Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR2615

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Servizzi pubbliċi transfruntiera fl-Ewropa

    COR 2020/02615

    ĠU C 106, 26.3.2021, p. 12–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.3.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 106/12


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Servizzi pubbliċi transfruntiera fl-Ewropa

    (2021/C 106/04)

    Relatur:

    Pavel BRANDA (CZ/KRE), Viċi Sindku ta’ Rádlo

    I.   KUMMENTI ĠENERALI

    Kważi terz taċ-ċittadini tal-UE jgħixu u jaħdmu fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Ewropa. Dawn il-fruntieri għandhom impatt dirett u indirett fuq ħajjithom. In-nies li jgħixu f’reġjuni tal-fruntiera ta’ spiss jiltaqgħu ma’ sfidi partikolari, kemm biex isibu impjieg jew biex jaċċessaw il-kura tas-saħħa u servizzi pubbliċi oħra, kif ukoll minħabba l-ivvjaġġar ta’ kuljum lejn ix-xogħol u lura, u biex jegħlbu problemi amministrattivi. Il-kooperazzjoni transfruntiera wriet li hija l-aktar għodda effettiva biex jingħelbu l-effett ta’ ostaklu u r-rwol diviżiv tal-fruntieri u biex tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali tar-reġjuni tal-fruntiera.

    Ħafna drabi l-aċċess għas-servizzi pubbliċi fir-reġjuni tal-fruntiera, speċjalment dawk depopolati ħafna, huwa aktar limitat meta mqabbel mar-reġjuni ċentrali u reġjuni kapitali, sitwazzjoni li hija aktar gravi għar-reġjuni li, minbarra dan, iridu jiffaċċjaw l-isfidi demografiċi, u jikkostitwixxi determinant b’saħħtu fil-kwalità tal-ħajja. Il-provvista ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera tista’ tkun mhux biss ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini, iżda tista’ tkun ukoll aktar profittabbli, peress li dawn is-servizzi jsiru aktar disponibbli kif ukoll aktar kosteffiċjenti.

    Il-provvista b’suċċess ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera tista’ twassal ukoll għal fehim akbar bejn il-ġirien u għal bini tal-fiduċja tant meħtieġa. Dawn is-servizzi jkollhom impatt dirett fuq il-perċezzjoni dwar l-Unjoni Ewropea, filwaqt li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-identità Ewropea.

    Servizzi pubbliċi transfruntiera disponibbli b’mod aktar wiesa’ jistgħu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-effetti negattivi tal-fruntiera u għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera. Billi tindirizza b’mod adegwat il-ħtieġa eżistenti ta’ servizzi pubbliċi fil-fruntieri interni u esterni tagħna, l-UE turi l-valur miżjud evidenti tagħha lill-miljuni ta’ ċittadini tagħha li jibbenefikaw minn dawn is-servizzi.

    L-analiżi mmirata ta’ kwalità għolja tal-ESPON (1) tagħti l-ewwel ħarsa ġenerali lejn is-suġġett tas-servizzi pubbliċi transfruntiera. Hija tistabbilixxi l-kuntest u tippreżenta għadd ta’ rakkomandazzjonijiet. F’din is-sitwazzjoni kumplessa li qed niffaċċjaw li titlob li jkun hemm reazzjonijiet koordinati biex jiġu indirizzati l-isfidi, issa għandha tiġi preżentata inizjattiva politika tal-KtR permezz ta’ din l-Opinjoni biex il-Kumitat iħaddan dan is-suġġett u jagħmel rakkomandazzjonijiet politiċi mill-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jidentifika l-passi li jmiss li għandhom jittieħdu mill-istituzzjonijiet tal-UE u minn partijiet ikkonċernati oħra sabiex il-provvista ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera tkun aktar effettiva u fuq skala wiesgħa fil-ġejjieni.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    1.

    iqis li għall-provvista b’suċċess, effettiva u aktar wiesgħa tas-servizzi pubbliċi transfruntiera, huma essenzjali tliet għodod/kundizzjonijiet: qafas legali, strutturi u finanzjament. Minħabba n-natura Ewropea ta’ dawn is-servizzi, l-UE għandu jkollha rwol attiv ta’ tmexxija fil-provvista ta’ dawn l-għodod/kundizzjonijiet. Il-kollaborazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali skont il-prinċipju tas-sħubija hija meħtieġa biex jiġu eliminati u/jew jitnaqqsu l-ispejjeż f’kuntest transfruntier;

