EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CA0597

Kawża C-597/19: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Ġunju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Ondernemingsrechtbank Antwerpen – il-Belġju) – Mircom International Content Management & Consulting (M.I.C.M.) Limited vs Telenet BVBA (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) u (2) – Kunċett ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” – Tniżżil permezz ta’ network peer-to-peer ta’ fajl li fih xogħol protett u tqegħid għad-dispożizzjoni simultanju tas-segmenti ta’ dan il-fajl sabiex jittellgħu minn utenti oħra – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 3(2) – Użu abbużiv tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji – Artikolu 4 – Persuni intitolati li jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji – Artikolu 8 – Dritt għal informazzjoni – Artikolu 13 – Kunċett ta’ “dannu” – Regolament (UE) 2016/679 – Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Legalità tal-ipproċessar – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Miżuri leġiżlattivi intiżi li jillimitaw il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi – Drittijiet fundamentali – Artikoli 7 u 8, Artikolu 17(2) kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)

ĠU C 310, 2.8.2021, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 310/2


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Ġunju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Ondernemingsrechtbank Antwerpen – il-Belġju) – Mircom International Content Management & Consulting (M.I.C.M.) Limited vs Telenet BVBA

(Kawża C-597/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Proprjetà intellettwali - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Direttiva 2001/29/KE - Artikolu 3(1) u (2) - Kunċett ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” - Tniżżil permezz ta’ network peer-to-peer ta’ fajl li fih xogħol protett u tqegħid għad-dispożizzjoni simultanju tas-segmenti ta’ dan il-fajl sabiex jittellgħu minn utenti oħra - Direttiva 2004/48/KE - Artikolu 3(2) - Użu abbużiv tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji - Artikolu 4 - Persuni intitolati li jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji - Artikolu 8 - Dritt għal informazzjoni - Artikolu 13 - Kunċett ta’ “dannu” - Regolament (UE) 2016/679 - Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) - Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali - Legalità tal-ipproċessar - Direttiva 2002/58/KE - Artikolu 15(1) - Miżuri leġiżlattivi intiżi li jillimitaw il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi - Drittijiet fundamentali - Artikoli 7 u 8, Artikolu 17(2) kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)

(2021/C 310/02)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Ondernemingsrechtbank Antwerpen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Mircom International Content Management & Consulting (M.I.C.M.) Limited

Konvenut: Telenet BVBA

fil-preżenza ta’: Proximus NV, Scarlet Belgium NV

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-tlugħ, mit-tagħmir terminali ta’ utent ta’ network peer-to-peer lejn tali tagħmir ta’ utenti oħra ta’ dan in-network, ta’ segmenti mniżżla preċedentement mill-imsemmi utent, ta’ fajl tal-media li jkun jinkludi xogħol protett, minkejja li dawn is-segmenti jistgħu jintużaw fihom innifishom biss sa minn ċerta rata ta’ tniżżil. Huwa irrilevanti l-fatt li, minħabba l-konfigurazzjonijiet tas-software ta’ kondiviżjoni client-BitTorrent, dan it-tlugħ huwa ġġenerat awtomatikament minnu, meta l-utent, li mit-tagħmir terminali tiegħu jiġi prodott l-imsemmi tlugħ, ikun abbona għal dan is-software filwaqt li jkun ta l-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tiegħu wara li jkun ġie debitament informat dwar il-karatteristiċi tiegħu.

2)

Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha tiġi interpretata fis-sens li persuna kuntrattwalment detentriċi ta’ ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li madankollu ma tużahomx hija stess, iżda sempliċement titlob danni lil persuni li allegatament ikunu wettqu l-ksur, tista’ tibbenefika, bħala prinċipju, mill-miżuri, mill-proċeduri u mir-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, sakemm ma jiġix stabbilit, skont l-obbligu ġenerali previst fl-Artikolu 3(2) tagħha, u abbażi ta’ eżami globali u ddettaljat, li t-talba tagħha hija abbużiva. B’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda talba għal informazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, din għandha wkoll tiġi miċħuda jekk din tkun mhux iġġustifikata jew mhux proporzjonata, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

3)

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, la r-reġistrazzjoni sistematika, mid-detentur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll minn terz għan-nom tiegħu, ta’ indirizzi IP ta’ utenti ta’ networks peer-to-peer li l-konnessjonijiet tal-internet tagħhom allegatament intużaw fl-attivitajiet ta’ kontrafazzjoni u lanqas għall-komunikazzjoni tal-ismijiet u tal-indirizzi postali ta’ dawn l-utenti lil dan id-detentur jew lil terz sabiex ikun jista’ jippreżenta rikors għal kumpens quddiem qorti ċivili għal dannu allegatament ikkawżat mill-imsemmija utenti, bil-kundizzjoni madankollu, li l-inizjattivi u t-talbiet f’dan is-sens tal-imsemmi detentur jew ta’ tali terz ikunu ġġustifikati, proporzjonati u mhux abbużivi u jkollhom bħala bażi legali miżura leġiżlattiva nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, li tillimita l-portata tar-regoli msemmija fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva, kif emendata.


(1)  ĠU C 383, 11.11.2019.


Top