Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR3380

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Rieżami tal-politika kummerċjali

    COR 2020/03380

    ĠU C 175, 7.5.2021, p. 17–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 175/17


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Rieżami tal-politika kummerċjali

    (2021/C 175/04)

    Relatur:

    Willy BORSUS (BE/Renew Europe)

    Viċi President ta’ Wallonia, Ministru tal-Ekonomija, tal-Kummerċ Barrani, tar-Riċerka u tal-Innovazzjoni, tal-Qasam Diġitali, tal-Agrikoltura, tal-Ippjanar Spazjali, tal-IFAPME u taċ-Ċentri ta’ Kompetenza

    Dokument ta’ referenza:

    COM(2021) 66 final.

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Kummenti ġenerali

    1.

    jilqa’, fil-parti l-kbira, l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar bit-titolu “Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva”; jieħu nota tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f’dik il-Komunikazzjoni, iżda jinnota li fiha wkoll ċerti dgħufijiet li jeħtieġ jiġu indirizzati;

    2.

    huwa tal-fehma li tinħtieġ reviżjoni profonda tal-politika kummerċjali sabiex tiġi garantita l-koerenza mal-impenji tal-Patt Ekoloġiku għall-Ewropa favur tkabbir sostenibbli u inklużiv, sabiex taġixxi għall-isfidi maħluqa mit-tranżizzjoni diġitali, tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea, u jingħata kontribut għall-iżvilupp tal-impjieg fl-Ewropa u għat-titjib tal-livell tal-għajxien taċ-ċittadini kollha; jenfasizza fl-aħħar nett li l-politika kummerċjali għandha ttejjeb ir-reżiljenza tal-Unjoni Ewropea u tiġi żgurata l-kapaċità tagħha li ttaffi x-xokkijiet sistemiċi attwali u futuri, b’mod partikolari dawk relatati mat-tibdil fil-klima, iż-żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi u r-riskju ta’ aktar pandemiji u kriżijiet oħra tas-saħħa;

    3.

    ifakkar fir-rwol ċentrali li għandu l-kummerċ fl-ekonomija tal-Unjoni u l-miljuni ta’ impjiegi Ewropej li jiddependu mill-esportazzjonijiet barra l-Ewropa. Qabel il-kriżi tal-COVID-19, 35 miljun impjieg Ewropew kienu jiddependu mill-esportazzjonijiet u 16-il miljun minn investimenti barranin. Fi kliem ieħor, wieħed minn kull seba’ impjiegi kien jiddependi mill-esportazzjonijiet;

    4.

    jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-mewġa ta’ ħasda li l-kriżi tal-COVID-19 ħolqot fis-swieq internazzjonali u l-aggravar tas-sitwazzjoni preċedenti diġà deprezzata, b’mod partikolari minħabba ż-żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi li ġabet magħha. Skont stħarriġ reċenti mid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, il-kummerċ fuq livell internazzjonali mistenni jonqos b’10 sa 16 % fl-2020; l-Unjoni ta’ 27, min-naħa tagħha, mistennija tirreġistra tnaqqis ta’ 9 sa 15 % fl-esportazzjonijiet tagħha lejn pajjiżi terzi, jiġifieri tnaqqis ta’ madwar EUR 282 biljun sa EUR 470 biljun (1); jinnota bi tħassib li fl-2020, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-ILO tipprevedi t-telf ta’ 12-il miljun impjieg fl-Ewropa biss;

    5.

    jirrimarka li minbarra d-diffikultajiet soċjoekonomiċi, iċ-ċittadini qegħdin dejjem aktar jiddubitaw dwar il-mod kif jitqassmu l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni, tul il-ktajjen tal-valur kollha, fis-setturi ekonomiċi kollha u fis-soċjetà kollha kemm hi; iqis f’dan ir-rigward li huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-eqreb livell għaċ-ċittadini, ikomplu jibqgħu jiġu involuti bis-sħiħ u kkonsultati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni Ewropea; f’dan il-kuntest, jinsab imħasseb dwar l-approċċ meħud mill-Kummissjoni f’negozjati kummerċjali reċenti wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża Singapore (opinjoni 2/15 ta’ Mejju 2017), sabiex tiġi evitata t-“taħlita” tar-relazzjonijiet kummerċjali permezz tan-negozjar ta’ dawk il-ftehimiet kummerċjali biss li għalihom l-UE għandha kompetenzi esklużivi;

