EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0582

Kawża T-582/20: Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Settembru 2020 – Ighoga Region 10 et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 414, 30.11.2020, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 414/39


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Settembru 2020 – Ighoga Region 10 et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-582/20)

(2020/C 414/60)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Interessengemeinschaft der Hoteliers und Gastronomen Region 10 e.V. (Ighoga Region 10) (Ingolstadt, il-Ġermanja), MJ u MK (rappreżentant: A. Bartosch, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-28 ta’ April 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.48582 (2017/FC) – il-Ġermanja – Allegata għajnuna mill-Istat favur Maritim-Gruppe u KHI Immobilien GmbH (Ingolstadt); u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed, li permezz tiegħu r-rikorrenti jallegaw li d-drittijiet proċedurali tagħhom bħala parti interessata skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1) ġew miksura minħabba li l-konvenuta rrifjutat li tiftaħ l-proċedura ta’ investigazzjoni formali kontra l-Ġermanja skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

Dan il-motiv uniku huwa maqsum f’erba’ partijiet kif ġej.

1.

L-ewwel motiv: ir-rikorrenti jsostnu li d-diffikultajiet serji fir-rigward tal-vantaġġi diretti ta’ Maritim-Gruppe b’rabta mal-operat tal-Ingolstädter Kongresszentrums (iktar ’il quddiem iċ-“CC-IN”) u l-lukandi ma negħlbux minħabba li

il-konvenuta naqset milli twettaq eżami indipendenti ta’ din is-sejħa għal offerti għall-operat taċ-CC-IN minkejja l-eżistenza ta’ evidenza speċifika li tqiegħed fid-dubju l-korrettezza tas-sejħa għal offerti;

il-konvenuta użat standard legalment inammissibbli fl-eżami tagħha tal-adegwatezza tas-suq tal-kundizzjonijiet tal-kiri;

barra minn hekk, hija applikat kriterju mhux adatt għal dan l-eżami tal-adegwatezza tas-suq tal-kundizzjonijiet tal-kiri; u

fl-aħħar nett, hija rrifjutat li tapplika standard xieraq għall-evalwazzjoni tal-adegwatezza tas-suq.

2.

It-tieni motiv: ir-rikorrenti jsostnu li d-diffikultajiet serji fir-rigward tal-vantaġġi indiretti ta’ Maritim-Gruppe ma negħlbux minħabba li l-konvenuta injorat kompletament is-sottomissjoni tal-ilment u b’riżultat ta’ dan wettqet numru ta’ żbalji fattwali ta’ evalwazzjoni.

3.

It-tielet motiv: ir-rikorrenti jsostnu li d-diffikultajiet serji ma negħlbux minħabba l-assenza ta’ kwalunkwe eżami tas-suġġett tal-ilment, jiġifieri l-allegat kumpens żejjed tal-finanzjament taċ-CC-IN.

4.

Ir-raba’ motiv: ir-rikorrenti jsostnu li d-diffikultajiet serji li jirriżultaw minn evalwazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ għajnuna intergovernattiva ma negħlbux minħabba li

il-konvenuta eżaminat dan l-element fir-rigward ta’ attività ekonomika inkorretta;

hija bbażat dan fuq premessa legalment inkorretta;

hija injorat kompletament l-evidenza prodotta fl-ilment insostenn tas-sottomissjoni tagħhom li l-kriterju intergovernattiv ġie ssodisfatt; u

fl-aħħar nett, hija applikat kriterji mhux adatti u fattwalment inkorretti.


(1)  ĠU 2015, L 248, p. 9.


Top