EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AR3890

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Ewropa Kreattiva u Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura”

COR 2018/03890

ĠU C 168, 16.5.2019, p. 37–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 168/37


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Ewropa Kreattiva u Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura”

(2019/C 168/07)

Relatur:

János Ádám KARÁCSONY (HU/EPP), Local councillor, Tahitótfalu village

Dokument ta’ referenza:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013

COM(2018) 366 final

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura

COM(2018) 267 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 Preambolu, Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Programm jenħtieġ li jqis in-natura doppja tas-setturi kulturali u kreattivi filwaqt li jirrikonoxxi, minn naħa waħda, il-valur intrinsiku u artistiku tal-kultura u, min-naħa l-oħra, il-valur ekonomiku ta’ dawk is-setturi, inkluż il-kontribut aktar wiesa’ tagħhom għat-tkabbir u l-kompetittività , u għall-kreattività u l-innovazzjoni. Dan jeħtieġ setturi kulturali u kreattivi Ewropej qawwija, b’mod partikolari industrija awdjoviżiva Ewropea vivaċi, li l-kapaċità tagħha li tilħaq udjenzi kbar u l-importanza ekonomika tagħha, inkluż għal setturi kreattivi oħra u għat-turiżmu kulturali, ikunu ġew ikkunsidrati […]

Il-Programm jenħtieġ li jqis in-natura doppja tas-setturi kulturali u kreattivi filwaqt li jirrikonoxxi, minn naħa waħda, il-valur intrinsiku u artistiku tal-kultura u, min-naħa l-oħra, il-valur ekonomiku ta’ dawk is-setturi, kif ukoll il-kontribut aktar wiesa’ tagħhom għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE, kif ukoll għall-kompetittività , u għall-kreattività u l-innovazzjoni. Dan jeħtieġ setturi kulturali u kreattivi Ewropej qawwija, b’mod partikolari industrija awdjoviżiva Ewropea vivaċi, li l-kapaċità tagħha li tilħaq udjenzi kbar u l-importanza ekonomika tagħha, inkluż għal setturi kreattivi oħra, l-iżvilupp territorjali u r-rabtiet tiegħu mal-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti u għat-turiżmu kulturali, ikunu ġew ikkunsidrati […]

Raġuni

Il-Kooperazzjoni Reġjonali u Territorjali Ewropea toħloq tkabbir u impjiegi u tippromovi l-Ewropa bħala destinazzjoni, inkluż permezz ta’ rotot kulturali makroreġjonali. Hemm raġuni biex nibnu fuq dawn l-esperjenzi biex titħeġġeġ il-promozzjoni tal-kultura fil-livell territorjali abbażi tal-prinċipji tal-Artikolu 174 tat-TFUE u biex jissaħħaħ ir-rwol tagħha fl-iżvilupp territorjali mmexxi mill-innovazzjoni. Kif indikat fil-pjan ta’ azzjoni għal Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tkompli tappoġġja r-reġjuni li jimplimentaw l-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti u l-istrateġiji makroreġjonali ffukati fuq il-kultura u jippromovu t-turiżmu kulturali sostenibbli.

Emenda 2

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 Preambolu, Premessa (20)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Filwaqt li jirrifletti l-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima b’konformità mal-impenji tal-Unjoni rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, dan il-Programm se jikkontribwixxi lejn l-integrazzjoni ta’ azzjonijiet klimatiċi u lejn il-kisba ta’ mira ġenerali fejn 25 % tal-infiq tal-baġit tal-UE jappoġġa għanijiet relatati mal-klima. L-azzjonijiet rilevanti se jiġu identifikati matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm, u se jiġu vvalutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u tal-proċessi ta’ rieżami rilevanti.

Filwaqt li jirrifletti l-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima b’konformità mal-impenji tal-Unjoni rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti bħala pijunier , dan il-Programm se jikkontribwixxi lejn l-integrazzjoni ta’ azzjonijiet klimatiċi u lejn il-kisba ta’ mira ġenerali fejn 30 % tal-infiq tal-baġit tal-UE jappoġġa għanijiet relatati mal-klima u jappoġġja l-integrazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-politiki kollha tal-Unjoni . L-azzjonijiet rilevanti se jiġu identifikati matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm, u se jiġu vvalutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u tal-proċessi ta’ rieżami rilevanti.

Raġuni

L-emenda għandha l-għan li tenfasizza l-importanza tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u tirrifletti l-pożizzjoni tal-KtR dwar il-finanzjament tagħhom.

Emenda 3

Preambolu, Premessa (22)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Sa mill-ħolqien tagħha, l-Akkademja Ewropea tal-Films żviluppat kompetenza unika u tinsab f’pożizzjoni unika biex toħloq komunità pan-Ewropea ta’ persuni li joħolqu l-films u professjonisti tal-films, bl-għan li l-films Ewropej jiġu promossi u disseminati lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom biex tiżi żviluppata udjenza verament Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li tkun eliġibbli għal appoġġ dirett mill-Unjoni.

 

Raġuni

Din id-dispożizzjoni tammonta għal diskriminazzjoni pożittiva mhux xierqa favur dan il-korp. M’hemmx ġustifikazzjoni biżżejjed għall-ħtieġa ta’ appoġġ dirett mill-UE għal dan il-korp u kwalunkwe appoġġ dirett ma jkunx trasparenti.

Emenda 4

Preambolu, Premessa 23

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Sa mill-ħolqien tagħha, l-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea żviluppat kompetenza unika fil-promozzjoni tad-djalogu interkulturali, tar-rispett reċiproku u tal-fehim permezz tal-kultura. L-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea hija partikolari minħabba li hija orkestra Ewropea li tmur lil hinn mill-konfini kulturali, u hija magħmula minn mużiċisti żgħażagħ li jintgħażlu skont kriterji eżiġenti ta’ kwalità permezz ta’ proċess annwali rigoruż ta’ udjenza bi prova li jsir fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, jenħtieġ li tkun eliġibbli għal appoġġ dirett mill-Unjoni.