    6.

    jinsab konvint li huwa biss mudell ta’ negozju sostenibbli, li jirrispetta l-valuri tal-UE, l-istandards leġiżlattivi ewlenin mhux negozjabbli tal-UE u l-SDGs, li jista’ jikkontribwixxi għall-benesseri u l-prosperità ta’ kulħadd, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha;

    Tissaħħaħ il-konsistenza bejn il-politika kummerċjali u l-politiki settorjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-irkupru

    7.

    iqis li għandha tiġi żgurata konsistenza akbar bejn il-politika kummerċjali u l-politiki agrikoli, industrijali, diġitali, tal-kompetizzjoni, tat-taxxa, soċjali, ambjentali, tat-trasport, klimatiċi, tal-enerġija, tal-iżvilupp u tal-koeżjoni fil-livell tal-UE, kif ukoll mad-drittijiet fundamentali tal-UE; jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tenfasizzax biżżejjed din il-ħtieġa ta’ konsistenza bejn il-politiki settorjali differenti tal-UE;

    8.

    jenfasizza l-impenn fundamentali għal-libertà ekonomika tal-awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu, jikkummissjonaw u jiffinanzjaw servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali;

    9.

    jenfasizza l-importanza li jiġu protetti s-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura kritika (servizzi pubbliċi ta’ interess ġenerali) fil-ftehimiet kummerċjali u għalhekk jitlob li dawn jiġu esklużi — kemm b’mod komprensiv kif ukoll biċ-ċertezza tad-dritt — mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet kollha dwar il-kummerċ ħieles u l-investiment, inklużi d-dispożizzjonijiet kollha dwar il-protezzjoni tal-investiment, pereżempju permezz ta’ approċċ ta’ lista pożittiva għad-dispożizzjonijiet kuntrattwali dwar l-aċċess għas-suq, it-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit u n-nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità;

    10.

    iqis li r-rieżami tal-politika kummerċjali għandu jsir b’mod parallel ma’ riforma mmirata ta’ ċerti elementi tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u r-riformulazzjoni tal-politika industrijali u innovattiva Ewropea, sabiex tiġi appoġġjata l-pożizzjoni tal-UE bħala mexxejja dinjija f’oqsma ewlenin; jistenna bil-ħerqa, f’dan ir-rigward, l-istrateġija aġġornata tal-politika industrijali tal-UE mħabbra għal April 2021;

    11.

    jenfasizza li l-UE għandha tistinka għal soluzzjoni globali dwar it-tassazzjoni tas-servizzi diġitali, flimkien ma’ governanza u regoli adatti fil-livell globali; jekk fix-xhur li ġejjin ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni internazzjonali, inkluż fil-livell tal-OECD, l-UE għandha tikkunsidra li taġixxi waħedha;

    12.

    jappoġġja s-sejħa biex il-ftehimiet kummerċjali jew ekonomiċi tal-UE jinkludu, f’konformità mal-prinċipji u r-regoli tad-WTO, kapitolu li jkun fih klawżoli kontra r-reati tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa. Il-Kummissjoni għandha tinkludi kapitolu bħal dan fin-negozjati li għaddejjin bħalissa u tikkunsidra li tinkludih fit-Trattati diġà fis-seħħ meta jiġu riveduti;

    13.

    jisħaq li, fir-rigward tal-politika agrikola, politika kummerċjali li ma tiggarantixxix ir-rispett tal-istandards għoljin Ewropej fir-rigward tas-sostenibbiltà u tas-sigurtà tal-ikel fis-swieq esterni tista’ tagħmel ħsara serja lis-suq intern u tipperikola s-settur agrikolu, b’mod partikolari jekk diġà jinsab f’diffikultà, u b’hekk thedded il-provvista tal-ikel tal-Unjoni, li hija objettiv fundamentali tal-politika agrikola komuni, kif ukoll tipperikola l-ġestjoni tat-territorju Ewropew, li tiddependi mill-ħaddiema tas-settur; iqis li l-politika kummerċjali rieżaminata għandha tikkontribwixxi, flimkien mal-politika agrikola, għaż-żamma globali tal-impjieg, u tħares il-biedja bħala mod ta’ għajxien billi tiġi garantita remunerazzjoni ġusta. Il-politika kummerċjali għandha tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-agrikoltura bejn is-suq intern u s-suq estern, filwaqt li tipprijoritizza l-provvista fl-Unjoni Ewropea stess fuq il-prodotti ta’ swieq esterni. Fl-istess waqt, ir-regoli interni tal-ġestjoni tas-swieq għandhom jistimolaw id-diversifikazzjoni tas-suq intern tagħna biex tiġi żgurata l-kompetittività. Madankollu, dan m’għandux idgħajjef l-isforzi biex jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali ġusti mal-pajjiżi Afrikani;

