EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CA0645

Kawża C-645/19: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Ġunju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hof van beroep te Brussel – il-Belġju) – Facebook Ireland Limited, Facebook Inc., Facebook Belgium BVBA vs Gegevensbeschermingsautoriteit (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 47 – Regolament (UE) 2016/679 – Ipproċessar transkonfinali ta’ data personali – Mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz” – Kooperazzjoni leali u effettiva bejn l-awtoritajiet superviżorji – Kompetenzi u setgħat – Setgħa li jinbdew proċeduri ġudizzjarji)

ĠU C 310, 2.8.2021, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 310/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Ġunju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hof van beroep te Brussel – il-Belġju) – Facebook Ireland Limited, Facebook Inc., Facebook Belgium BVBA vs Gegevensbeschermingsautoriteit

(Kawża C-645/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikoli 7, 8 u 47 - Regolament (UE) 2016/679 - Ipproċessar transkonfinali ta’ data personali - Mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz” - Kooperazzjoni leali u effettiva bejn l-awtoritajiet superviżorji - Kompetenzi u setgħat - Setgħa li jinbdew proċeduri ġudizzjarji)

(2021/C 310/03)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van beroep te Brussel

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Facebook Ireland Limited, Facebook Inc., Facebook Belgium BVBA

Konvenut: Gegevensbeschermingsautoriteit

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 55(1) u l-Artikoli 56 sa 58 u 60 sa 66 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), moqrija flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 58(5) ta’ dan ir-regolament, għandha s-setgħa li tressaq kull allegat ksur tal-imsemmi regolament għall-attenzjoni ta’ qorti ta’ dan l-Istat Membru u, jekk ikun il-każ, tibda proċeduri ġudizzjarji, tista’ teżerċita din is-setgħa fir-rigward ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data, minkejja li ma tkunx l-“awtorità superviżorja ewlenija”, fis-sens tal-Artikolu 56(1) tal-istess regolament, fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar ta’ data, sakemm dan isir f’waħda mis-sitwazzjonijiet li fihom ir-Regolament 2016/679 jagħti lil din l-awtorità superviżorja kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni li tikkonstata li l-imsemmi pproċessar jikser ir-regoli li jinsabu fih kif ukoll b’osservanza tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza previsti f’dan ir-regolament.

2)

L-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data, għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ awtorità superviżorja ta’ Stat Membru, li ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, li tibda proċeduri ġudizzjarji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex meħtieġ li l-kontrollur jew il-proċessur fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali ta’ data personali li kontrihom jinbdew dawn il-proċeduri jkollhom stabbiliment ewlieni jew stabbiliment ieħor fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

3)

L-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-setgħa ta’ awtorità superviżorja ta’ Stat Membru, li ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, li tressaq kull allegat ksur ta’ dan ir-regolament għall-attenzjoni ta’ qorti ta’ dan l-Istat u, jekk ikun il-każ, tibda proċeduri ġudizzjarji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tista’ tiġi eżerċitata kemm fir-rigward tal-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur li jkun jinsab fl-Istat Membru li taħtu taqa’ din l-awtorità u kemm fir-rigward ta’ stabbiliment ieħor ta’ dan il-kontrollur, sakemm il-proċeduri ġudizzjarji jkunu jikkonċernaw ipproċessar ta’ data mwettaq fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ dan l-istabbiliment u sakemm l-imsemmija awtorità tkun kompetenti sabiex teżerċita din is-setgħa, konformement ma’ dak li huwa espost fir-risposta għall-ewwel domanda preliminari magħmula.

4)

L-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li ma tkunx l-“awtorità superviżorja ewlenija”, fis-sens tal-Artikolu 56(1) ta’ dan ir-regolament, tkun bdiet, qabel il-25 ta’ Mejju 2018, proċeduri ġudizzjarji dwar ipproċessar transkonfinali ta’ data personali, jiġifieri qabel id-data li fiha l-imsemmi regolament sar applikabbli, dawn il-proċeduri jistgħu, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, jinżammu abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, li tibqa’ applikabbli fir-rigward tal-ksur tar-regoli previsti fiha mwettaq sad-data li fiha tħassret din id-direttiva. Barra minn hekk, l-imsemmija proċeduri jistgħu jinbdew minn din l-awtorità fir-rigward ta’ ksur imwettaq wara din l-istess data, abbażi tal-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679, sakemm tkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet li fihom, bħala eċċezzjoni, dan ir-regolament jagħti lil awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li ma tkunx l-“awtorità superviżorja ewlenija” kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni li tikkonstata li l-ipproċessar ta’ data kkonċernat jikser ir-regoli li jinsabu fl-imsemmi regolament dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u b’osservanza tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza previsti fl-istess regolament, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

5)

L-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni għandha effett dirett, b’tali mod li awtorità superviżorja nazzjonali tista’ tinvoka l-imsemmija dispożizzjoni sabiex tibda jew tkompli proċedura ġudizzjarja kontra individwi, anki jekk l-istess dispożizzjoni ma tkunx ġiet speċifikament implimentata fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.


(1)  ĠU C 406, 02.12.2019


Top