EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AR0540

Opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-futur tal-politika tal-UE għal Arja Nadifa fil-qafas ta’ ambizzjoni ta’ tniġġis żero

COR 2020/00540

ĠU C 324, 1.10.2020, p. 35–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/35


Opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-futur tal-politika tal-UE għal Arja Nadifa fil-qafas ta’ ambizzjoni ta’ tniġġis żero

(2020/C 324/06)

Relatur:

János Ádám KARÁCSONY (HU/PPE), Memru tal-Kunsill ta’ Tahitótfalu

Dokument ta’ referenza:

Opinjoni ta’ prospettiva

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti introduttorji

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Patt Ekoloġiku Ewropew (1) propost mill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi – waħda mit-tliet prijoritajiet imsemmija mill-Kummissarju l-ġdid għall-Ambjent – u fuq kollox il-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija li għandu jiġi adottat fl-2021;

2.

jinnota l-appoġġ pubbliku li qed jiżdied fl-UE għal azzjoni ambizzjuża biex tittejjeb il-kwalità tal-arja, kif irrappurtat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali 2019 dwar l-attitudnijiet lejn il-kwalità tal-arja. It-tħassib dejjem jikber dwar it-tniġġis tal-arja f’kuntest ta’ mobilizzazzjoni qawwija taż-żgħażagħ favur l-ambjent huwa l-punt ta’ tluq għal azzjoni ambizzjuża f’dan il-qasam;

3.

jinnota li t-tniġġis tal-arja għadu l-akbar riskju għas-saħħa ambjentali fl-UE, u huwa responsabbli għal kważi 500 000 mewta prematura (għaxar darbiet l-għadd ta’ inċidenti tat-traffiku) kull sena. It-tniġġis tal-arja għandu rabta mal-mard respiratorju u kardjovaskulari, puplesiji u kanċer. Għandu wkoll effetti negattivi sinifikanti fuq il-klima, l-ekosistemi, l-ambjent mibni – inkluż il-wirt kulturali – u l-ekonomija;

4.

jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li fil-politiki futuri ninkludu dak li tgħallimna mill-pandemija tal-COVID-19. Minn naħa, hemm rabta potenzjali bejn it-tniġġis tal-arja u l-gravità tal-konsegwenzi tal-infezzjoni bil-virus tal-COVID-19 (2), u għalhekk il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja għandha tkun fost l-ogħla prijoritajiet tal-pjan ta’ rkupru tal-UE. Min-naħa l-oħra, tnaqqis sinifikanti fit-traffiku, fil-produzzjoni industrijali u f’attivitajiet oħrajn matul il-curfews irriżultaw f’livell sinifikament aktar baxx ta’ tniġġis tal-arja u akustiku. Iċ-ċittadini jistgħu jaraw b’mod aktar ċar li ambjent aktar f’saħħtu, inqas traffiku, spazji pubbliċi aktar miftuħa u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura huma essenzjali għall-benesseri tagħhom. Hemm appoġġ qawwi għal din l-opportunità storika biex nibnu xi ħaġa aħjar;

5.

josserva li l-kwalità tal-arja fl-Ewropa kompliet titjieb b’mod gradwali matul dawn l-aħħar snin, iżda ħafna Stati Membri mhux qed jiħqu l-istandards attwali, u li aktar minn nofshom bħalissa huma soġġetti għal proċeduri ta’ ksur. Jinnota wkoll li l-livelli ta’ materja partikulata fina (PM2.5), waħda mill-aktar forom ta’ tniġġis perikolużi għas-sistema respiratorja tal-bniedem, ma naqsu bl-ebda mod sinifikanti fl-Ewropa;

6.

japprezza l-ħidma li qed issir mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jivvalutaw u jindirizzaw it-tniġġis tal-arja (3);

7.

