This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020IP0164
European Parliament resolution of 19 June 2020 on the reopening of the investigation against the Prime Minister of the Czech Republic on the misuse of EU funds and potential conflicts of interest (2019/2987(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali (2019/2987(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali (2019/2987(RSP))
ĠU C 362, 8.9.2021, pp. 37–44
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
8.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 362/37 |
P9_TA(2020)0164
Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali (2019/2987(RSP))
(2021/C 362/05)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 13(2) u 17(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), |
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni għas-snin 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra l-investigazzjonijiet amministrattivi mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) fil-proġett fir-Repubblika Ċeka magħruf bħala “Stork Nest”, li sab “irregolaritajiet serji”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fis-26 u fis-27 ta' Marzu 2014, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar il-kunflitti ta' interess u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Att tar-Repubblika Ċeka Nru 159/2006 tas-16 ta' Marzu 2006 dwar il-kunflitti ta' interessi, li l-Artikolu 4(c) tiegħu daħal fis-seħħ fi Frar 2017, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (2) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”), li daħal fis-seħħ fit-2 ta' Awwissu 2018, u b'mod partikolari l-Artikolu 61 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 144 u 145 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (3), |
|
— |
wara li kkunsidra l-mistoqsijiet u l-ilment mibgħut lill-Kummissjoni rigward il-kunflitt potenzjali ta' interess fir-Repubblika Ċeka (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2018 dwar l-impatt tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid (kunflitti ta' interess) fuq il-pagamenti mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konferenza stampa mogħtija mill-Kap Prosekutur Pubbliku fl-4 ta' Diċembru 2019 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu fil-plenarja tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar il-kunflitti ta' interess u l-korruzzjoni li taffettwa l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fl-Istati Membri, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu fil-plenarja tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-prosekuzzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit mis-26 sat-28 ta' Frar 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Pl. ÚS 4/17 tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Ċeka tat-18 ta' Frar 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi l-investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka Andrej Babiš, li segwiet ir-rapport tal-OLAF dwar l-użu irregolari tas-sussidji tal-UE maħsuba għan-negozji ż-żgħar u li ġiet sospiża sentejn wara, reċentement reġgħet infetħet mill-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Ċeka; ifakkar li bħala parti mill-proġett “Stork Nest”, Agrofert ħolqot b'mod artifiċjali kumpanija ta' daqs medju, li baqgħet fil-kontroll ta' Agrofert, biex jinkisbu fondi maħsuba għal negozji żgħar u ta' daqs medju li jammontaw għal total ta' madwar EUR 2 miljun; |
|
B. |
billi l-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Ċeka ddenunzja li t-twaqqigħ tal-investigazzjoni kriminali kien “illegali u prematur” hekk kif il-liġi tal-UE ma ġietx ikkunsidrata, filwaqt li żied ukoll li l-proċess ta' allokazzjoni tas-sussidji kien nieqes minn kontrolli suffiċjenti; |
|
C. |
billi l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju (flimkien mal-Artikolu 61(3)) jistipula:
|
|
D. |
billi l-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll li, kif jirrikjedi l-Artikolu 36(3), għandhom ikunu kapaċi jevitaw il-kunflitti ta' interess; |
