Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IR5504

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-Semestru Ewropew u l-Politika ta’ Koeżjoni: riformi strutturali mmirati lejn investiment fit-tul

    ĠU C 275, 14.8.2019, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.8.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 275/1


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-Semestru Ewropew u l-Politika ta’ Koeżjoni: riformi strutturali mmirati lejn investiment fit-tul

    (2019/C 275/01)

    Relatur

    :

    Rob Jonkman (NL/KRE), Membru tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Opsterland

    Dokument ta’ referenza

    :

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b’saħħitha quddiem l-inċertezza globali

    COM(2018) 770 final

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Introduzzjoni

    1.

    Is-Semestru Ewropew huwa l-iktar strument importanti fil-livell tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politiki (soċjo)ekonomiċi u baġitarji tal-Istati Membri, fejn l-Istati Membri huma mistennija jallinjaw il-politiki baġitarji u ekonomiċi tagħhom mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-UE. L-Istrateġija Ewropa 2020 għalhekk isservi ta’ qafas ta’ politika għar-rakkomandazzjonijiet. Bis-saħħa tar-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu riformi strutturali biex isaħħu l-ekonomija, jippromovu l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali u jtejbu l-klima tal-investiment.

    2.

    Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet, l-Istati Membri se jiżviluppaw l-istrateġiji ta’ investiment nazzjonali tagħhom stess, li, flimkien mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma annwali se jiġu proposti bħala l-bażi għall-proġetti ta’ investiment prijoritarji li għandhom jiġu appoġġjati minn fondi nazzjonali u tal-UE. Is-Semestru Ewropew għaldaqstant jaffettwa t-tfassil ta’ politika mill-awtoritajiet fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali matul is-sena.

    3.

    Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali (2014–2020), l-UE stabbiliet koordinazzjoni iżjed mill-qrib bejn is-Semestru Ewropew u l-programmi ta’ koeżjoni fl-Istati Membri u r-reġjuni. Studju reċenti li sar mid-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DG EMPL) juri li l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) attwali huma rilevanti għal madwar 60 % tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

    4.

    Għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss (2021–2027), il-Kummissjoni qed timmira għal koordinazzjoni aktar vinkolanti bejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-programmi ta’ koeżjoni sabiex l-interventi ffinanzjati mill-politika ta’ koeżjoni jkunu aktar effettivi u jiksbu riżultati aktar sostenibbli. Sabiex dan jinkiseb, is-Semestru Ewropew 2019 ser jiffoka aktar fuq il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment bħala gwida għat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ programmazzjoni għall-2021–2027. L-analiżi fir-rapporti tal-pajjiżi tal-2019 se tħares lejn il-ħtiġijiet ta’ investiment f’kull pajjiż, inklużi — fejn rilevanti — id-dimensjonijiet reġjonali u settorjali. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, anness ġdid għar-rapport tal-pajjiżi ser jindika l-ħtiġijiet ta’ investiment li huma rilevanti għall-politika ta’ koeżjoni 2021–2027.

    5.

    Għall-programmi ta’ koeżjoni ġodda, il-Kummissjoni qed tipproponi li fil-proposta għal Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jiġu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-anqas f’żewġ okkażjonijiet: fil-bidu tal-programmazzjoni u fil-qafas tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, li hija hija prevista għall-2025.

    6.

    Il-Kummissjoni ser tikkunsidra b’mod espliċitu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi kemm fl-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija kif ukoll fil-programmi tal-FSIE.

    7.

    Jiddispjaċih li qabel il-preżentazzjoni tal-proposti tagħha dwar ir-regolamenti applikabbli għall-programmi ta’ finanzjament il-ġodda tal-UE mill-2021 ’il quddiem u qabel iċ-ċiklu ta’ governanza ġdid li jibda wara l-elezzjonijiet ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx proposta għal suċċessur għall-Istrateġija Ewropa 2020, minkejja talbiet ripetuti mill-Kumitat u l-Parlament u l-kummenti ta’ kritika min naħa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Madankollu jilqa’ l-pubblikazzjoni tad-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” fit-30 ta’ Jannar 2019, li dwaru l-KtR ser jiddedika opinjonijiet separati dwar l-aspetti relatati mal-governanza u dwar l-implimentazzjoni tal-objettivi ambjentali u klimatiċi. Tabilħaqq, jekk l-Ewropa trid tirnexxi fil-bidla tal-paradigma biex tkun sostenibbli sal-2030, l-involviment sħiħ tal-gvernijiet lokali u reġjonali huwa meħtieġ peress li dawn iġorru r-responsabbiltà għall-kisba ta’ 65 % tal-miri tal-SDGs.

