UNIFFM tas-16 ta' Settembru 2019, l-azzjonijiet tal-Gvern tal-Myanmar għadhom parti minn attakk mifrux u sistematiku kontra l-persuni Rohingya li fadal fl-Istat ta' Rakhine li jammonta għal persekuzzjoni u delitti oħra kontra l-umanità;

1.

Jesprimi s-simpatija u l-appoġġ tiegħu għall-poplu tal-Myanmar fil-ġlieda paċifika u leġittima tiegħu għad-demokrazija, il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem;

2.

Jikkundanna bil-qawwa l-kolp ta' stat militari tal-1 ta' Frar 2021 orkestrat mit-Tatmadaw, taħt it-tmexxija tal-Ġeneral Min Aung Hlaing, u jistieden lit-Tatmadaw jirrispetta bis-sħiħ l-eżitu tal-elezzjonijiet demokratiċi ta' Novembru 2020 u, sabiex ma jitpoġġiex f'periklu l-progress demokratiku kollu miksub f'dawn l-aħħar snin, idaħħal lura minnufih lill-gvern ċivili, itemm l-istat ta' emerġenza, u jippermetti lill-parlamentari eletti kollha jassumu l-mandati tagħhom sabiex jiġu restawrati l-ordni kostituzzjonali u n-normi demokratiċi; iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex ma jirrikonoxxux it-tmexxija militari tal-Myanmar, inklużi l-Ġeneral Min Aung Hlaing, il-Ġeneral Soe Win, u l-aġent President Myint Swe, u biex jaġixxu kif xieraq;

3.

Jappella għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tal-President Win Myint, il-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, u dawk kollha li ġew arrestati illegalment bl-iskuża ta' elezzjonijiet foloz jew riżultati elettorali frawdolenti jew akkużi infondati oħra bla ebda mertu; ifakkar lit-Tatmadaw li tali allegazzjonijiet ikomplu jnaqqsu l-kredibbiltà domestika u internazzjonali tiegħu; jissottolinja li l-militar tal-Myanmar irid jiċċara fuq liema bażi ġuridika saru dawk l-arresti u li jrid jiggarantixxi wkoll li d-drittijiet tal-persuni arrestati jiġu rispettati bis-sħiħ, inkluża l-protezzjoni kontra l-maltrattament, u li jkollhom aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom u għall-familji tagħhom;

4.

Jiddenunzja r-repressjoni tat-Tatmadaw fuq attivisti indipendenti, il-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili wara l-kolp ta' stat; jitlob il-ħelsien immedjat tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, il-patrijiet u l-ġurnalisti kollha arrestati sempliċement talli esprimew dissens, u jinsisti li d-dritt tagħhom li jipprotestaw b'mod paċifiku kontra dan il-kolp ta' stat illeġittimu ma jistax jiġi ostakolat u li l-persuni ċivili ma jistgħu jkunu soġġetti għall-ebda forma ta' rappreżalja;

5.

Jilqa' l-organizzazzjoni tat-tieni elezzjonijiet ġenerali demokratiċi fil-Myanmar tat-8 ta' Novembru 2020 u jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jirrispettaw b'mod strett ir-rieda tal-poplu tal-Myanmar; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jerġgħu jibdew it-tranżizzjoni demokratika tal-Myanmar; jinsisti li ż-żewġ kmamar tal-Assemblea tal-Unjoni jitlaqqgħu minnufih biex jingħata lok għall-inawgurazzjoni tagħhom u l-ħatra tal-ogħla tmexxija tal-pajjiż, inklużi l-president, il-viċi presidenti u l-gvern ċivili l-ġdid, b'mod kompletament trasparenti u demokratiku; itenni l-offerta magħmula mill-VP/RGħ, li fiha ddikjara li l-Unjoni Ewropea kienet lesta tappoġġa djalogu mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha li jixtiequ jsolvu s-sitwazzjoni in bona fide u jirrestawraw l-ordni kostituzzjonali fil-Myanmar;

6.