Sa mill-ħolqien tagħha, l-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea żviluppat kompetenza unika fil-promozzjoni tad-djalogu interkulturali, tar-rispett reċiproku u tal-fehim permezz tal-kultura. L-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea hija partikolari minħabba li hija orkestra Ewropea li tmur lil hinn mill-konfini kulturali, u hija magħmula minn mużiċisti żgħażagħ li jintgħażlu skont kriterji eżiġenti ta’ kwalità permezz ta’ proċess annwali rigoruż ta’ udjenza bi prova li jsir fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, sakemm il-partijiet kollha kkonċernati jikkonformaw bis-sħiħ ma’ dan ir-Regolament , jenħtieġ li tkun eliġibbli għal appoġġ dirett mill-Unjoni.

Raġuni

Għar-raġunijiet stipulati hawn fuq fit-test tal-Kummissjoni, l-orkestra taż-żgħażagħ għandha tkun eliġibbli għal appoġġ dirett mill-UE u l-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027, sakemm ikun hemm konformità mar-regoli kollha dwar il-finanzjament.

Emenda 5

Preambolu, Premessa (25)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Sabiex jiġi żgurat li l-allokazzjoni ta’ fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni ssir b’mod effiċjenti, hemm bżonn li jiġu żgurati l-valur miżjud Ewropew tal-azzjonijiet u l-attivitajiet kollha li jitwettqu skont il-Programm, u l-kumplimentarjetà tagħhom mal-attivitajiet tal-Istati Membri, filwaqt li jenħtieġ li jiġu mfittxija l-konsistenza, il-kumplimentarjetà u sinerġiji ma’ programmi ta’ finanzjament li jappoġġaw l-oqsma ta’ politika b’rabtiet mill-qrib ma’ xulxin kif ukoll ma’ politiki orizzontali bħall-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

Sabiex jiġi żgurat li l-allokazzjoni ta’ fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni ssir b’mod effiċjenti, hemm bżonn li jiġu żgurati l-valur miżjud Ewropew tal-azzjonijiet u l-attivitajiet kollha li jitwettqu skont il-Programm, u l-kumplimentarjetà tagħhom mal-attivitajiet tal-Istati Membri u tar-reġjuni , filwaqt li jenħtieġ li jiġu mfittxija l-konsistenza, il-kumplimentarjetà u sinerġiji ma’ programmi ta’ finanzjament li jappoġġaw l-oqsma ta’ politika b’rabtiet mill-qrib ma’ xulxin kif ukoll ma’ politiki orizzontali bħall-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

Raġuni

Jeħtieġ ukoll li tiġi kkunsidrata l-komplementarjetà mal-attivitajiet tar-reġjuni, fid-dawl tal-fatt li f’dan il-livell hemm politiki proprji li jinbtu mill-ispeċifiċitajiet tagħhon, l-iżjed b’rabta mar-reġjuni ultraperiferiċi.

Emenda 6

Preambolu, żid premessa ġdida wara l-Premessa (34)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

B’konformità mal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. il-programm għandu jqis is-sitwazzjoni speċifika – strutturali, soċjali u ekonomika – tar-reġjuni ultraperiferiċi. Għandhom jiġu pprovduti miżuri fl-oqsma kollha tal-programm biex tiżdied il-parteċipazzjoni ta’ dawn ir-reġjuni u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju kulturali bejniethom u l-bqija tal-UE u tad-dinja. Barra minn hekk, dawn il-miżuri għandhom jiġu mmonitorjati u evalwati.

Raġuni

Il-programm għandu jkun fih referenza għas-sitwazzjoni speċifika ta’ dawn ir-reġjuni għaliex, minkejja li huma remoti, jagħmlu parti minn ċerti Stati Membri tal-UE. Peress li jarrikkixxu l-kultura Ewropea, ir-relazzjonijiet kulturali tagħhom mal-Unjoni għandhom jissaħħu anke jekk il-programm attwali ma jinkludi l-ebda referenza għalihom.

Emenda 7

Artikolu 3(2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(a)

(a) it-tisħiħ tad-dimensjoni ekonomika, soċjali u esterna tal-kooperazzjoni fil-livell Ewropew biex jiġu żviluppati u promossi d-diversità kulturali Ewropea u l-wirt kulturali tal-Ewropa, filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej u jittejbu r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali;

(a)

enhancing the economic, social and external dimension of European level cooperation to develop and promote European cultural diversity and Europe’s cultural heritage and strengthening the competitiveness of the European cultural and creative sectors, with special attention to small and medium-sized enterprises (SMEs) and reinforcing international cultural relations;

Raġuni

L-ambitu tal-għanijiet speċifiċi tal-programm għandu jkun usa’ u jmur taħt il-livell tas-CCS billi jiffoka fuq intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju sabiex tintwera b’mod preċiż ir-realtà tal-persuni li jaħdmu fis-setturi tal-kreattività u l-kultura.

Emenda 8

Artikolu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

B’konformità mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3, il-fergħa “KULTURA”għandu jkollha l-prijoritajiet li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ tad-dimensjoni transfruntiera u taċ-ċirkolazzjoni ta’ operaturi u xogħlijiet kulturali u kreattivi Ewropej;

(b)

iż-żieda tal-parteċipazzjoni kulturali fl-Ewropa kollha;

(c)

il-promozzjoni tar-reżiljenza u l-inklużjoni soċjali permezz tal-kultura u tal-wirt kulturali;

(d)

it-tisħiħ tal-kapaċità tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bl-għan li dawn jirnexxu;

(e)

biex jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir;

(f)

(f) it-tisħiħ tal-identità u tal-valuri Ewropej permezz tal-kuxjenza kulturali, l-edukazzjoni artistika u l-kreattività bbażata fuq il-kultura fl-edukazzjoni; —-TO BE SEPARATED- (g) l-għoti ta’ kontribut lejn l-istrateġija globali tal-Unjoni għar-relazzjonijiet internazzjonali permezz tad-diplomazija kulturali.

