This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017TN0181
Case T-181/17: Action brought on 18 August 2017 — PC v EASO
Kawża T-181/17: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Awwissu 2017 – PC vs EASO
Kawża T-181/17: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Awwissu 2017 – PC vs EASO
ĠU C 357, 23.10.2017, p. 13–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.10.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 357/13 |
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Awwissu 2017 – PC vs EASO
(Kawża T-181/17)
(2017/C 357/18)
Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż
Partijiet
Rikorrenti: PC (rappreżentant: L. Railas, avukat)
Konvenut: L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO)
Talbiet
— |
tordna lill-EASO jannulla u jeqred id-dokument anonimu li jagħmel ħsara lid-dinjità tar-rikorrenti u li jinsab fid-deċiżjoni motivata tal-15 ta’ Ġunju 2016, kif ukoll tordna lill-EASO jadotta deċiżjoni ġdida fir-rigward tad-Deċiżjoni EASO/ED/2015/358 li kienet datata b’mod retroattiv u li fuq il-bażi tagħha ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ tkeċċija EASO/HR/2015/607, li l-annullament tagħha ntalab fil-kuntest tal-Kawża T-610/16; |
— |
tordna lill-EASO jneħħi d-diversi fajls personali tar-rikorrenti li nżammu b’mod separat, kif ukoll tordna lill-EASO jżomm, inkonformità mal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fajl personali wieħed biss dwar ir-rikorrenti, li l-atti inklużi fih ikunu konformi mar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li jneħħi mill-fajl personali tar-rikorrenti d-dokumenti miktubin bl-idejn li ma humiex rilevanti u li ma humiex identifikati b’ċertezza sħiħa; |
— |
tordna lill-EASO jinvestiga l-oriġini tad-dokument EASO/ED/2015/358, tordna lill-Bord tat-Tmexxija tal-EASO jadotta miżuri fil-konfront tan-nuqqasijiet amministrattivi tal-EASO, inkonformità mal-Artikolu 29[(1)](b) u mal-Artikolu 31(6) tar-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Mejju 2010, li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU 2010, L 132, p. 11), kif ukoll tordna lill-EASO jħallas kumpens ta’ EUR 30 000 lir-rikorrenti minħabba ksur tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jirriżulta mill-adozzjoni ta’ miżura individwali li tippreġudikaha; |
— |
tordna lill-EASO jinvestiga l-fastidju psikoloġiku li ġarrbet ir-rikorrenti, tordna lill-EASO u lill-Bord tat-Tmexxija tiegħu jadottaw miżuri kontra l-persuni responsabbli għal dan il-fastidju, kif ukoll tordna lill-EASO jħallas kumpens ta’ EUR 30 000 għal dan in-nuqqas amministrattiv mifrux fuq perijodu twil ta’ żmien; |
— |
tordna lill-EASO jinvestiga l-iżvelar ta’ dokumenti kunfidenzjali li jikkonċernaw lir-rikorrenti lil terzi mhux awtorizzati, kif ukoll tordna lill-EASO u lill-Bord tat-Tmexxija tiegħu jadottaw miżuri kontra l-persuni responsabbli għal dan l-iżvelar u jħallsu lir-rikorrenti kumpens ta’ EUR 20 000 għal dan in-nuqqas amministrattiv; |
— |
tordna lill-EASO jinvestiga l-ksur tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tordna lill-EASO u lill-Bord tat-Tmexxija tiegħu jadottaw miżuri kontra l-persuni responsabbli għal dan il-ksur u jħallsu lir-rikorrenti kumpens ta’ EUR 20 000 għal dan in-nuqqas amministrattiv; |
— |
tordna lill-EASO jistabbilixxi mill-ġdid ir-relazzjoni ta’ impjieg remunerata mar-rikorrenti għal perijodu mhux interrott ta’ ħames snin, kif ukoll tordna lill-EASO jħallas lir-rikorrenti, bħala kumpens, ir-remunerazzjoni, il-benefiċċji u l-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni dovuti mill-persuna li timpjega għall-perijodu li jikkorrispondi għaż-żmien li fih ma kinitx impjegata fil-pożizzjoni tagħha u sakemm tiġi stabbilita mill-ġdid fil-pożizzjoni tagħha; |
— |
sussidjarjament, fil-każ li l-EASO ma jkunx jista’ jistabbilixxi mill-ġdid ir-relazzjoni ta’ impjieg remunerata mar-rikorrenti, tordna lill-EASO jħallas lir-rikorrenti, bħala kumpens, ir-remunerazzjoni, il-benefiċċji u l-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni dovuti mill-persuna li timpjega għall-perijodu ta’ impjieg għal perijodu mhux interrott ta’ ħames snin; |
— |
tordna lill-EASO jħallas lir-rikorrenti kumpens ta’ EUR 30 000 għad-danni morali li hija ġarrbet, jiġifieri għall-ħsara psikoloġika li hija ġarrbet minħabba l-mod kif l-EASO applika d-dritt għal smigħ bi ksur tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; u |
— |
tikkdunanna lill-EASO għall-ispejjeż legali tar-rikorrenti. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1. |
L-ewwel motiv: il-fastidju psikoloġiku li kienet suġġetta għalih ir-rikorrenti b’mod sistematiku u rrepetut u li kien organizzat u mmexxi mis-superjur ġerarkiku tagħha. Dan il-fastidju wassal, b’mod partikolari, għal kundizzjonijiet ta’ xogħol mhux normali matul il-perijodu ta’ prova tagħha, li għalhekk ma kienx ikkaratterizzat minn onesta u imparzjalità iżda minn miżuri awtoritarji, manipulazzjonijiet u kritika inadegwata espressa pubblikament fil-konfront tar-rikorrenti. |
2. |
It-tieni motiv: id-deċiżjoni motivata EASO/HR/2016/525 tinkludi dokument ibbażat fuq dikjarazzjonijiet anonimi li ma għandu ebda konnessjoni mat-tkeċċija tar-rikorrenti u li ma jinsabx fil-fajl personali tagħha. |
3. |
It-tielet motiv: l-EASO ċaħħad lir-rikorrenti mid-drittijiet tad-difiża tagħha meta adotta d-dokument EASO/ED/2015/358 b’mod retroattiv, bi ksur tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
4. |
Ir-raba’ motiv: l-EASO mmalafama lir-rikorrenti, anki barra mill-EASO, b’mod partikolari minħabba l-fatt li bagħat lill-Ombudsman Ewropew id-deċiżjoni motivata EASO/HR/2016/525, li tinkludi dokument infondat, irrilevanti u mhux ikkonfermat fir-rigward tar-rikorrenti. |
5. |
Il-ħames motiv: l-EASO, bi ksur tal-Artikoli 17 u 19 tar-Regolamenti tal-Persunal, żvela dokumenti kunfidenzjali li jikkonċernaw lir-rikorrenti lil terzi li ma kellhom l-ebda dritt għall-aċċess għal dawn id-dokumenti. |
6. |
Is-sitt motiv: l-EASO kiser ir-regoli dwar il-koerenza tal-fajls peress li żamm żewġ fajls personali differenti fir-rigward tar-rikorrenti u rrifjuta, bi ksur tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrikonoxxi bħala rilevanti l-informazzjoni li tinsab fil-fajl personali miftuħ. |