    Qafas legali tal-UE

    Il-valur miżjud ta’ qafas legali tal-UE

    2.

    jenfasizza l-ħtieġa ta’ qafas legali tal-UE li jista’ jippermetti l-istabbiliment u l-ġestjoni effiċjenti tas-servizzi pubbliċi transfruntiera li jindirizzaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħna li jgħixu f’reġjuni tal-fruntiera. Dan ikun jirrappreżenta valur miżjud ċar tal-UE peress li ħafna drabi l-oqfsa attwali jimponu piżijiet amministrattivi u spejjeż kbar, li jwasslu biex ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali jabbandunaw il-pjani tagħhom;

    3.

    jappoġġja bil-qawwa, f’dan is-sens, il-Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew, li l-proposta dwaru bħalissa hija mblukkata fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea; jistieden, għalhekk, lill-Presidenza Portugiża tħaffu l-adozzjoni tal-proposta;

    4.

    huwa tal-fehma li, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, il-kooperazzjoni transfruntiera u l-provvista ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera, huma kwistjonijet ta’ natura Ewropea u jistgħu jiġu indirizzati bl-aktar mod effettiv fil-livell tal-UE permezz ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali (il-prinċipju tas-sħubija);

    L-implimentazzjoni transfruntiera tad-dritt tal-Unjoni

    5.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, bħala l-istituzzjoni responsabbli biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u aktar importanti minn hekk l-Istati Membri u r-reġjuni b’poteri leġiżlattivi, biex jikkoordinaw it-traspożizzjoni tad-Direttivi mal-Istati u r-reġjuni ġirien, sabiex ma jinħolqux ostakli legali ġodda u differenzi amministrattivi b’riżultat ta’ nuqqas ta’ koordinazzjoni; fl-istess ħin, jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni b’setgħat leġiżlattivi biex jeżaminaw l-oqfsa legali nazzjonali jew reġjonali tagħhom fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq iż-żoni tal-fruntiera;

    6.

    jindika li l-valutazzjonijiet tal-impatt jistgħu jipprovdu għarfien eċċellenti tal-effetti tal-leġiżlazzjoni tal-UE u jistieden lill-KE, lill-Istati Membri u lir-reġjuni b’setgħat leġiżlattivi jistabbilixxu metodoloġiji li jippermettu valutazzjonijiet tal-impatt transfruntiera effettivi;

    Il-punti ta’ kuntatt transfruntiera fid-Direttorati Ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni Ewropea

    7.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tqis b’mod trasversali s-sitwazzjoni tar-reġjuni tal-fruntieri fit-tfassil tal-politiki tagħha u tinnomina Punti ta’ Kuntatt Transfruntiera fid-DĠ kollha li potenzjalment jistgħu jindirizzaw il-kwistjonijiet transfruntiera, speċjalment fl-oqsma tal-ambjent, is-servizzi ta’ emerġenza, il-ġestjoni tar-riskju, it-trasport, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ġestjoni tat-territorju, id-diġitalizzazzjoni, il-komunikazzjoni, il-kultura, it-turiżmu, l-iżvilupp ekonomiku u l-impjieg (2). Leġiżlazzjoni ġdida u riveduta tal-UE għandha tqis il-provvista ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera f’dawn is-setturi rilevanti, bl-għan li tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tagħhom;

    Il-punti ta’ kuntatt transfruntiera nazzjonali

    8.