B’konformità mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3, il-fergħa “KULTURA”għandu jkollha l-prijoritajiet li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ tad-dimensjoni transfruntiera u taċ-ċirkolazzjoni ta’ operaturi u xogħlijiet kulturali u kreattivi Ewropej, filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod speċjali dawk ir-reġjuni bi żvantaġġi ġeografiċi speċifiċi bħar-reġjuni ultraperiferiċi ;

(b)

iż-żieda tal-parteċipazzjoni kulturali fl-Ewropa kollha;

(c)

il-promozzjoni tar-reżiljenza u l-inklużjoni soċjali kif ukoll l-innovazzjoni , permezz tal-kultura u tal-wirt kulturali;

(d)

it-tisħiħ tal-kapaċità tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bl-għan li dawn jirnexxu, u biex jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir u jikkontribwixxu għall-iżvilupp lokali u reġjonali ;

(e)

it-tisħiħ tal-identità u tal-valuri Ewropej permezz tal-kuxjenza u skambji kulturali, l-edukazzjoni artistika u l-kreattività bbażata fuq il-kultura fl-edukazzjoni;

(f)

(f) l-għoti ta’ kontribut lejn l-istrateġija globali tal-Unjoni għar-relazzjonijiet internazzjonali permezz tad-diplomazija kulturali, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi bħala atturi ewlenin .

Raġuni

Jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali liż-żoni remoti bi żvantaġġi ġeografiċi, u din is-sitwazzjoni partikolari tar-reġjuni ultraperiferiċi tiġi rikonoxxuta fl-Artikolu 349 tat-TFUE.

Emenda 9

Artikolu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(d)

(d) it-twaqqif u l-għoti ta’ appoġġ lil Desks tal-Programm għal għanijiet ta’ promozzjoni tal-Programm fil-pajjiż tagħhom, u biex iħeġġu l-kooperazzjoni transfruntiera fis-setturi kulturali u kreattivi.

(d)

(d) it-twaqqif u l-għoti ta’ appoġġ lil Desks tal-Programm u n-netwerking tagħhom għal għanijiet ta’ promozzjoni tal-Programm fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fil-pajjiż tagħhom, u biex iħeġġu l-kooperazzjoni transfruntiera fis-setturi kulturali u kreattivi.

Raġuni

Kif enfasizzat fir-Rapport ta’ Evalwazzjoni ta’ Nofs it-terminu tal-programm Ewropa Kreattiva (2014-2020), il-programm jilħaq liċ-ċittadini permezz tax-xogħlijiet u l-attivitajiet appoġġjati, u jarrikkixxi l-identitajiet Ewropej tagħhom. Is-suċċess globali jiddependi fuq l-effiċjenza fit-tixrid ta’ informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi fil-livell tagħhom. L-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva għandhom jitħeġġu jiżviluppaw ir-rwol tagħhom, billi jaqsmu l-istejjer ta’ suċċess mhux biss minn pajjiżhom iżda pjuttost fil-livell pan-Ewropew, kif ukoll fl-istrutturi lokali u reġjonali.

Emenda 10

Artikolu 7(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-2021 sal-2027 għandu jkun ta’ EUR  1 850 000 000 , f’termini ta’ prezzijiet attwali.

Il-programm għandu jiġi implimentat skont id-distribuzzjoni finanzjarja indikattiva li ġejja:

sa EUR  609 000 000 għall-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a) (il-fergħa KULTURA);

sa EUR 1 081 000 000 għall-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2)(b) (il-fergħa MEDIA);

sa EUR 160 000 000 għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(2)(c) (il-fergħa TRANSSETTORJALI).

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-2021 sal-2027 għandu jkun ta’ EUR  2 000 000 000 , f’termini ta’ prezzijiet attwali.

Il-programm għandu jiġi implimentat skont id-distribuzzjoni finanzjarja indikattiva li ġejja:

sa EUR  759 000 000 għall-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a) (il-fergħa KULTURA);

sa EUR 1 081 000 000 għall-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2)(b) (il-fergħa MEDIA);

sa EUR 160 000 000 għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(2)(c) (il-fergħa TRANSSETTORJALI).

Raġuni

Il-kultura u l-wirt kulturali għandhom jiġu integrati aħjar fil-prijoritajiet tal-QFP li jmiss kemm permezz ta’ mainstreaming kif ukoll l-iffissar ta’ mira baġitarja ta’ aktar minn EUR 2 biljun għall-programm “Ewropa Kreattiva”; Kważi 78 % aktar finanzjament huwa ppjanat għas-sottoprogramm MEDIA milli għas-sottoprogramm KULTURA, minkejja l-fatt li s-sottoprogramm KULTURA jkopri aktar setturi tal-arti; għalhekk nissuġġerixxu li ż-żieda proposta ta’ EUR 150 000 000 tiġi allokata għas-sottoprogramm KULTURA.

Emenda 11

Artikolu 7(4)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq it-talba tagħhom, jiġu ttrasferiti għall-Programm. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawn ir-riżorsi direttament skont l-[Artikolu 62(1)(a)] tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament skont l-[Artikolu 62(1)(c)] ta’ dak ir-Regolament. Fejn possibbli dawn ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.

Riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq it-talba tagħhom, jiġu ttrasferiti għall-Programm. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawn ir-riżorsi direttament skont l-[Artikolu 62(1)(a)] tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament skont l-[Artikolu 62(1)(c)] ta’ dak ir-Regolament. Ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.

