Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC0630(02)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fi Speċifikazzjoni ta’ Prodott, skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2020/C 216/16

    C/2020/4263

    ĠU C 216, 30.6.2020, p. 33–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.6.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 216/33


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fi Speċifikazzjoni ta’ Prodott, skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2020/C 216/16)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

    APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

    Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

    DWÓJNIAK STAROPOLSKI TRADYCYJN Y

    Nru tal-UE: TSG-PL-0036-AM02 – 11.1.2019

    1.   Grupp applikant u interess leġittimu

    Isem il-grupp: Związek Pracodawców Polska Rada Winiarstwa

    Indirizz:

    :

    ul. Świętokrzyska 20

    00-002 Warszawa

    Warszawa

    POLSKA/POLAND

    Telefown

    :

    + 48 222434176

    Indirizz tal-posta elettronika:

    :

    office@zpprw.pl

    Związek Pracodawców Polska Rada Winiarstwa hija l-organizzazzjoni ewlenija li tirrappreżenta s-settur tal-inbid fil-Polonja. Din tiġbor produtturi ta’ prodotti ffermentati, inklużi idromeli. Din hija entità indipendenti, maħluqa mill-membri tal-Krajowa Rada Winiarstwa i Miodosytnictwa przy Stowarzyszeniu Naukowo - Technicznym Inżynierów i Techników Przemysłu Spożywczego, li talbet ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni bħala speċjalità tradizzjonali garantita (STG).

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    Il-Polonja

    3.   L-intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

    ☐ Isem il-prodott

    ☒ Deskrizzjoni tal-prodott

    ☒ Metodu tal-produzzjoni

    ☒ Oħrajn. Deskrizzjoni tal-elementi essenzjali li juru l-karattru tradizzjonali tal-prodott

    4.   Tip ta’ emenda/i

    ☒ Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ STG irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

    5.   Emenda/i

    Fil-punt 3.2, is-sentenza:

    “Id-denominazzjoni “dwójniak staropolski tradycyjny” ġejja min-numru “2” (“dwa” bil-Pollakk) u hija marbuta b’mod dirett mal-kompożizzjoni u l-metodu tal-produzzjoni storiċi tad-“dwójniak staropolski tradycyjny”, peress li l-proporzjon ta’ ilma u għasel fl-idromel għandu jkun parti għasel ma’ parti ilma.”

    ġiet issostitwita bis-sentenza:

    “Il-kelma “dwójniak” ġejja min-numru “2” (“dwa” bil-Pollakk) u hija marbuta b’mod dirett mal-kompożizzjoni u l-metodu tal-produzzjoni storiċi tad-“dwójniak”, peress li l-proporzjon ta’ ilma u għasel fl-idromel għandu jkun parti għasel ma’ parti ilma.”

    Għalhekk, l-informazzjoni li skontha l-kelma “dwójniak” hija marbuta mal-proporzjon ta’ ilma u għasel fil-most tal-idromel ġiet stabbilita mill-ġdid. Iddaħħlet kelma li tindika li l-bażi hija l-proporzjon ta’ ilma u għasel fl-idromel. Din hija emenda formali u ma taffettwax l-ispeċifiċità tal-prodott. Din tirriżulta mill-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ mill-1948, “l-idromel li jinkiseb minn parti għasel naturali u parti ilma biss jista’ jissejjaħ dwójniak”. L-għasel tan-naħal jiġi miżjud matul il-proċess tal-produzzjoni, u mhux fil-fażi tat-tħejjija tal-most biss. Għalhekk, għandu jitqies il-proporzjon ta’ għasel u ilma, jew ta’ meraq, fl-idromel finali.

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Is-sentenza:

    “It-togħma tad-“dwójniak staropolski tradycyjny” tista’ tittejjeb biż-żieda ta’ ħwawar.”

    ġiet issostitwita bis-sentenza:

    “It-togħma tad-“dwójniak staropolski tradycyjny” tista’ tittejjeb biż-żieda ta’ ħwawar, ħops u meraq tal-frott.”

    Din hija emenda formali. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott oriġinarjament kienet tipprevedi l-possibbiltà li jiżdied il-meraq tal-frott waqt il-manifattura tad-“dwójniak staropolski tradycyjny”. Għalhekk, għandha titqies l-influwenza tal-meraq fuq it-togħma tal-prodott. Għalhekk qed jiġi propost li l-intestatura “Materja prima” tiġi estiża biex tinkludi l-ħops, sabiex titqies ukoll l-influwenza tal-ħops fuq it-togħma tad-“dwójniak staropolski tradycyjny”.

    Is-sentenza li ġejja ġiet miżjuda:

    “Skont il-metodu użat għat-tħejjija tal-most, wieħed jiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ “dwójniak staropolski tradycyjny”: sterilizzat u mhux sterilizzat.”