    jistieden lill-Istati Membri, u lir-reġjuni b’setgħat leġiżlattivi jistabbilixxu punti ta’ kuntatt transfruntiera nazzjonali stabbli, permanenti u li jkopru s-setturi amministrattivi kollha, li jiskambjaw l-esperjenzi u jiddiskutu l-isfidi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jiffaċċjaw fi fruntiera partikolari, jikkoordinaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u jaħdmu fuq it-tneħħija sistematika tal-ostakli tal-fruntiera (anke fir-rigward tal-istabbiliment u l-provvista tas-servizzi pubbliċi transfruntiera). Dawn il-punti ta’ kuntatt jistgħu jkunu l-istess korpi proposti fir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew, jekk dawn jiġu stabbiliti fir-reġjun inkwistjoni, iżda jkollhom responsabbiltajiet usa’. Tali punti ta’ kuntatt għandhom jaħtru persuna responsabbli b’ħakma tajba tal-lingwi uffiċjali tar-reġjuni tal-fruntiera. Il-ħidma ta’ dawn il-punti ta’ kuntatt għandha twassal għat-tneħħija tal-ostakli identifikati mill-atturi lokali u reġjonali. Dawn jistgħu jevalwaw is-sitwazzjonijiet fir-reġjuni tal-fruntiera u jipproponu approċċi u azzjonijiet konġunti li jistgħu jwasslu għal servizzi aħjar għaċ-ċittadini, billi jottimizzaw l-użu tar-riżorsi disponibbli fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u jistabilixxu mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni mal-programmi transfruntiera u programmi oħra tal-UE. Il-Punt Fokali tal-Fruntieri tal-UE għandu jipprovdi koordinazzjoni u appoġġ metodoloġiku, kif ukoll jiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn ir-reġjuni tal-fruntiera fl-Ewropa;

    9.

    jistieden lill-Istati Membri juru aktar flessibbiltà għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li jixtiequ jimplimentaw servizzi pubbliċi transfruntiera, peress li flessibbiltà, soluzzjonijiet ad hoc u rispons rapidu mill-atturi statali rilevanti jistgħu joffru soluzzjonijiet fuq terminu qasir li jirrikjedu li tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul biex jiġu implimentati u mħarsa s-servizzi pubbliċi transfruntiera. L-użu ta’ ftehimiet intergovernattivi bħat-Trattat reċenti ta’ Aachen jista’ jistimula l-provvista ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera;

    Punt Fokali tal-Fruntieri (DĠ REGIO)

    10.

    jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-Punt Fokali tal-Fruntieri tad-DĠ REGIO, u jitlob appoġġ akbar f’termini ta’ riżorsi umani għal din l-azzjoni fid-dawl tar-rwol potenzjali ġdid tiegħu li jikkoordina l-punti ta’ kuntatt nazzjonali u l-punti ta’ kuntatt tad-DĠ differenti;

    Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew

    11.

    jemmen li l-UE għandha tappoġġja approċċ ikkoordinat fil-fruntieri għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. F’każijiet fejn dan ma kienx ta’ suċċess u meta l-liġijiet nazzjonali ma jippermettux kooperazzjoni, l-UE għandha tipprovdi soluzzjoni/qafas Ewropew li għandu jintgħażel mill-fornituri ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera;

    12.

    jisħaq bil-qawwa, għaldaqstant, dwar il-ħtieġa li tiġi adotta l-għodda l-ġdida proposta mill-Kummissjoni Ewropea, il-Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew (3) bħala strument minn isfel għal fuq li x’aktarx jirriżulta li jkun is-soluzzjoni adegwata biex jingħelbu l-ostakli legali u amministrattivi u biex jinħoloq qafas legali xieraq għall-implimentazzjoni speċifika ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera;

    13.

    itenni li l-analiżi tal-ostakli eżistenti fil-fruntieri mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea fi ħdan ir-rieżami transfruntier u l-proġetti “b-solutions” konsegwenti juru b’mod ċar il-ħtieġa ta’ tali strument legali konkret fil-prattika. F’aktar minn terz tat-43 każ b-solutions (4) analizzati, il-Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew ikun għodda adattata li tgħin biex jingħelbu l-ostakli. Speċjalment f’dawk il-każijiet fejn is-soluzzjoni proposta tkun tirrikjedi emenda għall-qafas legali jew amministrattiv attwalment applikabbli fuq naħa waħda tal-fruntiera;

    14.

    jistieden, f’dan il-kuntest, lill-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom sabiex ikun jista’ jkollhom rwol aktar ewlieni u effettiv bħala “inizjaturi” tas-soluzzjonijiet fl-ambitu tal-Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew propost. Sabiex il-mekkaniżmu jiġi implimentat b’mod korrett, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtiġilhom ikunu kapaċi jifhmu l-ostakli b’mod adegwat, u għaldaqstant ikunu kapaċi jiddefinixxu soluzzjonijiet legali jew amministrattivi fattibbli;

    15.