Raġuni

Fl-Artikolu 7(4) tal-proposta, fejn Stat Membru jittrasferixxi parti mill-allokazzjoni tiegħu ta’ riżorsi ġestiti b’mod konġunt lill-programm Ewropa Kreattiva, iqajjem ċertu tħassib. F’dan il-każ, l-Istat Membru ma għandux biżżejjed garanziji li dawn ir-riżorsi se jkunu allokati għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, il-proposta għandha tiġi abbozzata b’tali mod li dawn ir-riżorsi huma ċerti li għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.

Emenda 12

Għal Artikolu 13 ġdid

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Il-proċedura tal-kumitat

1.

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (il-“Kumitat tal-Ewropa Kreattiva”). Dak il-kumitat għandu jkunu kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.

Il-Kumitat tal-Ewropa Kreattiva jista’ jiltaqa’ f’konfigurazzjonijiet speċifiċi biex jitratta kwistjonijiet konkreti relatati mas-Sottoprogrammi u l-Fergħa Transettorjali.

3.

Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.

Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”

Raġuni

Il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità se jintlaħqu kompletament biss jekk il-“Proċedura ta’ Kumitat”terġa’ tiddaħħal fil-proposta biex jiġi żgurat skrutinju xieraq tal-Istat Membru rigward il-ġestjoni tal-programm.

Emenda 13

Artikolu 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżgura l-konsistenza u l-kumplimentarjetà globali tal-Programm mal-politiki u l-programmi rilevanti, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-bilanċ bejn is-sessi, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u s-solidarjetà, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-industrija u l-intrapriżi, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, l-ambjent u l-azzjoni klimatika, il-koeżjoni, il-politika reġjonali u urbana, l-għajnuna mill-Istat u l-kooperazzjoni u l-iżvilupp internazzjonali.

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżgura l-konsistenza u l-kumplimentarjetà globali tal-Programm mal-politiki u l-programmi rilevanti, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-bilanċ bejn is-sessi, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u s-solidarjetà, il-protezzjoni tal-minoranzi u b’mod partikolari l-preservazzjoni tal-wirt tal-minoranzi nazzjonali, etniċi u lingwistiċi indiġeni , l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-turiżmu sostenibbli , l-industrija u l-intrapriżi, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, l-ambjent u l-azzjoni klimatika, il-koeżjoni, il-politika reġjonali u urbana, l-għajnuna mill-Istat u l-kooperazzjoni u l-iżvilupp internazzjonali.

Raġuni

It-Turiżmu tal-Wirt Kulturali huwa komponent u kontributur ewlieni għall-attrazzjoni tal-Ewropa, ir-reġjuni, il-bliet, u ż-żoni rurali tagħha f’termini ta’ investiment esoġenu tas-settur privat, li jiżviluppa kwartieri kreattivi kulturali u jattira talenti u negozji mingħajr xkiel – b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività reġjonali kemm fl-Ewropa u kif ukoll globalment. Barra minn hekk, peress li ħafna ċittadini tal-UE (madwar 50 miljun persuna) għandhom ċittadinanza li hija differenti mil-lingwa materna tagħhom u min-nazzjonalità tagħhom, jeħtieġ li jitqiesu wkoll l-interessi tagħhom fil-proċess leġislattiv tal-Unjoni.

Emenda 14

Artikolu 18(2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-evalwazzjoni interim tal-Programm għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm.

L-evalwazzjoni interim tal-Programm għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda r-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-term għandu jiġi komunikat mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm.

Raġuni

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-term huwa strumentali fit-tfassil tal-programm qafas li jmiss, u għalhekk għandu jkun lest u disponibbli fil-ħin għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss.

Emenda 15

Anness 1 Fergħa Kultura

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Azzjonijiet settorjali:

(a)

Appoġġ għas-settur tal-mużika: promozzjoni tad-diversità, tal-kreattività u tal-innovazzjoni fis-settur tal-mużika, b’mod partikolari d-distribuzzjoni tar-repertorju mużikali fl-Ewropa u lil hinn minnha, azzjonijiet ta’ taħriġ u l-iżvilupp tal-udjenzi għar-repertorju Ewropew, kif ukoll appoġġ għall-ġbir u l-analiżi tad-data;

(b)

Appoġġ għas-settur tal-kotba u tal-pubblikazzjoni: azzjonijiet immirati għall-promozzjoni tad-diversità, tal-kreattività u tal-innovazzjoni, b’mod partikolari t-traduzzjoni u l-promozzjoni tal-letteratura Ewropea fost il-fruntieri fl-Ewropa u lil hinn minnha, taħriġ u skambji għall-professjonisti fis-settur, l-awturi u t-tradutturi kif ukoll proġetti transnazzjonali għall-kollaborazzjoni, l-innovazzjoni u l-iżvilupp fis-settur;

(c)

Appoġġ għas-setturi tal-arkitettura u tal-wirt kulturali: azzjonijiet immirati għall-mobbiltà tal-operaturi, il-bini tal-kapaċità, l-iżvilupp tal-udjenzi u l-internazzjonalizzazzjoni tas-setturi tal-wirt kulturali u tal-arkitettura, il-promozzjoni ta’ Baukultur, l-appoġġ għas-salvagwardja, għall-konservazzjoni u għat-titjib tal-wirt kulturali u tal-valuri tiegħu permezz ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, ta’ netwerking u ta’ tagħlim bejn il-pari;

(d)

Appoġġ għal setturi oħra: azzjonijiet immirati favur l-iżvilupp tal-aspetti kreattivi tas-setturi tad-disinn u tal-moda u tat-turiżmu kulturali, kif ukoll il-promozzjoni u r-rappreżentanza tagħhom barra l-Unjoni Ewropea.