Jistieden lit-Tatmadaw jirrispetta r-riżultat elettorali ġenerali tat-8 ta' Novembru 2020, itemm immedjatament l-istat ta' emerġenza u jgħaddi s-setgħa lill-awtoritajiet ċivili eletti; ifakkar li kwalunkwe allegazzjoni ta' irregolaritajiet elettorali trid tkun appoġġata b'evidenza u investigata b'mezzi demokratiċi xierqa, b'rispett sħiħ tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet leġittimi; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni Elettorali tal-Unjoni attwali, kif maħtura mit-Tatmadaw fit-3 ta' Frar 2021, hija illeġittima u ma tista' tiċċertifika l-ebda riżultat elettorali tal-imgħoddi u futur; jinsisti li l-Kummissjoni Elettorali tal-Unjoni preċedenti trid terġa' tiġi stabbilita mingħajr dewmien;

7.

Iħeġġeġ lill-militar u lill-Gvern elett b'mod leġittimu tal-Myanmar taħt il-President Win Myint jibdew proċess ħieles u ġust ta' abbozzar u implimentazzjoni ta' kostituzzjoni ġdida flimkien mal-poplu tal-Myanmar, sabiex ikun hemm demokrazija reali u stat li jaħdem għall-benessri u l-prosperità tal-poplu kollu fil-Myanmar, li tiggarantixxi b'mod speċifiku r-rikonoxximent u r-rappreżentanza tal-gruppi etniċi kollha fil-Myanmar inklużi r-Rohingya, u li tiżgura s-sigurtà, il-libertà, l-armonija u l-paċi għal kulħadd;

8.

Jikkritika bil-qawwa l-limitazzjoni tad-drittijiet ċivili u tal-bniedem, kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, u f'dan id-dawl jikkundanna bil-qawwa wkoll is-soppressjoni tal-libertà tal-midja permezz ta' blackouts fuq l-internet kif ukoll restrizzjoni u imblukkar ta' pjattaformi tal-midja soċjali bħal Facebook u Twitter;

9.

Jissottolinja li l-blackouts fuq it-telekomunikazzjoni huma ta' theddida addizzjonali għall-popolazzjoni u dan, flimkien mal-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa kif ukoll mal-kunflitt intern attwali bl-involviment ta' gruppi armati, ipoġġi lill-popolazzjoni ċivili f'riskju f'diversi partijiet tal-pajjiż; jenfasizza, għalhekk, li s-servizzi kollha tat-telefonija u tal-internet jerġgħu jibdew jiffunzjonaw minnufih;

10.

Jenfasizza d-dikjarazzjoni magħmula mill-VP/RGħ li fiha qal li l-Unjoni Ewropea tistenna li s-sikurezza taċ-ċittadini kemm tal-Myanmar kif ukoll tal-Istati Membri tagħha tiġi żgurata f'kull mument u li l-UE tikkunsidra l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura li d-demokrazija tirbaħ;

11.

Ifaħħar lill-poplu tal-Myanmar, li sofra għexieren ta' snin ta' ħakma militari u, minkejja li bbenefika biss minn libertajiet demokratiċi limitati, qed ikompli bil-missjoni tiegħu għal Myanmar demokratiku, u jfaħħru fir-rigward taċ-ċifra impressjonanti ta' madwar 70 % tal-elettorat li ħareġ jivvota fl-elezzjonijiet tal-2020, li hija indikatur ċar tax-xewqa taċ-ċittadini li jipparteċipaw fit-tmexxija demokratika ta' pajjiżhom;

12.

Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-demokrazija fil-Myanmar u jistieden lill-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha jkomplu bl-isforzi mmirati lejn l-avvanz tas-soċjetà ċivili, minkejja l-limitazzjonijiet attwali u possibbilment kontinwi imposti mill-gvern militari attwali;

13.

Jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma fundamentali sabiex ikun hemm tkabbir ekonomiku u prosperità sostenibbli u verament inklużivi;

14.