    Il-fehma tal-Kumitat dwar is-Semestru Ewropew b’rabta mal-politika ta’ koeżjoni

    8.

    Il-Kumitat tar-Reġjuni jirreferi għall-opinjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tal-2017 u l-2018 dwar is-Semestru Ewropew u r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, ir-rabta mal-politika ta’ koeżjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà, is-sħubija u l-governanza f’diversi livelli.

    9.

    Il-Kumitat jappoġġja l-impenn tal-UE rigward riformi fl-Istati Membri sabiex jiżdiedu l-kompetittività u t-tkabbir, jissaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza ekonomika, kif ukoll biex tiżdied ir-reżiljenza għax-xokkijiet esterni u b’hekk tittejjeb l-istabbiltà taż-żona tal-euro (1).

    10.

    Fid-dawl ta’ dawn ir-riformi, il-Kumitat jitlob għal qafas strateġiku ġdid bħala suċċessur tal-Istrateġija Ewropa 2020. Din l-istrateġija l-ġdida hija wkoll mument opportun għar-riforma tal-governanza tas-Semestru Ewropew, peress li r-reġjuni u l-muniċipalitajiet, għajr għal xi eċċezzjonijiet, ġeneralment mhumiex involuti jew ftit li xejn huma involuti fl-abbozzar tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (2). Dan idgħajjef il-kontenut demokratiku u l-leġittimità territorjali tas-Semestru Ewropew.

    11.

    Il-KtR jinnota li s’issa sar ftit wisq biex jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ħolqien ta’ qafas strateġiku ġdid jew fit-tħejjija ta’ programmi nazzjonali ta’ riforma. Soluzzjoni għal dan jista’ jkun pereżempju permezz tal-użu ta’ għarfien espert min-Netwerk taċ-Ċentri Reġjonali li, taħt il-koordinazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fl-2019–2020, jirċievi feedback minn 20 reġjun dwar l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE.

    12.

    Fir-rigward tas-Semestru Ewropew, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ sjieda u n-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva fil-livelli kollha ta’ gvern biex l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tkun suċċess. In-nuqqas ta’ definizzjoni ċara ta’ x’inhuma riformi strutturali ma jibbenefikax il-proċess tas-Semestru Ewropew. F’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, ir-riformi strutturali għandhom ikunu eliġibbli biss sakemm ikunu rilevanti għall-implimentazzjoni tal-objettivi tat-Trattat u l-miżuri għandhom ikunu proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv u għandhom ikunu direttament relatati mal-kompetenzi tal-Unjoni (3).

    13.

    Fil-fehma tal-Kumitat, is-sjieda tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tista’ tissaħħaħ billi jiżdied l-involviment tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet biex b’hekk is-Semestru Ewropew jingħata dimensjoni territorjali kemm fil-livell analitiku (permezz tal-estensjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi b’analiżijiet ta’ xejriet territorjali u l-impatt territorjali tal-politiki tal-UE) kif ukoll fil-livell operattiv (billi jiġi żgurat involviment aktar mifrux u sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, abbażi ta’ sħubija u governanza f’diversi livelli) (4).

    14.

    Fir-rigward tal-koordinazzjoni bejn is-Semestru Ewropew, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-politika ta’ koeżjoni, il-Kumitat jistqarr li fil-prinċipju l-politika ta’ koeżjoni hija politika indipendenti u li l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni (koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali) għandhom jinżammu f’kull ħin. Dan jirrikjedi li tingħata attenzjoni lir-rilevanza bejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-programmi ta’ koeżjoni u l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kemm fir-rigward tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll fir-rigward tal-programmi ta’ koeżjoni (5).

    Il-pożizzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew u l-politika ta’ koeżjoni

    15.

