Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IR6621

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna

    ĠU C 342, 12.10.2017, p. 32–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/32


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna

    (2017/C 342/05)

    Relatur:

    Anthony Gerard Buchanan (UK/AE), Membru tal-Kunsill ta' East Renfrewshire (l-Iskozja)

    Dokument ta’ referenza:

    Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna

    JOIN(2016) 49 final

    PROPOSTI U RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

    1.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Governanza tal-Oċeani, adottata fl-10 ta’ Novembru 2016 mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

    2.

    jappoġġja l-azzjonijiet proposti sabiex jiġu żgurati oċeani sikuri, nodfa u ġestiti b'mod sostenibbli;

    3.

    jaqbel mal-għan li jiġi żgurat li l-UE tkun attur globali b’saħħitha li tkun kapaċi tistabbilixxi aġenda għal governanza aħjar tal-oċeani abbażi ta’ approċċ internazzjonali, transsettorjali u bbażat fuq ir-regoli; l-għan aħħari ta’ din l-inizjattiva tal-UE ser ikun li jitfittex standard internazzjonali relatat mal-kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali applikabbli għall-attivitajiet marbutin mal-baħar, kundizzjonijiet indaqs li jiggarantixxu sostenibbiltà adegwata tal-oċeani tagħna u kompetittività aktar b’saħħitha tal-operaturi Ewropej attivi f’dan is-settur;

    4.

    jappoġġja bis-sħiħ il-Konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill (1) li jitolbu approċċ aktar koerenti bejn l-aspetti interni u esterni tal-governanza tal-oċeani, inklużi s-sinerġiji bejn l-UE, l-Istati Membri u l-istrateġiji reġjonali;

    5.

    ifakkar, fost l-oħrajn, l-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Lejn Politika Marittima Integrata” (2), dwar l-ippjanar spazjali marittimu u l-ġestjoni integrata tal-kosta (3), dwar l-iżvilupp tal-potenzjal tal-Enerġija mill-Oċeani (4) u dwar protezzjoni aħjar tal-ambjent tal-baħar (5);

    6.

    jenfasizza r-rwol ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-governanza marittima li għandha l-għan li tipprovdi lill-kosti u lill-ibħra tal-Ewropa bl-aktar sistema regolatorja u ta’ politika komprensiva fid-dinja, waħda li tirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tal-komunitajiet kostali u tal-atturi ekonomiċi u soċjali biex jiġi żgurat li l-fatturi ekonomiċi, ambjentali, klimatiċi u soċjali jiġu indirizzati kif xieraq b’mod komprensiv u abbażi ta’ governanza f’diversi livelli;

    7.

    iqis, madankollu, li l-governanza tal-oċeani hija affettwata minn dak li huwa magħruf bħala t-“traġedja tar-riżorsi komuni”. Filwaqt li hemm sensiela ta’ ftehimiet ġenerali dinjija jew ibbażati fuq il-baħar bħall-UNCLOS u ftehimiet speċjalizzati, b’mod partikolari taħt l-OMI, hemm livell konsiderevoli ta’ frammentazzjoni. F’dan il-kuntest, ir-rwol tal-UE huwa kemm li sservi ta' xempju kif ukoll li toffri inċentivi sabiex is-sħab li mhumiex fl-UE jirreplikaw l-istandards għoljin li jeżistu fi ħdan il-politika tal-UE dwar il-baħar; Inċentivi bħal dawn, fosthom il-bini ta' kapaċità, jistgħu potenzjalment jiġu inklużi fi ftehimiet internazzjonali dwar il-kummerċ u programmi ta' żvilupp li l-UE tinnegozja ma' pajjiżi terzi;

    8.

    jinnota li l-UE u l-Istati Membri għandhom setgħat konkorrenti f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali, inklużi kwistjonijiet relatati mal-baħar. Dan jitlob koordinazzjoni b’saħħitha bejn il-livelli tal-gvern, u li jiġi żgurat li l-pożizzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali f'fora internazzjonali jkunu għaddew minn valutazzjoni tal-impatt territorjali sabiex l-interessi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti jiġu inkorporati b’mod sħiħ fihom;

    9.