|
E. |
billi f'Frar 2017, l-Att tar-Repubblika Ċeka Nru 159/2006 dwar il-kunflitti ta' interess ġie emendat b'lista estiża ta' attivitajiet ipprojbiti, inkluż dispożizzjonijiet li jipprevjenu li ċerti kumpaniji jkunu involuti fl-akkwist pubbliku anke bħala sottokuntrattur jew milli jirċievu għotjiet; billi l-att għandu l-għan li jipprevjeni kunflitti ta' interess fl-għamliet kollha tagħhom; |
|
F. |
billi r-regoli dwar l-akkwist pubbliku jobbligaw lill-Istati Membri jevitaw kunflitti ta' interess (l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/24/UE (5)), inklużi interessi personali diretti jew indiretti, u diġà hemm regoli fis-seħħ biex jindirizzaw sitwazzjonijiet meqjusa bħala kunflitti ta' interess kif ukoll obbligi speċifiċi fil-ġestjoni kondiviża (pereżempju r-Regolament (UE) Nru 1303/2013); |
|
G. |
billi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (6), “kunflitt ta' interess jikkostitwixxi, oġġettivament u fih innifsu, irregolarità serja mingħajr ma jkun hemm ħtieġa li dan jiġi kkwalifikat, billi jitqiesu l-intenzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u jekk dawn kinux qed jaġixxu in bona fide”; |
|
H. |
billi l-Kummissjoni hija obbligata tissospendi l-pagamenti tal-fondi tal-UE f'każijiet meta jkun hemm nuqqas serju fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u meta jkunu nkixfu irregolaritajiet serji li ma jkunux ġew skoperti, rappurtati u kkoreġuti b'rabta ma' kunflitt ta' interess; |
|
I. |
billi Agrofert huwa konglomerat stabbilit mill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, magħmul minn aktar minn 230 kumpanija u aktar minn 34 000 impjegat (2017); billi ġie żvelat li s-Sur Babiš huwa s-sid benefiċjarju ta' Agrofert, il-kumpanija li tikkontrolla l-grupp Agrofert – li jinkludi, fost l-oħrajn, għadd ta' mezzi tax-xandir importanti tar-Repubblika Ċeka – permezz tal-fondi fiduċjarji AB I u AB II li tagħhom huwa l-fundatur u, fl-istess ħin, l-uniku benefiċjarju; billi meta s-Sur Babiš jiddeċiedi li jxolji dawn il-fondi fiduċjarji, huwa jerġa' jikseb is-sjieda sħiħa tal-assi kollha li jinsabu fil-fondi; |
|
J. |
billi f'Jannar u fi Frar 2019 twettaq awditu kkoordinat u komprensiv minn diversi servizzi tal-Kummissjoni (DĠ REGIO/DĠ EMPL, DĠ AGRI (DĠ assoċjat)) dwar l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u tal-UE; billi awditu li għadu għaddej minn DĠ AGRI qiegħed jeżamina allegati kunflitti ta' interess fir-rigward tal-Ministru tar-Repubblika Ċeka għall-Agrikoltura; |
|
K. |
billi f'Novembru 2019 il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport tal-awditjar finali ta' DĠ REGIO u DĠ EMPL lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka, b'segwitu għall-allegazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess fir-Repubblika Ċeka abbażi tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju, li nkixef lill-midja tar-Repubblika Ċeka; |
|
L. |
billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kellu laqgħa bil-magħluq mal-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni Johannes Hahn fis-16 ta' Diċembru 2019; |
|
M. |
billi l-Kummissarju Hahn informa lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit li l-Kummissjoni kienet ser tippubblika l-konklużjonijiet tal-awditu ladarba l-evidenza kollha tkun ġiet ikkunsidrata u analizzata bir-reqqa; billi l-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom għar-rapport tal-awditjar finali ta' DĠ REGIO fid-29 ta' Mejju 2020; |
|
N. |
billi l-awditu tal-Kummissjoni għadu għaddej, u bħala miżura ta' prekawzjoni u sakemm tiġi ċċarata s-sitwazzjoni, mhu qiegħed isir ebda pagament mill-baġit tal-UE fi ħdan il-Fondi SIE lil kumpaniji li s-sjieda diretta jew indiretta tagħhom hija tas-Sur Babiš, li potenzjalment jista' jiġi implikat fl-allegat kunflitt ta' interess; |
|
O. |
billi l-Kummissjoni mhijiex tirrimborża lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka għall-pagamenti li saru fi ħdan il-Fond għall-Iżvilupp Rurali għall-proġetti ta' Agrofert Group, li potenzjalment jistgħu jkunu kkonċernati mill-allegat kunflitt ta' interess; |