    Il-Kumitat jinnota li, minkejja r-rabta bejn is-Semestru Ewropew u l-programmi ta’ koeżjoni attwali, għadu ma ġie stabbilit l-ebda mekkaniżmu fil-livell tal-UE biex jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod strutturat fit-tfassil tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u l-istrateġiji tal-investiment. Madankollu, ġie stabbilit Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-sħubija għall-abbozzar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi tal-FSIE u l-Ftehimiet ta’ Sħubija. Abbażi ta’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma msieħba diretti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-ġestjoni kondiviża tal-politika ta’ koeżjoni.

    16.

    Il-Kumitat jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet li saru fil-kuntest tas-Semestru Ewropew jikkonċernaw l-aktar oqsma ta’ politika fejn l-UE u l-Istati Membri għandhom kompetenzi kondiviżi u l-UE tista’ biss taġixxi biex tappoġġjahom.

    17.

    Il-Kumitat jenfasizza li l-involviment strutturat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jsir parti permanenti tas-Semestru Ewropew. Jiddispjaċih li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jirreferi għall-involviment tal-imsieħba soċjali u l-parlamenti nazzjonali, iżda mhux tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif kien il-każ fl-2018.

    18.

    Il-Kumitat jinnota li dan imur kontra l-prinċipji tas-sussidjarjetà (Artikolu 5(3) tat-TUE u l-Protokoll Nru 2), il-governanza f’diversi livelli u s-sħubija (ara l-Artikolu 6 dwar is-Sħubija u l-governanza f’diversi livelli tal-abbozz ta’ proposta għal regolament li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi, COM (2018) 375), minħabba li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, permezz tal-politika ta’ koeżjoni, għandhom impatt dirett fuq it-tfassil tal-politika fil-livell lokali u reġjonali u b’hekk jimponu obbligi fuq dan il-livell f’oqsma ta’ politika fejn għandu setgħat leġislattivi. Dan imur ukoll kontra l-prinċipji tal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali tal-Kunsill tal-Ewropa.

    19.

    Il-Kumitat jirreferi f’dan ir-rigward għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà tat-23 ta’ Ottubru 2018 (6) fejn, fost affarijiet oħra, jiġi rikonoxxut li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma differenti minn partijiet interessati oħra għax huma minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u li “f’ħafna każijiet hemm lok għall-fehmiet tal-Parlamenti nazzjonali u reġjonali u dawk tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom jiġu riflessi aħjar minn kull Stat Membru matul il-proċedura leġiżlattiva.”

    20.

    Il-Kumitat jirreferi wkoll għar-raba’ rakkomandazzjoni tat-Task Force tal-Kummissjoni dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li “Isir inqas b’mod iktar effiċjenti”, li tiddikjara li “l-Istati Membri għandhom isegwu l-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea u li fit-tħejjija tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom jaħdmu flimkien b’mod sinifikanti mal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġu implimentati riformi strutturali fil-qafas tas-Semestru Ewropew sabiex jitjiebu s-sjieda u l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi” (7).

    21.

    Il-Kumitat għalhekk jenfasizza li l-aħjar mod biex jiġi evitat ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u biex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva tal-politika huwa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti bis-sħiħ u b’mod strutturat fis-Semestru Ewropew, fid-dawl tal-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli. F’dan il-kuntest, huwa ta’ tħassib li n-negozjati tal-Kunsill dwar ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni qed jirreferu għall-illaxkar tal-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli, peress li dan jista’ jdgħajjef il-koordinazzjoni effettiva bejn is-Semestru Ewropew u l-politika ta’ koeżjoni.

    Lejn rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u programmi ta’ koeżjoni ġodda 2021–2027

    22.

    Fid-dawl tat-talba tal-Presidenza Rumena tal-UE lill-Kumitat għal opinjoni rigward il-livell ta’ flessibilità għar-reġjuni fi ħdan ir-rabta bejn il-programmi ta’ koeżjoni u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u kif ir-reġjuni jistgħu jingħataw post aħjar fis-Semestru Ewropew, il-Kumitat jagħmel ir-rimarki li ġejjin:

    23.

    Il-Kumitat jinnota bi pjaċir li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2019 jindirizza d-dimensjoni reġjonali tal-politika Ewropea ta’ investiment, iżda jinnota li dan isir biss sa ċertu punt.

    24.

    Il-Kumitat jinnota li r-rapporti tal-pajjiżi tal-2019 jinkludu għall-ewwel darba valutazzjoni tad-disparitajiet reġjonali kif ukoll “Gwida għal investiment fir-rigward il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni 2021–2027” (Anness D) għal kull Stat Membri li tniedi d-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2021–2027.

