Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC0212(03)

    Notifika li temenda n-notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Eġittu2020/C 48/11

    C/2020/631

    ĠU C 48, 12.2.2020, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 48/18


    Notifika li temenda n-notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Eġittu

    (2020/C 48/11)

    Fis-7 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ppubblikat notifika li tagħti bidu għal investigazzjoni antisussidji rigward l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Eġittu (1) (in-Notifika tas-7 ta’ Ġunju 2019”). Fit-Taqsima 3 tan-Notifika tas-7 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni rriżervat espliċitament id-dritt li tinvestiga sussidji oħra ta’ rilevanza li jistgħu jiġu divulgati matul l-investigazzjoni. Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet evidenza addizzjonali ta’ sussidji rilevanti li ma kinux inklużi f’dik in-notifika. Għalhekk, skont l-Artikolu 10(7) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (“ir-Regolament bażiku”), il-Kummissjoni tqis li huwa ġġustifikat li dawn is-sussidji jiġu inklużi fl-ambitu tal-investigazzjoni attwali u li għaldaqstant tiġi emendata n-notifika tas-7 ta’ Ġunju 2019. Aktar informazzjoni tinstab f’nota fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati.

    1.   Skemi addizzjonali investigati

    Il-parti rilevanti tat-Taqsima 3 tan-Notifika tas-7 ta’ Ġunju 2019 tgħid hekk:

    “Apparti s-sussidji mogħtija direttament mill-Gvern tal-Eġittu, l-ilmentatur jallega ulterjorment li l-produtturi mill-Eġittu tal-prodott li qed jiġi investigat jibbenefikaw ukoll mis-sussidji mogħtija direttament mill-Gvern tal-Eġittu jew permezz tal-entitajiet Eġizzjani fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-Eġittu u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għat-tkattir tal-investimenti f’żona ekonomika speċjali (iż-Żona ta’ Kooperazzjoni Ekonomika u Kummerċjali tas-Suez bejn iċ-Ċina u l-Eġittu). L-ilment fih evidenza tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Gvernijiet Ċiniżi u Eġizzjani kif ukoll ta’ self minn Entitajiet tal-Istat Ċiniż jew Entitajiet ikkontrollati mill-Istat Ċiniż lil banek proprjetà tal-Istat Eġizzjan. Fid-dawl tal-objettivi ta’ dawn il-ftehimiet u s-self, l-ilmentatur isostni li dan is-self huwa ta’ benefiċċju għall-produttur esportatur li huwa proprjetà taċ-Ċina fl-Eġittu.

    L-ilmentatur jallega wkoll li l-miżuri ta’ hawn fuq huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Eġittu (inklużi l-korpi pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-prodott li qed jiġi investigat. Dawn huma allegatament limitati għal ċerti impriżi jew industriji jew grupp ta’ impriżi u/jew kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u għaldaqstant huma speċifiċi u kumpensabbli. Fuq dik il-bażi, l-ammonti ta’ sussidju allegati jidhru li huma sinifikanti għall-Eġittu.”

    L-investigazzjoni żvelat evidenza addizzjonali fir-rigward tal-flussi finanzjarji li jikkonċernaw self governattiv aġevolat mhux rifless fit-Taqsima 3 tan-Notifika tas-7 ta’ Ġunju 2019. B’mod partikolari, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni identifikat li minbarra s-self imsemmi fl-ilment kif mgħoddi lill-produtturi esportaturi permezz ta’ banek Eġizzjani li huma proprjetà tal-Istat, kien hemm self mogħti minn entitajiet Ċiniżi li huma proprjetà tal-Istat jew li huma kkontrollati mill-Istat direttament lill-produttur esportatur uniku fl-Eġittu u indirettament permezz tal-kumpaniji relatati tiegħu stabbiliti fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Peress li dan il-finanzjament preferenzjali jista’ jkun attribwibbli lill-Gvern tal-Eġittu, il-Kummissjoni teħtieġ tinvestigah ukoll fil-proċedimenti li għaddejjin bħalissa.