    jenfasizza li bosta kwistjonijiet relatati mal-governanza tal-oċeani huma inevitabbilment lokali minħabba l-estrazzjoni tar-riżorsi, il-benefiċċji ekonomiċi għaż-żoni kostali, il-komunitajiet tas-sajd u l-portijiet, jew l-impatt ambjentali tagħhom fuq il-kosti u l-ibħra tal-Ewropa. Il-politika dwar l-ambjent u l-klima u d-deċiżjonijiet ekonomiċi dwar l-oċeani fi bnadi oħra fid-dinja jaffettwaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE. Dan jeħtieġ investiment sostanzjali fl-Ippjanar Spazjali Marittimu u sostenn lill-governanza fil-livell lokali/reġjonali;

    10.

    jenfasizza li l-politika marittima hija marbuta direttament mal-politika ekonomika, ambjentali jew tal-ippjanar spazjali dwar iż-żoni qrib il-kosta. Il-mod li bih l-awtoritajiet lokali u reġjonali jimmaniġġjaw il-politiki dwar iż-żoni qrib il-kosta se jkollu effett dirett lil hinn mill-kosta. Ta’ spiss, fir-rigward ta' kwistjonijiet bħalma hija dik dwar il-parks eoliċi, l-attività lil hinn mill-kosta ta' spiss ġiet ipperċepita bħala s-soluzzjoni faċli għall-attivitajiet li qegħdin jiġu missielta fiż-żoni qrib il-kosta;

    11.

    jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi u esperjenzi posittivi fil-ġestjoni relatati ma' firxa ta’ kwistjonijiet bħas-sajd, is-sajd għall-frott tal-baħar u l-akkwakultura, is-sussidji (eż. għal flotot mhux effiċjenti), il-politiki ekonomiċi u ambjentali (eż. skart tal-baħar) u l-ispezzjonijiet (eż. spezzjoni tal-vetturi) li għandhom impatt pożittiv jew negattiv f’territorji oħra barra l-UE. Ħafna drabi jagħmlu wkoll parti minn awtoritajiet tal-port;

    12.

    ifakkar fil-ħidma reċenti ta’ riċerka li wettqu l-KtR (6) u l-OECD (7) dwar l-ekonomija tal-oċeani u l-ekonomija blu. Jinsisti, f'konformità mal-aġenda ta' “Regolamentazzjoni Aħjar”, li jinħtieġ li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt minn qabel, inklużi l-impatti territorjali, sabiex jiġu ddefiniti t-theddid possibbli mis-setturi kollha, il-miżuri possibbli ta' mitigazzjoni u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi mistennija qabel ma tiġi introdotta leġislazzjoni ġdida, jiġu awtorizzati teknoloġiji estrattivi ġodda jew jiġu ddefiniti ż-Żoni Marittimi Protetti;

    13.

    ifakkar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU l-ġodda ffirmati mill-Istati Membri kollha tal-UE u tan-NU. Il-governanza tal-oċeani tikkonċerna l-Għan Sostenibbli 14 dwar il-Ħajja Taħt l-Ilma u l-Għan 13 dwar l-Azzjoni Klimatika, kif ukoll l-Għan 11 dwar il-Bliet u l-Komunitajiet Sostenibbli. Il-Kumitat jilqa’ b'sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni biex issarraf dawn l-għanijiet f’diversi politiki tal-UE (8), peress li dan jista’ jkun bażi tajba biex jinbena ftehim komuni f’livell internazzjonali li jmur lil hinn minn soluzzjonijiet settorjali għal governanza sostenibbli tal-oċeani;

    14.

    jemmen, min-naħa l-oħra, li d-dħul tal-oġġetti u l-prodotti li joriġinaw mill-oċeani minn pajjiżi terzi fis-Suq Uniku tal-UE għandu jiddependi fuq il-fatt li dawn il-pajjiżi jikkonverġu b'mod progressiv lejn standards tal-UE ogħla, bħal pereżempju dwar il-projbizzjoni tar-rimi fil-baħar;

    15.

    jemmen li t-tliet oqsma ta’ prijorità, imqassmin f’14-il azzjoni stabbiliti fil-komunikazzjoni konġunta jiffurmaw bażi rilevanti li fuqha tista' tittieħed azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE u dak internazzjonali dwar il-governanza tal-oċeani. Filwaqt li l-komunikazzjoni hija relatata primarjament mal-komponent internazzjonali tal-politika marittima, hemm dimensjoni lokali u regjonali, kemm f'termini tal-kompetenza kif ukoll tal-impatt territorjali dirett u l-grad ta’ speċjalizzazzjoni u d-dipendenza fuq l-oċean;

