Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018XC1206(11)

    Notifika ta’ bidu ta’ proċediment kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw fl-Indoneżja

    C/2018/8061

    ĠU C 439, 6.12.2018, p. 16–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 439/16


    Notifika ta’ bidu ta’ proċediment kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw fl-Indoneżja

    (2018/C 439/15)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil, li joriġinaw mill-Indoneżja, qegħdin ikunu sussidjati u b’hekk qegħdin joħolqu dannu materjali (2) lill-industrija tal-Unjoni.

    1.   Ilment

    L-ilment tressaq fit-22 ta’ Ottubru 2017 mill-European Biodiesel Board (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-bijodiżil tal-Unjoni.

    Verżjoni miftuħa tal-ilment u l-analiżi tal-livell ta’ sostenn għall-ilment minn produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ dan l-Avviż tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.

    2.   Prodott li qed jiġi investigat

    Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa esteri monoalkiliċi tal-aċidi grassi u/jew żjut tal-gass paraffiniċi miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, magħruf bħala ‘bijodiżil’, f’forma pura jew kif inklużi f’taħlita (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż (3).

    3.   Allegazzjoni ta’ sussidju

    Il-prodott li allegatament qed jiġi ssussidjat huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina fl-Indoneżja (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 1516 20 98 (kodiċijiet TARIC 1516209821, 1516209829 u 1516209830), ex 1518 00 91 (kodiċijiet TARIC 1518009121, 1518009129 u 1518009130), ex 1518 00 95 (kodiċijiet TARIC 1518009510), ex 1518 00 99 (kodiċijiet TARIC 1518009921, 1518009929 u 1518009930), ex 2710 19 43 (kodiċijiet TARIC 2710194321, 2710194329 u 2710194330), ex 2710 19 46 (kodiċijiet TARIC 2710194621, 2710194629 u 2710194630), ex 2710 19 47 (kodiċijiet TARIC 2710194721, 2710194729 u 2710194730), 2710 20 11, 2710 20 15, 2710 20 17, ex 3824 99 92 (kodiċijiet TARIC 3824999210, 3824999212 u 3824999220), 3826 00 10 u ex 3826 00 90 (kodiċijiet TARIC 3826009011, 3826009019 u 3826009030). Dawn il-kodiċijiet NM u TARIC qed jingħataw għall-informazzjoni biss.

    Il-Kummissjoni tqis li l-ilment jinkludi evidenza suffiċjenti li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat mill-Indoneżja bbenefikaw minn għadd ta’ sussidji fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet u/jew dħul jew sostenn tal-prezzijiet mogħtija mill-Gvern tal-Indoneżja.

    Il-prattiki allegati ta’ sussidju jikkonsistu, inter alia, f’dawn li ġejjin:

    (i)

    trasferiment dirett ta’ fondi bħal sussidji diretti mogħtija permezz tal-Fond tas-Sussidju għall-Bijodiżil jew l-għoti ta’ finanzjament għall-esportazzjoni u ta’ garanziji b’termini preferenzjali mill-Indonesian Eximbank, u sussidji mogħtija lill-industrija taż-żejt tal-palm li jibbenefikaw lill-produtturi tal-bijodiżil;

    (ii)

    dħul tal-gvern rinunzjat jew mhux miġbur, bħal Benefiċċji tat-Taxxa fuq id-Dħul għal investimenti elenkati, sussidji fuq art industrijali, Benefiċċji tat-Taxxa għal Industriji Pijuniera, faċilità fuq id-dazju tal-Importazzjoni u eżenzjoni tat-Taxxa fuq il-VAT; kif ukoll

    (iii)

    forniment mill-gvern ta’ prodotti u ta’ servizzi għal remunerazzjoni mhux adegwata biżżejjed, pereżempju l-forniment ta’ żejt tal-palm (CPO).

