This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CN0357
Case C-357/21 P: Appeal brought on 7 June 2021 by the Council of the European Union against the judgment of the General Court (Seventh Chamber) delivered on 24 March 2021 in Case T-374/20, KM v European Commission
Kawża C-357/21 P: Appell ippreżentat fis-7 ta’ Ġunju 2021 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-24 ta’ Marzu 2021 fil-Kawża T-374/20, KM vs Il-Kummissjoni Ewropea
Kawża C-357/21 P: Appell ippreżentat fis-7 ta’ Ġunju 2021 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-24 ta’ Marzu 2021 fil-Kawża T-374/20, KM vs Il-Kummissjoni Ewropea
ĠU C 310, 2.8.2021, p. 14–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
2.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 310/14 |
Appell ippreżentat fis-7 ta’ Ġunju 2021 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-24 ta’ Marzu 2021 fil-Kawża T-374/20, KM vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-357/21 P)
(2021/C 310/18)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bauer u M. Alver, bħala aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: KM, Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Parlament Ewropew
Talbiet
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Marzu 2021 (Is-Seba’ Awla)‚ KM vs Il-Kummissjoni‚ fil-Kawża T-374/20; |
— |
tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu u tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat; |
— |
tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura tal-appell u tal-ewwel istanza. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill jinvoka erba’ aggravji.
Fl-ewwel aggravju tiegħu il-Kunsill jinvoka żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali minħabba nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament, f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti skont l-Artikolu 18 jew l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, bejn il-konjuġi superstiti ta’ ex-uffiċjal li żżewweġ qabel ma’ telaq mis-servizz u l-konjuġi superstiti ta’ ex-uffiċjal li żżewweġ wara li telaq mis-servizz. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni abbażi tal-elementi li jikkaratterizzawhom, b’mod partikolari s-sitwazzjonijiet legali rispettivi tagħhom, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għan u tal-iskop tal-miżura tal-Unjoni inkwistjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, meta ddeċidiet, li d-data taż-żwieġ hija l-uniku element li jiddetermina l-applikabbiltà tal-Artikolu 18 jew tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, minkejja li d-differenza fit-trattament hija ġġustifikata abbażi tad-differenza fundamentali, fattwali u legali, bejn l-istatus ta’ uffiċjal li jokkupa waħda mill-pożizzjonijiet indikati fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal u dak ta’ ex-uffiċjal.
It-tieni u t-tielet aggravju huma invokati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b’mod sussidjarju.
Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, il-Kunsill jinvoka żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq id-deċiżjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-eżistenza ta’ “sempliċi” marġni ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jimplika obbligu ta’ eżami, jekk jidhirx li huwa irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li d-differenza fit-trattament stabbilita hija xierqa u neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-għan intiż. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli tqis is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta mill-qorti lill-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, fl-oqsma fejn l-azzjonijiet tiegħu jinvolvu deċiżjonijiet ta’ natura kemm politika kif ukoll ekonomika jew soċjali u li fihom ikollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi, li huwa l-każ għall-ħolqien ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali. Għalhekk, ma hijiex kwistjoni dwar jekk miżura adottata f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar waħda. Fil-fatt hija illegali biss meta tkun manifestament inadegwata sabiex jintlaħaq l-għan intiż mill-korpi kompetenti. Peress li l-Qorti Ġenerali wettqet iktar minn sempliċi eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija miżura hijiex inadegwata, hija ssostitwit l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-leġiżlatur u għalhekk eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità tagħha.
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, il-Kunsill jinvoka żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-eżami tal-validità tal-ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament. Dan l-eżami huwa, qabel kollox, ivvizzjat bi żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali fid-determinazzjoni tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tad-deċiżjonijiet tal-leġiżlatur. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tirrikonoxxi l-ġurisprudenza li tistabbilixxi li r-rikorrent għandu l-obbligu jipproduċi l-prova tan-nuqqas ta’ konformità ta’ dispożizzjoni legali mad-dritt primarju u li ma humiex l-istituzzjonijiet, bħala awturi tal-att, li għandhom jipproduċu l-prova tal-legalità tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, peress li eżaminat il-ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza li tipprovdi li preżunzjoni ġenerali ta’ frodi ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika miżura li l-iskop tagħha huwa li jippreġudika l-għanijiet t-Trattat FUE, u peress li kkonkludiet li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jintroduċi preżunzjoni ġenerali u inkonfutabbli ta’ frodi fir-rigward ta’ żwiġijiet li jkunu damu inqas minn ħames snin. Minn dan isegwi, fl-aħħar nett, li l-possibbiltà invokata fis-sentenza appellata, ta’ produzzjoni ta’ evidenza oġġettiva intiża li tirribatti l-preżunzjoni ta’ frodi hija irrilevanti f’dan il-każ, peress li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxi l-ebda preżunzjoni ta’ frodi jew preżunzjoni tal-assenza ta’ frodi b’rabta ma’ żwieġ.
Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, il-Kunsill jinvoka żball ta’ liġi u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali relatata mal-ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età. Il-Qorti Ġenerali tirreferi fis-sentenza appellata b’mod alternattiv għall-età tal-konjuġi superstiti, għall-età tal-uffiċjal jew tal-ex uffiċjal, b’tali mod li tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ żvantaġġ partikolari għall-persuni li għandhom ċerta età jew li jinsabu f’kategorija ta’ età partikolari tiddependendi fuq il-prova, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha effetti sfavorevoli fuq proporzjon ikbar ta’ persuni ta’ ċerta età meta mqabbla ma’ persuni ta’ età differenti; din il-prova madankollu ma ġietx prodotta f’dan il-każ. Fl-aħħar nett, anki jekk jiġi preżunt li kien hemm tali differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq l-età tal-ex-uffiċjal fid-data taż-żwieġ tiegħu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra jekk din id-differenza fit-trattament kinitx madankollu konformi mal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (1) u jekk kinitx tissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.
(1) Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 326, p. 391).