    Qasam ta’ prijorità 1: it-titjib tal-qafas tal-governanza internazzjonali tal-oċeani

    16.

    jinnota, rigward l-Azzjoni 1 li tfittex li jimtlew il-lakuni fil-qafas tal-governanza internazzjonali tal-oċeani sabiex jittejjeb il-qafas legali u li jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwi, li diġà hemm qafas legali estensiv fil-livell internazzjonali li jkopri l-limiti tal-ibħra, it-tbaħħir, l-istatus arċipelaġiku u s-sistemi ta’ tranżitu, iż-żoni ekonomiċi esklużivi, il-ġurisdizzjoni tal-blata kontinentali, l-estrazzjoni f’qiegħ il-baħar fond, is-sistema tal-esplojtazzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, ir-riċerka xjentifika u s-soluzzjoni tat-tilwim; ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-konfini amministrattivi eżistenti u l-ispeċifiċitajiet kulturali u tradizzjonali tal-komunitajiet lokali u reġjonali Ewropej għandhom jiġu kkunsidrati bil-għan li tissawwar politika marbuta mal-governanza tal-oċeani;

    17.

    jemmen li l-politiki tal-UE diġà huma b'saħħithom fir-rigward ta' kwistjonijet li jikkonċernaw ir-regolazzjoni tas-sajd, l-ippjanar spazjali marittimu u l-istrateġiji makroreġjonali. F’ċerti Stati Membri, l-ippjanar strateġiku tal-użu tal-art huwa għodda politika importanti għall-ippjanar spazjali lokali tal-art u tal-ilma. L-awtoritajiet lokali diġà huma responsabbli għall-ippjanar taż-żoni kostali u l-ibħra territorjali. L-ippjanar strateġiku tal-użu tal-art bħala għodda m’għandux jiġi kompromess mill-governanza jew mill-qafas legali propost mill-Kummissjoni. L-isfida ewlenija kemm fil-livell tal-UE u b’mod partikolari madwar id-dinja hija n-nuqqas ta’ kontroll u ta’ implimentazzjoni soda. L-UE sservi ta’ xempju f’dan, u għalhekk hija f’pożizzjoni li tintroduċi rekwiżiti ta’ reċiproċità u toffri inċentivi meta tkun qed tinnegozja regoli internazzjonali ġodda ma’ partijiet terzi u organizzazzjonijiet. Din l-inizjattiva globali għall-infurzar ta’ dawn ir-regoli hija meħtieġa sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-pajjiżi, ir-reġjuni u l-operaturi ekonomiċi;

    18.

    jaqbel, fir-rigward tal-Azzjoni 2, li l-promozzjoni tal-ġestjoni tas-sajd reġjonali u l-kooperazzjoni fiż-zoni prinċipali tal-oċeani biex jimtlew il-lakuni fil-governanza reġjonali se ttejjeb il-pożizzjoni tas-sajd tal-UE u tgħin lill-oħrajn biex jilħqu l-istandards għoljin li huma fis-seħħ fi ħdan l-UE;

    19.

    jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-gwida tal-Kummissjoni dwar il-minjieri ta' qiegħ il-baħar taġixxi bħala deterrent għall-enfasi fuq il-pjani dwar l-effiċjenza tar-riżorsi tal-UE aktar u aktar minħabba li t-teknoloġija għall-isfruttament tar-riżorsi naturali mhijiex eżaminata u għandha l-potenzjal li tagħmel ħsara lill-ambjent naturali. Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni man-negozjati tal-Istati Membri fl-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar;

    20.

    jirrakkomanda f’dan ir-rigward li l-UE għandha tippromwovi u tipprovdi inċentivi għal pajjiżi u organizzazzjonijiet oħrajn biex jintroduċu s-sistema Ewropea tal-karti sofor u ħomor bħala mudell sabiex jiġi indirizzat is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fuq skala globali, inklużi t-tqegħid f’lista sewda u projbizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet minħabba nonkonformità. Il-Kumitat jitlob li l-pjani attwali għal għodda elettronika għall-ġestjoni ta' ċertifikati tal-qbid jitħaffew. Dawn il-miżuri se jagħtu spinta lill-industrija f’dawk ir-reġjuni li japplikaw id-dispożizzjonijiet b’mod strett;