    Id-“dwójniak staropolski tradycyjny” jeżisti f’żewġ forom: sterilizzat u mhux sterilizzat. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott oriġinarjament kienet tqis biss il-forma sterilizzata. L-emenda proposta għandha l-għan li tqis ukoll il-forma mhux sterilizzata fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Din l-emenda hija ġġustifikata minn xogħlijiet storiċi. L-informazzjoni li tinsab fis-sorsi letterarji tas-seklu 19 [“Najdokładniejszy sposób sycenia różnych gatunków miodów” (L-aħjar metodi ta’ sterilizzazzjoni tat-tipi differenti ta’ għasel), ta’ Józef Ambrożewicz, 1891, u “Miodosytnictwo – czyli nauka przerabiania miodu i owoców na napoje” (Miodosytnictwo, jew l-arti tat-trasformazzjoni tal-għasel u l-frott f’xarbiet), ta’ Teofil Ciesielski, 1892, fost l-oħrajn] turi li x-xarbiet abbażi ta’ idromel kienu jsiru skont żewġ metodi: jew permezz ta’ proċess ta’ tisjir, jew mingħajr l-użu ta’ trattament bis-sħana. Barra minn hekk, ix-xogħol “Mała encyklopedia rolnicza” (Enċiklopedija agrikola żgħira) tal-1964 jagħmel ukoll distinzjoni bejn idromeli sterilizzati u idromeli mhux sterilizzati.

    Għalkemm il-manifattura ta’ idromeli mhux sterilizzati hija tradizzjoni ta’ ħafna sekli, madankollu hija proċess diffiċli mil-lat teknoloġiku minħabba t-tħejjija tal-most mingħajr trattament bis-sħana ta’ dan tal-aħħar. Ir-riskju għoli ta’ kontaminazzjoni, b’mod partikolari waqt il-fermentazzjoni u l-istabbilizzazzjoni, wassal biex dan il-metodu jintesa. Madankollu, dan reġa’ ngħata importanza f’dawn l-aħħar snin, u għalhekk għandu jitqies fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott bħala ekwivalenti għall-produzzjoni ta’ idromeli sterilizzati.

    Il-metodu tal-produzzjoni taż-żewġ tipi ta’ idromeli jvarja biss fil-metodu tat-tħejjija tal-most. Fil-każ tal-idromeli mhux sterilizzati, it-tħejjija ssir mingħajr ma jintużaw temperaturi għoljin, filwaqt li l-most maħsub għall-produzzjoni ta’ idromeli sterilizzati jissaħħan. L-istadji tal-proċess teknoloġiku li ġejjin huma l-istess għaż-żewġ tipi tal-prodott.

    Metodu tal-produzzjoni

    Fl-intestatura “Materja prima”, l-inċiż:

     

    “Ħxejjex aromatiċi u ħwawar: imsiemer tal-qronfol, kannella, noċemuskata jew ġinġer”

    huwa ssostitwit bit-test li ġej:

     

    “Ħxejjex aromatiċi u ħwawar jew ħops”

    L-emenda proposta għandha l-għan li twessa’ l-firxa ta’ ħwawar użati (meta mqabbel mal-erba’ ħwawar imsemmija għad-denominazzjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott oriġinarja) u li tawtorizza ż-żieda tal-ħops.

    Din hija ġġustifikata storikament, peress li l-ħops u għadd kbir ta’ ħwawar ilhom jissemmew f’pubblikazzjonijiet speċjalizzati mis-seklu 19. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-1948 kienet tawtorizza addittivi konformi mal-proposta tal-emenda.

    L-inċiż:

     

    “Alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola (fejn ikun meħtieġ)”

    huwa ssostitwit bit-test li ġej:

     

    “Alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola jew distillat tal-għasel (fejn ikun meħtieġ).”

    Minbarra ż-żieda ta’ alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola, id-distillat tal-għasel, prodott ta’ kwalità għolja li l-użu tiegħu għandu effett fuq it-togħma tal-idromel, huwa awtorizzat ukoll.

    L-inċiż li ġej ġie miżjud:

     

    “Aċidu tartariku jew aċidu ċitriku”

    Il-konsiderazzjoni tal-użu ta’ aċidu tartariku jew aċidu ċitriku hija ġġustifikata għal raġunijiet teknoloġiċi. Dan it-trattament huwa ċċertifikat storikament - il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-1948 kienet diġà tawtorizzah.

    Is-sentenza:

    “Sterilizzazzjoni (tgħollija) tal-most tal-għasel f’temperatura ta’ 95 sa 105 °C”

    hija ssostitwita bis-sentenza:

    “Tħejjija tal-most tal-għasel:

    L-idromeli sterilizzati min-naħa tagħhom jiġu prodotti permezz ta’ sterilizzazzjoni (tgħollija) tal-most tal-għasel f’temperatura ta’ 95 sa 105 °C.

    Fil-każ tal-idromeli mhux sterilizzati, l-għasel tan-naħal jinħall f’ilma fietel, f’temperatura ta’ 20 sa 30 °C.”