    14.

    jesprimi dispjaċir li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma fihiex soluzzjonijiet biex jittaffa l-impatt negattiv li l-ftehimiet kummerċjali jista’ jkollhom fuq ċerti setturi agrikoli li diġà jinsabu taħt pressjoni jew li ddgħajfu internament; jappella li jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ appoġġ għall-iżjed setturi milquta; f’dan ir-rigward, għadu partikolarment imħasseb dwar l-impatt negattiv possibbli li l-abbozz ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur jista’ jkollu fuq ċerti setturi agrikoli;

    15.

    ifakkar ir-rwol importanti tal-politika ta’ koeżjoni biex tittejjeb il-kompetittività tat-territorji tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ investimenti mmirati adattati għall-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe territorju speċifiku — speċjalment tar-reġjuni remoti fejn l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi huma essenzjali — f’setturi ewlenin bħall-infrastrutturi tan-networks, il-konnettività, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-SMEs, is-servizzi tal-IT, l-azzjoni ambjentali u klimatika, l-impjieg ta’ kwalità għolja u l-inklużjoni soċjali;

    16.

    iqis li l-politika kummerċjali tal-UE ma tridx ixxekkel l-isforzi li l-Unjoni tipprovdi għall-għajnuna għall-kooperazzjoni fil-pajjiżi terzi u jirrakkomanda approċċ ibbilanċjat u ġust għall-kummerċ ħieles ġust fir-rigward tal-aktar ekonomiji fraġli;

    17.

    jappoġġja l-introduzzjoni mill-Kummissjoni ta’ strument legali biex jiġi indirizzat l-impatt ta’ distorsjoni tas-sussidji barranin fuq is-suq intern tal-UE u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mmodernizzati u aġġornati r-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni;

    18.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea turi li modernizzazzjoni ambizzjuża tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija tista’ tinkiseb fi żmien qasir, b’mod li tallinjah mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u tintegra l-approċċ modernizzat tal-UE għall-protezzjoni tal-investiment: fin-nuqqas ta’ dan ikollha tiġi eżaminata l-għażla ta’ ħruġ ordnat minn dat-Trattat;

    19.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura t-terminazzjoni rapida u kkontrollata tal-bqija tat-Trattati Bilaterali dwar l-Investiment intra-UE;

    Lejn mudell ta’ awtonomija strateġika miftuħa

    20.

    jisħaq fuq l-importanza għall-UE li tibqa’ ekonomija miftuħa u li tkompli tippromovi kummerċ internazzjonali ħieles, ġust, sostenibbli, ibbażat fuq ir-regoli u li minnu jibbenefikaw l-imsieħba kummerċjali kollha; jappoġġja f’dan ir-rigward l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tirriforma d-WTO. L-għan għandu jkun li terġa’ titnieda u tissaħħaħ, fost affarijiet oħra billi jiġi modernizzat il-mod ta’ funzjonament tagħha f’oqsma essenzjali, u billi jimtlew il-lakuni fil-qafas regolatorju tagħha, sabiex tkun tista’ tirreaġixxi b’mod adegwat għall-isfidi attwali tal-politika kummerċjali;

    21.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-mudell għal awtonomija strateġika miftuħa propost mill-Kummissjoni Ewropea, li għandu jwassal għal politika kummerċjali miftuħa, sostenibbli u soda, li tikkonsolida u tipproteġi l-assi ekonomiċi tagħna, tiggarantixxi l-aċċess għas-swieq u l-materja prima ewlenija u tiżgura l-aċċess għal prodotti u servizzi vitali; fl-istess ħin iwissi kontra tendenzi protezzjonisti u jissottolinja li l-Ewropa trid tibqa’ attur globali strateġiku li jirrispetta r-regoli internazzjonali u li huwa lest li jinfurzahom ukoll;

    22.

