Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IR0032

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Spinta lin-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu fl-Ewropa: perspettiva reġjonali u lokali

ĠU C 342, 12.10.2017, p. 43–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Spinta lin-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu fl-Ewropa: perspettiva reġjonali u lokali

(2017/C 342/07)

Relatur:

Is-Sur Truskolaski (PL/AE), Sindku tal-Belt ta’ Białystok

Referenza:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta' ristrutturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE

COM(2016) 723 final

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu

COM(2016) 733 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tneħħi l-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, bħall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment , li jirriżultaw minn differenzi bejn il-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali dwar ir-ristrutturar tal-prevenzjoni, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità. Din id-Direttiva timmira li tneħħi dawn l-ostakli billi tiżgura li l-impriżi vijabbli f’diffikultajiet finanzjarji jkollhom aċċess għal oqfsa nazzjonali effettivi ta’ ristrutturar preventiv li jippermettulhom jibqgħu jaħdmu; li l-imprendituri onesti li jkollhom dejn eċċessiv ikollhom it-tieni opporutnità wara ħelsien sħiħ mid-dejn wara perjodu ta’ żmien raġonevoli; u li l-effettività tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn tiġi mtejba, b’mod partikolari bil-għan li titnaqqas id-durata tagħhom.

L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tneħħi l-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet marbuta mas-suq intern , li jirriżultaw minn differenzi bejn il-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali dwar ir-ristrutturar tal-prevenzjoni, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità. Din id-Direttiva timmira li tneħħi dawn l-ostakli billi tiżgura li l-impriżi vijabbli f’diffikultajiet finanzjarji jkollhom aċċess għal oqfsa effettivi ta’ ristrutturar preventiv li jippermettulhom jibqgħu jaħdmu; li l-imprendituri onesti li jkollhom dejn eċċessiv ikollhom it-tieni opportunità wara ħelsien sħiħ mid-dejn wara perjodu ta’ żmien raġonevoli; u li l-effettività tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn tiġi mtejba, b’mod partikolari bil-għan li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti marbuta mal-konsultazzjoni tal-ħaddiema (l-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) u titnaqqas id-durata tagħhom. Is-soluzzjonijiet preventivi magħrufa xi drabi bħala “pre-pack” huma parti minn xejra dejjem tikber tad-dritt tal-insolvenza moderna li tiffavorixxi approċċi li, b’differenza minn dak tradizzjonali għal-likwidazzjoni tal-impriża f’diffikultà, għandhom l-għan li jirkuprawha jew tal-anqas li jsalvaw l-unitajiet tagħha li jkunu għadhom ekonomikament vijabbli.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 2

Arikolu 1(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(a)

il-proċeduri ta’ ristrutturar preventiv disponibbli għad-debituri f'diffikultà finanzjarja meta jkun hemm probabbiltà ta’ insolvenza;

(a)

il-proċeduri ta’ ristrutturar preventiv disponibbli għad-debituri f’diffikultà finanzjarja meta jkun hemm probabbiltà ta’ insolvenza li jippruvaw isolvu diffikultà ta’ darba, inaqqsu l-obbligazzjonijiet dovuti lill-kredituri kollha jew uħud minnhom jew jittrasferixxu l-attivitajiet vijabbli kollha jew uħud minnhom lil xi impriża oħra taħt kundizzjonijiet li jagħtu lill-kredituri dividend tal-anqas daqs dak li kienu jirċievu f’każ ta’ likwidazzjoni ;

Raġuni

Evidenti.