    L-ilmentatur jallega wkoll li l-miżuri ta’ hawn fuq jammontaw għal sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Indoneżja (inklużi l-korpi pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-prodott li qed jiġi investigat. Dawn huma allegatament limitati għal ċerti impriżi jew industriji jew grupp ta’ impriżi u/jew kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u għaldaqstant huma speċifiċi u kumpensabbli. Fuq dik il-bażi, l-ammonti ta’ sussidju allegati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

    Fid-dawl tal-Artikoli 10(2) u 10(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħejjiet memorandum dwar is-suffiċjenza ta’ evidenza, li jinkludi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evidenza kollha li għandha u li abbażi tagħha l-Kummissjoni tibda l-investigazzjoni. Dan il-memorandum jinsab fil-fajl li jista’ jiġi vverifikat mill-partijiet interessati.

    Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga sussidji rilevanti oħrajn li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.

    4.   Allegazzjonijiet ta’ dannu u rabta ta’ kawżalità

    L-ilmentatur jipprovdi evidenza li l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem fis-suq b’rata sinifikanti li tindika l-possibbiltà ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet. Barra minn hekk, huwa allegat li l-importazzjonijiet qed jidħlu fl-Unjoni bi prezzijiet li diġà kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet tal-bejgħ, il-kwantitajiet mibjugħa, is-sehem mis-suq u l-profitti tal-industrija tal-Unjoni.

    Barra minn hekk, l-ilmentatur jipprovdi evidenza li hemm kapaċità suffiċjenti liberament disponibbli fl-Indoneżja li tindika l-possibbiltà ta’ importazzjonijiet sostanzjalment miżjuda.

    Barra minn hekk, in-natura tal-allegati sussidji inkwistjoni hija tali li x’aktarx tikkawża effetti kummerċjali negattivi.

    Huwa allegat ukoll li l-fluss tal-importazzjonijiet sussidjati x’aktarx li jiżdied sustanzjalment iżjed minħabba t-tnaqqis riċenti u t-terminazzjoni sussegwenti tal-miżuri antidumping fis-seħħ kontra importazzjonijiet, tal-prodott li qed jiġi investigat, lejn l-Unjoni (4) kif ukoll l-impożizzjoni riċenti ta’ miżuri kompensatorji fl-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”) kontra l-prodott li qed jiġi investigat. Dan jindika possibbilià ta’ ridirezzjoni ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li twassal għal żieda sostanzjali ta’ importazzjonijiet sussidjati. L-ilmentatur jallega li dawn il-bidliet fiċ-ċirkustanzi huma mistennija b’mod ċar u imminenti. Dannu materjali jseħħ minħabba l-imminenza ta’ aktar importazzjonijiet sussidjati.

    L-ilmentatur jallega wkoll li l-fluss qawwi ta’ importazzjonijiet inġusti huwa l-kawża ewlenija ta’ dannu u li ma hemmx fatturi oħra li jidhru li jimmitigaw ir-rabta kawżali.

    Il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza li turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq il-livelli ta’ prezzijiet mitluba, bir-riżultat ta’ effetti sostanzjali mhux mixtieqa fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni.

    5.   Proċedura

    Wara li stabbilixxiet, wara li infurmat lill-Istati Membri, li sar ilment mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

    L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina fil-pajjiż kkonċernat hux qed jiġi sussidjat u jekk dawn l-importazzjonijiet sussidjati ikkawżawx dannu jew qed jheddu li jikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

    Jekk il-konklużjonijiet ikunu affermattivi, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

    Il-Gvern tal-Indoneżja ġie mistieden għall-konsultazzjonijiet.

    Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018, (il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI) daħħal, fost affarijiet oħra, numru ta’ tibdiliet fl-iskeda ta’ żmien u fl-iskadenzi li kienu applikabbli preċedentement fi proċedimenti antisussidji. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha bżonn tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji tliet (3) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-limiti ta’ żmien għall-partijiet interessati biex jipprovdu evidenza, b’mod partikolari fl-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, tqassru. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jirrispettaw il-passi proċedurali u l-iskadenzi pprovduti f’din in-Notifika kif ukoll f’komunikazzjonijiet ulterjuri mill-Kummissjoni.

    5.1.    Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu taħt kunsiderazzjoni

    L-investigazzjoni ta’ sussidjar u dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2017 sat-30 ta’ Settembru 2018 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

    5.2.    Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dannu u ma’ rabta ta’ kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż.

    Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż.