|
P. |
billi l-Parlament tar-Repubblika Ċeka m'għandu ebda sorveljanza fuq offerti pubbliċi possibbli, sussidji fil-livell nazzjonali tar-Repubblika Ċeka jew investimenti pubbliċi appoġġjati mill-istat li l-Grupp Agrofert jaf ikompli jgawdi minnhom; |
|
Q. |
billi l-Grupp Agrofert għandu s-sjieda ta' tnejn mill-akbar gazzetti ta' kuljum tar-Repubblika Ċeka, Mladá fronta Dnes u Lidové Noviny, u jikkontrolla l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Óčko u l-istazzjonijiet tar-radju Impuls u RockZone; billi skont rapport mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti, is-Sur Babiš huwa s-sid de facto ta' 30 % tal-midja privata fir-Repubblika Ċeka (7); |
|
R. |
billi d-dħul tal-Grupp Agrofert żdied b'mod sinifikanti matul il-perjodu li fih is-Sur Babiš kien fil-kariga pubblika u fl-istess waqt il-Grupp Agrofert ibbenefika minn sussidji agrikoli tal-UE li jammontaw għal total ta' CZK 970 414 000 fl-2016, CZK 1 048 685 000 fl-2017 u CZK 973 284 000 fl-2018 fir-Repubblika Ċeka biss; billi l-Grupp Agrofert allegatament irċieva sussidji mill-Fond ta' Koeżjoni tal-UE li jammontaw għal CZK 427 385 000 għall-perjodu 2014–2020 fir-Repubblika Ċeka; billi l-Grupp Agrofert x'aktarx li rċieva sussidji addizzjonali fi Stati Membri oħra, bħas-Slovakkja u l-Ġermanja; |
|
S. |
billi l-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Ċeka fid-Deċiżjoni Pl. ÚS 4/17 ta' Frar 2020 irrifjutat azzjoni legali mressqa mill-President tar-Repubblika Ċeka u l-Membri tal-Parlament tar-Repubblika Ċeka dwar ir-revoka tal-liġi Ċeka li tiddefinixxi l-kunflitti ta' interess fost l-uffiċjali pubbliċi; billi l-Qorti Kostituzzjonali ċċarat fl-istess deċiżjoni li l-elezzjonijiet m'għandhomx jintużaw bħala mezz biex jinħataf kontroll tal-istat bl-iskop li jintużaw jew saħansitra jiġu abbużati l-kapaċitajiet u r-riżorsi tiegħu; |
|
1. |
Jilqa' l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka għall-involviment tiegħu fil-proġett “Stork Nest”; jinsab fiduċjuż li s-sistema ġudizzjarja nazzjonali ser tkompli b'dan il-proċess b'mod indipendenti u ħieles minn kwalunkwe influwenza politika possibbli; |
|
2. |
Jikkundanna kwalunkwe sitwazzjoni possibbli ta' kunflitti ta' interess li tista' tikkomprometti l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u twassal għat-telf tal-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-ġestjoni xierqa tal-flus tal-kontribwenti tal-UE; |
|
3. |
Jitlob lill-Kummissjoni, bħala l-'Gwardjan tat-Trattati', tiġġieled kull forma ta' kunflitti ta' interess u tevalwa l-miżuri preventivi meħuda mill-Istati Membri biex jevitawhom; |
|
4. |
Jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mekkaniżmu ta' kontroll li jindirizza l-kwistjoni tal-kunflitti ta' interess fl-Istati Membri u biex tistabbilixxi l-evitar attiv tal-kunflitti ta' interess, inkluż l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji finali tas-sussidji tal-UE, bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha; |
|
5. |
Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-kunflitti ta' interess, tiżgura l-irkupru rapidu ta' sussidji potenzjalment imħallsa b'mod irregolari filwaqt li tirrispetta l-istat tad-dritt u r-rekwiżiti proċedurali u tintervjeni b'mod deċiżiv, speċjalment meta l-awtoritajiet nazzjonali jonqsu milli jaġixxu biex jipprevjenu l-kunflitti ta' interess fost l-ogħla rappreżentanti tagħhom; |
|
6. |
Jisħaq li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess trid tkun kompatibbli mal-formulazzjoni u mal-ispirtu tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid; jappella lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida komuni biex tassisti lill-Istati Membri fl-evitar tal-kunflitti ta' interess fost il-politiċi ta' profil għoli; |
|
7. |
Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jadottaw standards komuni għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-kunflitti ta' interess u jfittxu li jintlaħaq fehim komuni tal-kwistjoni fl-Istati Membri kollha; |