Azzjonijiet settorjali:

(a)

Appoġġ għas-settur tal-mużika: promozzjoni tad-diversità, tal-kreattività u tal-innovazzjoni fis-settur tal-mużika, b’mod partikolari d-distribuzzjoni tar-repertorju mużikali fl-Ewropa u lil hinn minnha, azzjonijiet ta’ taħriġ u l-iżvilupp tal-udjenzi għar-repertorju Ewropew, kif ukoll appoġġ għall-ġbir u l-analiżi tad-data;

(b)

Appoġġ għas-settur tal-kotba u tal-pubblikazzjoni: azzjonijiet immirati għall-promozzjoni tad-diversità, tal-kreattività u tal-innovazzjoni, b’mod partikolari t-traduzzjoni u l-promozzjoni tal-letteratura Ewropea fost il-fruntieri fl-Ewropa u lil hinn minnha, taħriġ u skambji għall-professjonisti fis-settur, l-awturi u t-tradutturi kif ukoll proġetti transnazzjonali għall-kollaborazzjoni, l-innovazzjoni u l-iżvilupp fis-settur;

(c)

Appoġġ għas-setturi tal-arkitettura u tal-wirt kulturali: azzjonijiet immirati għall-mobbiltà tal-operaturi, il-bini tal-kapaċità, l-iżvilupp tal-udjenzi u l-internazzjonalizzazzjoni tas-setturi tal-wirt kulturali u tal-arkitettura, il-promozzjoni ta’ Baukultur, l-appoġġ għas-salvagwardja, għall-konservazzjoni u għat-titjib tal-wirt kulturali, inkluż kultura tradizzjonali folkloristika , u tal-valuri tiegħu permezz ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, ta’ netwerking u ta’ tagħlim bejn il-pari;

(d)

Appoġġ għal setturi oħra: azzjonijiet immirati favur l-iżvilupp tal-aspetti kreattivi tas-setturi tad-disinn u tal-moda u tat-turiżmu kulturali, kif ukoll il-promozzjoni u r-rappreżentanza tagħhom barra l-Unjoni Ewropea.

Raġuni

Il-kultura tradizzjonali folkloristika fil-forom varji tagħha (l-artiġjanat, il-mużika, iż-żfin...) hija sors sinifikanti ta’ vitalità għall-insedjamenti rurali b’mod partikolari, u għall-iżvilupp lokali u reġjonali u l-iskambju kulturali Ewropew. Hija wkoll strument biex tissaħħaħ l-identità kulturali Ewropea u jiġi ppreservat il-prinċipju ta’ “l-unità fid-diversità”.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Ewropa Kreattiva

1.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-programm attwali Ewropa Kreattiva bħala programm waħdu, denju tal-atturi kollha tas-settur kulturali. Qafas finanzjarju awtonomu huwa l-aħjar mod biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-kisbiet tal-perjodu 2014-2020 kif ukoll biex jipproduċi evalwazzjoni kredibbli għall-futur;

2.

ifakkar li l-programm Ewropa Kreattiva jidħol fil-kuntest ta’ proposta usa’ dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (ippubblikata fit-2 ta’ Mejju 2018), għalhekk l-eżitu tan-negozjati dwar il-proposta tal-baġit għandu impatt kbir fuq il-forma finali u l-kontenut tal-programm; Ewropa Kreattiva huwa programm ta’ importanza kbira għall-iżvilupp kulturali u l-internazzjonalizzazzjoni, u għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda fl-allokazzjoni lill-programm. Huwa kruċjali li ma titnaqqasx din il-parti tal-baġit tal-UE, mhux l-inqas fid-dawl tal-isfidi li tiffaċċja l-kooperazzjoni Ewropea;

3.

iqajjem kuxjenza dwar l-espansjoni tal-kultura bħala qasam ta’ politika: l-għadd ta’ proġetti transsettorjali li jinvolvu l-kultura qed jikber, u jindirizzaw oqsma bħar-riġenerazzjoni urbana, l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ, is-saħħa, il-benessri u l-inklużjoni soċjali. Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-proposta tirrifletti dan il-fenomenu;

4.

fir-rigward tar-rwol tal-arti u l-kultura fit-tiswir tal-identità u l-ħolqien tal-koeżjoni, jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-libertà artistika u l-libertà ta’ espressjoni, li għandhom jiġu ggarantiti skont il-valuri universali tad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, kif ukoll il-prinċipji tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

5.

barra minn hekk, jemmen li huwa fundamentali għall-iżvilupp tal-“identità ċivika Ewropea”li l-azzjonijiet u r-riżorsi jkunu mmirati lejn it-tixrid ta’ elementi komuni li l-Ewropej kollha naqsmu bejnietna, f’oqsma bħall-istorja, il-kultura u l-patrimonju. F’dan ir-rigward, il-programm Ewropa Kreattiva estiż u l-Aġenda Ewropea għall-Kultura huma partikolarment rilevanti;

6.

bi pjaċir jinnota li l-proposta tirrifletti id-dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u esterni kif ukoll il-wirt kulturali u diġitali bħala ż-żewġ azzjonijiet trasversali tal-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura billi jiġu assenjati azzjonijiet lilhom;

7.

jilqa’ d-dimensjoni internazzjonali rinfurzata tal-proposta iżda jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi li jinsabu fir-rikonċiljazzjoni tal-prijoritajiet fi ħdan u lil hinn mill-UE;

8.

jilqa’ r-referenzi għas-sinerġiji ma’ – fost oħrajn – politiki reġjonali, urbani u rurali tul il-programm kollu li huma “strumentali għall-promozzjoni tar-ristawr tal-wirt kulturali u għall-appoġġ tal-industriji kulturali u kreattivi” (1).