Itenni li, minkejja li naqset milli tikkundanna b'mod adegwat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-minoranzi fil-Myanmar, Aung San Suu Kyi tibqa' s-simbolu tal-poplu tal-Myanmar fejn jidħlu l-aspirazzjonijiet u l-ambizzjonijiet demokratiċi għal futur aktar ġust u demokratiku;

15.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-livell ta' informazzjoni falza u manipulata ċċirkolata mit-Tatmadaw fil-Myanmar, u jqis il-preżenza dejjem akbar ta' tali “aħbarijiet foloz” fil-Myanmar bħala xejra inkwetanti;

16.

Ifakkar li l-Myanmar jeħtieġlu jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, li huma komponent essenzjali tal-iskema EBA; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament SĠP bil-ħsieb li jiġu sospiżi l-preferenzi kummerċjali li l-Myanmar, u speċjalment il-kumpaniji proprjetà tal-membri tal-militar, jibbenefika minnhom f'setturi speċifiċi, u żżomm lill-Parlament infurmat kif xieraq; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-pressjoni fuq it-Tatmadaw u jieħdu kwalunkwe miżura għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw li l-awtoritajiet eletti jirritornaw fil-poter; jistieden lill-Kummissjoni, mingħajr l-esklużjoni ta' ebda miżura possibbli inkluża t-tħejjija ta' sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għall-kolp ta' stat, tħejji miżuri punittivi gradwali biex tirreaġixxi b'mod adegwat għall-ksur eżistenti u għal kwalunkwe ksur ulterjuri possibbli, filwaqt li tqis l-effetti pożittivi tal-preferenzi kummerċjali mogħtija preċedentement fuq is-soċjetà ċivili u l-ekonomija ċivili;

17.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti b'urġenza pariri lin-negozji bbażati fl-UE filwaqt li twissihom dwar ir-riskji għad-drittijiet tal-bniedem u għar-reputazzjoni tagħhom u dwar ir-riskji ġuridiċi li jieħdu meta jinnegozjaw mal-militar tal-Myanmar; iħeġġeġ bil-qawwa lin-negozji bbażati fl-UE jwettqu diliġenza dovuta bir-reqqa dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li ma għandhom l-ebda rabta mal-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar, mal-membri individwali tagħhom, jew mal-entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, u li mhumiex qed jikkontribwixxu, direttament jew indirettament, għar-repressjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem mill-militar; jistieden lill-impriżi bbażati fl-UE, inklużi l-kumpaniji omm u s-sussidjarji, jerġgħu jevalwaw b'mod urġenti r-rabtiet kummerċjali tagħhom fil-Myanmar u jissospendu kwalunkwe relazzjoni ma' kumpaniji konnessi mal-militar; jirrimarka t-tħejjijiet attwali għal leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta korporattiva li timponi obbligi ta' diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-kumpaniji tal-UE u l-kumpaniji li joperaw fis-suq uniku, li tiżgura li l-kumpaniji li jikkontribwixxu jew li għandhom rabtiet ma' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fil-Myanmar jinżammu responsabbli f'konformità mad-dritt nazzjonali;

18.

Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali l-oħra jiskrutinizzaw mill-qrib l-attivitajiet finanzjarji tat-Tatmadaw u l-membri tiegħu u jiddefinixxu x'tip ta' miżuri xierqa jistgħu jittieħdu f'każ li s-sitwazzjoni fil-Myanmar ma titjiebx jew saħansitra tmur għall-agħar;

19.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jrawmu koordinazzjoni internazzjonali sabiex jipprevjenu kwalunkwe merkanzija mhux awtorizzata milli tiġi esportata illegalment mill-Myanmar, li tibbenefika b'mod speċifiku lill-militar ekonomikament, u jtemmu l-produzzjoni ta' oġġetti illegali, speċjalment l-isfruttament ta' riżorsi naturali bħall-injam maħsud b'mod illegali;

20.

Jistieden lill-Kunsill jeżamina mill-ġdid, u possibbilment jemenda, l-embargo tal-armi tal-UE fuq il-Myanmar biex jiżgura li t-tagħmir ta' sorveljanza u l-prodotti ta' użu doppju li jistgħu jintużaw mill-militar fir-repressjoni tiegħu tad-drittijiet u tad-dissidenti jkunu koperti mill-embargo;

21.

