Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019XR0465

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda

COR 2019/00465

ĠU C 168, 16.5.2019, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 168/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda

(2019/C 168/01)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

li jinsab ferm ixxukkjat u mnikket bil-qtil tas-Sindku ta’ Gdańsk u membru tal-KtR Paweł Adamowicz, Ewropew ta’ vera u li ippromova u iddefenda l-valuri tal-libertà, is-solidarjetà, id-demokrazija, l-inklużjoni soċjali u d-dinjità;

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tiegħu tas-6 ta’ Frar 2019 dwar “L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew”;

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2016 dwar “Niġġieldu r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti: mekkaniżmi ta’ prevenzjoni fil-livell lokali u reġjonali”;

wara li kkunsidra d-dibattitu tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2019 dwar “Niġġieldu kontra l-klima ta’ mibegħda u vjolenza fiżika kontra d-detenturi ta’ mandat eletti demokratikament”;

wara li kkunsidra l-ħidma tal-Grupp ta’ Livell Għoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza;

wara li kkunsidra l-ħtieġa li jiġi approfondit id-djalogu mal-poplu, inkluż fid-dawl tal-elezzjonijiet li għaddejjin bħalissa u dawk futuri fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

1.

huwa mħasseb ħafna dwar iż-żieda fid-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda u dwar id-deġenerazzjoni tad-diskors pubbliku li qed tiġġenera kull tip ta’ vjolenza, estremiżmu, propaganda u intolleranza fl-Unjoni Ewropea (UE) u tikkontesta l-fondazzjoni nnifisha tal-proġett Ewropew; Huwa preokkupanti li r-rappreżentanti eletti fil-pajjiżi differenti jiġu esposti għal influwenza indebita fl-eżerċitar tal-mandat demokratiku tagħhom. Il-populiżmu u l-forzi mhux demokratiċi huma ta’ sfida għad-demokrazija u jistgħu, fl-aħħar mill-aħħar, idgħajfu l-funzjonament tagħha;

2.

jirrimarka li l-UE hija bbażata fuq sett komuni ta’ valuri fundamentali, li jinkludi d-dinjità tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-libertà tal-espressjoni kif stipulat fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

3.

jistenna li l-livelli ta’ governanza Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, il-midja, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-atturi ekonomiċi u ċ-ċittadini individwali jirrispettaw dawn il-valuri, peress li jiffurmaw il-bażi għall-fiduċja u l-fehim reċiproċi u huma l-pedament ta’ soċjetajiet demokratiċi u miftuħa;

4.

jirrimarka li r-retorika mimlija mibegħda tifred is-soċjetà tagħna, tnissel il-biża’ u r-radikalizzazzjoni, tkasbar u tiddiżumanizza l-individwi u tista’ twassal għal atti gravi. Teqred l-għan li aħna lkoll naqsmu — Ewropa b’saħħitha, magħquda fid-diversità, il-paċi u l-valuri komuni;

5.

jistieden lil-livelli kollha ta’ governanza jadottaw miżuri biex jipprevjenu u jipproteġu liċ-ċittadini mill-vjolenza, il-fastidju, id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda; barra minn hekk, jitlob li l-partiti politiċi kollha, bħala pedamenti għal demokrazija effettiva, joqogħdu lura milli jużaw diskors ta’ mibegħda u propaganda bħala metodu biex jinkiseb vantaġġ politiku;

6.

jirrimarka li peress li huma qrib iċ-ċittadini, il-politiċi reġjonali u lokali, b’mod speċjali s-sindki u l-kunsilliera lokali, huma aktar ta’ spiss vittmi ta’ mibegħda u vjolenza fiżika.

7.