itenni t-talba tiegħu għal approċċ integrat, politika Ewropea ambizzjuża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors u rabtiet bejn il-politiki tal-immissjonijiet u l-emissjonijiet, kemm fir-rigward tal-ambizzjonijiet kif ukoll tal-iskedi taż-żmien (4). Jappella li jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni taċ-Ċentri Reġjonali tal-KtR (5) li analizzat l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali u dik dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet, u r-rakkomandazzjonijiet fl-Opinjoni tiegħu “Lejn it-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali” (6);

8.

ifakkar ir-responsabbiltà partikolari tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan il-qasam għall-ġenerazzjonijiet futuri, kif ukoll għaċ-ċittadini tal-lum, speċjalment għall-gruppi li huma aktar vulnerabbli u għalhekk huwa konvint, abbażi tal-esperjenza matul il-kriżi tal-COVID-19 li l-bidla hija possibbli. Għalhekk jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin;

Inizjattivi ġodda possibbli

Miżuri leġislattivi

9.

jinnota li l-eżiti tal-Kontroll tal-Idoneità li d-Direttivi dwar il-kwalità tal-arja ambjentali kienu effettivi parzjalment fir-rigward tat-titjib tal-kwalità tal-arja iżda fadal lok għal titjib. Il-KtR jirrakkomanda li, matul reviżjoni bħal din, l-inklużjoni possibbli tal-partikoli ultrafini u tal-karbonju iswed, li t-tnejn għandhom effetti negattivi fuq is-saħħa, għandhom jiġu kkunsidrati, abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet mid-WHO. Barra minn hekk, fir-rigward tal-effetti fuq is-saħħa, l-enfasi għandha tersaq minn fuq il-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja għal fuq l-esponiment tan-nies għat-tniġġis tal-arja; jistenna bil-ħerqa l-proposti leġislattivi rilevanti fi żmien debitu u se jikkontribwixxi għal dawn il-proċeduri jekk u meta jkun xieraq b’suġġerimenti mill-perspettiva lokali u reġjonali;

10.

jaqbel li r-regoli attwali dwar il-monitoraġġ jipprovdu bażi tajba biex tinkiseb data għall-kejl tal-kwalità tal-arja li tkun komparabbli u affidabbli. Madankollu, is-sistemi ta’ monitoraġġ li ntgħażlu mill-Istati Membri individwali għandhom jiġu armonizzati ulterjorment. Il-KtR jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti aktar mill-qrib fl-għażla tal-lokalizzazzjoni tas-siti speċifiċi tal-kejl;

11.

jinnota, kif irrappurtat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE ġew stabbiliti kważi 20 sena ilu u li wħud minnhom huma ferm iktar dgħajfa mil-linji gwida tad-WHO u l-livell rakkomandat skont l-aħħar evidenza xjentifika dwar l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem;

12.

jappoġġja t-tħabbira tal-Kummissjoni Ewropea li tipproponi li l-istandards tal-kwalità tal-arja jkunu allinjati aktar mill-qrib mal-linji gwida tad-WHO, li qed jiġu riveduti bħalissa iżda jiġbed l-attenzjoni tagħha għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. Filwaqt li wieħed għandu jqis l-għadd kbir ta’ Stati Membri li ma jissodisfawx l-istandards attwali, ikun xieraq li tiġi pprovduta aktar għajnuna għall-implimentazzjoni fejn hemm meħtieġ, u skedi taż-żmien – bil-għan li tinkiseb il-konformità – li jkunu adatti u ssorveljati b’mod strett. Il-KtR iqis li r-regoli dwar l-emissjonijiet huma approċċ partikolarment effettiv u għalhekk jirrakkomanda li tingħata aktar attenzjoni biex dawn jiġu ssikkati; fl-istess ħin, il-KtR jilqa’ l-fatt li ċerti Stati Membri, reġjuni jew bliet jistgħu, u diġà qegħdin, japplikaw valuri ta’ limitu aktar stretti fuq l-inizjattiva tagħhom stess jekk jixtiequ jagħmlu dan;

13.