Jistieden lill-UE tkompli bil-programmi li jgħinu liċ-ċittadini tal-pajjiż u żżid l-appoġġ fejn meħtieġ fid-dawl tal-kriżi attwali, inklużi l-assistenza umanitarja u l-inizjattivi ta' appoġġ għad-demokrazija; ifaħħar id-deċiżjoni tal-1 ta' Lulju 2020 mill-Awstrija, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Polonja li jissospendu l-ħlas lura tad-dejn ta' USD 98 miljun mill-Myanmar biex jgħinu lill-pajjiż jiġġestixxi l-impatt serju tal-pandemija tal-COVID-19; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-għajnuna għall-iżvilupp ma tingħatax permezz ta' mezzi tal-gvern tal-Myanmar, li issa jinsabu f'idejn it-Tatmadaw;

22.

Huwa tal-fehma li l-ASEAN tista' sservi bħala mezz ta' għajnuna mill-komunità internazzjonali lill-Myanmar jekk dan ikun meħtieġ, kif ġara wara li ċ-ċiklun Nargis qered lill-Myanmar fl-2008; iħeġġeġ ukoll lill-ASEAN tieħu rwol attiv fil-medjazzjoni tal-kriżi attwali fil-Myanmar; jemmen li l-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali jistgħu jkunu għodda effettiva biex l-ASEAN tappoġġa l-konsolidazzjoni demokratika fl-Istati Membri tagħha, peress li dawn il-missjonijiet jagħtu livell addizzjonali ta' leġittimità lill-proċess elettorali;

23.

Jistieden lill-VP/RGħ jikkollabora mill-qrib ma' sħab tal-istess fehma, bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġappun, l-Indja, l-Awstralja, il-Kanada u, b'mod partikolari, il-membri tal-ASEAN, u jaħdem mill-qrib magħhom fis-simplifikazzjoni ta' pożizzjonijiet u inizjattivi sabiex issir ħidma lejn ir-ritorn ta' gvern ċivili fil-Myanmar mill-aktar fis possibbli;

24.

Jitlob li l-osservaturi umanitarji internazzjonali, inklużi r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, u l-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC, jingħataw aċċess immedjat u mingħajr xkiel għat-territorju kollu tal-Myanmar; jilqa' l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra dwar il-Myanmar;

25.

Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li titlob il-ħelsien immedjat ta' dawk kollha detenuti; jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jadotta, mill-aktar fis possibbli, riżoluzzjoni li tiddenunzja l-kolp ta' stat mit-Tatmadaw u timponi konsegwenzi ċari, vinkolanti u infurzabbli jekk it-Tatmadaw ikompli jikser il-proċessi demokratiċi;

26.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni dwar il-Myanmar fis-sessjoni li jmiss tal-UNHRC;

27.

Jistieden ukoll liċ-Ċina u lir-Russja jinvolvu ruħhom attivament fid-diplomazija internazzjonali u jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom bħala membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jistennihom jiżvolġu rwol kostruttiv fl-iskrutinju tas-sitwazzjoni fil-Myanmar;

28.

Ifaħħar lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres, għall-kliem iebes dwar l-azzjonijiet tal-militar tal-Myanmar, u jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-ASEAN dwar l-iżviluppi fir-Repubblika tal-Unjoni tal-Myanmar, li fiha enfasizzat l-importanza li jiġu rispettati l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-protezzjoni tagħhom;

29.