|
8. |
Jappella lill-Kummissjoni biex, f'każ ta' nonkonformità mar-regoli, tieħu miżuri adegwati biex tipproteġi l-baġit tal-UE, inklużi azzjonijiet korrettivi biex jiġu rkuprati l-fondi kollha li jkunu nħarġu illegalment jew b'mod irregolari, fejn dan ikun previst; |
|
9. |
Jappella lill-Istati Membri kollha jżidu l-isforzi tagħhom biex iżidu t-trasparenza baġitarja, billi jiżguraw li d-data rilevanti dwar il-proċeduri ta' akkwist pubbliku u l-għoti ta' kuntratti ffinanzjati minn fondi pubbliċi, tkun aċċessibbli b'mod faċli u liberu għall-pubbliku ġenerali; |
|
10. |
Jinsab imħasseb dwar rapporti minn partijiet differenti tal-UE dwar l-influwenza politika dejjem akbar ta' politiċi b'interessi personali li jinsabu qrib jew fil-gvern, dwar it-tfassil tal-liġijiet u dwar l-użu tal-finanzi pubbliċi, bl-għan potenzjali li jaqdu l-interess personali ta' individwi speċifiċi aktar milli tal-pubbliku ġenerali; |
|
11. |
Jiddeplora l-fatt li l-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka kien u għadu involut b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka fil-pożizzjoni tiegħu bħala Prim Ministru (u preċedentement President tal-Kunsill għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej) filwaqt li għadu fil-kontroll tal-Grupp Agrofert bħala fundatur u l-uniku benefiċjarju ta' żewġ fondi fiduċjarji, bi ksur tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju, u għaldaqstant iqiegħed f'dubju l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet tiegħu; jinsab tassew imħasseb dwar rapporti reċenti fil-midja (8) li l-Prim Ministru għad għandu kontroll fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali meħuda f'Agrofert; |
|
12. |
Jinnota li r-rapporti reċenti tal-midja jidher li żvelaw li s-Sur Babiš u l-mara tiegħu għadhom elenkati fost is-sitt persuni attivi b'influwenza jew kontroll sinifikanti fuq il-fiduċjarji ta' trust relatat ma' sussidjarja ta' Agrofert fir-Renju Unit, GreenChem Solutions Ltd.; |
|
13. |
Jinsisti li kunflitt ta' interess fl-ogħla livell ta' gvern ta' stat membru, jekk jiġi kkonfermat, ma jistax jiġi ttollerat u jrid jiġi solvut mill-persuna(i) kkonċernata/kkonċernati billi:
|
|
14. |
Jappella lill-Kummissjoni biex tissorvelja bir-reqqa l-proċess ta' allokazzjoni tal-pagamenti fir-Repubblika Ċeka, speċjalment il-pagamenti ta' fondi tal-UE li jsiru lil kumpaniji li huma proprjetà diretta u indiretta tal-Prim Ministru jew kwalunkwe membru ieħor tal-gvern involut fl-implimentazzjoni tal-baġit; |
|
15. |
Jappella lill-Kummissjoni tivvaluta, mingħajr dewmien żejjed, jekk f'każijiet fejn il-kumpaniji jappartjenu għall-Grupp Agrofert u jibqgħu jirċievu sussidji mill-baġit nazzjonali, jekk dawn humiex konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; jinnota r-riskju potenzjali ta' dannu finanzjarja li dawn il-każijiet jistgħu joħolqu u jappella lill-awtoritajiet nazzjonali jivvalutaw dawn is-sitwazzjonijiet; iqis l-kontribwenti tar-Repubblika Ċeka u tal-UE għandhom jiġu informati kif dovut dwar sitwazzjoni bħal din; |
|
16. |
Jinsab tassew imħasseb dwar rapporti (9) rigward il-kapaċità ta' kumpaniji tal-Grupp Agrofert li jittrasferixxu b'mod artifiċjali l-assi fost is-sussidjarji, biex b'hekk jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità għal sussidji lil kumpaniji żgħar u ta' daqs medju jew, għall-kuntrarju, iwaħħdu l-operazzjonijiet tagħhom biex jippreżentaw ruħhom bħala kumpanija kbira u b'hekk jirbħu offerti pubbliċi; |
|
17. |
Jiddeplora rapporti li l-awdituri identifikaw nuqqasijiet serji fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fil-qasam tal-fondi reġjonali u ta' koeżjoni fir-Repubblika Ċeka, u għaldaqstant issuġġerew korrezzjoni finanzjarja ta' kważi 20 %; jappella lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod kritiku jekk dawn il-każijiet humiex każijiet ta' użu ħażin sistemiku ta' fondi tal-UE; |
|
18. |