    21.

    jemmen li l-Azzjoni 3 dwar it-titjib tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali u t-tnedija ta’ Sħubijiet tal-Oċeani għall-ġestjoni tal-oċeani se tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċentri marittimi reġjonali permezz ta' esponiment internazzjonali aħjar;

    22.

    jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-kompetittività u ċ-ċentri ta’ eċċellenza, b’mod partikolari f’żoni b’dimensjoni marittima b’saħħitha, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, jistgħu jaqdu rwol kruċjali u jeħtieġ li jkunu appoġġjati finanzjarjament fl-iżvilupp tal-gruppi ta’ riċerka internazzjonali u l-pjattaformi tat-trasferiment tat-teknoloġija pjattaformi b’appoġġ tal-ħidma tal-UE dwar il-Governanza tal-Oċeani;

    23.

    ma jaqbilx mal-idea li jinħolqu regoli u organizzazzjonijiet internazzjonali ġodda mill-bidu. Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li jagħmel iżjed sens li tittejjeb is-sistema attwali tal-governanza u tal-infurzar permezz ta’ ffukar fuq l-ineffiċjenzi u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni internazzjonali. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi żgurat li, qabel ma jitnedew miżuri ġodda fi ħdan qafas speċifiku (eż. it-tiftix għaż-żejt), jinftiehem tajjeb l-effett indirett f’oqsma u setturi oħra tal-politika (eż. is-sajd);

    24.

    jirrakkomanda, fir-rigward tal-ġestjoni tal-bijodiversità bijoloġika f’żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, li l-UE ttejjeb il-koordinazzjoni mal-EMSA (9) u l-EFCA kif ukoll tinvolvi mill-qrib lir-reġjuni Ewropej fl-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u fil-konsultazzjoni mar-reġjuni Ewropej kontigwi;

    25.

    jemmen li l-governanza tal-oċeani tagħmel parti mill-governanza f’diversi livelli tal-UE u b’hekk titlob il-ġbir flimkien tar-riżorsi nazzjonali u dawk tal-UE għall-bini ta' kapaċità, l-ispezzjoni, l-infurzar, id-deterrenza u l-prosekuzzjoni ta’ kull entità li tikser l-oqfsa legali eżistenti. Dan jeħtieġ l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti fir-rigward tal-Azzjoni 4 dwar il-bini ta' kapaċità peress li dan se jkun ta' benefiċċju dirett lir-reġjuni kostali u marittimi f’ħafna aspetti tekniċi u amministrattivi;

    26.

    jenfasizza li l-Azzjoni 5 dwar l-iżgurar tas-sikurezza u s-sigurtà tal-ibħra u l-oċeani hija kruċjali għall-baħħara, għan-negozji u għall-operaturi tal-portijiet, u element ewlieni fil-ġlieda kontra x-xogħol furzat u t-traffikar tal-bnedmin. L-UE għandha tkompli tkun fuq quddiem nett fil-ġurisdizzjoni f'dan il-qasam, bl-aktar qafas legali komprensiv għas-sikurezza u s-sigurtà fuq il-baħar u fil-portijiet u għandha tkompli tuża l-influwenza internazzjonali sostanzjali tagħha biex tħeġġeġ arranġamenti reċiproċi fi nħawi oħra tad-dinja;

    27.

    jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Frontex, l-EMSA u l-EFCA għandha tirriżulta f'kapaċità konġunta ta' sorveljanza marittima billi, fejn applikabbli, l-UE tipprovdi l-bastimenti u t-teknoloġija bl-ogħla livell tekniku sabiex tinforza s-sorveljanza b'mod effettiv;

    Qasam ta’ prijorità 2: it-tnaqqis tal-pressjoni fuq l-oċeani u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal ekonomija blu sostenibbli

    28.