    L-iskop ta’ din l-emenda huwa li tintegra l-informazzjoni dwar iż-żewġ metodi tal-preparazzjoni tal-most tal-għasel għall-produzzjoni tal-idromel, li permezz tagħhom jinkisbu idromeli sterilizzati jew idromeli mhux sterilizzati.

    Fl-intestatura “Metodu tal-produzzjoni”, Fażi 1, is-sentenza:

    “Billi l-konċentrazzjoni taz-zokkor hija għolja wisq biex tħalli lill-ħmira taħdem waqt il-proċess ta’ fermentazzjoni, il-most jitħejja fil-proporzjon li ġej: parti għasel ma’ żewġ partijiet ilma, li magħhom jistgħu jiżdiedu l-ħxejjex aromatiċi u l-ħwawar.”

    hija ssostitwita bit-test li ġej:

    “Billi l-konċentrazzjoni taz-zokkor hija għolja wisq biex tħalli lill-ħmira taħdem waqt il-proċess ta’ fermentazzjoni, il-most jitħejja fil-proporzjon li ġej: parti għasel ma’ żewġ partijiet ilma, li magħhom jistgħu jiżdiedu l-ħxejjex aromatiċi u l-ħwawar jew il-ħops.”

    Għalhekk, issa hija prevista l-possibbiltà li jiġi miżjud il-ħops minbarra l-ħwawar. Din l-emenda tirriżulta miż-żieda mal-lista ta’ materja prima awtorizzata.

    Is-sentenza:

    “Osservanza stretta tal-proporzjon tal-ilma u tal-għasel u l-ksib tal-estratt meħtieġ f’tank tal-most mgħammar b’kopertura biex iżżomm is-sħana bil-fwar (steam jacket). Dan il-metodu ta’ tgħollija jimpedixxi l-karamelizzazzjoni taz-zokkor.”

    ġiet issostitwita bis-sentenza:

    “Fil-każ tal-idromeli sterilizzati, osservanza stretta tal-proporzjon tal-ilma u tal-għasel u l-ksib tal-estratt meħtieġ f’tank tal-most mgħammar b’kopertura biex iżżomm is-sħana bil-fwar (steam jacket). Dan il-metodu ta’ tgħollija jimpedixxi l-karamelizzazzjoni taz-zokkor.”

    B’hekk ġiet miżjuda l-informazzjoni li tindika li din tikkonċerna l-idromeli sterilizzati. L-obbligu li jintużaw tankijiet tal-most mgħammra b’kopertura biex iżżomm is-sħana bil-fwar (steam jacket) ma japplikax fil-każ tal-idromeli mhux sterilizzati – matul it-tħejjija tal-most bil-kesħa, iz-zokkor ma jikkaramelizzax.

    Fl-intestatura “Metodu tal-produzzjoni”, Fażi 2, is-sentenza:

    “Tkessiħ tal-most sa temperatura ta’ 20-22 °C, temperatura ideali biex il-ħmira tirriproduċi.”

    hija ssostitwita bis-sentenza:

    “Tkessiħ tal-most sa temperatura ta’ 20-22 °C, temperatura ideali biex il-ħmira tirriproduċi, fil-każ tal-idromeli sterilizzati.”

    Din l-emenda għandha l-għan li tindika li tkessiħ tal-most isir fil-każ tal-produzzjoni ta’ idromeli sterilizzati. Il-most tal-idromeli mhux sterilizzati ma jeħtieġx dan it-trattament minħabba t-temperatura baxxa li tintuża biex jiġi ppreparat.

    Fl-intestatura “Metodu tal-produzzjoni”, Fażi 5, is-sentenza:

    “Tiswib [odciąg] tal-most iffermentat li jkun fil-wiċċ tan-naqal.”

    hija ssostitwita bis-sentenza:

    “Tiswib [obciąg] tal-most iffermentat li jkun fil-wiċċ tan-naqal.”

    Il-kelma Pollakka “odciąg” ġiet issostitwita bil-kelma korretta li tirreferi għat-trattament, jiġifieri “obciąg” (tiswib), u b’hekk ġie kkoreġut żball tat-tipa.

    Għaldaqstant, l-intestatura “Metodu tal-produzzjoni”, Fażi 7, ġiet issupplimentata, sabiex tiġi estiża l-lista tal-materja prima awtorizzata biex tinkludi l-ħops, l-aċidu tartariku jew ċitriku u d-distillat tal-għasel.

    L-inċiż:

     

    “ta’ estratti ta’ ħxejjex aromatiċi u ħwawar”

    huwa ssostitwit bit-test li ġej:

     

    “ta’ estratti ta’ ħxejjex aromatiċi u ħwawar jew ta’ ħops”

    L-inċiż li ġej ġie miżjud:

     

    “ta’ aċidu tartariku jew aċidu ċitriku.”