9.

jipproponi wkoll li tissaħħaħ ir-referenza għar-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni u t-tixrid tal-ħajja artistika u kulturali tal-komunità tagħhom, u jitlob tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan il-programm. F’dan il-kuntest, jenfasizza li hemm lok li jinkiseb bilanċ adegwat bejn, minn naħa, ir-riżorsi ddedikati għall-proġetti l-kbar globali, u min-naħa l-oħra, il-finanzjament tal-miżuri u l-attivitajiet iffokati fuq il-livell lokali u reġjonali, inklużi l-SMEs;

10.

itenni li l-biċċa l-kbira tal-intrapriżi tas-settur tal-kultura u l-kreattività huma mikrointrapriżi, SMEs u intrapriżi b’ħaddiema li jaħdmu għal rashom li jirrikjedu inizjattivi u organizzazzjoni fil-livell lokali. Dan l-approċċ lokali huwa aspett pożittiv għar-reġjuni kemm għax jagħti spinta lill-ekonomiji lokali kif ukoll għax jagħti kontribut sabiex jinżammu l-ħiliet u l-impjiegi korrispondenti fil-livell lokali. Għalhekk jeħtieġ li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari tal-intraprendituri u l-ħaddiema tas-settur tal-kultura, inklużi dawk li joperaw f’reġjuni b’restrizzjonijiet strutturali permanenti (2);

11.

jesprimi tħassib li l-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea (EUYO) tissemma espliċitament fil-preambolu tal-proposta bħala entità li “għandha tkun eliġibbli għal appoġġ dirett tal-Unjoni”, minkejja l-fatt li l-emenda għar-Regolament attwali miftiehem mill-Istati Membri tiddikjara b’mod ċar li “[j]enħtieġ li l-finanzjament jingħata eċċezzjonalment lill-EUYO sa tmiem il-Programm Ewropa Kreattiva fil-31 ta’ Diċembru 2020”; f’dan ir-rigward il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jixtieq jirċievi garanzija li l-partijiet rilevanti kollha jaġixxu f’konformità sħiħa mar-regolament attwali emendat bir-Regolament (UE) 2018/596 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018.

12.

fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tal-ħaddiema u l-intraprendituri fil-qasam kulturali, jenfasizza l-importanza li, fi ħdan il-programm Ewropa Kreattiva, jiġi promoss u jitħeġġeġ l-użu tal-faċilità ta’ garanzija fuq is-self żviluppata fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti, anke jekk il-Faċilità ta’ Garanzija tinsab f’post differenti;

Il-fergħa Kultura

13.

jesprimi tħassib dwar il-bilanċ tal-azzjonijiet orizzontali u settorjali ġodda minħabba li baġit li żdied bi ftit ma jippermettix awtomatikament għal numru ferm ikbar ta’ prijoritajiet biex jiġu realizzati;

14.

fil-każ tal-azzjonijiet settorjali:

jirrimarka li l-enfasi fuq l-arkitettura fir-rigward tal-wirt kulturali tista’ tfixkel il-kisbiet tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018, li l-għan tagħha kien li jiġi esperjenzat u esplorat il-wirt kulturali Ewropew billi jitwessgħu l-orizzonti tan-nies u li wieħed imur lil hinn mill-wirt mibni; f’dan ir-rigward, jikkunsidra li għandha tiġi stabbilita linja speċifika fi ħdan il-programm Ewropa Kreattiva biex jiġi appoġġat it-tixrid tal-wirt kulturali Ewropew wara l-2018;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-oqsma msemmija taħt il-punt (d) – id-disinn, il-moda u t-turiżmu kulturali – għandhom natura transsettorjali, għalhekk l-appoġġ tagħhom jeħtieġ ċertu livell ta’ koordinazzjoni ma’ oqsma ta’ politika oħrajn.

huwa mħasseb dwar il-bilanċ bejn it-tipi differenti ta’ arti fil-miżuri settorjali u l-azzjonijiet settorjali l-ġodda;

15.

jissuġġerixxi li t-taqsima dwar l-identità u l-valuri Ewropej fil-fergħa tal-programm “Kultura”jkollha rabta aktar qawwija mal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) għall-kisba tal-għan mixtieq u jiġi evitat li l-programm jinftiehem ħażin;

16.

iħeġġeġ bil-qawwa lis-setturi kulturali u awdjoviżivi kollha – bħas-settur tal-mużika – biex jittrasferixxu l-għarfien u l-ħiliet diġitali biex irawmu relazzjonijiet u joħolqu kollaborazzjonijiet innovattivi fil-livell lokali u reġjonali wkoll;

Il-fergħa Transsettorjali

17.

jilqa’ l-prijoritajiet il-ġodda u t-tisħiħ ta’ din il-fergħa u b’hekk jiġu żgurati s-sinerġiji fi ħdan il-programm; fl-istess ħin, jirrimarka li meta mqabbla ma’ din il-proposta, hemm enfasi akbar fuq il-ġbir tad-data u l-istatistika fil-Programm Ewropa Kreattiva għall-perjodu 2014-2020 f’din il-fergħa, li għandu jkun inkluż ukoll fil-programm futur;

Il-fergħa Media

18.

jirrikonoxxi l-bidla fil-mudell li qed iġġib magħha l-bidla diġitali bil-mod kif il-prodotti kulturali qed jinħolqu, jiġu ġestiti, disseminati, aċċessati, ikkunsmati u msarrfin fi flus. Id-diġitalizzazzjoni ġġib magħha opportunitajiet ġodda anke biex ir-reġjuni fl-Ewropa jingħaqdu hekk kif jaqsmu xogħlijiet awdjoviżivi u jeżaminaw modi ġodda kif joħolqu rabtiet u jaqsmu l-kontenut bejniethom. Din it-tranżizzjoni tista’ tgħinhom ukoll biex jiġbdu lejhom udjenzi ġodda, japprofittaw ruħhom minn kontenut alternattiv, jipprovdu servizzi ġodda u jagħtu aktar viżibbiltà lill-kontenut minn reġjuni differenti (3). It-tranżizzjoni diġitali se tippermetti lill-atturi kulturali jipproponu lilhom infushom bħala promoturi tal-innovazzjoni permezz ta’ għodod ta’ komunikazzjoni ġodda u diġitali, multidirezzjonali u fuq ħafna kanali, bl-implimentazzjoni tar-rabta mat-territorju u għalhekk huma stess isiru atturi attivi għal tkabbir kulturali u ekonomika intelliġenti u sostenibbli;