    L-investigazzjoni wriet ukoll li dik il-kooperazzjoni bejn il-Gvern tal-Eġittu u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina setgħet influwenzat prattiki oħra ta’ sussidju, flimkien mat-trasferiment ta’ fondi permezz ta’ self aġevolat (bħall-provvista ta’ art għal remunerazzjoni inqas minn adegwata). F’din l-investigazzjon l-Kummissjoni se tkompli teżamina dan l-element.

    Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku, it-test li ġej għandu jiżdied man-Notifika tas-7 ta’ Ġunju 2019 immedjatament wara t-test ikkwotat hawn fuq:

    “ Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni identifikat evidenza addizzjonali ta’ self governattiv aġevolat minn entitajiet Ċiniżi li huma proprjetà tal-Istat jew li huma kkontrollati mill-Istat, mogħti direttament lil Jushi Egypt u/jew indirettament permezz tal-kumpanija omm ta’ Jushi Egypt fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    Fir-rigward ta’ dan is-self, il-Kummissjoni identifikat evidenza li dan jinvolvi kontribuzzjoni finanzjarja li tista’ tkun attribwibbli lill-Gvern tal-Eġittu u tagħti benefiċċju lill-produttur esportatur tal-prodott investigat. Jidher li dan huwa limitat għal ċerti impriżi jew industriji jew grupp ta’ impriżi u/jew soġġett għall-prestazzjoni tal-esportazzjoni u għalhekk huwa speċifiku u kumpensabbli. Jidher li l-ammonti ta’ dan is-self jinvolvu sussidjar sinifikanti.

    Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni identifikat ukoll elementi oħra fil-kooperazzjoni bejn l-Eġittu u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jistgħu jkunu rilevanti biex jiġu eżaminati prattiki oħra ta’ sussidju, bħall-provvista ta’ art għal remunerazzjoni inqas minn adegwata.”

    2.   Kwistjonijiet proċedurali

    2.1.   Il-proċedura għad-determinazzjoni tas-sussidjar: il-produtturi esportaturi:

    Skont l-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku, il-partijiet interessati kollha kkonċernati mill-inklużjoni ta’ dawn is-sussidji fl-ambitu tal-investigazzjoni (inkluż il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina) huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jibagħtu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn rigward dawn is-sussidji. Fid-dawl tal-ambitu limitat tal-investigazzjoni dwar is-sussidji l-ġodda, il-kummenti dwar dawn is-sussidji fl-investigazzjoni antisussidji attwali jeħtieġ li jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward ta’ dawn is-sussidji ġodda, il-Kummissjoni se titlob informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet tal-Eġittu u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif ukoll lil Jushi Egypt u l-kumpaniji relatati tagħha fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. It-tweġibiet għal dawn it-talbiet iridu jingħataw fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Kopja ta’ dawn it-talbiet hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati.

    Sommarju tal-elementi prinċipali li jikkonċernaw dawn is-sussidji jinstab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati.

    Il-Gvern tal-Eġittu ġie mistieden għall-konsultazzjonijiet.

    2.2.   Seduti ta’ smigħ

    Skont l-Artikolu 10(12) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropeail-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu wkoll li jinstemgħu mill-Kummissjoni.

    Il-perjodu ta’ żmien għas-smigħ stabbilit fit-taqsima 5.7 tan-Notifika tas-7 ta’ Ġunju 2019 ikompli japplika f’din l-investigazzjoni.

    2.3.   Kwistjonijiet proċedurali oħra

    Ir-regoli proċedurali l-oħrajn kollha msemmija fit-taqsimiet 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9, 10, 11 u 12 tan-Notifika tas-7 ta’ Ġunju 2019 jibqgħu japplikaw għal din l-investigazzjoni fejn rilevanti.


    (1)  ĠU C 192, 7.6.2019, p. 30.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.)


    Top