    jinnota li r-Regolament propost dwar il-Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew għandu l-potenzjal li jkun ta’ importanza kbira mhux biss għas-servizzi pubbliċi transfruntiera iżda għall-ġejjieni tal-kooperazzjoni transfruntiera b’mod ġenerali billi jista’ jgħin biex jitneħħew l-ostakli eżistenti u jiġi sfruttat il-potenzjal ekonomiku sħiħ tar-reġjuni tal-fruntiera tal-UE (5);

    16.

    iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jerġa’ jibda d-diskussjonijiet rigward ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew, u jadotta b’urġenza l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta sabiex ir-regolament ikun jista’ jiġi adottat malajr;

    17.

    jistieden lill-Istati Membri jinkludu d-diskussjoni dwar il-“mekkaniżmu sabiex jiġu solvuti ostakli legali u amministrattivi f’kuntest transfruntier” fl-aġenda tas-summits bejn l-istati tal-fruntieri u ta’ kwalunkwe forum ieħor ta’ livell għoli dwar il-kooperazzjoni transfruntiera. L-analiżi tal-istrument propost mill-Kummissjoni Ewropea fil-fora tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tikkonvinċi lill-Istati Membri dwar kemm huwa utli biex jingħelbu ħafna mill-ostakli legali u amministrattivi li fadal fil-fruntieri tal-UE u, għalhekk, biex jiġu stabbiliti servizzi pubbliċi transfruntiera;

    18.

    jipproponi lill-KE, lill-Istati Membri interessati, lir-reġjuni b’setgħat legiżlattivi u strutturi transfruntiera fuq livell lokali u reġjonali jittestjaw l-applikazzjoni tal-prinċipji u l-proċeduri tal-Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew propost fi proġetti konkreti sabiex jinkiseb fehim aħjar ta’ kif dan l-istrument jista’ japplika għal kundizzjonijiet speċifiċi u jgħinu biex jingħelbu l-ostakli legali u amministrattivi eżistenti. Fl-imgħoddi ħafna żoni transfruntiera servew ta’ laboratorju tal-kooperazzjoni transfruntiera u kellhom riżultati pożittivi fis-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet transfruntiera;

    Strutturi transfruntiera

    19.

    jinnota li l-analiżi EPSON uriet li l-biċċa l-kbira ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera jirrikjedu l-istabbiliment ta’ struttura jew korp transfruntier ġdid, l-aktar mingħajr personalità ġuridika ġdida. Spiss ħafna, intużaw jew ġew adattati strutturi diġà eżistenti. Meta nħolqu strutturi transfruntiera ġodda, dan sar permezz ta’ ftehim interstatali eżistenti, il-liġi domestika jew ir-Regolament dwar ir-REKT;

    20.

    jisħaq fuq il-vantaġġi ta’ strutturi transfruntiera permanenti bil-persunal u l-baġit tagħhom u l-iskop uniku li jippromovu l-kooperazzjoni transfruntiera bħall-ewroreġjuni, il-komunitajiet tax-xogħol u strutturi simili għall-iżvilupp effettiv ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera;

    21.

    jenfasizza l-benefiċċji u l-potenzjal li mhuwiex sfruttat biżżejjed tar-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) (6) li jistgħu jservu bħala korp maniġerjali ideali għas-servizzi pubbliċi transfruntiera, speċjalment f’dawk il-każijiet fejn hemm bżonn ta’ baġit komuni u l-impjieg ta’ persunal u fejn l-awtoritajiet pubbliċi huma l-fornituri ewlenin. L-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni mwettqa mill-pjattaforma REKT tal-KtR għandhom jissaħħu u għandhom jiffukaw speċifikament fuq l-użu tar-REKT għat-twettiq tas-servizzi pubbliċi transfruntiera;

    22.

    jenfasizza l-fatt li r-REKT, għalkemm urew li huma utli ħafna fil-kooperazzjoni transfruntiera, għandhom ċerti limitazzjonijiet legali li jżommuhom milli jisfruttaw għalkollox il-potenzjali ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn il-fruntieri. Dan huwa evidenti b’mod speċjali fis-servizzi pubbliċi transfruntiera u l-proġetti infrastrutturali. Dan l-istrument Ewropew jista’ jintuża b’mod aktar wiesa’ jekk jittejjeb il-qafas legali msemmi hawn fuq;

    Għodod finanzjarji

    23.