    L-inċiż:

     

    “ta’ alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola”

    ġie ssostitwit bl-inċiż:

     

    “ta’ alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola u/jew ta’ distillat tal-għasel. Il-kwantità ta’ alkoħol miżjuda hija kkalkolata abbażi ta’ kwantità ekwivalenti ta’ għasel tan-naħal”

    L-informazzjoni dwar il-kalkolu tal-kwantità ta’ alkoħol miżjuda abbażi ta’ kwantità ekwivalenti ta’ għasel tan-naħal tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali attwali. Minħabba li dan il-kalkolu huwa riportat fil-liġi Pollakka dwar il-kummerċ, u li l-prodotti li huma speċjalità tradizzjonali garantita jistgħu jiġu prodotti barra l-pajjiż minn applikanti, iż-żieda ta’ din ir-referenza tidher iġġustifikata.

    Deskrizzjoni tal-elementi essenzjali li juru l-karattru tradizzjonali tal-prodott

    Fl-intestatura “Il-karattru speċifiku tal-prodott”, is-sentenza:

    “Il-karattru speċifiku tad-“dwójniak staropolski tradycyjny” jirriżulta b’mod partikolari mill-applikazzjoni u mill-osservanza stretta tal-proporzjon stabbilit ta’ ilma u għasel fil-most tal-idromel, li huwa parti għasel ma’ parti ilma.”

    ġiet issostitwita bis-sentenza li ġejja:

    “Il-karattru speċifiku tad-“dwójniak staropolski tradycyjny” jirriżulta b’mod partikolari mill-applikazzjoni u mill-osservanza stretta tal-proporzjon stabbilit ta’ ilma u għasel fl-idromel, li huwa parti għasel ma’ parti ilma.”

    Għalhekk, iddaħħlet referenza li tindika li l-element fundamentali huwa l-proporzjon ta’ ilma u għasel fl-idromel, u mhux fil-most tal-idromel, u din tirrifletti l-bidliet li saru fil-punt 3.2.

    Fl-intestatura “Il-karattru speċifiku tal-prodott”, fil-punt “Karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi”

    L-inċiż:

    “–

    zokkor riduċenti wara l-inverżjoni: > 175-230 g/l,”

    huwa ssostitwit bit-test li ġej:

    “–

    zokkor riduċenti wara l-inverżjoni: bejn 175 u 230 g/l,”

    Għalhekk, ġiet introdotta korrezzjoni formali meħtieġa. Permezz ta’ din l-emenda (tħassir ta’ kelma mhux meħtieġa bil-Pollakk), il-valuri attwalment jikkorrispondu mal-parametri fiżikokimiċi karatteristiċi tad-“dwójniak staropolski tradycyjny” indikati fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    Id-deskrizzjoni tal-elementi essenzjali li juru l-karattru tradizzjonali ġiet issupplimentata bi kwotazzjonijiet li jiċċertifikaw il-karattru tradizzjonali taż-żewġ metodi ta’ tħejjija tal-most li jippermettu l-manifattura ta’ idromeli sterilizzati u ta’ idromeli mhux sterilizzati.

    Barra minn hekk, saret korrezzjoni tad-denominazzjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Il-kelma “dwójniak” ġiet issostitwita bid-denominazzjoni attwali, jiġifieri “dwójniak staropolski tradycyjny”, fil-postijiet korrispondenti.

    SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

    DWÓJNIAK STAROPOLSKI TRADYCYJN Y

    Nru tal-UE: TSG-PL-0036-AM02 – 11.1.2019

    “Il-Polonja”

    1.   Isem li għandu jiġi rreġistrat/ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati

    “Dwójniak staropolski tradycyjny”

    2.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.8 Prodotti oħrajn tal-Anness I tat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

    3.   Raġunijiet għar-reġistrazzjoni

    3.1.   Indika jekk il-prodott:

    ☒ jirriżultax minn metodu tal-produzzjoni, ipproċessar jew kompożizzjoni li jikkorrispondi għal prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew oġġett tal-ikel;

    ☐ huwiex manifatturat minn materja prima jew ingredjenti li kienu jintużaw tradizzjonalment.

    L-idromeli ilhom jiġu prodotti fit-territorju tal-Polonja għal aktar minn elf sena, u dan huwa kkonfermat minn diversi sorsi storiċi. L-ewwel referenzi fil-letteratura jmorru lura għas-seklu 10 u wieħed jista’ jsib informazzjoni dwar dawn ix-xarbiet alkoħoliċi u t-tipi differenti tagħhom fil-pubblikazzjonijiet tas-sekli 17 u 18. It-teknika tal-produzzjoni użata għal sekli sħaħ sarulha biss bidliet żgħar. Id-“dwójniak staropolski tradycyjny” huwa wieħed mill-erba’ tipi ta’ idromeli li jeżistu. Dan jiġi mmanifatturat skont riċetti tradizzjonali, f’konformità mal-proporzjonijiet strettament iddefiniti bejn għasel tan-naħal u ilma.