Emenda 3

Arikolu 3(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri u l-imprendituri jkollhom aċċess għal għodod ta’ twissija bikrija li jistgħu jindividwaw żvilupp tan-negozju li jkun qed jiddeterjora u jissenjalaw lid-debitur jew lill-imprenditur il-ħtieġa li tittieħed azzjoni bħala kwistjoni ta’ urġenza.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri u l-imprendituri ,kif ukoll il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom, ikollhom aċċess għal għodod ta’ twissija bikrija li jistgħu jindividwaw żvilupp tan-negozju li jkun qed jiddeterjora u jissenjalaw lid-debitur jew lill-imprenditur il-ħtieġa li tittieħed azzjoni bħala kwistjoni ta’ urġenza.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 4

Artikolu 3(2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri u l-imprendituri jkollhom aċċess għal informazzjoni rilevanti, aġġornata, ċara, konċiża u faċli għall-utent dwar id-disponibbiltà ta' għodod ta' twissija bikrija u kull mezz disponibbli għalihom sabiex jirristrutturaw fi stadju bikri jew biex jiksbu ħelsien minn dejn personali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri u l-imprendituri , kif ukoll il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom, ikollhom aċċess għal informazzjoni rilevanti, aġġornata, ċara, konċiża u faċli għall-utent dwar id-disponibbiltà ta’ għodod ta’ twissija bikrija u kull mezz disponibbli għalihom sabiex jirristrutturaw fi stadju bikri jew biex jiksbu ħelsien minn dejn personali.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 5

Arikolu 3(3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-aċċess previst fil-paragrafi 1 u 2 lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jew għall-imprendituri

 

Raġuni

Mhuwiex ċar għaliex u skont liema kriterji (numru ta’ impjegati, fatturat, eċċ.) ċerti kumpaniji għandhom jiġu esklużi mill-mekkaniżmi ta’ twissija bikrija.

Emenda 6

Artikolu 4 (paragrafu ġdid wara l-Artikolu 4(4)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

L-Istati Membri jeħtieġ jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu lill-ħaddiema jikkunsidraw il-possibbiltà li, qabel ir-ristrutturar, issir buy-out ta’ kumpanija billi tiġi ffurmata kooperattiva, inkluż li jidħlu f’diskussjonijiet ma’ kredituri, amministraturi, awdituri, istituzzjonijiet finanzjarji, trejdjunjins u awtoritajiet pubbliċi sabiex tingħata alternattiva ta’ buy-out vijabbli u fit-tul li ma tkunx meqjusa bħala l-aħħar rimedju.

Raġuni

It-telf ta’ riżorsi f’każ ta’ negozju li jkun għaddej minn ristrutturar kbir jew likwidazzjoni huwa telfa għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi. Sabiex in-negozju jissalva, l-għażliet kollha possibbli għandhom ikunu disponibbli, inkluża l-possibbiltà li n-negozju jinbidel f’kooperattiva.

Emenda 7

Artikolu 8(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(f)

it-termini tal-pjan, li jinkludu, imma mhux limitati għal:

(i)

it-tul ta’ żmien propost tiegħu;

(ii)

kwalunkwe proposta li permezz tagħha d-djun huma skedati mill-ġdid jew rinunzjati jew mibdula f’forom ta’ obbligi oħra;

(iii)

kull finanzjament ġdid antiċipat bħala parti mill-pjan ta’ ristrutturar;

(F)

it-termini tal-pjan, li jinkludu, imma mhux limitati għal:

(i)

it-tul ta’ żmien propost tiegħu;

(ii)

kwalunkwe proposta li permezz tagħha d-djun huma skedati mill-ġdid jew rinunzjati jew mibdula f’forom ta’ obbligi oħra;

(iii)

kull finanzjament ġdid antiċipat bħala parti mill-pjan ta’ ristrutturar;

(iv)

l-impatti għall-ħaddiema u s-sottokuntratturi tal-pjanijiet ta’ ristrutturar;

(v)

l-impatti fuq il-pensjonijiet tal-ħaddiema rtirati;

Raġuni

Evidenti.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu”. Fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni taġġorna u tippreserva n-natura omoġenja tas-Small Business Act;

2.

jaqbel mat-tħassib espress fil-Komunikazzjoni dwar l-impatt negattiv tal-frammentazzjoni li għadha eċċessiva fis-suq intern (inkluż is-suq uniku diġitali) fir-rigward tal-potenzjal ta’ tkabbir tan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu;

3.

jafferma li jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri għall-iżvilupp ta’ intraprenditorija innovattiva u l-eliminazzjoni ta’ ostakli, li jillimitaw dawn l-opportunitajiet ta’ żvilupp;

4.