jenfasizza l-ħtieġa li ssir aktar enfasi fuq ir-regolamentazzjoni tal-emissjonijiet bħala mod aħjar biex tinkiseb arja nadifa billi jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-sors (il-prevenzjoni tat-tniġġis). Id-Direttiva NEC tistabbilixxi impenji ta’ tnaqqis ambizzjużi għall-Istati Membri, iżda hemm ukoll il-ħtieġa għal regolamenti settorjali fl-UE kollha. Il-leġislazzjoni tal-UE tista’ tiżgura kundizzjonijiet aktar ekwi, peress li rekwiżiti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet lokali aktar stretti jista’ jkollhom effetti ekonomiċi negattivi. Il-leġislazzjoni tal-UE għandha wkoll tipprevjeni li t-tniġġis jiċċaqlaq lejn post ieħor, eż. bejn bliet, pajjiżi jew kontinenti ġirien jew bl-esportazzjoni tal-karozzi diesel mill-bliet tal-Ewropa tal-Punent, li jipprojbixxu l-użu tagħhom, lejn l-Ewropa tal-Lvant, l-Afrika jew partijiet oħra tad-dinja. Xi oqsma li għadhom ma ġewx irregolati reċentement għandhom jingħataw aktar attenzjoni: dawn jinkludu tbaħħir (intern), emissjonijiet mhux tal-egżost relatati mat-trasport bit-triq (użu ta’ brejkijiet u tajers), ġeneraturi li jaħdmu bid-diesel (enerġija urbana), l-avjazzjoni, jew impjanti ta’ kombustjoni żgħar (<1 MWth) bħal stufi u bojlers domestiċi li jaħarqu l-injam u l-faħam. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-kundizzjonijiet reali tas-sewqan u tal-użu;

Finanzjament

14.

jirrimarka li hemm nuqqas ġenerali ta’ finanzjament tal-UE mmirat b’mod speċifiku għall-miżuri tal-kwalità tal-arja, għall-abbozzar u l-implimentazzjoni ta’ Pjani dwar il-Kwalità tal-Arja, u għall-monitoraġġ f’ħin reali u t-titjib tal-kwalità tal-arja b’mod ġenerali. Il-proċess biex jinkiseb il-finanzjament huwa wkoll meqjus bħala diffiċli, u għalhekk dan għandu jiġi ssemplifikat b’mod sostanzjali biex jiġi żgurat li t-talbiet għall-finanzjament jirnexxu. Il-ġbir ta’ riżorsi finanzjarji għal dan il-finanzjament għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas;

15.

jinnota li t-tniġġis serju minn materja partikolata jolqot b’mod partikolari lill-agglomerazzjonijiet urbani kbar, ir-reġjuni industrijalizzati ħafna u l-ifqar żoni fl-UE li, f’ħafna każijiet, jiffaċċjaw ukoll il-faqar enerġetiku. Għalhekk, it-tranżizzjonijiet settorjali (l-agrikoltura, it-trasport, l-industrija u l-enerġija) u t-tniġġis tal-arja għandhom jiġu ttrattati b’mod integrat, abbażi ta’ approċċ imfassal apposta. Il-finanzjament huwa essenzjali, peress li s-suċċess tal-implimentazzjoni tal-programmi dwar il-kwalità tal-arja huwa influwenzat b’mod sinifikanti mir-riżorsi finanzjarji. Barra minn hekk, xi reġjuni ma jbatux biss minn kundizzjonijiet soċjoekonomiċi li mhumiex favorevoli, iżda wkoll minn sitwazzjonijiet ġeografiċi jew klimatiċi negattivi, u għalhekk jeħtieġu appoġġ addizzjonali biex jiġġieldu t-tniġġis tal-arja;

16.