    3.2.   Indika jekk l-isem:

    ☒ kienx jintuża tradizzjonalment sabiex jirreferi għall-prodott speċifiku;

    ☒ jidentifikax il-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott.

    Il-kelma “dwójniak” ġejja min-numru “2” (“dwa” bil-Pollakk) u hija marbuta b’mod dirett mal-kompożizzjoni u l-metodu tal-produzzjoni storiċi tad-“dwójniak”, peress li l-proporzjon ta’ ilma u għasel fl-idromel għandu jkun parti għasel ma’ parti ilma. Għalhekk, din tirrifletti l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott. Billi l-kelma “dwójniak” tintuża b’mod esklussiv biex tirreferi għal tip partikolari ta’ idromel, din id-denominazzjoni għandha tkun rikonoxxuta wkoll bħala speċifika fiha nfisha.

    4.   Deskrizzjoni

    4.1.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1, inklużi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tiegħu, li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

    Id-“dwójniak staropolski tradycyjny” huwa idromel, xarba ċara li tinkiseb permezz tal-fermentazzjoni tal-most tal-għasel u li tintgħaraf minn aroma u togħma ta’ għasel karatteristiċi tal-materja prima użata.

    It-togħma tad-“dwójniak staropolski tradycyjny” tista’ tittejjeb biż-żieda ta’ ħwawar, ħops u meraq tal-frott. Il-kulur tiegħu jista’ jvarja bejn dehbi u ambra skur skont il-varjetà ta’ għasel tan-naħal użata biex tipproduċih.

    Skont il-metodu użat għat-tħejjija tal-most, hemm żewġ tipi differenti ta’ “dwójniak staropolski tradycyjny”: id-“dwójniak staropolski tradycyjny” sterilizzat u d-“dwójniak staropolski tradycyjny” mhux sterilizzat.

    Il-parametri fiżikokimiċi karatteristiċi tad-“dwójniak staropolski tradycyjny” huma:

    qawwa alkoħolika ta’ bejn 15 u 18 % vol.,

    zokkor riduċenti wara l-inverżjoni ta’ bejn 175 u 230 g/l,

    aċidità totali espressa fi grammi ta’ aċidu maliku ta’ bejn 3,5 et 8 g/l,

    aċidità volatili espressa fi grammi ta’ aċidu aċetiku ta’ 1,4 g/l jew anqas,

    zokkor totali miżjud mal-qawwa alkoħolika proprja skont il-volum, espressa f’%, immultiplikata bi 18: 490 g jew aktar,

    estratt mhux riduċenti ta’ mhux anqas minn:

    25 g/l,

    30 g/l, fil-każ tal-idromel tal-frott,

    kwantità ta’ rmied ta’ 1,3 g/l jew aktar, fil-każ tal-idromel tal-frott.

    L-użu ta’ preżervattivi, stabilizzaturi, koloranti u aromi artifiċjali huwa pprojbit fil-manifattura ta’ “dwójniak staropolski tradycyjny”.

    4.2.   Deskrizzjoni tal-metodu tal-produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1 li għandhom isegwu l-produtturi, inklużi, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti użati, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jitħejja l-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

    Materja prima:

    Għasel tan-naħal naturali skont il-kriterji li ġejjin:

    kontenut ta’ ilma ta’ 20 % (m/m) jew anqas,

    kontenut ta’ zokkor riduċenti ta’ 70 % (m/m) jew aktar,

    kontenut ta’ taħlita ta’ sukrożju u melezitożi ta’ 5 % (m/m) jew anqas,

    aċidità totali – 1 mol/soluzzjoni ta’ l NaOH għal kull 100 g għasel: firxa ta’ bejn 1 sa 5,

    kontenut ta’ hydroxymethylfurfural (HMF), f’mg għal kull 100 g għasel, ta’ 4,0 jew anqas.

    Ħmira speċjali tal-idromel b’attenwazzjoni għolja, fi kliem ieħor, li kapaċi tittrasforma proporzjon għoli ta’ zokkor f’alkoħol.

    Ħxejjex aromatiċi u ħwawar jew ħops.

    Meraq tal-frott naturali jew frott frisk.

    Alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola jew distillat tal-għasel (fejn ikun meħtieġ).

    Aċidu tartariku jew aċidu ċitriku.

    Metodu tal-produzzjoni:

     

    Fażi 1

    Tħejjija tal-most tal-għasel:

    Fil-każ tal-idromeli mhux sterilizzati, l-għasel tan-naħal jinħall f’ilma fietel, f’temperatura ta’ 20 sa 30 °C.

    L-idromeli sterilizzati min-naħa tagħhom jiġu prodotti permezz ta’ sterilizzazzjoni (tgħollija) tal-most tal-għasel f’temperatura ta’ 95 sa 105 °C.