Jinsab imħasseb dwar it-telf finanzjarju kkawżat minn nuqqasijiet fl-aġenziji tal-ħlas nazzjonali u fil-korpi ta' kontroll; jappella lill-Kunsill biex, f'dan il-kuntest, jadotta b'mod urġenti l-proposta għal regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri; |
|
19. |
Jinsab tassew imħasseb dwar il-qafas legali fir-Repubblika Ċeka li jiċħad lill-Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar nazzjonali d-dritt li tivverifika r-regolarità u r-rendiment tal-infiq pubbliku fil-livell reġjonali u lokali, u b'hekk tipprevjeni lill-istituzzjoni milli jkollha livell ta' għarfien dwar is-sidien benefiċjarji fl-istrutturi kumplessi tal-kumpaniji; jiddeplora rapporti (10) li l-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar ma jwettaqx kontrolli fuq il-post sistematiċi tal-benefiċjarji finali; jinsab imħasseb dwar il-kummenti derogatorji magħmula mill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar il-ħidma tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar tar-Repubblika Ċeka; |
|
20. |
Jisħaq li kompożizzjoni politika żbilanċjata tal-Bord Superviżorju tal-Fond Statali għall-Intervent Agrikolu (SZIF) iġġib magħha riskju ta' influwenza politika u b'hekk tikkomprometti l-kapaċità li jitwettaq awditjar indipendenti; |
|
21. |
Jinsab imħasseb dwar rapporti li l-impjegati taċ-ċivil (11) irċevew struzzjonijiet u kienu taħt pressjoni biex ma jinvestigawx allegazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess potenzjali relatati mal-Grupp Agrofert u allegatament ingħataw struzzjonijiet biex jivvalutaw l-offerti kummerċjali li Agrofert irċieva; jinsab tassew imħasseb dwar rapporti li l-impjegati taċ-ċivil ħabbtu wiċċhom ma' riperkussjonijiet negattivi, bħal sensji abbażi tal-pretest ta' sistematizzazzjoni wara li rrifjutaw li segwiti tali ordnijiet; jisħaq li dawn il-miżuri jqajmu dubji dwar l-imparzjalità tal-amministrazzjoni tal-istat u l-eżerċizzju indipendenti tad-dmirijiet pubbliċi; |
|
22. |
Jiddispjaċih dwar indikazzjonijiet ta' dgħufijiet sistemiċi fl-identifikazzjoni ta' kunflitti ta' interess; jiddeplora l-fatt li ma hemm ebda kontroverifiki u li responsabbiltajiet diverġenti jrawmu strutturi mhux trasparenti li huma ta' tfixkil għall-prevenzjoni effikaċi u d-detezzjoni ta' kunflitti ta' interess fir-Repubblika Ċeka; ifakkar li approċċ pożittiv fejn l-uffiċjali pubbliċi jkunu meħtieġa jippreżentaw awtodikjarazzjonijiet ta' ebda kunflitt ta' interess mhuwiex biżżejjed biex jiġu evitati b'mod effikaċi sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess; jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet sistemiċi mingħajr dewmien, b'mod partikolari billi jirrikjedu dikjarazzjoni ta' kunflitt ta' interess li tkun verifikabbli, fejn l-uffiċjali pubbliċi jipprovdu lista tal-interessi finanzjarji rispettivi tagħhom; |
|
23. |
Jiddispjaċih li l-fondi tal-UE affettwati mill-korrezzjonijiet finanzjarji marbuta ma' irregolaritajiet jistgħu jerġgħu jintużaw mingħajr ebda konsegwenza jew restrizzjonijiet ulterjuri; huwa tal-fehma li tali sistema thedded l-interessi finanzjarji tal-UE; jappella lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-użu mill-ġdid tal-fondi tal-UE u tikkunsidra l-iżvilupp ta' sistema li biha l-korrezzjonijiet jiġu akkumpanjati wkoll minn restrizzjonijiet fuq l-użu ulterjuri tagħhom; |
|
24. |
Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2019 li tissospendi l-ammonti rilevanti inklużi mill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka fid-dikjarazzjonijiet interim tagħha tan-nefqa għall-Programm tal-Iżvilupp Rurali tar-Repubblika Ċeka għal Q4–2018 u Q1–2019; |
|
25. |
Jinnota li l-Kummissjoni kkonfermat li għamlet pagamenti fi ħdan il-politika agrikola komuni (PAK) relatati mas-sena 2018 lil kumpaniji li jappartjenu għall-Grupp Agrofert, kif ukoll lil kumpaniji bl-istess sid benefiċjarju f'diversi Stati Membri oħra barra mir-Repubblika Ċeka; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza b'ġabra kompleta u affidabbli tal-pagamenti kollha magħmula lill-Grupp Agrofert u lil kumpaniji bl-istess sid benefiċjarju fl-Istati Membri kollha għas-snin finanzjarji 2018 u 2019; |