    jappella sabiex issir referenza għall-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi transfruntiera bħala attività eliġibbli għall-appoġġ fil-Politika ta’ Koeżjoni, b’mod speċifiku fil-programm Interreg (mingħajr ma dan iwassal għal tnaqqis fil-punti l-oħra tal-programm), kif ukoll fi strumenti finanzjarji oħra li huma koperti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u mill-istrument ta’ rkupru Next Generation EU b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19. Sabiex il-programmi ta’ finanzjament isiru aktar attraenti, il-piż amministrattiv tal-applikazzjoni u s-saldu tal-kontijiet għal finanzjament bħal dan għandu jitnaqqas ukoll;

    24.

    jitlob lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni kollha fir-reġjuni tal-fruntiera biex jikkunsidraw il-finanzjament ta’ operazzjonijiet/azzjonijiet/proġetti transfruntiera fi ħdan il-programmi reġjonali prinċipali tagħhom (FEŻR u FSE) sabiex jikkomplementaw u japprofondixxu l-azzjoni tal-programmi Interreg;

    25.

    jenfasizza l-importanza tal-programm Interreg għar-reġjuni transfruntiera matul l-aħħar 30 sena. Interreg appoġġja l-kooperazzjoni li ppermettiet lill-amministrazzjonijiet u lill-awtoritajiet tar-reġunji transfruntiera differenti jersqu qrib xulxin u jidħlu fi djalogu, wessgħat l-ambitu tal-kooperazzjoni transfruntiera u appoġġjat proġetti li kellhom riżultati diretti fil-ħolqien ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera;

    26.

    isemmi l-esperjenzi tajbin ħafna tal-proġetti b-solutions tal-Kummissjoni Ewropea, li kellhom l-għan li jegħlbu l-ostakli tal-fruntiera, fosthom uħud minn dawk li indirizzaw is-servizzi pubbliċi transfruntiera. Dawn il-proġetti wrew li anke b’finanzjament limitat, jistgħu jinkisbu riżultati tajbin ħafna;

    27.

    itenni d-diżappunt kbir tiegħu fir-rigward tal-baġit propost għall-programm Interreg fil-proposti għall-perspettiva finanzjarja li jmiss, li mhuwiex biżżejjed għall-bżonnijiet tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea b’mod ġenerali u tal-kooperazzjoni transfruntiera b’mod partikolari, b’din tal-aħħar tkun waħda mill-elementi ewlenin tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-integrazzjoni Ewropea. Ħafna opportunitajiet se jintilfu minħabba baġit iżgħar tal-programm Interreg, peress li l-baġit fil-perjodu finanzjarju preċedenti kien ferm insuffiċjenti;

    28.

    jirrakkomanda li l-Istati Membri jallokaw b’mod konġunt parti mir-riżorsi addizzjonali fl-inizjattiva REACT-EU lill-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera li jipparteċipaw fihom, u għaldaqstant jippermettu l-bidu mill-ġdid u t-tisħiħ effiċjenti tal-kooperazzjoni transfruntiera wara l-kriżi tal-COVID-19, fosthom l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera jew ta’ kurituri sanitarji; Hawnhekk għandhom jiġu analizzati wkoll is-sinerġiji li jistgħu jinkisbu permezz tal-ġbir flimkien tas-servizzi ta’ emerġenza;

    29.

    jappoġġja bil-qawwa l-programm pilota “Reġjuni transfruntiera li qed jiffaċċjaw il-pandemija tal-COVID-19: opportunità biex insaħħu r-risposti komuni għall-kriżijiet u l-kożvilupp” li saret votazzjoni dwaru fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew f’Novembru bil-għan li tittejjeb ħajjet iċ-ċittadini li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera billi jingħata appoġġ lil żoni transfruntiera aktar integrati u funzjonali. Dan il-proġett pilota għandu jgħin lir-reġjuni tal-fruntiera biex jiffaċċjaw aħjar il-kriżijiet futuri u biex jippromovu mudell ġdid għat-tfassil ta’ politiki pubbliċi, inklużi s-servizzi pubbliċi, f’reġjuni tal-fruntiera abbażi tal-kożvilupp u permezz ta’ governanza f’diversi livelli mtejba. Il-proġett pilota għalhekk jgħaqqad approċċ fuq perjodu qasir u medju biex jipprovdi lill-prattikanti u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet b’għodod u metodoloġija konkreti li jistgħu jiġu tradotti direttament f’realtà, li huma tanġibbli għaċ-ċittadini, u applikabbli għall-fruntieri Ewropej kollha;