jenfasizza l-isfidi tat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà, inkluż it-titjib tal-kwalità tal-arja, għall-komunitajiet lokali u reġjonali. Il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-KE dwar “Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa” u jitlob lill-Kummissjoni tissemplifika l-opportunitajiet għall-finanzjament tal-UE, u żżid l-aċċess għalihom, b’mod partikolari l-FEŻR, LIFE il-FAEŻR, u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, bħala mezzi biex jintlaħqu għanijiet usa’ li jaġevolaw ukoll il-kwalità tal-arja, speċjalment dawk inklużi fil-pjani dwar il-kwalità tal-arja taħt id-Direttivi dwar il-kwalità tal-arja ambjentali. F’dan il-kuntest, huwa kruċjali li tiġi żgurata koerenza bejn il-proġetti ffinanzjati mill-UE u l-politiki tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex jiġu massimizzati l-impatti tagħhom; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jippromovu l-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp tal-istrateġiji, il-politiki u l-programmi adatti;

17.

jappella għall-introduzzjoni ta’ inċentivi jew rikonoxximent għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom prestazzjoni pożittiva;

It-titjib tal-implimentazzjoni

Governanza f’diversi livelli, kooperazzjoni, implimentazzjoni u infurzar

18.

jinnota li l-Kontroll tal-Idoneità jsemmi l-problemi fir-rigward tal-implimentazzjoni, filwaqt li jindika li l-pjani mhux adegwati tal-kwalità tal-arja u n-nuqqas ta’ impenn tal-Istati Membri biex jieħdu miżuri xierqa rriżulta f’dewmien sostanzjali fl-issodisfar tal-istandards tal-kwalità tal-arja; jinnota li raġuni ewlenija għall-effettività limitata tal-pjani dwar il-kwalità tal-arja kienet ukoll il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet tal-vetturi tal-UE, li ma kinux adatti għas-sewqan reali;

19.

josserva li t-tniġġis tal-arja ġej minn sorsi differenti: naturali, transkonfinali, reġjonali u lokali (anke fil-livell tat-triq). Biex jiġi miġġieled it-tniġġis tal-arja, l-emissjonijiet fil-livelli kollha għandhom jitnaqqsu sabiex kull livell iġorr is-sehem tiegħu stess tar-responsabbiltà. Titjib effettiv ser jeħtieġ kooperazzjoni u komunikazzjoni mill-qrib u aktar effettiva bejn il-livelli differenti tal-gvern. L-awtoritajiet reġjonali jistgħu jaqdu rwol ta’ koordinazzjoni bejn il-livell lokali u dak nazzjonali, u l-prattiki tajba għandhom jinġabru u jixterrdu. Il-kooperazzjoni għandha tiġi estiża biex tinkludi kumpaniji, korpi xjentifiċi, u partijiet interessati rilevanti oħra, kif ukoll il-pubbliku ġenerali;

20.

jinnota li għodod speċifiċi, bħal TAIEX-EIR bejn il-pari, diġà huma disponibbli u qed jintużaw b’suċċess minn diversi Stati Membri u awtoritajiet lokali u reġjonali;

21.

jilqa’ l-isforzi biex jiġi konkluż ftehim internazzjonali kontra t-tniġġis transkonfinali tal-arja. Kemm il-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll l-Istati Membri huma involuti mill-qrib f’ċerti gruppi ta’ ħidma, task forces u programmi ta’ kooperazzjoni skont il-Konvenzjoni fuq it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza kbira, imsejħa wkoll fil-qosor il-Konvenzjoni dwar l-Arja skont il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE). Il-KtR jilqa’ wkoll it-tnedija, tas-sena li għaddiet, tal-Forum għall-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar it-Tniġġis tal-Arja, li jista’ jħaffef it-titjib fil-kwalità tal-arja madwar id-dinja kollha permezz tat-tixrid u l-kondiviżjoni tal-għarfien li nġabar sal-lum; jenfasizza wkoll li l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali (kemm fi ħdan l-UE kif ukoll bejn il-fruntieri esterni tal-UE) tista’ tkun importanti u li l-istrument tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) jista’ jipprovdi qafas utli għal tali inizjattivi;

22.

jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni u koerenza transsettorjali tal-oqsma rilevanti ta’ politika. Il-miżuri għandhom jindirizzaw kull sors tat-tniġġis tal-arja b’mod integrat: it-trasport (kemm dak bit-triq u mod ieħor), l-enerġija (inkluż it-tisħin domestiku), l-agrikoltura u l-industrija, filwaqt li jitqiesu oqsma ta’ politika rilevanti oħra bħat-tibdil fil-klima jew is-saħħa. Dawn il-politiki jistgħu jkunu ta’ benefiċċju reċiproku (eż. miżuri għall-iffrankar tal-enerġija), iżda f’xi każijiet il-politiki (eż. il-promozzjoni tal-kombustjoni tal-bijomassa jew dawk li jappoġġjaw il-karozzi diesel) jista’ jkollhom impatti negattivi fuq il-kwalità tal-arja. Is-sinerġiji għandhom jiġu sfruttati u d-dispożizzjonijiet kontroproduttivi għandhom jiġu evitati. Il-miżuri rilevanti kollha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għandhom jintużaw biex jgħinu fil-kisba tal-objettivi attwali fir-rigward tal-kwalità tal-arja: mhux biss il-pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero, iżda wkoll l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari, il-mobbiltà intelliġenti u sostenibbli u l-liġi dwar il-klima;

23.

jinnota li l-agrikoltura s’issa hija s-settur l-inqas effettiv f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis tal-emissjonijiet (l-ammonijaka hija prekursur tal-materja partikolata). Għalkemm miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-agrikoltura diġà huma disponibbli, u teknikament u ekonomikament vijabbli, miżuri bħal dawn għadhom mhux qed jintużaw b’mod wiesa’. Wara li għaddiet minn sensiela ta’ riformi biex issaħħaħ is-sostenibbiltà ambjentali tagħha, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) għandha taqdi aħjar dawn l-għanijiet. Għandhom jiġu kkunsidrati miżuri ġodda jew aktar stretti matul in-negozjati dwar il-ġejjieni tal-PAK wara l-2020, inklużi, pereżempju, l-ekoskemi;

24.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tieħu azzjoni ulterjuri lejn mobbiltà b’emissjonijiet żero; għandha tiġi kkunsidrata l-armonizzazzjoni taż-Żoni ta’ Emissjonijiet Baxxi u Żero fl-Ewropa kollha. Konxji mill-fatt li t-tnaqqis tat-tniġġis f’żoni taħt lockdown matul il-COVID-19 huwa temporanju, il-bliet diġà ħadu azzjonijiet biex inaqqsu l-effett tat-traffiku – wessgħu l-bankini, fetħu toroq apposta għar-roti, naqqsu l-limiti tal-veloċità eċċ. Sar ukoll viżibbli li l-kumpaniji tat-trasport pubbliku għandhom jiġu pprovduti b’mod urġenti b’finanzjament (UE) sabiex dawn jinżammu għaddejjin, biex jirrinnovaw il-flotot b’mezzi li jniġġsu inqas u tiġi evitata bidla għat-trasport motorizzat privat. Jenfasizza li trid tiġi kkunsidrata l-kompetittività tal-manfatturi tal-UE meta jitqiesu u meta jiġu proposti standards ta’ emissjonijiet aktar stretti għall-vetturi petrol u diesel – filwaqt li jappella biex jitfassal approċċ biex mit-traffiku fit-toroq jitneħħew il-magni b’kombustjoni interna, u japprezza l-azzjoni ta’ dawk l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet li diġà stabbilew data finali għall-ammissjoni ta’ karozzi b’magna tal-kombustjoni interna. Il-KtR jopponi l-primjums għax-xiri ta’ vetturi b’magni bħal dawn. Jipproponi, fost l-oħrajn, li tiġi promossa aktar it-teknoloġija tal-vetturi b’emissjonijiet żero u li jitħaffef l-investiment fin-network ferrovjarju Ewropew anke bħala wieħed mill-alternattivi vijabbli possibbli għal dawk li jivvjaġġaw lejn ix-xogħol u lura;