19.

f’dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni fuq l-għadd konsiderevoli ta’ artisti li x-xogħlijiet u l-iżviluppi, minkejja li mhumiex diġitali, huma daqstant importanti wkoll, kif ukoll fuq l-istrutturi li jipprovdu lill-pubbliku ġenerali possibbiltajiet u għodod edukattivi, bħal-libreriji;

20.

iħeġġeġ bil-qawwa lis-setturi kulturali u awdjoviżivi kollha – bħas-settur tal-mużika – biex jittrasferixxu l-għarfien u l-ħiliet diġitali biex irawmu relazzjonijiet u joħolqu kollaborazzjonijiet innovattivi fil-livell lokali u reġjonali wkoll;

21.

f’dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kreazzjoni u l-iżvilupp artistiċi mhux diġitali jippersistu u bħala tali huma għandhom ukoll ikollhom post denju fil-komunitajiet tas-seklu 21;

Baġit

22.

jesprimi tħassib dwar il-baġit propost tal-programm il-ġdid minħabba l-fatturi li ġejjin:

il-proposta tal-Kummissjoni ma tidhirx li tqis l-inflazzjoni; f’dan ir-rigward, ifakkar lill-Kummissjoni li matul il-formulazzjoni tal-proposta preċedenti, kien parti mid-diskors li l-baġit iddedikat għas-setturi kulturali u kreattivi seta’ jitla’ għal EUR 1,801 biljun (4);

meta mqabbel mal-perjodu attwali, il-baġit propost ta’ EUR 1,85 biljun huwa allokat b’mod sinifikanti lil numru ogħla ta’ prijoritajiet minħabba l-azzjonijiet settorjali l-ġodda fil-fergħa Kultura;

filwaqt li jifhem l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħloq l-effiċjenza billi tiċċentralizza l-għadd kbir ta’ strumenti finanzjarji tal-UE attwalment disponibbli biex jappoġġjaw l-investimenti fl-UE, jesprimi tħassib li l-kisbiet tal-Faċilità ta’ Garanzija sal-lum jistgħu jiddgħajfu, peress li dawk responsabbli għal dan l-istrument fis-settur kulturali mhux se jingħataw l-istess tagħrif bħal fil-perijodu attwali;

23.

f’dan ir-rigward, jipproponi li tiġi stabbilita mira baġitarja ta’ aktar minn EUR 2 biljuni kif ukoll jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inkorporati aħjar il-kultura u l-wirt kulturali fil-prijoritajiet tal-QFP li jmiss kemm permezz ta’ integrazzjoni kif ukoll ta’ sinerġiji ma’ programmi u politiki oħrajn;

24.

jenfasizza bil-qawwa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu kkonsultati b’mod sistematiku fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-miżuri mfasslin biex jipprovdu finanzjament għal setturi kulturali u kreattivi madwar l-Ewropa b’attenzjoni għal kopertura ġeografika wiesgħa;

25.

dwar l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, jesprimi t-tama li, filwaqt li tibni fuq il-kisbiet komuni u l-esperjenzi kulturali sal-lum, l-UE u r-Renju Unit ser ikunu jistgħu jkomplu u jiżviluppaw aktar relazzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku fil-qasam kulturali;

26.

jemmen li l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità se jintlaħqu kompletament biss jekk il-“Proċedura ta’ Kumitat”terġa’ tiddaħħal fil-proposta biex jiġi żgurat skrutinju xieraq tal-Istat Membru rigward il-ġestjoni tal-programm; bl-istess mod, il-livelli lokali u reġjonali għandhom jiġu kkonsultati regolarment dwar id-direzzjonijiet u l-programmi ta’ ħidma annwali;

Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura

27.

jilqa’ l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura bħala bażi ta’ politika notevoli u komprensiva biex issaħħaħ l-identità Ewropea permezz tar-rikonoxximent tad-diversità tal-kulturi Ewropej, biex issaħħaħ is-setturi kulturali u kreattivi Ewropej u r-relazzjonijiet tagħhom ma’ sħab lil hinn mill-Ewropa, kif ukoll biex issaħħaħ il-konnessjonijiet bejn il-kultura, l-edukazzjoni u oqsma oħra ta’ politika;

28.

jilqa’ l-fatt li l-Aġenda Ewropea Ġdida, bl-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “kapaċità kulturali”tqis l-isfida ta’ xi jfisser meta jinbidlu l-aspettattivi tal-udjenzi, li tirrikjedi involviment akbar tal-popolazzjoni lokali fit-tfassil tal-programmi kulturali mill-użu tal-ideat tagħhom għal li jiġu involuti fl-implimentazzjoni;

29.

jinsab kuntent li l-komunikazzjoni ssemmi espliċitament lill-bliet u r-reġjuni bħala waħda mit-tliet ekosistemi li għandna niffukaw fuqhom; fl-istess ħin jenfasizza l-importanza li jittieħed kont tar-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-eżekuzzjoni prattika tal-prijoritajiet;

30.

fl-istess ħin, jinnota f’dan il-kuntest li l-Kumitat diġà enfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, minħabba li huma qrib iċ-ċittadini, jinsabu fl-aħjar pożizzjoni strateġika biex jindirizzaw il-bżonnijiet u t-talbiet speċifiċi tal-gruppi kulturali differenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li tinvolvi wkoll livell għoli ta’ responsabbiltà (5);

31.