    huwa tal-fehma li dan jinvolvi l-immappjar tal-ktajjen tal-valur tagħna, li fihom jipparteċipaw il-korpi reġjonali kompetenti, sabiex jiġu identifikati u mnaqqsa d-dipendenzi tas-setturi strateġiċi u tiżdied ir-reżiljenza tal-iżjed ekosistemi industrijali sensittivi, speċjalment f’reġjuni remoti u iżolati bħar-reġjuni ultraperiferiċi, u ta’ oqsma speċifiċi, bħas-saħħa, id-difiża, l-ispazju, l-ikel, id-diġitalizzazzjoni u l-materja prima kritika; se jagħti attenzjoni lill-eżitu tal-ħidma tal-Kummissjoni li għaddejja bħalissa biex telenka l-oqsma ta’ dipendenza strateġika u l-iżjed ekosistemi industrijali sensittivi;

    23.

    jisħaq li dan jista’ jinkludi d-diversifikazzjoni tal-produzzjoni u l-ktajjen tal-provvista, il-bini ta’ ħażniet normali, l-inkoraġġiment tal-investimenti u l-produzzjoni fl-Ewropa, l-esplorazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni industrijali bejn l-Istati Membri;

    24.

    jinnota li l-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-potenzjal għall-kreattività u l-innovazzjoni preżenti fl-ekosistemi reġjonali u stimulat approċċi kollaborattivi ġodda biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-provvista, pereżempju rigward il-prodotti mediċi u l-mediċini; huwa tal-fehma li l-UE għandha tinkoraġġixxi t-tisħiħ tal ekonomija lokali f’ċerti setturi industrijali u tippromovi l-ktajjen tal-valur Ewropej innovattivi, fuq il-bażi tal-komplementarjetà bejn l-ekosistemi, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri li jappoġġjaw il-kollaborazzjoni bejn l-atturi; iqis li l-politiki ta’ raggruppament (clustering) u l-kollaborazzjonijiet bejn ir-raggruppamenti huma lievi utli għall-bini ta’ mases kritiċi u biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-SMEs; iqis li l-ħolqien ta’ massa kritika ta’ domanda għal ċerti prodotti strateġiċi u l-viżibbiltà tagħha fis-suq intern tista’ tikkontribwixxi għar-rilokazzjoni ta’ ċerti produzzjonijiet u għall-iżvilupp ta’ produzzjoni kompetittiva fit-territorju tal-UE, b’mod partikolari billi taċċellera t-tqegħid fis-suq ta’ soluzzjonijiet innovattivi;

    25.

    ifakkar fil-ħtieġa li jitfasslu pjani ta’ azzjoni speċifiċi għal kull waħda mill-ktajjen tal-valur strateġiċi identifikati fl-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-IPCEIs, peress li dawn huma għodda importanti għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tissaħħaħ it-tmexxija teknoloġika tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tal-batteriji, il-mikroelettronika u l-idroġenu, pereżempju;

    Mudell ta’ negozju sostenibbli, l-uniku mudell li jikkontribwixxi għall-benesseri u l-prosperità ta’ kulħadd, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha

    26.

    jinnota li l-Komunikazzjoni tirreferi għar-rieżami ta’ 15-il punt tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali; jilqa’ b’sodisfazzjon l-fatt li dan l-eżerċizzju mistenni jkopri l-aspetti kollha rilevanti tal-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dawn il-kapitoli, inklużi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-impenji, il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, il-possibbiltà ta’ sanzjonijiet f’każ ta’nonkonformità, il-klawżola tal-elementi essenzjali kif ukoll l-arranġamenti u r-riżorsi istituzzjonali meħtieġa; jiddispjaċih li dan ir-rieżami u l-Komunikazzjoni ma ġewx ikkoordinati, iżda jinsab kuntent li d-data tat-tmiem għar-rieżami tressqet għal tmiem l-2021; jittama li dan ir-rieżami jkun trasparenti u inklużiv kemm jista’ jkun;

    27.

    huwa tal-fehma f’dan ir-rigward li l-istandards ambjentali, tal-klima u soċjali Ewropej bħal dawk inklużi fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandhom jiġu introdotti f’kull ftehim kummerċjali nnegozjat mill-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu r-rekwiżiti minimi li dwarhom jaqblu l-partijiet; jemmen li dan se jgħin lill-SMEs Ewropej u l-industrija Ewropea li jirrispettaw dawn l-istandards biex jiffjorixxu filwaqt li jkollhom effett kollaterali fuq il-kontropartijiet tagħhom li jinnegozjaw magħhom;

