Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0371

    Kawża C-371/21 P: Appell ippreżentat fl-14 ta’ Ġunju 2021 minn SGI Studio Galli Ingegneria Srl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-14 ta’ April 2021 fil-Kawża T-285/19, SGI Studio Galli Ingegneria vs Il-Kummisjoni

    ĠU C 310, 2.8.2021, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 310/15


    Appell ippreżentat fl-14 ta’ Ġunju 2021 minn SGI Studio Galli Ingegneria Srl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-14 ta’ April 2021 fil-Kawża T-285/19, SGI Studio Galli Ingegneria vs Il-Kummisjoni

    (Kawża C-371/21 P)

    (2021/C 310/19)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Appellant: SGI Studio Galli Ingegneria Srl (rappreżentanti: F.S. Marini, V. Catenacci, R. Viglietta, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata mill-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla), ippubblikata fl-14 ta’ April 2021 u nnotifikata lill-partijiet fl-istess jum, mogħtija fil-kawża SGI Studio Galli Ingegneria vs Il-Kummissjoni u, għalhekk, tilqa’ t-talbiet ifformulati quddiem il-Qorti Ġenerali minn SGI, fl-ordni li fiha ġew ifformulati u hekk:

    Taqta’ u tiddeċiedi li l-appellanti ma għandhiex tħallas lill-Kummissjoni Ewropea s-somom mitluba minn din tal-aħħar permezz tan-nota ta’ debitu Nru 3241902288 li rċeviet fit-22 ta’ Frar 2019 u fl-aħħar lok permezz tal-ittra li rċeviet fid-29 ta’ April 2019 — Ref. Ares (2019) 2858540, mitluba għall-irkupru tal-kontribuzzjoni u għad-danni peress li Studio Galli Ingegneria allegatament naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-ftehim ta’ sussidju Nru 619120 dwar il-proġett imsejjaħ “MARSOL”;

    Taqta’ u tiddeċiedi li n-nuqqasijiet invokati mill-Kummissjoni ma jeżistux;

    Taqta’ u tiddeċiedi l-illegalità, l-invalidità u, fi kwalunkwe każ, in-natura infondata tal-ittra ta’ informazzjoni minn qabel tad-19 ta’ Diċembru 2018, tar-rapport ta’ spezzjoni tal-OLAF, tan-nota ta’ debitu tat-22 ta’ Frar 2019, tan-nota ta’ tfakkir sussegwenti tat-2 ta’ April 2019 u tal-ittra finali ta’ determinazzjoni mill-ġdid tal-ammont mitlub u ta’ ċaħda tat-talbiet sussegwenti ta’ SGI tad-29 ta’ April 2019 — Ref. Ares (2019) 2858540;

    Taqta’ u tiddeċiedi l-ineżistenza tad-dejn invokat mill-Kummissjoni,

    Taqta’ u tiddeċiedi li d-dritt tal-appellanti għall-kontribuzzjoni effettivament imħallsa mill-Kummissjoni taħt il-ftehim ta’ sussidju Nru 619120 għall-proġett “MARSOL”;

    Sussidjarjament, taqta’ u tiddeċiedi li s-somma li hija s-suġġett tat-talba għal irkupru mill-Kummissjoni ma tistax teċċedi l-ammont ta’ EUR 100 044,99, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-kuntest tat-tielet motiv tar-rikors;

    Iktar sussidjarjament, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil SGI l-ispejjeż imġarrba għall-eżekuzzjoni tal-proġett MARSOL, bħala arrikkiment indebitu..

    Aggravji u argumenti prinċipali

    1.

    L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-illegalità tas-sentenza peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv, ksur jew applikazzjoni ħażina tal-Artikoli 41, 42 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u ksur tal-prinċipju ta’ bona fide kuntrattwali, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan.

    L-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq il-fatt li din tal-aħħar iddeċidiet li l-Kummissjoni, filwaqt li injorat it-talba għal sospensjoni tal-proċedura u l-aċċess għall-fajl tal-proċedura ta’ spezzjoni tal-OLAF, ma kisritx id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 41, 42 u 47 tal-Karta u l-prinċipju ta’ bona fide kuntrattwali. Madankollu, peress li l-kumpannija ma kellhiex il-possibbiltà materjali li tirrispondi għar-rapport finali tal-OLAF minħabba problemi interni, l-effettività ta’ dawn id-drittijiet ġiet ppreġudikata, kemm fil-fażi proċedurali amministrattiva, kif ukoll, konsegwentement, fil-fażi tal-proċedura ġudizzjarja.