    Il-proporzjon ta’ għasel u ilma li jrid jiġi osservat għad-“dwójniak staropolski tradycyjny” huwa dan li ġej: parti għasel ma’ parti ilma (jew ilma u meraq tal-frott) fil-prodott finali. Billi l-konċentrazzjoni taz-zokkor hija għolja wisq biex tħalli lill-ħmira taħdem waqt il-proċess ta’ fermentazzjoni, il-most jitħejja skont il-proporzjon li ġej: parti għasel ma’ żewġ partijiet ilma, li magħhom jistgħu jiżdiedu l-ħxejjex aromatiċi u l-ħwawar jew il-ħops. Biex jiġi prodott l-idromel tal-frott, tal-anqas 30 % tal-ilma jiġi ssostitwit bil-meraq tal-frott. Sabiex jiġi osservat il-proporzjon ta’ ilma u għasel għad-“dwójniak staropolski tradycyjny”, il-bqija tal-għasel jiġi miżjud fl-aħħar tal-fażi ta’ fermentazzjoni jew waqt il-maturazzjoni.

    Fil-każ tal-idromeli sterilizzati, osservanza stretta tal-proporzjon tal-ilma u tal-għasel u l-ksib tal-estratt meħtieġ f’tank tal-most mgħammar b’kopertura biex iżżomm is-sħana bil-fwar (steam jacket). Dan il-metodu ta’ tgħollija jimpedixxi l-karamelizzazzjoni taz-zokkor.

     

    Fażi 2

    Tkessiħ tal-most sa temperatura ta’ 20-22 °C, temperatura ideali biex il-ħmira tirriproduċi, fil-każ tal-idromeli sterilizzati. Il-most għandu jitkessaħ fil-ġurnata tal-produzzjoni. Il-ħin ta’ tkessiħ jiddependi mill-effiċjenza tal-berried. It-tkessiħ jiggarantixxi s-sikurezza mikrobijoloġika tal-most.

     

    Fażi 3

    Tħejjija tat-taħlita most-ħmira – Inokulazzjoni tal-most tal-għasel b’soluzzjoni ta’ ħmira f’tank tal-fermentazzjoni.

     

    Fażi 4

    A.

    Fermentazzjoni mgħaġġla: 6 sa 10 ijiem. Iż-żamma tat-temperatura ta’ 28 °C tiżgura li l-proċess ta’ fermentazzjoni jimxi sew.

    B.

    Fermentazzjoni bil-mod: 3 sa 6 ġimgħat. Il-perjodu ta’ fermentazzjoni bil-mod jippermetti li jinkisbu l-karatteristiċi fiżikokimiċi mixtieqa.

    F’din il-fażi jista’ jiġi miżjud il-bqija tal-għasel biex jinkiseb il-proporzjon meħtieġ għad-“dwójniak staropolski tradycyjny”.

     

    Fażi 5

    Tiswib tal-most iffermentat li jkun fil-wiċċ tan-naqal.

    Wara li tinkiseb qawwa alkoħolika ta’ mill-anqas 12 % vol, għandu jsir tiswib qabel il-maturazzjoni. Din l-operazzjoni tiżgura li jinkisbu l-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi mixtieqa. Jekk il-most iffermentat jitħalla fuq in-naqal għal aktar żmien mill-perjodu ta’ fermentazzjoni bil-mod, dan jaffettwa ħażin il-karatteristiċi organolettiċi, minħabba l-fenomenu tal-awtoliżi tal-ħmira.

     

    Fażi 6

    Maturazzjoni u tferrigħ – Ripetizzjoni tal-operazzjoni skont il-ħtieġa, sabiex ma jinħolqux fenomeni mhux mixtieqa fin-naqal (awtoliżi tal-ħmira). Matul il-perjodu ta’ maturazzjoni jistgħu jsiru operazzjonijiet bħall-pastorizzazzjoni u l-filtrazzjoni. Il-bqija tal-għasel li jippermetti li jinkiseb il-proporzjon meħtieġ għad-“dwójniak staropolski tradycyjny” jista’ jiġi miżjud f’din il-fażi, jekk dan ma jkunx sar fi tmiem il-fażi ta’ fermentazzjoni. Din il-fażi hija essenzjali biex jinkisbu l-karatteristiċi organolettiċi speċifiċi tal-prodott.

    Il-perjodu ta’ maturazzjoni tad-“dwójniak staropolski tradycyjny” għandu jkun ta’ mill-anqas sentejn.

     

    Fażi 7

    Tħawwir (kompożizzjoni) — Din il-fażi tikkonċerna t-tħejjija ta’ prodott finali li għandu l-karatteristiċi organolettiċi u fiżikokimiċi tad-“dwójniak staropolski tradycyjny”. Sabiex jiġu osservati l-parametri meħtieġa, il-proprjetajiet organolettiċi u fiżikokimiċi tal-prodott jistgħu jiġu korretti biż-żieda:

    ta’ għasel tan-naħal biex l-idromel isir ħelu,

    ta’ estratti ta’ ħxejjex aromatiċi u ħwawar jew ta’ ħops,

    ta’ alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola u/jew ta’ distillat tal-għasel. Il-kwantità ta’ alkoħol miżjud hija kkalkolata abbażi ta’ kwantità ekwivalenti ta’ għasel tan-naħal,

    ta’ aċidu tartariku jew aċidu ċitriku.