    30.

    jinnota li, filwaqt li l-UE, permezz tal-programmi tagħha, ilha tappoġġja l-ħolqien ta’ uħud mis-servizzi pubbliċi transfruntiera, il-finanzjament għal perjodu twil mhuwiex sostenibbli. L-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jeżaminaw mezzi addizzjonali ta’ finanzjament fit-tul suffiċjenti, bħal riżorsi nazzjonali jew reġjonali u sħubijiet pubbliċi-privati, li għandhom jiġu ffaċilitati sabiex ikunu jistgħu jseħħu u joperaw bejn il-fruntieri, tal-inqas fiż-ŻEE;

    Servizzi elettroniċi

    31.

    jirrimarka li, fir-reġjuni tal-fruntiera, il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni li għaddejjin minnu bħalissa jseħħ mill-perspettiva tripla tan-nisġa produttiva, l-amministrazzjonijiet u l-korpi pubbliċi li jipprovdu servizzi liċ-ċittadini, u ċ-ċittadini nnifishom. F’dan il-kuntest is-servizzi elettroniċi jistgħu jiftħu qasam interessanti ħafna ta’ żvilupp għall-provvista transfruntiera ta’ servizzi pubbliċi Pereżempju, bl-użu tal-interfaċċa tat-traduzzjoni awtomatizzata jista’ jingħeleb l-ostaklu tal-lingwa wieħed mill-ewwel ostakli għall-kooperazzjoni transfruntiera b’mod ġenerali, u għall-provvista ta’ servizzi pubbliċi bejn il-fruntieri b’mod partikolari. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ kards elettroniċi li jippermettu liċ-ċittadini fir-reġjuni tal-fruntiera jkollhom aċċess għal servizzi pubbliċi transfruntiera jkun pass importanti lejn it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni ta’ dawk ir-reġjuni. Użu akbar ta’ proċeduri elettroniċi se jwassal għall-armonizzazzjoni meħtieġa tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, u b’hekk jissolvew għadd tajjeb ta’ ostakli. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ sistemi bbażati fuq l-Intelliġenza Artifiċjali, jista’ jippromovi aktar il-provvista ta’ servizzi fl-Ewropa kollha;

    Ir-rwol tas-settur privat

    32.

    jistieden lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-fornituri żgħar u ta’ daqs medju lokali. L-operaturi privati huma atturi ewlenin fil-provvista ta’ ċerti servizzi u/jew f’ċerti pajjiżi. L-impriżi konġunti bejn il-fruntieri magħmula minn fornituri żgħar u ta’ daqs medju, pereżempju permezz ta’ Kumpanija Ewropea (7), jistgħu jkunu ppreparati aħjar biex jipprovdu servizzi pubbliċi transfruntiera;

    Konnettività transfruntiera

    33.

    japella għal appoġġ għall-konnettività transfruntiera. F’xi reġjuni transfruntiera, iċ-ċittadini jiffaċċjaw diffikultajiet prattiċi biex jaċċessaw in-naħa l-oħra tal-fruntiera, kemm minħabba ostakli naturali (muntanji jew xmajjar) u n-nuqqas ta’ konnessjoni fiżika li tgħaqqad iż-żewġ naħat, bħal toroq jew pontijiet; kif ukoll minħabba nuqqas ta’ servizz tat-trasport pubbliku regolari u adatt. L-iffaċilitar tal-konnettività jżid l-iskambji u jwassal għal integrazzjoni akbar taċ-ċittadini fir-reġjuni tal-fruntiera;

    34.

    jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jerġgħu jibdew id-diskussjonijiet dwar it-tnedija ta’ passaport tas-servizzi (kard elettronika), li jippermetti lill-SMEs jipprovdu servizzi pubbliċi bejn il-fruntieri mingħajr ma jiffaċċjaw piżijiet amministrattivi addizzjonali minn regolaturi barranin;

    Promozzjoni u monitoraġġ aħjar tas-servizzi pubbliċi transfruntiera

    35.

    jenfasizza l-fatt li l-maġġoranza kbira tas-servizzi pubbliċi transfruntiera kollha identifikati (64 %) (8) jinsabu tul il-fruntieri bejn l-Istati Membri l-qodma tal-UE, u għadd żgħir ħafna minnhom bejn l-Istati Membri l-ġodda;

    36.