Ifakkar fin-natura multietnika tal-Myanmar u jħeġġeġ lit-Tatmadaw jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet inaljenabbli ta' kull etniċità, u jissottolinja li l-Unjoni Ewropea se tkompli tissorvelja mill-qrib l-azzjonijiet tat-tmexxija militari fir-rigward tal-minoranzi tagħha, b'mod partikolari r-Rohingya, li diġà sofrew krudeltà enormi fil-passat; jesprimi, f'dan ir-rigward, il-gratitudni u r-rispett tiegħu lill-gvern u l-poplu tal-Bangladesh li laqgħu u għadhom jospitaw madwar miljun rifuġjat Rohingya mill-Myanmar; jissottolinja fermament li l-Myanmar fl-aħħar mill-aħħar iġorr ir-responsabbiltà għal dawn ir-rifuġjati u jeħtieġlu jiżgura li jiġu rimpatrijati u riintegrati b'mod sikur, uman u ordnat fil-Myanmar; jappella għal aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr xkiel għall-Myanmar;

30.

Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-ksur kollu passat u preżenti tad-drittijiet tal-bniedem u l-attakki sistematiċi u mifruxa, inklużi l-każijiet ta' qtil, fastidju, stupru u qerda ta' proprjetà li, skont ir-rekords tal-UNIFFM u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR), jammontaw għal ġenoċidju, delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa mill-forzi armati kontra l-popolazzjoni Rohingya; jisħaq li t-Tatmadaw konsistentement naqas milli jirrispetta d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

31.

Jilqa' l-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tas-sanzjonijiet tal-2018 mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE kontra persunal militari u uffiċjali mit-Tatmadaw, gwardja tal-fruntiera u pulizija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popolazzjoni Rohingya, u jistenna li dawk l-individwi jkunu soġġetti għal rieżami kostanti taħt ir-reġim ta' sanzjonijiet;

32.

Itenni l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-Kap Prosekutur tal-QKI li jiftaħ investigazzjoni preliminari dwar delitti mwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya u għal kwalunkwe inizjattiva xierqa li tikkontribwixxi biex dawk responsabbli għall-atroċitajiet, inklużi l-Ġeneral Min Aung Hlaing u l-Ġeneral Soe Wen, jagħtu kont ta' għemilhom;

33.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jemenda l-mandat tal-iskema attwali ta' miżuri restrittivi biex jinkludi l-ksur tad-demokrazija, u jestendi s-sanzjonijiet immirati għat-tmexxija sħiħa tal-militar tal-Myanmar, inklużi dawk kollha involuti fil-kolp ta' stat u entitajiet ġuridiċi oħra li huma proprjetà diretta ta' dawk involuti fil-kolp ta' stat;

34.

Jilqa' b'sodisfazzjon kbir it-tmexxija murija mill-UE fl-istabbiliment tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Indipendenti għall-Myanmar (IIMM) tan-NU sabiex tinġabar u tiġi kkonsolidata, ippreservata u analizzata l-evidenza tal-ksur u d-delitti internazzjonali l-aktar serji mwettqa fil-Myanmar mill-2011; iħeġġeġ lill-Myanmar jikkoopera mal-isforzi internazzjonali biex tiġi żgurata l-akkontabbiltà, inkluż billi finalment jagħti aċċess sħiħ lill-IIMM għall-pajjiż; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jiżguraw li l-IIMM ikollu l-appoġġ meħtieġ, inkluż l-appoġġ finanzjarju, biex iwettaq il-mandat tiegħu;

35.

Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Myanmar, u jistieden lill-VP/RGħ jirrapporta lura lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament fuq bażi regolari sabiex jiġi żgurat djalogu parlamentari adegwat dwar din is-sitwazzjoni importanti u inkwetanti;

36.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President u lill-gvern leġittimi tal-Myanmar, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Uniti, tar-Renju Unit, tal-Ġappun, tal-Indja, tal-Awstralja, tal-Kanada u tal-Istati Membri tal-ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Pyidaungsu Hluttaw (l-Assemblea Burmiża tal-Unjoni tal-Myanmar), u lill-President, il-Kunsillier tal-Istat u l-forzi armati tal-Myanmar.

(1)  ĠU C 419, 16.12.2015, p. 189.

(2)  ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 79.

(3)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 154.

(4)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 120.

(5)  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 134.

(6)  ĠU C 238, 6.7.2018, p. 112.

(7)  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 109.

(8)  ĠU C 28, 27.1.2020, p. 80.

(9)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 124.

(10)  Testi adottati, P9_TA(2019)0018.


Top