    jemmen li, fir-rigward tal-Azzjoni 6, huwa kruċjali li jiġi implimentat il-Ftehim tan-NU dwar il-Klima li ntlaħaq fil-qafas tal-COP21 ta’ Pariġi bil-għan li jittaffa l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima fuq l-oċeani, il-kosti u l-ekosistemi, u jiġu indirizzati l-ispejjeż futuri marbutin mat-tisħin globali u ż-żieda fil-livelli tal-oċeani. L-għanijiet tal-klima globali jeħtieġu miżuri ta’ adattament fil-livell lokali, peress li l-biċċa l-kbira tal-impatti tal-klima huma impatti lokali. Għaldaqstant, kif dan l-aħħar afferma l-KtR (10), l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-oqfsa ta’ adattament fil-livell nazzjonali, tal-UE u dak internazzjonali li jittrattaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima fl-oċeani dinjija. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu pprovduti kapaċità u appoġġ finanzjarju speċifiċi lir-reġjuni kollha, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi minħabba l-lokalitajiet strateġiċi tagħhom fl-Oċean Atlantiku, fl-Oċean Indjan u fil-Baħar Karibew. brra minn hekk, sabiex ikun hemm konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi, jeħtieġ mhux biss li l-adattament għat-tibdil fil-klima jiġi inkorporat fil-ġestjoni marittima, iżda wkoll li jitħalla proporzjon sinifikanti tal-fjuwils fossili eżistenti taħt l-art. F’dan ir-rigward, huwa tal-fehma li, sabiex ikun hemm konsistenza, l-Azzjoni 6 għandha tissaħħaħ permezz tal-inklużjoni ta’ miżuri li jipprevjenu esplorazzjoni ġdida għaż-żejt f’żoni sensittivi fl-ibħra Ewropej;

    29.

    jenfasizza li l-Azzjoni 7 dwar il-ġlieda kontra s-sajd illegali u t-tisħiħ b’mod globali tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ikel mill-oċean tibbenefika direttament lill-industrija tas-sajd tal-UE. Dan jimplika t-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) eżistenti u l-iżgurar tal-operabbiltà sħiħa tagħhom, u jitlob li l-Kummissjoni Ewropea jkollha mandat aħjar biex tinnegozja u tappoġġja l-RFMOs;

    30.

    jaqbel, f’konformità mal-Azzjoni 8, li s-sussidji tas-sajd li jagħmlu ħsara lill-ambjent kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi għandhom jitneħħew gradwalment. Inċentivi u miżuri li jtaffu xierqa jeħtieġ li jiġu definiti sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-komunitajiet li jiddependu ħafna fuq is-sajd kemm fl-UE kif ukoll fi bnadi oħra;

    31.

    jemmen li l-Azzjoni 9 dwar il-ġlieda kontra l-iskart tal-baħar u l-“baħar ta’ plastik” hija waħda mill-aktar inizjattivi rilevanti f'din il-proposta. Dan huwa ta’ benefiċċju dirett għat-turiżmu u s-sajd. Jekk in-nies ser ikoplu jarmu l-plastik fl-ambjent naturali bir-ritmu attwali, sal-2050 il-baħar ser ikollu iżjed plastik milli ħut. Is-setgħat eżistenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-iskart jistgħu jagħtu kontribut kruċjali. L-awtoritajiet lokali għandhom rwol importanti x’jaqdu mil-lat tal-kapaċità tagħhom biex jirkupraw l-enerġija mill-inċinerazzjoni tal-plastik irkuprat. Illum il-ġurnata, 28 % tal-iskart fl-UE għadu qed jintrema fil-miżbliet. Qafas ambjentali sod tal-UE għall-prevenzjoni, inkluża projbizzjoni possibbli tal-UE fuq il-mikroplastiċi, jeħtieġ infurzar xieraq fil-livell lokali u reġjonali u investiment kontinwu fit-teknoloġiji aktar nodfa, inkluż l-iżvilupp ta’ politiki għall-prevenzjoni tal-iskart fil-baħar adattati għal-livell lokali u reġjonali. Dan għandu jinkludi progress ulterjuri lejn sistema komuni mhux biss għall-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-portijiet iżda wkoll għat-tariffi għal skart iġġenerat mill-vapuri u l-fdalijiet tal-merkanzija, sabiex il-vapuri jiġu skoraġġuti milli jarmuhom qabel ma jittrakkaw fil-portijiet. Huwa minnu li r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali tal-Ewropa huma fost l-ikbar emittenti ta’ skart u plastik tal-baħar, iżda jintlaqtu wkoll minn skart li ġej minn barra l-UE, u dan ifisser li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali;