    jistieden lill-KE, kif ukoll lill-Istati Membri, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-KtR, jagħmlu kampanja ta’ informazzjoni fl-Istati l-Membri biex juru l-benefiċċji u l-potenzjali tas-servizzi pubbliċi transfruntiera. Dawn il-partijiet ikkonċernati għandhom jinvestu aktar fil-monitoraġġ u l-promozzjoni tas-servizzi pubbliċi transfruntiera eżistenti billi ħafna minnhom jibqgħu mhux magħrufa mal-pubbliku inġenerali (eż. billi jinħolqu katalogi tas-servizzi pubbliċi transfruntiera);

    37.

    huwa lest li jkollu rwol akbar fil-monitoraġġ u l-promozzjoni tas-servizzi pubbliċi transfruntiera fl-Ewropa, fid-dawl tal-esperjenza tajba ħafna tiegħu fil-monitoraġġ u l-promozzjoni tar-REKT permezz tal-Pjattaforma REKT tal-KtR. Billi xi wħud mir-REKT diġà qed jipprovdu servizzi pubbliċi transfruntiera, il-Pjattaforma REKT għandha tingħata wkoll il-kompitu li tissorvelja l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi transfruntiera u tippromovihom flimkien mar-REKT bħala għodda adattata għall-implimentazzjoni tagħhom;

    38.

    jistieden lir-reġjuni tal-fruntiera, u speċifikament l-Ewroreġjuni, il-komunitajiet tal-ħaddiema, ir-REKT u strutturi transfruntiera oħra biex jikkonsultaw liċ-ċittadini tagħhom dwar is-servizzi li huma jsibu nieqsa fir-reġjun tagħhom jew li jistgħu jittejbu u jindirizzaw dawn il-ħtiġijiet u potenzjalment ifasslu servizzi transfruntiera ġodda jew imtejba ta’ interess komuni;

    Is-servizzi pubbliċi transfruntiera fil-fruntieri esterni, fuq l-art jew marittimi, tal-UE

    39.

    ifakkar fl-esperjenza tar-Regolament dwar ir-REKT li wera li tista’ tiġi stabbilita kooperazzjoni produttiva u strutturata aħjar ma’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri, kif inhu partikolarment il-każ tal-Iżvizzera u l-Ukrajna;

    40.

    jenfasizza li 17 % tas-servizzi pubbliċi transfruntiera kollha identifikati huma stabbiliti bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk li mhumiex fl-UE, li juri bżonn u potenzjal għal kooperazzjoni bħal din lil hinn mill-fruntieri esterni tal-UE, kemm dawk fuq l-art kif ukoll dawk marittimi. Il-qafas leġiżlattiv, l-istrutturi u l-finanzjament għandhom jippermettu li jiġu stabbiliti dawn is-servizzi mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE, li jkun fl-interess taċ-ċittadini ta’ dawn ir-reġjuni tal-fruntiera;

    Esperjenza bil-COVID-19: għeluq tal-fruntieri kontra kooperazzjoni

    41.

    itenni l-opportunitajiet li l-Istati Membri tilfu waqt il-pandemija reċenti tal-COVID-19 meta istintivament u unilateralment għalqu l-fruntieri, bla ma ħasbu biex jgħaqqdu flimkien l-isforzi fil-fruntieri interni tal-UE u jipprovdu kura tas-saħħa u servizzi ta’ emerġenza liċ-ċittadini li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera. B’ħidma konġunta, u qsim tal-għarfien espert u r-riżorsi, il-kriżi setgħet ġiet indirizzata aħjar. Dan, madankollu, għandu jitqies bħala lezzjoni li għal darb’oħra turi l-ħtieġa ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera u approċċi Ewropej ikkoordinati fir-rigward ta’ problemi komuni; Għandu jiġi enfasizzat li l-kooperazzjoni transfruntiera fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa u tal-emerġenza, anke barra miż-żminijiet ta’ kriżi, hija ta’ importanza kbira u għandha tiġi promossa b’mod partikolari, sabiex il-pubbliku jingħata kura tajba;

    42.

    jinnota li l-għeluq tal-fruntieri mingħajr koordinazzjoni u mingħajr ma ġew ikkonsultati l-Istati ġirien u lanqas l-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-reġjuni tal-fruntiera kellu effett devastanti mhux biss fuq il-kooperazzjoni transfruntiera eżistenti, iżda fuq kollox, kellu impatt negattiv ħafna fuq il-ħajja taċ-ċittadini li jgħixu f’reġjuni tal-fruntiera, peress li ma kien hemm l-ebda protokoll miftiehem biex jiġi żgurat il-moviment eċċezzjonali ta’ persuni u oġġetti, b’impatt negattiv konsegwenti fuq il-provvista ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera, fost oħrajn.