|
26. |
Jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka jiżguraw id-distribuzzjoni ġusta u bbilanċjata tal-fondi tal-UE, biex il-finanzi tal-kontribwenti tal-UE jkunu ta' benefiċċju għall-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni, kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment; |
|
27. |
Jinsab imħasseb dwar l-implimentazzjoni inadegwata tad-Direttivi (UE) 2015/849 (12) u (UE) 2018/843 (13) dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ir-raba' u l-ħames Direttivi dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus); jaċċentwa l-obbligu li ż-żewġ direttivi jiġu trasposti b'mod sħiħ u korrett u li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet kollha, inklużi dawk dwar it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja, jiġu kompletament implimentati; |
|
28. |
Iħeġġeġ lill-Unità Analitika Finanzjarja tar-Repubblika Ċeka tieħu approċċ aktar proattiv fil-ġlieda kontra r-reati fiskali, il-frodi u l-korruzzjoni, kif ukoll tiżgura li jkun hemm kontrolli effikaċi tas-sidien benefiċjarji mill-entitajiet responsabbli skont ir-regoli kontra l-ħasil tal-flus; |
|
29. |
Jiddispjaċih li l-awtorizzazzjoni, id-distribuzzjoni u l-awditjar tal-fondi tal-UE f'ġestjoni kondiviża huma proċessi kumplessi u mhux trasparenti fejn l-Istati Membri biss għandhom aċċess sħiħ għad-data, li jfisser li l-Kummissjoni ma tistax tipprovdi ħarsa ġenerali f'waqtha u komprensiva lill-Parlament meta tintalab informazzjoni dwar pagamenti lil ċerti benefiċjarji f'diversi Stati Membri; jenfasizza li dan ifixkel b'mod serju l-effiċjenza u l-kapaċità tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala entitajiet ta' kontroll; |
|
30. |
Jappella lill-Kummissjoni biex, b'aċċettazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' ġestjoni kondiviża, tistabbilixxi mezzi uniformi u standardizzati għall-Istati Membri biex jirrapportaw informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE; jenfasizza li informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali għandha tinkludi speċifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji tal-kumpaniji (persuni fiżiċi u ġuridiċi); jappella lill-Kummissjoni tipproponi regolament għall-istabbiliment ta' sistema tal-IT li tippermetti rapportar uniformi u standardizzat f'ħin reali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li tiżgura interoperabilità mas-sistemi fl-Istati Membri biex jiġu ggarantiti trasparenza u kooperazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, biex titjieb aktar ir-responsabbiltà fir-rigward tal-pagamenti, u b' mod partikolari bħala kontribut għad-detezzjoni aktar bikrija ta' żbalji sistemiċi u użu ħażin; |
|
31. |
Jiddispjaċih li ebda wieħed mir-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-fondi agrikoli u ta' koeżjoni ma jimponu obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jippubblikaw is-sid benefiċjarju finali ta' individwu entità legali jew trust li jibbenefikaw mill-fondi; jappella lill-koleġiżlaturi biex jagħtu attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni u biex jindirizzawha b'mod komprensiv meta jiddeċiedu dwar regoli futuri għat-trasparenza tas-sussidji tal-UE; |
|
32. |
Jinsisti li r-reġistru tas-sjieda benefiċjarja għandu jkun fih biss informazzjoni kompletament ivverifikata dwar il-persuna/persuni ta' kontroll u jrid ikun kompletament disponibbli għall-pubbliku; |
|
33. |
Ma japprovax bis-sħiħ il-ħolqien u l-istabbiliment ta' strutturi oligarkiċi li jużaw fondi agrikoli u ta' koeżjoni tal-UE, fejn minoranza żgħira ta' benefiċjarji jirċievu l-maġġoranza l-kbira tal-fondi tal-UE; jappella lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tiżviluppa strumenti legali effikaċi biex tiżgura r-rispett għall-istat tad-dritt u tipprevjeni l-ħolqien ta' strutturi bħal dawn; |
|
34. |