    28.

    iqis li l-UE għandha tkun aktar assertiva fir-rigward tar-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, minn naħa, u tal-istandards soċjali, ambjentali u klimatiċi li jinsabu fil-ftehimiet kummerċjali tagħha; jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni stabbilixxiet mekkaniżmu għall-ilmenti biex tiġi rappurtata n-nonkonformità mal-impenji tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jinsisti li kull parti kontraenti għal ftehim għandha tirrispetta, tippromovi u tapplika b’mod effettiv fil-leġiżlazzjoni u l-prattiki tagħha, fit-territorju kollu tagħha, l-istandards fundamentali tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment, kif definiti fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO;

    29.

    jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima jsir komponent essenzjali ta’ kwalunkwe ftehim futur dwar il-kummerċ u l-investiment u li f’dawk il-ftehimiet tingħata prijorità lill-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika;

    30.

    jinkoraġġixxi implimentazzjoni effettiva tal-ftehimiet kummerċjali billi jiġu ppremjati l-pajjiżi msieħba li jissodisfaw l-impenji b’rabta mal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. Il-partijiet għandhom jintroduċu, fejn meħtieġ, implimentazzjoni gradwali tat-tnaqqis fit-tariffi marbuta mal-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet relatati mal-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli u jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li l-pajjiżi huma mistennija li jissodisfaw għal tnaqqis bħal dan, inkluża l-possibbiltà li jiġu rtirati dawn il-linji tariffarji speċifiċi f’każ ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;

    31.

    iqis li l-iżgurar tal-ekwità u s-sostenibbiltà għal kulħadd huwa l-uniku mod biex isir kontribut għall-bidliet globali mitluba minn għadd kbir ta’ ċittadini;

    32.

    jistenna bil-ħerqa, f’dan ir-rigward, il-kontenut tal-proposta tal-Kummissjoni li għandha titressaq fl-2021 sabiex jiġi żviluppat mekkaniżmu effettiv ta’ aġġustament fil-fruntieri esterni għall-karbonju li jikkonforma mar-regoli tad-WTO u li jkun jista’ jiggarantixxi kompetizzjoni ġusta għan-negozji li joperaw fis-suq uniku, u jikkontribwixxi għall-kompetittività tal-industrija Ewropea. Dan il-mekkaniżmu għandu l-ewwel nett jikkomplementa u mbagħad, fuq perjodu ta żmien twil, jissostitwixxi l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-kumpens tal-prezz tal-elettriku għall-industriji primarji;

    33.

    iqis li għandha tingħata wkoll attenzjoni partikolari lill-promozzjoni tal-intraprenditorija responsabbli u lit-trasparenza fil-ktajjen tal-provvista; jappoġġja b’mod partikolari f’dan ir-rigward l-inizjattivi li għaddejjin fil-livell Ewropew biex jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ diliġenza dovuta; iqis li dan huwa meħtieġ ukoll sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għas-suq intern tal-UE;

    34.

    jilqa’ l-ħatra mill-Kummissjoni Ewropea ta’ Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ, li fost affarijiet oħra l-missjoni tiegħu hi li jissorvelja b’mod partikolari l-applikazzjoni adatta tal-impenji fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-programm dwar il-klima u d-drittijiet tax-xogħol; jixtieq li dan jistabbilixxi mezzi komprensivi u kontinwi ta’ komunikazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mas-soċjetà ċivili; se jiżgura li jiġu allokati biżżejjed riżorsi għalih biex jiġi żgurat li jilħaq l-objettivi tiegħu;

    Jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għan-negozji tal-UE

    35.

    iqis neċessarju l-għoti ta’ garanziji addizzjonali f’termini ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali fil-proċess tar-ratifika tal-Ftehim Komprensiv ta’ Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina;

    36.

    jisħaq fuq l-importanza li jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni sabiex il-kumpaniji jkunu kompetittivi fis-suq intern u fil-livell internazzjonali fil-ktajjen tal-valur globali; iqis li jeħtieġ li ssir enfasi fuq l-applikazzjoni ta’ regoli eżistenti u li l-istrumenti ta’ difiża tal-kummerċ jiġu mobilizzati b’mod aktar assertiv sabiex jiġu indirizzati l-prattiki ta’ distorsjoni tas-suq fil-pajjiżi terzi;