jinnota li l-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu huma aktar ħerqana għal forom ta’ impjieg flessibbli u moderni, inklużi t-telexogħol, sigħat flessibbli tal-impjieg, xogħol temporanju b’aġenzija u leasing tal-impjegati, xogħol b’kuntratti u kondiviżjoni tax-xogħol u l-impjieg. Forom ta’ impjieg bħal dawn għandhom impatt pożittiv biex jintlaħaq bilanċ bejn il-ħajja privata u dik tax-xogħol, filwaqt li fl-istess ħin jimminimizzaw l-effetti negattivi tal-qgħad fit-tul u saħansitra jnaqqsuh;

5.

jenfasizza li l-kooperazzjoni bbażata fuq is-sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali hija essenzjali għall-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-espansjoni tan-negozji l-ġodda;

6.

jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw li l-livelli kollha tal-edukazzjoni (kemm dawk dwar in-negozju u dawk li mhumiex) jieħdu kunsiderazzjoni ta’ suġġetti bħall-kreattività, l-intraprenditorija, l-ekonomija u l-finanzi;

7.

jenfasizza l-impatt tal-prestazzjoni tar-reġjuni u l-bliet fuq it-tkabbir relatat mal-innovazzjoni fl-ekonomija globali minħabba li huma jinsabu f’pożizzjoni biex jadattaw b’mod flessibbli għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu fis-suq, it-teknoloġija u l-kultura;

8.

jenfasizza li l-appoġġ tal-partijiet interessati fl-innovazzjoni b’dinamika ta’ tkabbir partikolarment b’saħħitha jaffettwa wkoll lil parteċipanti oħra fis-suq. Flimkien mal-orjentazzjoni attwali tal-ħidma fuq il-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari, l-ekonomija soċjali u l-ekonomija kollaborattiva (1), is-sinerġiji bejn il-miżuri ta’ appoġġ u l-faċilitazzjoni legali ser jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp tas-soċjetajiet inġenerali;

9.

jenfasizza li dawk il-miżuri li ser iwasslu għal rabta aktar mill-qrib bejn l-istrateġiji settorjali u jistabbilixxu rabta bejn ix-xjenza, l-ekonomija u l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha huma deċiżivi għall-implimentazzjoni tal-għanijiet komuni;

It-tnaqqis tal-ostakli regolatorji, legali u relatati mal-informazzjoni

10.

jenfasizza li l-leġislazzjoni differenti u li dejjem tinbidel fIstati Membri tal-UE hija waħda mill-ostakli ewlenin għall-espansjoni tan-negozji l-ġodda Ewropej (2);

11.

jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi definizzjoni ċara tan-negozji l-ġodda, u tkompli tintegra soluzzjonijiet legali għall-SMEs;

12.

jirrakkomanda l-metodu ta’ analiżi stabbilit fil-programm Orizzont 2020 (dwar il-possibbiltà li jinkiseb parir espert) u l-ħidma tal-Osservatorju Ewropew tal-Clusters u l-Bidla Industrijali;

13.

jipproponi li, wara tliet ċikli tat-test, jiġu riveduti l-istrumenti u l-miżuri sabiex jiġi żgurat li mhux biss tinġabar data spjegattiva dwar in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu iżda li l-istudji jiġu kkomplementati b’aspetti kwalitattivi sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-problemi;

14.

jilqa’ l-fatt li, f’konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Ewropea taħt l-Istrateġija tas-Suq Uniku, il-miżuri tal-programm COSME huma primarjament intiżi biex jappoġġjaw in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu;

15.

jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-progress kajman li qed isir fit-28 Stat Membru tal-UE fir-rigward tal-miżuri għat-tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-sistemi fiskali, b’mod partikolari s-sistemi tal-VAT. Il-frammentazzjoni tagħmel it-tkabbir u l-kummerċ transkonfinali tal-SMEs, u b’mod partikolari tan-negozji l-ġodda, diffiċli;

16.

jipproponi li l-Kummissjoni tappoġġja lin-negozji l-ġodda billi tipprovdi riżorsi addizzjonali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-istrateġiji għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