    32.

    jilqa’ b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tiġġieled it-tniġġis tal-oċeani u l-iskart tal-baħar b’mod partikolari, iżda jinnota li dan hu l-ewwel pass biex ikun hemm oċeani aktar nodfa, u li l-UE u l-Istati Membri jistgħu jkunu quddiem nett f’dan billi jintroduċu pjan konġunt għat-tneħħija eventwali ta’ sustanzi ta’ ħsara fil-baħar bħall-munizzjon, il-materjali kimiċi u nukleari. Għalhekk, il-Kumitat jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza ta’ proġetti pilota li jistgħu jiżviluppaw u juru l-kapaċitajiet, it-teknoloġija u l-impenn favur il-paċi fl-Ewropa. Proġetti bħal dawn jistgħu jkunu kemm sors ta’ esportazzjonijiet tat-teknoloġija kif ukoll ta' għarfien li jista’ jiġi sfruttat fil-kuntatti ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet bħala inċentiv għall-introduzzjoni ta’ politiki simili fi bnadi oħra;

    33.

    jemmen li pjan konġunt bħal dan dwar it-tniġġis tal-oċeani jista’ wkoll iġib miegħu benefiċċji tanġibbli għar-reġjuni u l-komunitajiet marittimi, mhux biss direttament mil-lat ta’ għarfien, speċjalizzazzjoni u żieda fil-kapaċitajiet tal-protezzjoni ċivili fir-rigward ta’ tiftix, salvataġġ u rkupru, iżda wkoll b’mod aktar wiesa’ f'forma ta' żieda fid-dħul finanzjarju mit-turiżmu u s-sajd, aktar żvilupp ekonomiku, u ambjent aktar nadif u benefiċċji għas-saħħa, mhux biss għaż-żoni kostali tal-Ewropa iżda wkoll għar-reġjuni kontigwi u għall-ekosistema sħiħa tal-oċeani;

    34.

    jinnota li l-Azzjoni 10 dwar il-promozzjoni tal-ippjanar spazjali marittimu (ISM) fil-livell globali, inklużi linji gwida internazzjonali possibbli tal-IOC-UNESCO dwar l-ISM, hija konsistenti ma' opinjonijiet preċedenti tal-KtR li jenfasizzaw il-politiki avvanzati tal-UE dwar l-ISM u l-kontribuzzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Din hija wkoll opportunità għall-kumpaniji tal-UE biex jipprovdu servizzi u prodotti relatati madwar id-dinja;

    35.

    jaqbel, f'dan ir-rigward mal-Azzjoni 11, li għandha l-għan li tikseb il-mira globali ta' konservazzjoni ta' 10 % taż-żoni marittimi u kostali u tippromwovi l-ġestjoni u l-infurzar effettiv taż-żoni protetti tal-baħar (MPAs) biex effettivament jinħolqu “parks ta' oċeani”. Studji attwali ta' proġetti simili fl-Awstralja juru benefiċċji għat-turiżmu u s-sajd fir-reġjuni ġirien li jistgħu jiġu replikati bnadi oħra, inklużi partijiet tax-xtut Ewropej. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jenfasizza l-importanza li jiġu involuti u awtonomizzati l-partijiet interessati lokali fl-identifikazzjoni u l-ġestjoni tal-MPAs. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ riżorsi għall-MPAs jew id-disponibbiltà limitata tad-data xjentifika, jistgħu jkunu ostaklu sinifikanti għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, pereżempju l-enerġija tal-baħar, u l-portijiet;

    Qasam ta’ prijorità 3: it-tisħiħ tad-data u r-riċerka internazzjonali dwar l-oċeani

    36.