    L-għan ta’ din il-fażi huwa li jinkiseb prodott bil-fwieħa karatteristika tad-“dwójniak staropolski tradycyjny”.

     

    Fażi 8

    Ippakkjar f’kontenituri individwali, f’temperatura ta’ bejn 18 u 25 °C. Huwa rakkomandat li d-“dwójniak staropolski tradycyjny” jiġi ppreżentat f’kontenituri tradizzjonali, bħad-damiġġana, il-kontenituri taċ-ċeramika jew il-btieti tal-ballut.

    4.3.   Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

    Il-karattru speċifiku tal-prodott:

    Il-karattru speċifiku tad-“dwójniak staropolski tradycyjny” jirriżulta:

    mit-tħejjija tal-most (kompożizzjoni u proporzjon tal-materja prima),

    mill-maturazzjoni,

    mil-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi.

    It-tħejjija tal-most (kompożizzjoni u proporzjon tal-materja prima):

    Il-karattru speċifiku tad-“dwójniak staropolski tradycyjny” jirriżulta b’mod partikolari mill-applikazzjoni u mill-osservanza stretta tal-proporzjon mixtieq ta’ ilma u għasel fl-idromel, li huwa parti għasel ma’ parti ilma. Dan il-proporzjon jiddetermina l-fażijiet l-oħra kollha tal-produzzjoni tad-“dwójniak staropolski tradycyjny” li jagħtuh il-karatteristiċi eċċezzjonali tiegħu.

    Maturazzjoni:

    Skont ir-riċetta antika tradizzjonali Pollakka, il-karattru tal-prodott jiddependi mill-konformità mat-tul taż-żmien previst għall-maturazzjoni. Fil-każ tad-“dwójniak staropolski tradycyjny”, dan it-tul ta’ żmien huwa ta’ mhux anqas minn sentejn.

    Karatterisitiċi fiżikokimiċi u organolettiċi:

    L-osservanza tal-fażijiet kollha tal-produzzjoni deskritti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiżgura li jinkiseb prodott b’togħma u aroma uniċi. It-togħma u r-riħa eċċezzjonali tad-“dwójniak staropolski tradycyjny” jirriżultaw mill-kontenut speċifiku ta’ zokkor u alkoħol li fih:

    zokkor riduċenti wara l-inverżjoni ta’ bejn 175 u 230 g/l,

    zokkor totali miżjud mal-qawwa alkoħolika proprja skont il-volum, espressa f’%, immultiplikata bi 18: 490 g jew aktar,

    qawwa alkoħolika ta’ bejn 15 u 18 % vol.

    Grazzi għall-proporzjonijiet ta’ ingredjenti ddefiniti b’mod strett li jiġu applikati għall-produzzjoni tad-“dwójniak staropolski tradycyjny”, dan l-idromel għandu konsistenza likwida u viskuża tipika li tiddistingwih minn varjetajiet oħra ta’ idromel.

    Metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali:

    Fil-Polonja, il-produzzjoni tal-idromel hija tradizzjoni li tmur lura eluf ta’ snin u hija kkaratterizzata minn diversità kbira. L-iżvilupp u t-titjib tal-metodu tal-produzzjoni matul is-sekli, irriżultaw f’għadd ta’ idromeli differenti. L-oriġini tal-produzzjoni tmur lura għall-bidu tal-Istat Pollakk. Fid-966, fil-kitbiet tiegħu, id-diplomatiku, negozjant u vjaġġatur Spanjol Ibrahim ibn Yaqub kiteb li “minbarra oġġetti tal-ikel, laħam u artijiet li jinħadmu, fil-pajjiż ta’ Mieszko I, hemm ammont kbir ta’ idromel, isem mogħti lill-inbejjed Slavi u lix-xarbiet li jsakkruk” (Mieszko I kien l-ewwel re tal-Polonja). Il-Kronaki ta’ Gallus Anonymus, li rreġistra l-istorja tal-Polonja fi tmiem is-seklu 11 u l-bidu tas-seklu 12, isemmu wkoll, diversi drabi, il-produzzjoni tal-idromel.

    Il-poeżija epika “Pan Tadeusz” ta’ Adam Mickiewicz, li tirrakkonta l-istorja tan-nobbiltà bejn l-1811 u l-1812, fiha ħafna informazzjoni dwar il-produzzjoni, id-drawwiet tal-konsum tal-idromel, u dwar it-tipi differenti ta’ idromel li jeżistu. L-idromel jissemma wkoll fil-poeżiji ta’ Tomasz Zan (1796-1855), kif ukoll fit-triloġija ta’ Henryk Sienkiewicz li tiddeskrivi l-istorja tar-Repubblika tal-Polonja fis-seklu 17 (Ogniem i mieczem, ippubblikata fl-1884, Potop, ippubblikata fl-1886 u Pan Wołodyjowski, ippubblikata fl-1887 u 1888).