Aktar attività ekonomika – it-tieni opportunità

17.

jiġbed l-attenzjoni għall-problema tal-proċedimenti ineffiċjenti u eċċessivi applikati fl-Istati Membri tal-UE fil-każ ta’ insolvenza tal-intraprendituri, fejn ħafna intraprendituri onesti iżda b’dejn eċċessiv jingħataw it-tieni opportunità;

18.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE [dokument COM(2016) 723 tat-22 ta’ Novembru 2016], bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli ewlenin dovuti għall-oqfsa differenti ta’ ristrutturar u insolvenza fl-Istati Membri u li jfixklu l-moviment liberu tal-kapital; madankollu, jesprimi t-tħassib li l-proposta hija limitata għall-aspetti finanzjarji, bil-ħaddiema impjegati fl-impriża kklassifikati bħala kredituri bl-istess mod bħal bank jew kwalunkwe detentur ieħor tal-kapital, u bir-rimedju ta’ impriża ppreżentat biss bħala riaġġustament finanzjarju tal-partijiet ikkonċernati;

19.

iqis li l-Kummissjoni tiġġustifika b’mod konvinċenti l-valur miżjud li jirriżulta mill-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet legali proposti fil-livell tal-UE u għaldaqstant jinnota li l-proposta għal Direttiva tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà; għall-istess raġuni iqis li l-proposta għal Direttiva hija kompatibbli wkoll mal-prinċipju tal-proporzjonalità;

20.

madankollu, jesprimi t-tħassib tiegħu li dan l-istrument legali mhux ser jikkontribwixxi b’mod deċiżvi biex aktar negozji ġodda jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq għal aktar minn sentejn jew tlieta, minħabba n-nuqqas tal-possibbiltà tal-armonizzazzjoni kontinwa tas-sistemi legali tal-Istati Membri fil-qasam tal-proċedimenti ta’ insolvenza;

21.

ifakkar fl-adozzjoni fl-20 ta’ Mejju 2015 mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tar-Regolament (UE) 2015/848 dwar proċedimenti ta’ insolvenza fl-Istati Membri differenti u jappoġġa l-approċċ li skontu l-proċedimenti ta’ insolvenza ma għandhomx jibqgħu jitqiesu sempliċiment f’termini ta’ likwidazzjoni iżda bħala strument biex jiġi ggarantit li r-riżorsi tal-impriża jiġu ppreżervati – inkluż id-dritt għax-xogħol tal-impjegati tagħha – u, sa fejn ikun possibbli, tiġi żgurata s-sopravivenza tal-impriża. Jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll l-istabbiliment, sa Ġunju 2019, ta’ sistema diġitali interkonnessa ta’ “reġistri tal-insolvenza” li għandhom jiġu implimentati f’kull Stat Membru u jkunu aċċessibbli mingħajr ħlas permezz tal-portal Ewropew tal-ġustizzja elettronika. Madankollu jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li huwa meħtieġ appoġġ supplimentari sabiex jiġu żgurati s-speċjalizzazzjoni tal-imħallfin u l-professjonalizzazzjoni tal-amministraturi maħtura fil-proċedimenti;

22.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ April 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi tas-Suq Monetarju (COM(2013) 0615) u l-istabbiliment propost ta’ kategorija ġdida ta’ fond tas-suq monetarju (MMF), l-MMF b’volatilità baxxa tal-valur nett tal-assi, imfassal b’mod speċifiku biex japplika għall-impriżi żgħar fl-ekonomija reali;

23.

jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex iniedu jew jipparteċipaw b’mod attiv:

f’kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tas-soċjetà dwar l-importanza ta’ fallimenti fit-triq lejn is-suċċess fin-negozju;

f’kampanji ta’ promozzjoni ta’ kultura ta’ ristrutturazzjoni minflok ta’ riżoluzzjoni;

f’kampanji ta’ promozzjoni ta’ sistemi ta’ twissija bikrija;

f’miżuri biex jippromovu l-edukazzjoni fi kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji għall-intraprendituri, iffukati b’mod partikolari għall-intraprendituri futuri jew in-negozji l-ġodda bil-għan li jtjebu l-għarfien tagħhom u jbiddlu l-approċċ tagħhom lejn id-diversi sorsi ta’ kapital;

programmi speċifiċi ta’ taħriġ għall-intraprendituri li jkunu qed jibdew mill-ġdid, u mezzi ta’ appoġġ finanzjarju għal kundizzjonijiet vantaġġużi sabiex terġa’ tingħata ħajja lil impriżi fi kriżi li juru vijabbiltà fil-ġejjieni;

Ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda

24.

jinnota l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-attivitajiet tan-negozji l-ġodda tal-intrapriżi ż-żgħar u medji fis-suq uniku, b’mod partikolari bl-istabbiliment ta’ limiti adatti biex jiġu eżentati mir-rekwiżiti nazzjonali marbuta mar-riorganizzazzjoni jew mar-reġistrazzjoni mill-ġdid;

25.

jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi meħtieġa bil-għan li tinħoloq bażi għal viża tan-negozji l-ġodda u katalgu ta’ kundizzjonijiet li jippermettu użu sigur u ta’ benefiċċju tal-kapital intellettwali kwalifikat minn pajjiżi terzi li jista’ jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea;

26.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex jittejjeb l-aċċess għall-akkwist pubbliku għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssorveljati mill-qrib it-traspożizzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku fil-livell tal-Istati Membri sabiex jiġi ggarantit li l-Istati Membri jieħdu vantaġġ sħiħ mid-dispożizzjonijiet eżistenti għat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku;

27.

jilqa’ l-proposta li jiġu introdotti intermedjarji tal-innovazzjoni sabiex jibnu netwerks ta’ klijenti li jkunu interessati f’akkwist pubbliku innovattiv, u dawn jitqiegħdu f’kuntatt ma’ kumpaniji innovattivi u li dawn il-kumpaniji jiġu megħjuna jaċċessaw finanzjament tar-riskju;

28.

ifaħħar l-emendi proposti għall-programm Orizzont 2020 biex jiġu appoġġjati l-approċċ multisettorjali minn isfel għal fuq, kif ukoll l-innovazzjonijiet radikali kkaratterizzati minn livell għoli ta’ rilevanza soċjali u potenzjal enormi għat-tkabbir;

29.

jilqa’ t-tisħiħ tan-Netwerk Enterprise Europe (EEN) billi tiġi estiża l-firxa tas-servizzi ta’ konsulenza speċjalizzata tagħha dwar l-espansjoni, u permezz ta’ informazzjoni dwar ir-regoli nazzjonali u Ewropej, l-opportunitajiet ta’ finanzjament, il-ħolqien ta’ sħubijiet, kif ukoll dwar l-aċċess għal parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku transkonfinali;

30.

jenfasizza l-importanza tal-uffiċċji reġjonali tal-EEN li jsawru rabtiet kooperattivi b’saħħithom ma’ inkubaturi tal-kummeċ lokali, aċċelleraturi tan-negozji l-ġodda u parks tax-xjenza u t-teknoloġija, minħabba l-prossimità tagħhom man-negozji l-ġodda u peress li jafu tajjeb il-problemi u l-ħtiġijiet reali tagħhom;

31.

jenfasizza li l-intensifikazzjoni mħabbra mill-Kummissjoni tal-miżuri biex jiġu żviluppati rabtiet bejn il-clusters u l-ekosistemi intraprenditorjali lokali u reġjonali, b’mod partikolari fil-qasam tal-medjazzjoni bejn l-investituri u l-kumpaniji l-kbar u n-netwerking bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet lokali, għanda tiġi estiża biex in-negozji l-ġodda jitlaqqgħu ma’ istituzjonijiet xjentifiċi bħala provvedituri potenzjali ta’ soluzzjonijiet innovattivi teknoloġiċi u mhux teknoloġiċi;

32.

jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri ta’ appoġġ orjentati lejn il-ħolqien ta’ inkubaturi ta’ impriżi innovattivi li jgħinu u jakkumpanjaw lill-intraprendituri fil-fażijiet inizjali tal-impriża tagħhom billi jsaħħu l-kapaċitajiet tagħha ta’ ġestjoni tan-negozju, jagħmlu possibbli l-finanzjament alternattiv, jilħqu ftehimiet ma’ impriżi li jinsabu fuq quddiem nett fl-innovazzjoni (elevator pitch), jappoġġjaw l-espansjoni fuq livell internazzjonali, eċċ.;

33.

jiġbed l-attenzjoni lejn it-twessigħ tad-distakk teknoloġiku bejn ir-reġjuni metropolitani u r-reġjuni anqas żviluppati u periferiċi. F’dan ir-rigward, jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu miżuri biex tappoġġja n-netwerking ta’ reġjuni mexxejja ma’ reġjuni li l-ekonomija tagħhom hija bbażata fuq l-agrikoltura;

34.

għalkemm għad fadal ħafna xi jsir, ta’ min wieħed ifaħħar il-progress li sar fil-qasam tal-intraprenditorija f’reġjuni anqas żviluppati, u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-inizjattivi fis-seħħ li huma intiżi biex jippromovu l-ispirtu intraprenditorjali fihom, u li tikkunsidra l-possibbiltà li toħloq oħrajn ġodda, bħal strument separat għall-proġetti ta’ netwerking;

35.

jenfasizza li huma ferm mixtieqa miżuri addizzjonali għat-tisħiħ u n-netwerking tal-atturi li jaħdmu favur il-promozzjoni tal-intraprenditorija fis-setturi ekonomiċi tradizzjonali, inklużi s-settur tal-isnajja’ u l-industriji kulturali u kreattivi, fir-reġjuni rurali u periferali u ż-żoni periurbani;

36.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tinħoloq pjattaforma li tgħaqqad lin-negozji l-ġodda ma’ msieħba potenzjali (flimkien ma’ pjattaformi pubbliċi u privati eżistenti). Dan l-istrument isaħħaħ l-iżvilupp ta’ netwerks ta’ ekosistemi intraprenditorjali u clusters fl-Ewropa;

37.

jilqa’ d-direzzjoni ppjanata tal-miżuri tal-Kummissjoni f’dan il-qasam (il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet u l-Big-Data-Tool);

38.

jappoġġja l-inizjattiva li l-programm Erasmus għall-intraprendituri żgħażagħ jiġi estiż għall-inkubaturi u n-negozji fis-swieq internazzjonali;

39.

jinsab imħasseb li l-Komunikazzjoni, li tindirizza problema partikolarment kbira, hija superfiċjali wisq fir-rigward tal-miżuri previsti u titratta b’mod selettiv biss il-passi futuri — pereżempju, hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-programm fuq iċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali, u t-twaqqif ta’ Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni jissemma’ biss b’mod każwali mingħajr mhu speċifikat il-mod ta’ kif se jiffunzjona;

40.

jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar il-kompetenzi ppjanati u l-leġittimità ta’ dan il-Kunsill;

41.

jinnota li l-iżgurar ta’ rappreżentanza adegwata tal-kumpaniji u tal-ambjent korrispondenti, kif ukoll tal-komunità xjentifika u l-awtoritajiet pubbliċi fi ħdan il-qafas tal-Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni hija fattur ewlieni li jiddetermina l-kwalità tal-ħidma tiegħu;

42.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea teżamina l-possibbiltà ta’ appoġġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jistabbilixxu korpi magħmula minn rappreżentanti tal-intrapriżi b’esperjenza, li jkunu joffru għajnuna għall-iżvilupp tal-intraprenditorija u għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu fi ħdan l-awtorità lokali u reġjonali rispettiva tagħhom;

43.

jenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdu, u li se jibqgħu jaqdu, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-komunità akkademika u l-intraprendituri innifishom (jiġifieri l-hekk imsejjaħ “triple helix”) biex jippromovu l-intraprenditorija, il-ħolqien ta’ kultura tax-xjenza u l-innovazzjoni fir-reġjuni Ewropej u l-iżvilupp ta’ ekosistemi intraprenditorjali reġjonali qawwija;

44.

jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-evalwazzjoni bejn il-pari prevista tal-prinċipji u l-prattiki tal-Istati Membri b’rabta man-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-aktar qrib tal-intraprendituri lokali u jkun utli li jintuża l-għarfien komprensiv tagħhom dwar l-ambjent kummerċjali lokali;

45.

iqis li, bis-suq uniku diġitali, il-kompetizzjoni ser tieħu dimensjoni ġdida u li kull reġjun ser ikollu jiffaċċja reġjuni Ewropej oħra li ser jibbenefikaw mill-istess bażijiet legali. Għalhekk, din hija opportunità għan-negozji l-ġodda li s’issa ma kellhomx opportunitajiet kbar sabiex jinternazzjonalizzaw u jaċċessaw swieq transkonfinali ġodda.

Aċċess għall-finanzjament

46.

jenfasizza li negozji l-ġodda u n-negozju li jkunu qed jespandu jirrikorru għal soluzzjonijiet innovattivi u atipiċi u għaldaqstant l-effetti tal-implimentazzjoni tagħhom jistgħu jiġu previsti biss sa ċertu punt. Dan jagħmel l-aċċess għall-finanzjament minn programmi regolari aktar diffiċli;

47.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni tillaxka s-sistema ta’ finanzjament sabiex tipprovdi aktar flessibilità fir-rigward ta’ ideat innovattivi, u tħeġġeġ lill-atturi responsabbli biex iqassmu l-fondi Ewropej biex ikunu aktar selettivi fl-għażla ta’ esperti;

48.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta’ fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju, sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq tal-kapital ta’ riskju fl-UE;

49.

jipproponi li ssir analiżi dwar il-possibbiltà li jiġi mobilizzat il-kapital ta’ riskju lokali fl-awtoritajiet lokali u reġjonali;

50.

jistieden lill-Kummissjoni tippromovi d-divrenzjar bejn id-diversi sorsi ta’ finanzjament; fil-fatt, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju, il-fondi ta’ ekwità privati u l-investituri informali għadhom mhumiex żviluppati biżżejjed fl-Ewropa;

51.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jiżdied il-baġit għall-COSME, u, bil-kundizzjoni li ma jkun hemm l-ebda fondi meħuda mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jew mill-Orizzont 2020, fil-prinċipju, jilqa’ wkoll il-proposta li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għall-FEIS, sabiex ikun jista’ jiġi mobilizzat finanzjament addizzjonali għall-SMEs fil-fażijiet tal-bidu u ta’ espansjoni. B’mod partikolari, ikun utli li jiġu promossi l-integrazzjoni u s-sħubijiet bejn l-SMEs u n-negozji l-ġodda;

52.

jilqa’ l-miżuri previsti tal-Kummissjoni biex jinħolqu inċentivi addizzjonali għal finanzjament ta’ kapital ta’ riskju, pereżempju permezz tal-possibbiltà li individwi privati jew l-awtoritajiet lokali u reġjonali jibbenefikaw minn garanziji pubbliċi fir-rigward tal-fondi ta’ investiment tagħhom jekk jiġġeneraw il-kapital, peress li dan jista’ jwassal għal aktar parteċipazzjoni fil-kapital u għal aktar investiment fit-titoli ta’ dejn tan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu;

53.

huwa favur il-ħolqien ta’ programm fil-livell tal-UE għal appoġġ mhux finanzjarju għan-negozji l-ġodda u n-negozji li jkunu qed jespandu, li jiffaċilita l-aċċess għal swieq ġodda u li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-iżvilupp tal-innovazzjoni fl-UE;

54.

jemmen li jeħtieġ li tissaħħaħ ekosistema strutturata ta’ investiment Ewropew permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ ekonomiku u fiskali li jattiraw u jinċentivaw l-investiment privat f’impriżi innovattivi, bil-għan li jkunu jistgħu jiżviluppaw u jikbru fl-aħjar kundizzjonijiet ekonomiċi finanzjarji u jilħqu grad għoli ta’ kompetittività. Għal dan il-għan, huwa ta’ importanza speċjali t-tisħiħ ta’ strumenti ta’ finanzjament alternattiv (kapital ta’ riskju, self parteċipattiv, garanziji, eċċ.). Għalhekk, tinħtieġ semplifikazzjoni ġenwina dwar kif jiġu implimentati l-istrumenti finanzjarji kofinanzjati mill-Fondi Strutturali;

