EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019XC0325(02)

Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja

C/2019/2164

ĠU C 111, 25.3.2019, p. 47–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 111/47


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja

(2019/C 111/12)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) iddeċidiet b’inizjattiva tagħha stess li tniedi rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Prodott taħt rieżami

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa l-polietilentereftalat (PET) li għandu numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3907 61 00 u li joriġina mill-Indja (“il-prodott taħt rieżami”).

2.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri li attwalment huma fis-seħħ huma dazju kompensatorju definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 461/2013 tal-21 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 (2) (“ir-Regolament 461/2013”), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1468 tal-1 ta’ Ottubru 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 461/2013 (“ir-Regolament 2018/1468”) (3). Il-miżuri fis-seħħ jikkonsistu f’dazji speċifiċi. Fit-22 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni nediet rieżami ta’ skadenza (4).

3.   Raġunijiet għar-rieżami

Hemm biżżejjed evidenza li turi li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom il-miżuri eżistenti ġew imposti nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema.

Din l-evidenza hija relatata mal-kuntest speċifiku tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet u tal-miżuri antidumping u kompensatorji fl-investigazzjoni oriġinali kif ukoll iż-żieda fl-importanza tas-sussidji li jipprovdu benefiċċji finanzjarji li huma l-aktar proporzjonati għall-valur tal-esportazzjonijiet. Il-premessa (134) tar-Regolament 2018/1468 speċifikat li, għall-kuntrarju tal-investigazzjoni oriġinali, id-dazji speċifiċi ma jistgħux jibqgħu l-aktar forma xierqa ta’ miżuri. Dan minħabba li ż-żewġ skemi ewlenin ta’ sussidju li ġew identifikati matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami (l-Iskema tar-Restituzzjoni tad-Dazju u l-Iskema għall-Esportazzjonijiet tal-Merkanzija mill-Indja) jagħtu benefiċċji finanzjarji li huma fil-parti l-kbira tagħhom marbutin mal-prezz tal-esportazzjoni. Dan jimplika li l-ammont ta’ sussidji kompensatorji jiżdied b’żieda fil-prezz tal-esportazzjoni.

4.   Proċedura

Meta stabbiliet, wara li infurmat lill-Istati Membri, li hemm biżżejjed evidenza sabiex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ rieżami interim parzjali limitat għall-forma tal-miżuri, il-Kummissjoni qed tniedi rieżami skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament bażiku. It-tnedija hija appoġġjata mill-Kumitat tal-Manifatturi tal-PET fl-Ewropa. L-investigazzjoni se teżamina jekk l-użu ta’ dazji speċifiċi għadux xieraq jew jekk il-miżuri kompensatorji jkunux jirriflettu l-bidla fiċ-ċirkustanzi b’mod aktar xieraq billi jieħdu l-forma ta’ dazji ad valorem fil-livelli korrispondenti li diġà ġew stabbiliti f’investigazzjonijiet preċedenti:

Kumpanija

Dazju kompensatorju (EUR/tunnellata) (5)

Taxxa kompensatorja (%) (6)

Reliance Industries Limited

29,21

4,0 %

Pearl Engineering Polymers Ltd

74,6

13,8 %

Senpet Ltd

22,0

4,43 %

Futura Polyesters Ltd

0

0 %

Dhunseri Petrochem Limited

18,73

2,3 %

IVL Dhunseri Petrochem Industries Private Limited

18,73

2,3 %

Micro Polypet Pvt. Ltd

18,73

2,3 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

69,4

13,8 %

Waqt li twettaq l-investigazzjoni, il-Kummissjoni tista’, fost affarijiet oħra, tqis jekk iċ-ċirkustanzi nbidlux b’mod sinifikanti.

Il-Gvern tal-Indja ġie mistieden għall-konsultazzjonijiet.

Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018, (il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI) introduċa għadd ta’ tibdiliet fl-iskeda ta’ żmien u fl-iskadenzi li kienu applikabbli preċedentement fi proċedimenti antisussidji (8). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jirrispettaw il-passi proċedurali u l-iskadenzi pprovduti f’din in-Notifika kif ukoll f’komunikazzjonijiet oħrajn mill-Kummissjoni.

4.1.   Sottomissjonijiet bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn rigward l-adegwatezza li tinbidel il-forma tal-miżuri. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.2.   Partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

Il-fatt li wieħed jitqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq din il-paġna sabiex ikollok aċċess.

4.3.   Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta. Is-seduta ta’ smigħ se tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mat-tnedija ta-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

4.4.   Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Jenħtieġ li l-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali jenħtieġu li jiġu mmarkati bħala “Limited” (Ristretti) (9). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali

Partijiet li jagħtu informazzjoni “Limited” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Jenħtieġ li dawn is-sommarji jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora din l-informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew fuq DVD bl-idejn jew permezz tal-posta rreġistrata. Meta jużaw il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (10). Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi vverifikat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: TRADE-R699-PET@ec.europa.eu

5.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.   Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien ħamest ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi obbligatorji, il-Kummissjoni mhijiex se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali.

7.   Estensjoni tal-iskadenzi speċifikati f’din in-Notifika

Kwalunkwe estensjoni tal-iskadenzi previsti f’din in-Notifika tista’ tintalab biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata.

L-estensjonijiet tal-iskadenza biex il-kwestjonarji jiġu kompluti jistgħu jingħataw, jekk debitament ġustifikati, u normalment ikunu limitati sa tlett ijiem addizzjonali. Bħala regola, dawn l-estensjonijiet ma jaqbżux sebat ijiem. Rigward il-perjodi ta’ żmien għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata f’din in-Notifika, l-estensjonijiet se jkunu limitati, bħala regola, għal tlett ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

8.   Nonkooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ skadenza stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nonkooperazzjoni, dment li l-parti interessata kkonċernata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

9.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u kull talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Fil-prinċipju, l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsima 4.3 sabiex jintalbu seduti ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

10.   Ipproċessar ta’ data personali

Kull data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/157639.htm


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)  ĠU L 137, 23.5.2013, p. 1.

(3)  ĠU L 246, 2.10.2018, p. 3.

(4)  In-Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja (ĠU C 173, 22.5.2018, p. 9).

(5)  Sors: ir-Regolament (UE) Nru 461/2013 kif emendat bir-Regolament 2018/1468.

(6)  Sors: ir-Regolament (UE) 2018/1468 (għal Reliance Industries Limited, Dhunseri Petrochem Limited, IVL Dhunseri Petrochem Industries Private Limited and Micro Polypet Pvt. Ltd) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1286/2008 tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 193/2007, li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ polyethtlene terephthalate, li joriġina mill-Indja u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu polyethtlene terephthalate, li joriġina, inter alia, fl-Indja (ĠU L 340, 19.12.2008, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

(8)  “Short overview of the deadlines and timelines in the investigative process” fis-sit web tad-DĠ Kummerċ http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2018/june/tradoc_156922.pdf

(9)  Dokument immarkat “Limited” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 2016/1037 (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kompensatorji. Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(10)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


Top