    37.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-proposta leġiżlattiva għal regolament biex jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli kummerċjali, li huwa rispons għall-imblokk attwali fil-funzjonament tal-Korp tal-Appell tad-WTO, u li ser japplika wkoll fil-kuntest tal-ftehimiet kummerċjali — bilaterali jew reġjonali — meta msieħeb unilateralment jimponi sanzjonijiet kontra l-UE u jimblokka l-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim prevista fil-ftehimiet. Jenfasizza li dan ir-regolament jestendi għas-servizzi u l-proprjetà intellettwali l-kapaċità tal-UE li timponi miżuri ta’ ritaljazzjoni bħad-dazji doganali, restrizzjonijiet kwantitattivi u fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Jappoġġja wkoll lill-Kummissjoni Ewropea li stabbilixxiet one-stop shop li jittratt l-ksur kollu tad-drittijiet tax-xogħol, id-dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem fl-istess livell bħall-ilmenti relatati mal-aċċess għas-swieq tal-imsieħba kummerċjali tal-UE;

    38.

    iqis li jeħtieġ li r-regoli ta’ kompetizzjoni jiġu riveduti fid-dawl tal-isfidi tal-kompetittività esterna, tal-prattiki ta’ pajjiżi terzi u tar-realtajiet il-ġodda tal-ekosistemi tal-innovazzjoni; il-kompetizzjoni fis-suq intern u l-aċċess tal-SMEs għall-ktajjen tal-valur Ewropej u globali għandhom jibqgħu elementi essenzjali ta’ regoli ta’ kompetizzjoni Ewropej ibbilanċjati, effettivi u indipendenti;

    39.

    huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tagħmel tranżizzjoni għal mekkaniżmi offensivi biex tiżgura r-reċiproċità u tindirizza l-protezzjoniżmu fl-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku fil-pajjiżi terzi;

    40.

    jisħaq li l-investiment dirett barrani huwa sors ewlieni ta’ tkabbir, impjiegi u innovazzjoni iżda jista’ madankollu joħloq riskji li jipperikolaw is-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku fl-Unjoni Ewropea għas-setturi sensittivi. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti sistemi ta’ skrinjar tal-investimenti fil-livell nazzjonali;

    Jiġu antiċipati u jitqiesu aħjar l-esternalitajiet negattivi tal-parteċipazzjoni fil-kummerċ internazzjonali

    41.

    jinnota bi tħassib li bħalissa mhux ir-reġjuni kollha qegħdin igawdu mill-benefiċċji ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, li ċerti setturi ekonomiċi spiss jiġu affettwati b’mod negattiv u li l-SMEs ma jużawx bis-sħiħ il-potenzjal tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u jiġu affettwati b’mod aktar qawwi mill-kompetizzjoni inġusta kkawżata mill-miżuri adottati minn ċerti pajjiżi terzi; jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tipproponix modi kif jittaffew l-effetti negattivi tal-ftehimiet kummerċjali; madankollu, jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħloq għadd ta’ għodod diġitali u portals online speċifiċi ddedikati għall-SMEs sabiex tiġi ffaċilitata aħjar l-integrazzjoni tagħhom f’dawn il-ftehimiet u biex jinfetħu opportunitajiet ġodda b’rabta mal-proċessi ta’ aċċess għall-akkwist pubbliku u biex tinstab soluzzjoni għall-kompetizzjoni inġusta msemmija hawn fuq;

    42.

    jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq att leġiżlattiv speċifiku meħtieġ għall-infurzar ta’, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit;

    43.

    jappoġġja l-fatt li l-Kummissjoni ħejjiet strument kontra l-koerċizzjoni;

    44.

    jenfasizza r-rwol importanti li l-SMEs jaqdu fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali tal-UE, li joħolqu aktar minn 58 % tal-esportazzjonijiet kollha mill-UE u aktar minn 46 % tal-importazzjonijiet kollha lejn l-UE (2). F’dan ir-rigward jenfasizza l-ħtieġa għal politika kummerċjali effettiva tal-UE li tipproteġi lill-SMEs, li huma ferm aktar vulnerabbli u esposti għall-volatilità tar-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali milli huma l-kumpaniji l-kbar; jilqa’ l-enfasi li saret fuq l-SMEs fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni;

    45.