    2.

    It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-illegalità tas-sentenza, peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv, bil-kksur jew l-applikazzjoni ħażina tal-Artikolu 317 TFUE, tal-Artikolu 172a(1) tar-Regolament Nru 2342/2002 (1), tal-Artikolu 31(3)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1906/2006 (2), tal-Artikolu II.5 u l-Artikolu II.14(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehim ta’ sussidju, il-ksur tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, tal-oneru tal-prova u ta’ ekwità previsti mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 (3) kif ukoll l-eżistenza ta’ żball fl-evalwazzjoni tal-prova, u l-ksur tal-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan.

    L-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali huwa mmotivat mill-fatt li din tal-aħħar ċaħdet it-tieni motiv, u kkonkludiet li l-appellanti ma urietx l-eleġibbiltà tal-ispejjeż diretti u indiretti tal-persunal, u la fir-rigward tal-OLAF u tal-Kummissjoni, u lanqas fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ilmenti tal-OLAF ma kinux jirrigwardawx il-proġett li huwa s-suġġett tat-tilwima iżda proġetti oħra ssussidjati u għalhekk ma applikatx b’mod korrett il-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ oneru tal-prova. Barra minn hekk, ir-rekords tal-ħin tax-xogħol prodotti fit-tilwima, inkunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ kontestazzjonijiet oħra u l-konklużjoni kkonfermata tal-proġett għandhom jitqiesu bħala evidenza suffiċjenti biex jikkonfermaw l-eliġibbiltà tal-ispejjeż imġarrba mitluba mill-Kummissjoni.

    3.

    It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-illegalità tas-sentenza billi l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet motiv, il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-ekwità u ta’ bona fide kuntrattwali, il-ksur tal-Artikolu 5(4) TFUE, u l-ksur tal-Artikolu II.22 tal-ftehim ta’ ta’ sussidju.

    L-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq il-fatt li din tal-aħħar ċaħdet it-tielet motiv, meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju tal-proporzjonalità billi talbet l-ispejjeż diretti u indiretti kollha tal-persunal. Issa, peress li l-proċedura ta’ spezzjoni kkonstatat biss ineżattezzi fir-rigward ta’ żewġ persuni assenjati għall-proġett, dawn l-ispejjeż biss kellhom ikunu mitluba u dan, inkunsiderazzjoni b’mod partikolari għat-twettiq ikkonfermat tal-proġett u l-verifika tal-ispejjeż imwettqa minn professjonisti esterni u aċċettata mill-Kummissjoni. Sussidjarjament, u dejjem b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali kellha tilqa’ t-talba, ifformulata sussidjarjament, intiża għad-determinazzjoni tal-ammont li kellu jiġi rkuprat.

    4.

    Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq l-illegalità tas-sentenza billi l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ motiv, bi ksur jew b’applikazzjoni ħażina tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (4) tad-19 ta’ Diċembru 2002 u l-ftehim ta’ sussidju, minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjoni u n-natura kontradittorja tas-sentenza billi tmur din kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-arrikkiment indebitu.

    L-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq il-fatt li din tal-aħħar ċaħdet ir-raba’ motiv billi ċaħdet lill-appellanti id-dritt li żżomm is-sussidju mogħti għall-ispejjeż diretti u indiretti tal-persunal, li b’hekk wassal għal arrikkiment indebitu favur il-Kummissjoni. Peress li f’dan il-każ il-kundizzjonijiet tat-talba huma ssodisfatti, jiġifieri l-arrikkiment ta’ parti waħda fil-kuntratt, it-tfaqqir tal-parti l-oħra u r-rabta kawżali bejn l-arrikkiment u t-tfaqqir, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali hija illegali.


    (1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145).

    (2)  Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f'azzjonijiet taħt is-Seba' Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (ĠU 2006 L 391, p. 1).

    (3)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1).

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 235).


    Top