jilqa’ l-fatt li l-Aġenda Ġdida tirrikonoxxi l-ħtieġa għal bidla radikali minn STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika) għal STEAM (li tinkludi l-Arti) u l-puntwalità li l-ħsieb kreattiv u kritiku jestendi għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll li nitbiegħdu mis-separazzjoni ċara bejn ix-xjenzi u l-istudji umanistiċi. L-arti hija l-kapaċità li wieħed jibni ideat ġodda u ta’ użu. Permezz tal-integrazzjoni tal-arti u l-kreattività, il-kurrikulu STEM isir saħansitra aktar attraenti, innovattiv u kreattiv. Is-suġġetti artistiċi jappoġġaw l-iżvilupp tat-talenti, tal-kultura; huwa għalhekk li jridu jiġu integrati mat-teknoloġija;

32.

il-kultura tal-minoranzi nazzjonali, etniċi u lingwistiċi indiġeni hija komponent essenzjali tal-wirt kulturali tal-Unjoni Ewropea. Il-livell lokali u reġjonali huwa responsabbli biex jippreserva u jappoġġja din il-kultura u biex jiżgura li kulħadd ikollu aċċess għal dawn il-kulturi individwali. Barra minn hekk, l-UE għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għal din il-kawża, inklużi riżorsi mmirati li huma allokati għall-kompiti assenjati lil-livell reġjonali fir-rigward tas-salvagwardja tal-isfond kulturali tal-minoranzi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-użu ta’ strumenti virtwali innovattivi, kif ukoll għall-promozzjoni fil-livell tal-UE tad-diversi kulturi tal-minoranzi;

33.

jitlob għal governanza fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex tirrikonoxxi l-innovazzjoni tas-CCS (is-settur kulturali u kreattiv) bħala mutur għal żvilupp lokali u reġjonali olistiku;

34.

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali integraw b’suċċess is-setturi kulturali u kreattivi fl-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom, u li dan kien ta’ kontribut biex l-ekonomiji lokali jingħataw spinta ’l quddiem u biex iżommu l-popolazzjoni fit-territorji tagħhom (6);

35.

madankollu, jinsisti li l-integrazzjoni ta’ Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3) fi strateġiji ta’ żvilupp reġjonali għadha tippreżenta sfida u għaldaqstant ir-reġjuni jkollhom bżonn l-appoġġ imsaħħaħ tal-istituzzjonijiet tal-UE fit-twettiq tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, meqjusa bħala qafas ta’ politika reġjonali għat-tkabbir xprunat mill-innovazzjoni;

36.

jenfasizza li s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 tat spinta għal parteċipazzjoni ferventi fil-post, b’eluf ta’ attivitajiet li qed iseħħu mal-Ewropa kollha, li jħeġġu l-iskambju u l-apprezzament tal-wirt kulturali Ewropew bħala riżorsa komuni, iqajmu kuxjenza dwar l-istorja u l-valuri komuni tal-Ewropa, u jsaħħu s-sens ta’ appartenenza għal spazju komuni Ewropew;

37.

jitlob li l-impatt u l-wirt pożittiv tas-Sena jkomplu jiġu valorizzati, appoġġjati u nkomplu nibnu fuqhom u li s-sħubijiet u netwerks li bdew matul is-Sena jkomplu wara bħala parti mill-kooperazzjoni kulturali tal-UE. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon il-qafas Ewropew għall-wirt kulturali ppreżentat f’Diċembru 2018, li jinkludi ħames miżuri konkreti bil-għan li jkun hemm tibdil ġenwin fil-mod li bih napprezzaw, nikkonservaw u nippromovu l-wirt kulturali Ewropew;

38.

japprova l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħala l-bażijiet legali magħżula, jirrikonoxxi r-rilevanza tal-Artikoli 173 u 208 TFUE, u jappoġġja t-tliet għanijiet strateġiċi (soċjali, ekonomiku u d-dimensjonijiet esterni) u ż-żewġ azzjonijiet trasversali (il-wirt kulturali u diġitali);

39.

jirrakkomanda li fid-dimensjoni soċjali, is-silta “jiġi [p]rotett u promoss il-wirt kulturali Ewropew bħala riżorsa komuni, biex titqajjem kuxjenza dwar l-istorja u l-valuri komuni tagħna u jissaħħaħ is-sens ta’ identità Ewropea komuni”tappoġġja l-protezzjoni u r-rispett tal-wirt reliġjuż Ewropew u tippromovi l-valuri ċentrali stabbiliti taħt l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);

40.

rigward it-tielet dimensjoni (relazzjonijiet esterni), “jirrimarka bil-qawwa dwar il-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha u profonda fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali meta jingħata bidu u jiġu żviluppati strateġiji li jappoġġjaw ir-relazzjonijiet u l-attivitajiet kulturali internazzjonali” (7) u jemmen li diplomazija tal-bliet tista’ tkun triq ’il quddiem fil-promozzjoni tal-identità kulturali Ewropea madwar id-dinja;

41.

jemmen li l-mobilità tal-professjonisti kulturali kienet tkun f’pożizzjoni aħjar fost azzjonijiet trasversali minħabba li din tipprovdi valur miżjud sostanzjali lit-tliet dimensjonijiet kollha;

42.

itenni l-ħtieġa għal titjib fil-ġbir ta’ data u statistika dwar il-kultura, li huwa prerekwiżit biex jiġu żviluppati politiki bbażati fuq l-evidenza kredibbli fil-futur u jappella għal approċċ ta’ riċerka strateġiku li jiffaċilita t-trasferiment tal-għarfien madwar inizjattivi mifruxa attwalment, li jiggarantixxi l-kopertura tas-setturi kollha f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati kulturali.

Brussell, is-6 ta’ Frar 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  COM(2018) 366 final.

(2)  CdR 401/2011 fin.

(3)  CdR 293/2010 fin.

(4)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52011AR0401&from=EN.

(5)  CdR 44/2006 fin.

(6)  CdR 181/2010 fin.

(7)  COR-2016-05110-00-00-AC-TRA.


Top