    jemmen, fir-rigward tal-Azzjoni 12, li strateġija koerenti tal-UE dwar l-osservazzjoni tal-oċeani, id-data tas-sajd nazzjonali u l-kontabbiltà tal-baħar se jagħtu spinta lis-servizzi tad-data u lill-osservazzjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li l-pjattaformi eżistenti Ewropej u internazzjonali għall-immappjar tal-oċeani u ta’ qiegħ il-baħar bħall-EMODnet jew il-programm “Copernicus” tal-osservazzjoni tal-oċean jkunu integrati u li jsiru interoperabbli. Għandhom jitħeġġu inizjattivi bħall-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi – IPBES (pjattaforma globali u korp intergovernattiv miftuħa għall-Istati Membri kollha tan-NU bil-għan li tissaħħaħ ir-rabta bejn ix-xjenza, il-politika u l-għarfien lokali fit-teħid tad-deċiżjonijiet marbuta mal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi), inkluż l-iżvilupp ta’ għodod ġodda bħan-Nordic IPBES, l-EU MAES (l-Immappjar u l-Valutazzjoni tal-Ekosistemi u s-Servizzi tagħhom) u ESMERALDA (It-Titjib tal-Immappjar tas-Servizzi Ekosistemiċi għall-Politika u t-Teħid tad-Deċiżjonijiet);

    37.

    iqis li t-taħlita tal-bażijiet tad-data differenti eżistenti u futuri tibni korp interdixxiplinari ta' għarfien u data dwar il-baħar li jolqot diversi oqsma, bħall-protezzjoni tal-ambjent, is-sajd u l-akkwakultura, għajnuna f’każ ta’ diżastru, l-ewwel rispons u s-servizzi ta’ sokkors, il-kontroll tal-fruntieri u l-monitoraġġ tal-migrazzjoni, u t-trasport. Il-Kumitat ma jarax il-bżonn li jiżdiedu l-bażijiet tad-data, iżda pjuttost li jistgħu jiġu kkoordinati l-bażijiet tad-data eżistenti, sabiex ikunu utli għall-Istati Membri;

    38.

    jenfasizza li bażijiet tad-data u ġbir ta’ data dwar il-baħar u l-immappjar tal-oċeani li jkunu kompatibbli, żejda u duplikati jeħtieġu aktar sinerġiji mhux biss bejn id-diversi istituzzjonijiet tal-UE u l-istituzzjonijiet kompetenti fil-livell nazzjonali iżda wkoll ma’ Stati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, peress li d-data komuni għandha tkun il-punt tat-tluq biex jiġu żviluppati risponsi komuni u transoċeaniċi;

    39.

    jinsisti li l-għarfien dwar il-baħar m’għandux jiġi biss mis-settur pubbliku; is-settur privat, il-kumpaniji tas-sajd u tal-merkanzija tal-baħar, l-inġinerija tal-baħar, it-telekomunikazzjoni, il-bijoteknoloġija u l-kumpaniji tat-tiftix taż-żejt u l-gass mill-baħar jistgħu jaqdu rwol kruċjali fil-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data ambjentali li jiġbru matul l-attivitajiet tagħhom fil-baħar. L-UE u korpi internazzjonali oħra għandhom jipprovdu inċentivi u jiffaċilitaw dan b’tali mod li ma jżidx piż bla bżonn;

    40.

    itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi l-aħjar prattiki għall-użu ta' sħubiji pubbliċi-privati fl-ekonomija blu (11). Tali promozzjoni għandha tqis il-potenzjal offrut minn negozji żgħar u ta' daqs medju u l-kapaċità amministrattiva limitata ta' xi wħud mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti;

    41.

    jenfasizza l-impatti territorjali asimmetriċi ta’ ħafna mill-isfidi li qed jiffaċċjaw l-oċeani tagħna, li jfissru li d-data dwar il-baħar marbuta ma’ diversi politiki jeħtieġ li ssir disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod li tkun faċli li tiġi aċċessata u tintuża;

    42.

    jitlob, f’konformità mal-opinjonijiet preċedenti tal-KtR dwar it-Tkabbir Blu (12), biex ikun hemm aktar investiment fix-xjenza “blu” u l-innovazzjoni (Azzjoni 13) u jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza ta’ edukazzjoni u ħiliet professjonali għall-baħħara, żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-industriji tal-baħar;

    43.

    jappoġġja l-iżvilupp ta’ riċerka internazzjonali dwar l-oċeani, l-innovazzjoni u sħubiji tax-xjenza li għandhom jitfasslu biex jagħtu spinta lir-reġjuni li qed jinvestu fir-riċerka tal-baħar u l-innovazzjoni (Azzjoni 14). F’dan ir-rigward, il-politiki u l-programmi Ewropej, bħall-Orizzont 2020, kif ukoll l-FEMS, LIFE, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-FEŻR jistgħu jintużaw b'mod utli biex jiżviluppaw sħubiji ta’ riċerka dwar l-oċeani u innovazzjoni, inkluż ma’ pajjiżi terzi;