    43.

    jara l-ħtieġa li jiġi ddefinit livell minimu bażiku ta’ kooperazzjoni transfruntiera li għandha tinżamm anke fi żminijiet ta’ kriżijiet sabiex tiġi assigurata l-provvista ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera, speċjalment dawk marbuta mal-immaniġġjar tal-kriżijiet;

    44.

    jilqa’ s-sħubija bejn il-KtR, il-Kummissjoni Ewropea u l-assoċjazzjonijiet li qegħdin fuq quddiem fil-ħidma marbuta ma’ kwistjonijiet transfruntiera (MOT, AEBR u CESCI) li ġiet stabbilita matul il-kriżi tal-COVID-19. Din l-esperjenza wasslet għall-ħolqien ta’ Alleanza Ewropea taċ-Ċittadini Transkonfinali;

    45.

    jenfasizza li, minkejja l-fruntieri magħluqa, ħafna reġjuni u bliet tal-fruntiera sabu modi kif jikkooperaw u jaqsmu r-riżorsi matul dawn iż-żminijiet diffiċli. Dan għal darb’oħra wera kif il-kooperazzjoni transfruntiera hija naturali għan-nies li jgħixu f’dawn ir-reġjuni, u l-mod raġonevoli għall-ġejjieni għall-komunitajiet tagħhom;

    Rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni

    46.

    jiddikjara li lest sabiex jislet lezzjonijiet mill-esperjenzi tar-reġjuni tal-fruntiera u li jippreżenta rakkomandazzjonijiet komprensivi dwar il-kooperazzjoni transfruntiera bħala parti mill-kontribut tal-KtR għall-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa;

    47.

    jippjana f’dan ir-rigward li jagħti rakkomandazzjonijiet speċifici lill-Konferenza dwar żewġ kwistjonijiet:

    L-ewwel waħda hija l-viżjoni fuq perjodu twil tal-ġejjieni tal-kooperazzjoni transfruntiera fl-Unjoni Ewropea, li se tiffoka fuq proposti konkreti li l-KtR, u r-reġjuni tal-fruntiera, ikunu mitluba jimplimentaw sal-2050. Is-servizzi pubbliċi transfruntiera se jkunu parti minn din il-viżjoni.

    It-tieni kwistjoni tkun talba biex ikun hemm leġiżlazzjoni li tiggarantixxi standards minimi għall-kooperazzjoni transfruntiera f’każ ta’ kriżijiet madwar l-UE u/jew lokali sabiex jinżamm livell suffiċjenti ta’ servizzi pubbliċi, li jippermettu liċ-ċittadini li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera joperaw, li tiggarantixxi l-funzjonament bla waqfien tas-Suq Uniku u li żżomm il-momentum tal-integrazzjoni Ewropea.

    Brussell, l-5 ta’ Frar 2021.

    Apostolos TZITZIKOSTAS

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


    (1)  L-Analiżi Mmirata tal-ESPON dwar is-Servizzi Pubbliċi Transfruntiera tal-14 ta’ Jannar 2019.

    (2)  Oqsma ta’ politika identifikati mill-Analiżi tal-EPSON fejn il-biċċa l-kbira tas-servizzi pubbliċi transfruntiera huma stabbiliti.

    (3)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu sabiex jiġu solvuti ostakli legali u amministrattivi f’kuntest transfruntier COM/2018/373 final – 2018/0198 (COD)

    (4)  https://www.b-solutionsproject.com

    (5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE tiddikjara li “jekk jitneħħew 20 % biss tal-ostakli eżistenti, ir-reġjuni tal-fruntiera xorta jiggwadanjaw 2 % bħala PDG. (…) b’potenzjal ta’ aktar minn 1 miljun impjieg” (COM (2017) 534, p. 4).

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u Tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1).

    (8)  L-Analiżi Mmirata tal-ESPON dwar is-Servizzi Pubbliċi Transfruntiera tal-14 ta’ Jannar 2019.


    Top