25.

jiġbed l-attenzjoni għall-problema tat-tisħin residenzjali bi fjuwil solidu. Jidher li l-leġislazzjoni eżistenti dwar l-ekodisinn ma tipprovdix soluzzjoni adatta; għalhekk jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tindirizza din il-kwistjoni fil-kuntest tal-inizjattivi sostenibbli relatati mal-prodotti skont l-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari. Barra minn hekk, jinħtieġ appoġġ sinifikanti għal persuni bi dħul baxx (faqar enerġetiku), mhux biss biex jiġi sostitwit apparat antik, iżda wkoll biex jiġu żgurati operat u manutenzjoni affordabbli ta’ tagħmir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija; għandhom jiqiesu wkoll l-inċentivi ad hoc għar-rinnovazzjoni tal-binjiet biex jittejjeb ir-rendiment tal-enerġija tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra wkoll li tintroduċi regoli dwar il-kwalità tal-fjuwils użati għat-tisħin residenzjali, u toħloq inċentivi adatti, inklużi inċentivi finanzjarji, għal dan il-għan;

26.

iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu u jaġġornaw il-Programmi Nazzjonali tagħhom għall-Kontroll tat-Tniġġis tal-Arja bħala kwistjoni ta’ urġenza u biex iqisu l-kontributi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u r-reviżjoni tal-programmi;

L-involviment tal-pubbliku

27.

jinnota li għandu jsir aktar użu minn soluzzjonijiet eżistenti tal-IT, minn applikazzjonijiet tat-telefonija mobbli u minn għodod rilevanti oħra biex il-pubbliku jiġi infurmat, filwaqt li l-“qattiel inviżibbli” joħroġ fid-dieher sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku. L-informazzjoni għandha tkun tinftiehem u aċċessibbli faċilment, u għandha tinkludi wkoll kwistjonijiet ta’ saħħa. Is-sit web attwali tal-Indiċi Ewropew tal-Kwalità tal-Arja (7) jagħti informazzjoni komprensiva dwar il-kwalità tal-arja fl-Ewropa, iżda għadu relattivament mhux magħruf u jeħtieġ li jiġi ppubbliċizzat b’mod aktar wiesa’. Is-sit web għandu jittejjeb ukoll permezz ta’ mmudellar biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja f’reġjuni, irħula iżgħar u żoni rurali, fejn il-kwalità tal-arja ma titkejjilx mill-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ;

28.

jirrakkomanda biex jiżdiedu l-isforzi tax-xjenza mill-pubbliku. L-applikazzjonijiet tax-xjenza mill-pubbliku ma jistgħux jissostitwixxu d-data ta’ monitoraġġ, peress li l-kwalità tad-data li jipprovdu hija konsiderevolment aktar baxxa, ħaġa li jeħtieġ li tiġi ċċarata mal-pubbliku, iżda jistgħu jikkomplementawha billi jipprovdu informazzjoni ta’ riżoluzzjoni ogħla dwar ix-xejriet fit-tniġġis tal-arja, filwaqt li jinvolvu lill-pubbliku b’mod attiv u jissensibilizzaw lin-nies. L-attivitajiet ta’ riċerka dwar it-tisħiħ tal-affidabbiltà ta’ sensuri (bi prezz baxx) għandhom jiġu appoġġjati u aċċellerati; hija importanti, u tintlaqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-ħidma attwali tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) fuq l-istandards għal monitors kompatti tal-kwalità tal-arja kif ukoll l-immudellar għall-kwalità tal-arja;

29.

jirrakkomanda li l-pubbliku ġenerali jiġi infurmat kemm dwar il-problemi, kif ukoll dwar titjib li juri l-eżiti pożittivi potenzjali ta’ azzjoni, inkluż il-potenzjal ta’ forom ta’ enerġija bi tniġġis żero, bħall-enerġija rinnovabbli jew dik nukleari, li jippermettu lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiksbu appoġġ għall-miżuri;