    5.3.    Proċedura għad-determinazzjoni tas-sussidjar

    Il-produtturi esportaturi (6) tal-prodott investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Partijiet oħra li mingħandhom il-Kummissjoni se tfittex informazzjoni rilevanti biex tiddetermina l-eżistenza u l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli konferiti fuq il-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna wkoll biex jikkooperaw mal-Kummissjoni kemm jista’ jkun.

    5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

    5.3.1.1.   Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fil-pajjiż ikkonċernat

    (a)   Kampjunar

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir b’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

    B’hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, mitluba fl-Anness I ta’ dan l-Avviż fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula biex ikunu fil-kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

    Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-Kummissjoni se żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tal-avviż tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

    Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2364).

    Il-kwestjonarju se jkun disponibbli wkoll għal kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ produtturi esportaturi magħrufa, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li jkunu kkompletaw l-Anness I fl-iskadenza speċifikata u li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun”). Mingħajr preġudizzju għat-taqsima 5.3.1(b) hawn taħt, id-dazju kumpensatorju li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw, ma għandux jaqbeż l-ammonti medji ponderati tas-sussidjar stabbiliti għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (7).

    (b)   Ammont individwali ta’ sussidjar kompensabbli għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun

    Skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-ammont ta’ sussidju individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal ammont ta’ sussidju individwali jridu jikkompletaw il-kwestjonarju u jirritornawh komplut kif dovut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2364).

    Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħux jingħataw ammont ta’ sussidju individwali skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku.

    Madankollu, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun li jitolbu ammont ta’ sussidju individwali, jenħtieġ li jkunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tistabbilix l-ammont ta’ sussidju individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun tant ikun kbir li tali stabbiliment ikun wisq diffiċli li jsir u minħabba fih l-investigazzjoni ma tkunx tista’ titlesta fil-ħin.

    5.3.2.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (8) (9)

    Importaturi mhux relatati tal-prodott investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

    Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir b’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

    B’hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, mitluba fl-Anness II ta’ dan l-Avviż fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-importaturi.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

    Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tal-avviż tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tpoġġi għad-dispożizzjoni kwestjonarji għall-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawk il-partijiet iridu jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-importaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ (http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2364).

    5.4.    Proċedura għall-istabbiliment tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    L-istabbiliment tad-dannu jissejjes fuq evidenza pożittiva u jinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet issussidjati, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li jkun qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    Minħabba l-għadd kbir ta’ produtturi kkonċernati tal-Unjoni u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-għadd tal-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

    B’mod proviżorju, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. B’hekk, il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi magħrufa kollha tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet magħrufa kollha tal-produtturi tal-Unjoni dwar il-kumpaniji li finalment jkunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

    Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2364).

    5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidjar u ta’ dannu kkawżati minnu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri kontra s-sussidju tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur u t-trejdjunjins tal-Unjoni huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni.

    L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles jew inkella billi jiġi komplut kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott li qed jiġi rieżaminat, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2364). F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija 21 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

    5.6.    Partijiet interessati

    Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trejdunjins u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

    Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li ppreżentaw informazzjoni disponibbli b’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3, 5.4 u 5.5 ta’ hawn jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

    Partijiet oħra jkunu jistgħu jieħdu sehem biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jagħmlu lilhom infushom magħrufa, u diment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

    L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna sabiex ikollok aċċess.

    5.7.    Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti mill-partijiet interessati bil-miktub minn qabel.

    L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġejja:

    Għal kwalunkwe seduta ta’ smigħ li ssir qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż u s-seduta ta’ smigħ normalment isseħħ fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż.

    Wara l-istadju proviżorju, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data tal-iżvelar proviżorju jew tad-dokument ta’ informazzjoni, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tal-iżvelar jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni.

    Fl-istadju definittiv, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tal-iżvelar finali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fil-perjodu mogħti biex isiru kummenti dwar l-iżvelar finali. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli jasal dan l-iżvelar finali addizzjonali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir sal-iskadenza sabiex jiġu pprovduti kummenti dwar dan l-iżvelar.

    L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali rifjut.

    Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

    5.8.    Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

    L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni soġġetta/i għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-Avviż, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Limited” (10). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

    Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Limited” huma mitluba jfasslu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties”. Jenħtieġ li dawk is-sommarji jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

    Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu ppreżentati fuq CD-R jew fuq DVD bl-idejn jew permezz tal-posta rreġistrata. Meta jużaw il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u jridu jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jaħdem u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal aktar regoli u tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati jinħtieġ li jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: CHAR 04/039

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Indirizzi tal-posta elettronika:

    Sussidju

    :

    TRADE-AS650-BIODIESEL-SUBSIDY@ec.europa.eu

    Dannu

    :

    TRADE-AS650-BIODIESEL-INJURY@ec.europa.eu

    6.   Skeda tal-investigazzjoni

    Skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, normalment l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, iżda mhux iktar minn 13-il xahar, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż. Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, normalment il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ (9) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż.

    Skont l-Artikolu 29a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji tliet (3) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu din l-informazzjoni bil-miktub fi żmien erba’ (4) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż. Il-partijiet interessati se jingħataw tlett (3) ijiem tax-xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm il-kalkoli huma preċiżi.

    F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli l-investigazzjoni, il-partijiet interessati se jiġu infurmati bil-miktub bin-nuqqas ta’ impożizzjoni tad-dazji tliet (3) ġimgħat qabel l-iskadenza tat-terminu skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku.

    Fil-prinċipju, il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Fejn ikun applikabbli, l-iżvelar finali addizzjonali jispeċifika l-iskadenza għall-partijiet interessati biex jikkummentaw bil-miktub.

    7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

    Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni biss fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ dan l-Avviż. Il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra mhux koperta minn dawk it-taqsimiet jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:

    Kwalunkwe informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar proviżorju jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju proviżorju. Lil hinn minn tali skadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida diment li tali partijiet ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex jirribattu l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn partijiet interessati oħra u diment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

    Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.

    8.   Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

    Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

    Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

    Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, isir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tal-konstatazzjonijiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien tlett (3) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien jum wieħed (1) mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

    9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’dan l-Avviż

    Kwalunkwe estensjoni tal-limiti ta’ żmien previsti f’dan l-Avviż tista’ tintalab biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata.

    L-estensjonijiet tal-iskadenza biex il-kwestjonarji jiġu kompluti jistgħu jingħataw, jekk debitament ġustifikati, u normalment ikunu limitati sa tlett (3) ijiem addizzjonali. Bħala regola, tali estensjonijiet ma jaqbżux sebat (7) ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata f’dan l-Avviż, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

    10.   Nonkooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, konstatazzjonijiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, diment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja l-Kummissjoni minnufih.

    11.   Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

    L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

    Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u malajr sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Fil-prinċipju, l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsima 5.7 sabiex jintalbu seduti ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.

    Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

    12.   Ipproċessar ta’ data personali

    Id-data personali kollha miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ din id-data (11).


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, pa. 55.

    (2)  It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għat-theddida ta’ dannu materjali jew dewmien materjali tal-istabbiliment ta’ industrija kif stabbilit fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament bażiku.

    (3)  Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż jimplikaw pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (4)  Ara rispettivament ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1578 tat-18 ta’ Settembru 2017 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1194/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU L 239, 19.9.2017, p. 9) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1570 tat-18 ta’ Ottubru 2018 li jtemm il-proċedimenti li jikkonċernaw l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw fl-Arġentina u l-Indoneżja u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1194/2013 (ĠU L 262, 19.10.2018, p. 40).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

    (6)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u li tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament jew inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata tagħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat.

    (7)  Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, kwalunkwe ammont żero u de minimis ta’ sussidji kompensabbli u l-ammonti ta’ sussidji kompensabbli stabbiliti fiċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku għandhom jitwarrbu.

    (8)  Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jikkompletaw l-Anness I ta’ dan l-Avviż għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma maħruġa bid-dritt tal-vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe relazzjoni segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali; (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

    (9)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll fir-rigward ta’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni apparti d-determinazzjoni tas-sussidjar.

    (10)  Dokument “Limited” huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    ANNESS I

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS II

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Top