    It-testi li jiddeskrivu t-tradizzjoni kulinarja tal-Polonja fis-sekli 17 u 18 mhux biss fihom referenzi ġenerali għall-idromel, iżda wkoll informazzjoni dwar it-tipi differenti ta’ idromel. Dawn kienu jissejħu “półtorak”, “dwójniak”, “trójniak” u “czwórniak” skont il-metodu tal-produzzjoni. Kull wieħed minn dawn l-ismijiet jikkorrispondi għal tip differenti ta’ idromel, prodott skont il-proporzjonijiet ta’ għasel u ilma (jew meraq tal-frott) u t-tul ta’ żmien ta’ maturazzjoni speċifiċi. Il-metodu tal-produzzjoni tad-“dwójniak staropolski tradycyjny” ilu l-istess għal sekli sħaħ, bi ftit emendi żgħar.

    Kompożizzjoni tradizzjonali:

    It-tqassim tradizzjonali tal-idromel (“półtorak”, “dwójniak”, “trójniak” u “czwórniak”) fil-Polonja ilu jeżisti għal sekli sħaħ u llum il-ġurnata għadu hekk f’moħħ il-konsumaturi. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, saru tentattivi sabiex it-tqassim tradizzjonali tal-idromel f’erba’ kategoriji jiġi rregolat legalment. Dan it-tqassim fl-aħħar ġie rreġistrat fid-dritt nazzjonali fl-1948 permezz tal-liġi dwar il-produzzjoni tal-inbid, tal-most tal-għeneb u tal-idromel kif ukoll dwar il-kummerċ ta’ dawn il-prodotti (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja tat-18 ta’ Novembru 1948). Din il-liġi tipprovdi dispożizzjonijiet dwar il-produzzjoni tal-idromel u tistabbilixxi l-proporzjonijiet ta’ għasel u ilma kif ukoll ir-rekwiżiti teknoloġiċi applikabbli. Id-definizzjoni tal-proporzjon tal-ilma u tal-għasel fid-“dwójniak staropolski tradycyjny” taqra kif ġej: “L-idromel li jinkiseb esklussivament minn parti għasel naturali u parti ilma jista’ jissejjaħ dwójniak”.

    Żewġ metodi ta’ tħejjija tal-most:

    Il-most maħsub għall-produzzjoni tal-idromeli tradizzjonali jista’ jitħejja b’żewġ modi: jew bit-tgħollija (sterilizzazzjoni), jew mingħajr il-fażi tal-isterilizzazzjoni. Diversi xogħlijiet jagħmlu distinzjoni bejn iż-żewġ metodi tal-produzzjoni, fosthom:

    Najdokładniejszy sposób sycenia różnych gatunków miodó w” (L-aħjar metodi ta’ sterilizzazzjoni tat-tipi differenti ta’ għasel), li l-awtur tiegħu huwa l-qassis Józef Ambrożewicz u li ġie ppubblikat f’Varsavja fl-1891. Dan ix-xogħol jippreżenta ż-żewġ modi ta’ manifattura tal-idromel.

    “Jeżistu żewġ modi ta’ produzzjoni tal-idromel mill-għasel:

    1)

    bis-sħana, jiġifieri bit-tgħollija jew bis-sajran.

    2)

    mingħajr sħana, jiġifieri mingħajr sajran.”

    Miodosytnictwo – czyli nauka przerabiania miodu i owoców na napoj e” (Miodosytnictwo, jew l-arti tat-trasformazzjoni tal-għasel u l-frott f’xarbiet), xogħol ta’ Teofil Ciesielski, ippubblikat f’Lwów fl-1892, li jippreżenta t-tqassim tal-idromeli skont il-mod ta’ preparazzjoni tal-most tal-għasel li jkun ġie ffermentat:

    “Hemm żewġ modi ta’ produzzjoni tax-xarbiet abbażi tal-għasel, jiġifieri:

    (a)

    bis-sħana, jiġifieri bit-tgħollija jew is-sajran,

    (b)

    mingħajr sħana.”

    Mała encyklopedia rolnicz a” (Enċiklopedija agrikola żgħira), xogħol ippubblikat fl-edizzjonijiet Państwowe Wydawnictwa Rolnicze i Leśne, f’Varsavja fl-1964. Fil-paġna 410 dan jiddeskrivi l-mod li bih jitqassam l-għasel:

    “Hemm differenza bejn għasel mhux sterilizzat, li jinkiseb permezz tal-most mhux imsajjar, u għasel sterilizzat (mgħolli), li jinkiseb permezz tal-most sterilizzat (imsajjar, mgħolli), skont il-metodu ta’ preparazzjoni tal-most tal-għasel.”


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    Top