30.

jirrimarka li ċ-ċittadini jaqdu rwol ewlieni fit-trażżin tat-tniġġis tal-arja, b’mod partikolari billi jibdlu l-imġiba tagħhom f’ħafna aspetti differenti ta’ ħajjithom, inklużi l-mobbiltà, it-tisħin, l-ikel, iżda wkoll il-konsum ġenerali, li ħafna minnhom huma ġeneralment mhux konxji tiegħu (għalkemm is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku tvarja b’mod konsiderevoli fi ħdan l-UE). It-tnaqqis tal-emissjonijiet jiddependi minn dan il-kontribut, għalhekk iċ-ċittadini għandhom ikunu involuti aktar mill-qrib fit-teħid tad-deċiżjonijiet matul l-iżvilupp tal-pjani u l-miżuri dwar il-kwalità tal-arja, sa mill-aktar stadju bikri. Barra minn hekk, apparti l-miżuri regolatorji, il-pjani dwar il-kwalità tal-arja għandhom jinkludu wkoll lil dawk li jissensibilizzaw u jappoġġjaw il-bidliet fl-imġiba taċ-ċittadini fir-rigward tal-mobbiltà tagħhom, eż. biex jużaw inqas il-karozzi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jiffaċilitaw din il-ħidma billi jużaw skemi bħal ClairCity. Madankollu jħeġġeġ ukoll għar-rikonoxximent u t-tixrid wiesa’ ta’ inizjattivi lokali, li jinvolvu liċ-ċittadini, bħat-tħawwil ta’ siġar u l-ħolqien ta’ ħitan ħodor fil-bliet, għat-tindif u t-tkessiħ tal-arja urbana;

Armonizzazzjoni, gwida u atti ta’ implimentazzjoni

31.

jirrakkomanda aktar gwida dwar ir-rappurtar u l-immudellar tal-kwalità tal-arja li tkun speċifikament imfassla għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, minħabba r-rwol sinifikanti tagħhom f’dan is-settur. L-għodod ta’ rappurtar (inkluż ir-rappurtar elettroniku) għandhom iqisu l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali. L-awtoritajiet lokali mhux dejjem jista’ jkollhom persunal bil-ħiliet tekniċi meħtieġa jew bil-livell ta’ Ingliż meħtieġ. It-titjib fir-rappurtar elettroniku għandu jqis l-ispeċifiċitajiet tal-utenti lokali u reġjonali, filwaqt li tkun żgurata l-konsistenza bejn il-kompiti tar-rappurtar assenjati lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-setgħat u r-riżorsi tagħhom f’dan is-settur;

Parteċipazzjoni f’networks u inizjattivi

32.

jirrikonoxxi l-għadd kbir ta’ inizjattivi u networks diġà disponibbli li jindirizzaw il-kwistjonijiet tat-tniġġis tal-arja (is-Sħubija tal-Aġenda Urbana dwar il-Kwalità tal-Arja, il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Arja Nadifa fil-Bliet taħt il-Konvenzjoni dwar l-Ajra tal-UNECE (8), il-Forum dwar l-Arja Nadifa tal-UE, il-Patt tas-Sindki, eċċ.). Ħafna minn dawn jipprovdu valur miżjud sinifikanti fil-politika dwar l-arja nadifa, u l-KtR iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex ikunu aktar involuti f’dawn l-attivitajiet fil-livell tal-UE;

33.