Huma jinsabu, flimkien ma’ diversi inizjattivi u atturi lokali u reġjonali tas-soċjetà ċivili, fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-intolleranza u fl-istess ħin għandhom obbligu kif ukoll responsabbiltà biex jiġġieldu kontra l-imġiba vjolenti u d-diskors ta’ mibegħda;

8.

jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE u l-livelli kollha tal-gvern biex jinvestu fl-edukazzjoni u biex iqajmu kuxjenza fost iċ-ċittadini dwar il-ħtieġa ta’ rispett reċiproku u r-riskji serji li jirriżultaw mid-diskors ta’ mibegħda u d-delitti ta’ mibegħda għall-individwi, is-soċjetà u d-demokrazija;

9.

jitlob li jiġu promossi l-użu responsabbli tal-Internet u l-litteriżmu medjatiku, sabiex iċ-ċittadini, speċjalment iż-żgħażagħ tagħna, jiġu mgħammra bl-għarfien u l-kapaċità li jidentifikaw id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda u jieħdu azzjoni kontrihom online u offline;

10.

jistieden lill-pjattaformi tal-midja soċjali u l-pjattaformi tal-Internet kollha jerfgħu r-responsabbiltà kollettiva biex jippromovu u jiffaċilitaw il-libertà tal-espressjoni, iżda fl-istess ħin jindirizzaw id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda f’konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online, miftiehem minn Facebook, Twitter, Microsoft u YouTube mal-Kummissjoni Ewropea f’Mejju 2016, jitlob ukoll li jkun hemm strumenti effettivi biex iġibu fi tmiem l-anonimità u biex jitwaqqfu accounts foloz kif ukoll biex jissorveljaw id-dark web, li spiss jintuża bħala mezz għat-tixrid ta’ kontenut radikali;

11.

Jieħu nota tar-raba’ evalwazzjoni dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali onlajn ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fl-4 ta’ Frar 2019. Jinnota li fi 72 % tal-każijiet, il-kumpaniji tal-IT parteċipanti tabilħaqq wieġbu għal notifiki ta’ diskors ta’ mibegħda billi neħħew il-kontenut. Fl-istess ħin jiddispjaċih li r-rata ta’ feedback lill-utenti naqset għal 65,4 %. Jirrakkomanda għalhekk li jiġi kkunsidrat li l-approċċ volontarju tal-Kodiċi jiġi kkumplimentat b’azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE.

12.

iħeġġeġ kooperazzjoni aħjar u komunikazzjoni kollaborattiva bejn il-livelli kollha ta’ governanza, il-pulizija, l-awtoritajiet ġudizzjarji u ġudizzjarji kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jiġu identifikati d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda fi stadju bikri, jiġu implimentati miżuri xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontrihom u tiġi żgurata investigazzjoni, prosekuzzjoni, kundanna u sentenza xierqa;

13.

iqis li huwa essenzjali li titwaqqaf sistema ta’ twissija f’kull Stat Membru, b’kooperazzjoni mal-UE u mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, għal appoġġ u gwida, sabiex il-persuni konoxxenzi jew tal-familja jkunu jistgħu jfittxu għajnuna malajr u faċilment jekk persuna tibda turi inklinazzjoni lejn l-estremiżmu vjolenti u r-reati ta’ mibegħda;

14.

jitlob appoġġ u solidarjetà mal-vittmi u x-xhieda kollha ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda u jinkoraġġihom jirrappurtaw tali mġiba lill-awtoritajiet rilevanti, li għandha tiżgura li l-vittmi u x-xhieda jkunu protetti; jitlob li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri u mekkaniżmi li jiffaċilitaw lill-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali biex jikkomunikaw b’mod aktar effettiv mal-vittmi, mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni;

15.

jirrimarka li l-istrumenti eżistenti ma żgurawx il-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-bniedem u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll mal-UE biex jiżviluppaw leġislazzjoni u strumenti effettivi għall-ġlieda kontra t-tixrid ta’ diskors ta’ mibegħda u l-inċitament għal reati ta’ mibegħda, f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (1);

16.

jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Presidenza Rumena tal-Kunsill tal-UE u lill-familji politiċi tal-UE.

Brussell, is-7 ta’ Frar 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  F’konformità mal-linji gwida tal-Grupp ta’ Livell Għoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza.


Top