Itenni t-tħassib tiegħu li każijiet ta' kunflitti ta' interess jagħmlu ħsara lill-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni u tal-PAK, li għandhom dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali importanti, u joffru stampa negattiva ta' dawn il-politiki; |
|
35. |
Jappella lill-Kummissjoni tippreżenta proposta li timmodifika r-regoli tal-PAK għal allokazzjoni aktar ġusta tal-fondi tal-UE, biex jiġi żgurat li l-PAK tiġi allokata b'mod ġust lill-bdiewa attivi li jikkultivaw l-art u li ma tirriżultax fi ftehimiet dwar l-art li jkunu ta' benefiċċju għal grupp magħżul ta' persuni b'informazzjoni privileġġata tal-politika jew jinċentivaw prattiki abbużivi matul irkant li jipprivatizza art li hija proprjetà tal-istat; jagħraf il-proposta tal-Kummissjoni għal mudell ġdid tal-implimentazzjoni, inkluż l-iffissar ta' limiti massimi flimkien ma' mekkaniżmu ta' digressività; huwa tal-opinjoni, madankollu, li l-iffissar ta' limiti massimi, bl-introduzzjoni ta' tpaċija tal-kost lavorattiv qabel l-iffissar ta' limiti massimi, mhuwiex biżżejjed biex tiġi garantita allokazzjoni aktar ġusta tal-pagamenti diretti; jappoġġja l-idea ta' mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni obbligatorja; |
|
36. |
Jieħu nota tal-fatt li d-drittijiet ta' proprjetà tal-art ħafna drabi ma ġewx definiti b'mod ċar u l-art baqgħet klassifikata bħala art tal-istat taħt is-superviżjoni tal-Uffiċċju tal-Artijiet tal-Istat, li kellu t-tendenza li jikriha lil korporazzjonijiet agrikoli fuq skala kbira; jagħraf l-isforzi tal-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka biex jidentifikaw lis-sidien leġittimi sal-2023; jinsisti li l-irkant ta' art li s-sidien leġittimi tagħha ma jistgħux jiġu stabbiliti għandu jsir b'mod ġust u jipprovdi opportunitajiet indaqs biex bdiewa żgħar u ta' daqs medju u bdiewa żgħażagħ jakkwistaw l-art; |
|
37. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-ammont massimu ta' pagamenti diretti għal kull persuna fiżika bħala s-sid benefiċjarju ta' kumpanija waħda jew aktar, filwaqt li tiġi applikata politika ta' tolleranza żero għal dawk b'kunflitt ta' interess; jissottolinja m'għandux ikun possibbli li jingħataw sussidji tal-UE fil-mijiet ta' miljuni f'perjodu wieħed tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP); |
|
38. |
Jinsisti li dawk responsabbli għall-użu ħażin ta' fondi tal-UE għandhom ibatu l-konsegwenzi u li, fil-każ ta' korrezzjonijiet finanzjarji, il-piż m'għandux jingħadda lill-kontribwenti nazzjonali; jappella lill-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika Ċeka biex jitolbu lura sussidji li ma kellhomx jitħallsu minn dawk li bbenefikaw minnhom b'mod illegali; huwa tal-fehma li għandha tiġi introdotta kundizzjoni li tippermetti l-użu tal-fondi tal-UE għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, liema kundizzjoni tirrikjedi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tinkludi dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju responsabbli jirkupra l-fondi li ddikjara b'mod ħażin; |
|
39. |
Jikkundanna bil-qawwa l-użu pubbliku ta' lingwaġġ ta' diffamazzjoni u diskors ta' mibegħda mill-Prim Ministru matul il-konferenza stampa tiegħu kontra l-parteċipanti tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020; iqis li huwa inaċċettabbli li l-Membri tal-Parlament Ewropew li ħadu sehem fil-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fir-Repubblika Ċeka rċevew theddid ta' mewt u attakki verbali oħra meta kienu qegħdin jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew; |
|
40. |
Jappella lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jirrapporta lura għand il-Parlament dwar kwalunkwe għarfien rilevanti miksub matul il-missjoni tiegħu ta' ġbir ta' informazzjoni u jinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet rilevanti kif dovut; |
|
41. |
Jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel l-aħjar possibbli biex tiffinalizza l-proċeduri ta' awditjar li għaddejjin bħalissa mingħajr dewmien żejjed u biex tippubblika s-sejbiet tagħha hekk kif l-evidenza kollha tkun ġiet evalwata kif dovut; jinkoraġġixxi lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jikkunsidraw is-sejbiet ta' dan l-awditjar u jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tan-negozjati għall-QFP li jmiss; |
|
42. |
Jappella lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-allegazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess mhux solvuti fi Stati Membri oħra; |
|
43. |
Itenni d-dispjaċir tiegħu li r-rapport għal kull pajjiż ma baqax isir fit-tieni rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni mill-Kummissjoni (ARES(2017)455202); jitlob mill-ġdid li l-Kummissjoni terġa' tibda tirrapporta, separatament mis-Semestru Ekonomiku, dwar l-istatus tal-korruzzjoni fl-Istati Membri, inkluża evalwazzjoni tal-effikaċja tal-isforzi kontra l-korruzzjoni appoġġjati mill-UE; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni ma tevalwax l-isforzi kontra l-korruzzjoni biss f'termini ta' telf ekonomiku; |
|
44. |
Jisħaq fuq l-importanza tar-rispett tal-istat tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja bħala prekundizzjoni għall-użu b'suċċess tal-finanzjament tal-UE; |
|
45. |
Jaċċentwa l-importanza tal-midja pubblika indipendenti, tal-ġurnalisti investigattivi u tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jaħdmu biex isaħħu l-istat tad-dritt; Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-appoġġ tal-UE għal ġurnalisti indipendenti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa ta' importanza kbira, inkluż fil-kuntest tal-QFP li jmiss; jinsab mħasseb dwar il-konċentrazzjoni għolja ta' midja privata f'idejn il-ftit fir-Repubblika Ċeka; |
|
46. |
Jappella lill-Kummissjoni tqis it-tħassib espress f'din ir-riżoluzzjoni meta timmonitorja s-sitwazzjoni fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt; |
|
47. |
Jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka biex jinformaw malajr kemm jista' jkun lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-eżitu tal-investigazzjoni “Stork Nest” li reġgħet infetħet; |
|
48. |
Jappella lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess fil-kuntest tan-negozjati għall-baġit futur tal-UE u l-QFP li jmiss, bi qbil mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju; |
|
49. |
Jesprimi solidarjetà mal-poplu tar-Repubblika Ċeka li qiegħed jappella għal korrettezza, ġustizzja u riżoluzzjoni tal-inkompatibbiltà tal-interessi kummerċjali tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka mar-rwol u s-setgħat politiċi tiegħu; |
|
50. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Ċeka. |
(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0530.
(2) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(4) https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/P-8-2019-001656_MT.html
(5) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(6) Ismeri Europa Srl vs Il-Qorti tal-Awdituri, Sentenza tal-15.6.1999, Kawża T-277/97, ECLI:EU:T:1999:124.
(7) https://europeanjournalists.org/wp-content/uploads/2019/10/Czech-Republic-fact-finding-mission.pdf
(8) https://www.seznamzpravy.cz/clanek/babis-mu-zadal-praci-pro-agrofert-ja-jen-splnil-pokyn-rika-exnamestek-90945; https://www.seznamzpravy.cz/clanek/soukromy-obchod-agrofertu-na-stole-premiera-poslete-odpoved-napsal-babis-90494; https://www.seznamzpravy.cz/clanek/dukazy-z-e-mailu-babis-kvuli-agrofertu-ukoluje-vladou-placene-experty-90815
(9) Informazzjoni mogħtija mingħand l-Assoċjazzjoni tal-Biedja Privata fir-Repubblika Ċeka matul il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020.
(10) Informazzjoni mogħtija mingħand l-Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar tar-Repubblika Ċeka matul il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020.
(11) Rapporti ta' impjegati taċ-ċivil u rappreżentanti ta' NGOs, miġjuba għall-attenzjoni tal-membri tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020.
(12) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
(13) Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).