jilqa’ l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea, Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE. Il-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi jew il-Pjattaforma Teknika għall-Kooperazzjoni dwar l-Ambjent stabbilita mill-KtR u l-Kummissjoni Ewropea jistgħu jkunu għodod utli biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitmexxew lejn l-aħjar inizjattivi abbażi tal-ħtiġijiet tagħhom. Dawn il-pjattaformi għandhom ukoll jgħinu biex jiġbru u jikklassifikaw l-għodod disponibbli, id-dokumenti ta’ gwida jew appoġġ rilevanti ieħor disponibbli mill-Konvenzjoni fuq it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza kbira, il-Kummissjoni Ewropea u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tagħha, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, jew kwalunkwe network jew organizzazzjoni oħra li jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ħidma tagħhom dwar it-titjib tal-kwalità tal-arja. Għandhom jiġu pprovduti wkoll għarfien espert speċjali u appoġġ tekniku (eż. l-iżvilupp ta’ inventarji tal-emissjonijiet lokali, id-deżinjazzjoni ta’ żoni b’emissjonijiet baxxi, l-użu tal-mudell SHERPA, eċċ.), peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu taħriġ biex jużaw dawn l-għodod;

L-istadji li jmiss

34.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tkompli ssaħħaħ ċerti aspetti tar-regoli dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-UE u tieħu passi ulterjuri biex tiżgura kooperazzjoni orizzontali u vertikali li tkun effettiva u msaħħa, filwaqt li jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jsibu metodi aħjar ta’ kooperazzjoni u komunikazzjoni;

35.

jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u assoċjazzjonijiet akkreditati tal-kwalità tal-arja responsabbli għall-pjani dwar il-kwalità tal-arja jkunu pprovduti b’finanzjament fir-rigward tal-kwalità tal-arja f’żoni ddeżinjati għall-kwalità tal-arja, bi prijorità għaż-żoni bi tniġġis ogħla tal-arja;

36.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu kkoordinati u ġestiti n-networks, l-inizjattivi, l-għodod u l-gwida rilevanti, li diġà huma sors ta’ għarfien u esperjenza wiesgħa u li jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jtejbu l-ħidma tagħhom biex jiksbu arja aktar nadifa abbażi ta’ għarfien espert u gwida teknika addizzjonali.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt.

(2)  Skont studju li ġie ppubblikat dan l-aħħar, li evalwa l-livelli tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) bħala fattur li jikkontribwixxi għall-imwiet mill-coronavirus (COVID-19), 78 % tal-4 443 mewta kienu f’erba’ reġjuni fit-tramuntana tal-Italja u wieħed ħdejn Madrid fi Spanja. Dawn il-ħames reġjuni kellhom l-agħar taħlita ta’ livelli ta’ NO2 u ta’ kundizzjonijiet tal-fluss tal-arja li ma ppermettewx li t-tniġġis tal-arja jitferrex.

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea żviluppat u implimentat ulterjorment il-qafas ta’ politika tal-UE dwar l-Arja Nadifa: id-Direttiva dwar l-Impenji Nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet (NEC), li ħadet post id-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet, introduċiet rekwiżiti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020-2029 u mill-2030 ’il quddiem; il-Forum dwar l-Arja Nadifa kien pjattaforma ta’ suċċess għad-diskussjoni dwar il-kwalità tal-arja, u l-konklużjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali ġew ippubblikati. Il-Kunsill tal-UE dan l-aħħar adotta konklużjonijiet dwar it-Titjib tal-Kwalità tal-Arja. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat Rapport Speċjali Nru 23/2018 — “It-tniġġis tal-arja: Saħħitna għadha mhix qed tiġi protetta biżżejjed” (ĠU C 324, 13.9.2018, p. 12), u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) bħalissa qed tirrevedi l-linji gwida dwar il-kwalità tal-arja bil-ħsieb li possibbilment toħroġ linji gwida ġodda fl-2021.

(4)  Il-pakkett għal Arja Nadifa għall-Ewropa https://cor.europa.eu/MT/our-work/Pages/OpinionTimeline.aspx?opId=CDR-1217-2014.

(5)  https://cor.europa.eu/mt/news/Pages/consultation-air-quality.aspx.

(6)  ĠU C 168, 16.5.2019, p. 27.

(7)   http://airindex.eea.europa.eu

(8)  Konvenzjoni fuq it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza kbira.


Top