    44.

    jirrikonoxxi r-rwol importanti li jista’ jkollha l-Istrateġija tat-Tkabbir Blu f’dan il-qasam u jitlob li jiġu promossi inizjattivi strateġiċi fil-livell lokali u reġjonali, jinxterdu u jiġu implimentati f’reġjuni oħra l-prattiki tajba u l-proġetti ta’ suċċess, b’enfasi speċjali fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni applikata fl-oqsma tal-attivitajiet marittimi u kostali;

    Rakkomandazzjonijiet finali

    45.

    jemmen li l-governanza tal-oċeani tolqot lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod asimmetriku ħafna, u dan joħloq sfidi li ħafna drabi mhumiex attrezzati biex jindirizzaw. Fl-istess ħin, it-tibdil fl-oqfsa regolatorji, is-sajd jew l-isfruttar tar-riżorsi naturali fi nħawi oħra tad-dinja jista’ jkollu effett dirett ekonomiku jew soċjali fuq il-komunitajiet kostali Ewropej u dawk iż-żoni li jiddependu b’mod sinifikanti mill-attivitajiet marbutin mal-oċean;

    46.

    iqis, madankollu, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa għandhom rwol proattiv x’jaqdu biex jintroduċu politiki sostenibbli għall-prevenzjoni tas-sajd eċċessiv u t-tniġġis marittimu, u b’hekk jikkontribwixxu għall-governanza f’diversi livelli tal-UE u jissensibilizzaw lill-UE u lill-Istati Membri, li għandhom ġurisdizzjoni fuq aktar minn 10 % tal-oċeani tad-dinja, biex iservu ta’ xempju f’dak li jirrigwarda n-negozjati internazzjonali relatati mal-oċeani;

    47.

    jitlob, f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali eżistenti u l-pakkett “Regolamentazzjoni Aħjar” li jiġi koorganizzat b’mod regolari bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament u l-KtR Djalogu Strutturat dwar il-Governanza tal-Oċeani sabiex b’mod konġunt jiżviluppaw inizjattivi ġodda ta’ politika relatati mal-baħar b’kontributi attivi minn rappreżentanti tar-reġjuni u l-komunitajiet kostali u tal-baħar tal-UE li huma affettwati, b’mod partikolari l-gżejjer, ir-reġjuni iżolati u ultraperiferiċi, jew ir-rappreżentanti tagħhom b’mandat dirett, potenzjalment bl-inklużjoni tal-Fora eżistenti tal-Partijiet Interessati tad-diversi strateġiji makroreġjonali tal-UE relatati mal-baħar, u r-rappreżentanti tal-RFMOs.

    Brussell, it-12 ta’ Lulju 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    (1)  Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2017.

    (2)  Relatur: Michael Cohen, KtR 126/2010.

    (3)  Relatur: Paul O'Donoghue, KtR 3766/2013.

    (4)  Relatur: Rhodri Glyn Thomas, KtR 01693/2015.

    (5)  Relatur: Hermann Kuhn, KtR 07256/2014.

    (6)  Alexander Charalambous et al., “Developing blue economy through better methodology for assessment on local and regional level” (L-iżvilupp tal-ekonomija blu permezz ta’ metodoloġija aħjar għall-valutazzjoni f’livell lokali u reġjonali), Kumitat tar-Reġjuni, 2016. http://cor.europa.eu/en/documentation/studies/Documents/order%206203_Blue%20Economy_form_WEB.pdf.

    (7)  OECD, “The Ocean Economy in 2030”, 2016. http://www.oecd.org/futures/oceaneconomy.htm.

    (8)  COM(2016) 740 final.

    (9)  EMSA: Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima: (http://www.emsa.europa.eu/).

    (10)  Relatur: Sirpa Hertell, KtR 2430/2016.

    (11)  Relatur: Adam Banaszak, CdR 4835/2014.

    (12)  Relaturi: Adam Banaszak, CdR 2203/2012, CdR 4835/2014 u Christophe Clergeau, CdR 6622/2016.


    Top