Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CA0116

Kawżi magħquda C-116/16 u C-117/16: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Frar 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Østre Landsret — id-Danimarka) — Skatteministeriet vs T Danmark (C-116/16), Y Denmark Aps (C-117/16) (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti — Direttiva 90/435/KEE — Eżenzjoni tal-profitti mqassma minn kumpanniji ta’ Stat Membru lil kumpanniji ta’ Stat Membru ieħor — Sid benefiċjarju tal-profitti mqassma — Abbuż ta’ dritt — Kumpannija stabbilita fi Stat Membru u li tħallas lill-kumpannija assoċjata stabbilita fi Stat Membru ieħor dividendi li sussegwentement jiġu, totalment jew kważi totalment, ittrasferiti barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea — Sussidjarja suġġetta għall-obbligu li tiġbor t-taxxa f’ras il-għajn fuq il-profitti)

ĠU C 139, 15.4.2019, pp. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/7


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Frar 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Østre Landsret — id-Danimarka) — Skatteministeriet vs T Danmark (C-116/16), Y Denmark Aps (C-117/16)

(Kawżi magħquda C-116/16 u C-117/16) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet - Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti - Direttiva 90/435/KEE - Eżenzjoni tal-profitti mqassma minn kumpanniji ta’ Stat Membru lil kumpanniji ta’ Stat Membru ieħor - Sid benefiċjarju tal-profitti mqassma - Abbuż ta’ dritt - Kumpannija stabbilita fi Stat Membru u li tħallas lill-kumpannija assoċjata stabbilita fi Stat Membru ieħor dividendi li sussegwentement jiġu, totalment jew kważi totalment, ittrasferiti barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea - Sussidjarja suġġetta għall-obbligu li tiġbor t-taxxa f’ras il-għajn fuq il-profitti)

(2019/C 139/04)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Skatteministeriet

Konvenuti: T Danmark (C-116/16), Y Denmark Aps (C-117/16)

Dispożittiv

1)

Il-Kawżi C-116/16 u C-117/16 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)

Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jgħid li l-individwi ma jistgħux, b’mod frawdolenti jew abbużiv, jinvokaw normi tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq profitti ddistribwiti minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha, previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003, għandu, meta jkun hemm prattika frawdolenti jew abbużiva, jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli mill-awtoritajiet u mill-qrati nazzjonali, anki fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew ta’ konvenzjoni li jipprevedu tali rifjut.

3)

Il-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, għadd sħiħ ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ksib tiegħu. Il-preżenza ta’ għadd ta’ indizji tista’ tikkonferma l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt, sakemm dawn l-indizji jkunu oġġettivi u konkordanti. Tali indizji jistgħu jkunu, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ kumpanniji conduit li ma għandhomx ġustifikazzjoni ekonomika u n-natura purament formali tal-istruttura tal-grupp ta’ kumpanniji, tal-arranġament finanzjarju u tas-self.

4)

Sabiex tirrifjuta li tirrikonoxxi lil kumpannija l-kwalità ta’ sid benefiċjarju tad-dividendi, jew sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt, awtorità nazzjonali ma hijiex obbligata li tidentifika l-entità jew l-entitajiet li hija tqis li huma s-sidien benefiċjarji ta’ dawn id-dividendi.

5)

F’sitwazzjoni fejn is-sistema, prevista fid-Direttiva 90/435, kif emendata bid-Direttiva 2003/123, ta’ eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti ta’ Stat Membru lil kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor ma hijiex applikabbli minħabba l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ frodi jew ta’ abbuż, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, l-applikazzjoni tal-libertajiet sanċiti fit-Trattat FUE ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi kkontestata l-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru li tirregola l-intaxxar ta’ dawn id-dividendi.


(1)  ĠU C 270, 25.07.2016


Top