    jemmen bis-sħiħ li jeħtieġ li jiġi rivedut il-mudell tal-valutazzjoni tal-impatt u li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi u fil-fond (skont is-settur u s-subsettur, skont iż-żona ġeografika — pajjiż/reġjun — fi ħdan l-UE, f’dak li jirrigwarda l-impatt fuq l-SMEs u fil-qasam soċjali, ambjentali, klimatiku u dak tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem) ta’ kull ftehim eżistenti, kif ukoll valutazzjonijiet tal-impatt aggregati (ibbażati fuq l-istess kriterji) tal-ftehimiet kollha eżistenti biex jiggarantixxu t-tmexxija tal-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea għall-benefiċċju ta’ kulħadd, kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini; jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward; jinnota li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipprevedi biss evalwazzjoni ex post tal-impatt tal-ftehimiet tal-UE fuq aspetti ambjentali ewlenin, inklużi l-aspetti klimatiċi, kif ukoll ħidma biex jiġi identifikat aħjar l-impatt tal-aspetti differenti tal-politika kummerċjali fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u biex titwettaq analiżi ulterjuri — mingħajr aktar dettalji — tal-impatt tal-politiki kummerċjali fuq l-impjieg u l-aspetti differenti tal-iżvilupp soċjali;

    46.

    iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari lid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-SMEs; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-għodod li jiddeċifraw il-ftehimiet kummerċjali, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli tal-oriġini; iqis li jeħtieġ li tkun tista’ tiġi ssodisfata l-ħtieġa ta’ għarfien espert tal-SMEs fl-aċċess għal swieq terzi billi jintużaw is-servizzi eżistenti ta’ konsulenza u ta’ appoġġ fil-livell tal-Istati Membri u f’dak reġjonali u fil-kmamar tal-kummerċ, u billi jiġi ffaċilitat l-użu ta’ għarfien espert estern;

    47.

    jemmen li n-network EEN (Enterprise Europe Network) preżenti f’60 pajjiż, kif ukoll in-network ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tal-promozzjoni tal-kummerċ li huma parti mill-Assoċjazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Promozzjoni tal-Kummerċ (European Trade Promotion Organisations’ Association (ETPOA)), li tinsab f’180 pajjiż, jistgħu jkunu mobilizzati aktar fil-qafas tal-missjonijiet ta’ appoġġ tagħhom għad-dħul tal-SMEs fi swieq barranin. Bl-istess mod, l-UE għandha tistabbilixxi “punti ta’ kuntatt tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles” kemm jista’ jkun qrib tal-SMEs u għandhom jitqiesu l-prinċipji “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” u “aġixxi reġjonalment” u l-organizzazzjonijiet tal-promozzjoni tal-kummerċ għandhom jaqdu rwol ewlieni f’dan ir-rigward;

    48.

    iqis li approċċ speċifiku għall-SMEs innovattivi li jixtiequ jpoġġu lilhom infushom fuq livell internazzjonali, ikun rilevanti fil-qafas tal-proġett InvestEU, sabiex ikunu jistgħu jiġu koperti b’mod adatt ir-riskji ta’ dan it-tip ta’ negozju u jiġi promoss it-tkabbir internazzjonali tagħhom;

    49.

    huwa tal-fehma li fl-isfond tal-Patt Ekoloġiku tal-UE, il-qafas attwali tat-tip IPEEC għall-għajnuna mill-Istat għandu jiġi rivedut sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment u jiġu ammortizzati l-ispejjeż operattivi tal-proġetti kooperattivi/transnazzjonali mwettqa minn din it-tip ta’ intrapriża. Għaldaqstant, jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, fi Frar 2021, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika miftuħa sal-20 ta’ April 2021 li tappella lill-partijiet interessati kollha biex jikkummentaw dwar proposta għal rieżami mmirat tal-Komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat li tappoġġja proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI) (3).

    Brussell, id-19 ta’ Marzu 2021.

    Apostolos TZITZIKOSTAS

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


    (1)  https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2020/may/tradoc_158764.pdf

    (2)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/International_trade_in_goods_by_enterprise_size#Share_of_SMEs_in_total_trade_.28intra_.2B_extra-EU.29

    (3)  https://ec.europa.eu/competition/consultations/2021_ipcei/draft_communication_mt.pdf — Link għall-konsultazzjoni pubblika: http://bit.ly/3dEFgeM


    Top