55.

jiġbed l-attenzjoni għall-iżvilupp intensiv ta’ pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv bħala sors alternattiv ta’ finanzjament għas-soluzzjonijiet innovattivi tan-negozji l-ġodda;

56.

jistieden lill-Kummissjoni tanaliżża l-opportunitajiet u r-riskji tal-finanzjament kollettiv għas-soċjetà Ewropea, partikolarment dawk b’impatt dirett fuq l-investituri li, meta mqabbel ma’ investituri professjonali, jaf ma jkollhomx l-istess aċċess għall-informazzjoni u jkunu inqas imħejjija għal dan it-tip ta’ tranżazzjonijiet;

57.

jinnota li oqfsa legali korrispondenti għall-operazzjoni tal-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv fl-UE jippermettu li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta’ dan is-sors ta’ finanzjament. L-istandards għall-protezzjoni tal-interessi tal-investituri għandhom ikunu parti integrali ta’ dawn l-oqfsa legali;

58.

jappoġġja t-tisħiħ ta’ Startup Europe u l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha lil hinn mis-settur tal-ICT u tan-negozji ġodda bbażati fuq il-web. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest jirrakkomanda li jkun hemm semplifikazzjoni ulterjuri bil-għan li tiġi pprovduta gwida b’mod dejjem aktar mingħajr xkiel u effettiv lin-negozji ġodda li jixtiequ jkollhom aċċess għal għadd kbir ta’ possibilitajiet offruti mill-programmi Ewropej;

Attivitajiet tan-negozji l-ġodda f’oqsma ta’ rilevanza soċjali partikolari

59.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tadotta strateġija għal inizjattivi tan-negozju innovattivi u soċjali b’impatt fuq il-kwalità tal-ħajja, li jkunu bbażati fuq oqsma eżistenti ta’ interess partikolari (l-ekonomija tal-anzjani, l-intraprenditorija soċjali, il-mudell tat-triple helix) sabiex ikunu jistgħu jiġu appoġġjati l-attivitajiet minn isfel għal fuq u l-kreattività soċjali permezz ta’ inċentivi;

60.

jiġbed l-attenzjoni għall-ambitu għal kooperazzjoni bejn in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu, minn naħa waħda, u n-negozji l-kbar, min-naħa l-oħra. Huwa importanti li jiġu applikati l-prattiki tajbin tar-reġjuni tal-UE, fejn il-kooperazzjoni twassal għal sinerġiji bejn l-intrapriżi ta’ daqsijiet differenti u minn setturi differenti;

61.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta’ “Pjattaforma għall-Isfida tal-Innovazzjoni Soċjali” biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà;

62.

jiġbed l-attenzjoni li l-irbit ta’ din il-pjattaforma ma’ sistema ta’ akkwist pubbliku jista’ jkollu valur miżjud, b’impatt potenzjali fuq ir-rata ta’ tkabbir tal-intrapriżi soċjali. Madankollu, jeħtieġ li s-sistema tkun aktar flessibbli sabiex il-problemi jiġu solvuti b’mod kreattiv, jiġifieri b’mod ottimu mill-perspettiva tal-benefiċjarji aħħarin, u mhux b’mod prevedibbli, mil-lat tal-indikaturi strutturali.

Brussell, it-12 ta’ Lulju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Id-dimensjoni lokali u reġjonali tal-ekonomija kollaborattiva, relatur: Benedetta Brighenti, CdR 2015/2698; L-ekonomija kollaborattiva u l-pjattaformi onlajn: viżjoni komuni tal-bliet u r-reġjuni, relatur: Benedetta Brighenti, CdR 2016/4163; Ir-rwol tal-ekonomija soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad u r-rilanċ tat-tkabbir, relatur: Luis Gomes, CdR 2015/1691.

(2)  Regolamentazzjoni intelliġenti għall-SMEs, relatur: Buchmann Christian, CDR 5387/2016.


Top