    25.

    Il-Kumitat jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2019 li “l-Ewropa teħtieġ viżjoni fit-tul”. Jenfasizza li għadd komuni ta’ għanijiet fit-tul jiffaċilita l-bilanċ meħtieġ bejn l-objettivi tat-tkabbir sostenibbli, il-koeżjoni, l-inklużjoni soċjali, ir-reżiljenza u l-istabbiltà makroekonomika, fejn l-Istati Membri jiksbu taħlita vijabbli u soċjalment aċċettata ta’ investimenti u riformi strutturali.

    26.

    Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għalhekk għandhom jiżguraw li l-livelli kollha tal-gvern jiġu involuti fit-tħejjija tar-rapporti tal-pajjiżi u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż billi jidentifikaw l-immappjar tat-taħlita ta’ investimenti u r-riformi li huma l-aktar adattati għall-pajjiżi u r-reġjuni tagħhom, u t-tfassil tal-politiki rilevanti fid-dawl tar-rapporti nazzjonali.

    27.

    F’dan il-kuntest il-Kumitat itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar it-twaqqif ta’ Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex titjieb il-governanza tas-Semestru Ewropew (8). Huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom rwol formali fil-proċess tas-Semestru Ewropew, sabiex, fejn ikun rilevanti, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jissarrfu f’investimenti fil-programmi l-ġodda ta’ koeżjoni permezz ta’ djalogu u koordinazzjoni orizzontali.

    28.

    Jenfasizza li l-proċess ta’ programmazzjoni tal-programmi l-ġodda ta’ koeżjoni diġà beda bil-publikazzjoni tar-Rapporti tal-Pajjiżi fis-27 ta’ Frar 2019 (9) li jwittu t-triq għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, u għalhekk wasal iż-żmien li niżguraw il-pożizzjoni formali tal-awtorjitajiet lokali u reġjonali fil-proċess ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Din il-problema tista’ tiġi indirizzata billi l-Kodiċi tal-Kondotta attwali dwar is-Sħubija jiġi estiż għall-proċess ta’ politika tas-Semestru Ewropew.

    29.

    Bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew, il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta’ inizjattivi fejn l-eżempji tajbin tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u l-istrateġiji ta’ investiment jinġabru u jiġu skambjati.

    30.

    Minħabba n-nuqqas ta’ involviment formali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess ta’ politika tas-Semestru Ewropew, l-approċċ minn fuq għal isfel qed jhedded il-programmazzjoni ta’ programmi ġodda ta’ koeżjoni, fejn il-libertà tal-għażla fil-livell lokali u reġjonali qed tiġi ristretta b’mod avvers u l-flessibbiltà mhux qed tiġi rispettata. Dan jista’ jżid in-nuqqas ta’ sjieda fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, u jtellef l-implimentazzjoni b’suċċess tal-programmi l-ġodda ta’ koeżjoni. Dan imur kontra l-isforzi tal-Kummissjoni biex torjenta l-politika ta’ koeżjoni aktar lejn ir-riżultati u żżid il-valur miżjud tal-politika għall-UE u l-Istati Membri tagħha.

    Brussell, l-10 ta’ April 2019.

    Il-President

    tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Karl-Heinz LAMBERTZ


    (1)  Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-politiki ekonomiċi għaż-żona tal-euro u fid-dawl tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 (ĠU C 461, 21.12.2018, p. 1).

    (2)  Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-politiki ekonomiċi għaż-żona tal-euro u fid-dawl tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 (ĠU C 461, 21.12.2018, p. 1).

    (3)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi u l-Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti” (ĠU C 86, 7.3.2019, p. 335).

    (4)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali” (ĠU C 306, 15.9.2017, p. 24).

    (5)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni” (ĠU C86, 7.3.2019, p. 41).

    (6)  COM(2018) 703 final

    (7)  Rapport tat-Task Force tal-Kummissjoni dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li “Isir inqas b’mod iktar effiċjenti”: Sussidjarjetà attiva. Mod ġdid ta’ ħidma (Lulju 2018).

    (8)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (ĠU C 306, 15.9.2017, p. 24).

    (9)  https://ec.europa.eu/info/publications/2019-european-semester-country-reports_mt


    Top