Valitse kokeelliset ominaisuudet, joita haluat kokeilla

Tämä asiakirja on ote EUR-Lex-verkkosivustolta

Asiakirja 52016XR6277

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Istħarriġ Annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tkabbir tal-2017

ĠU C 207, 30.6.2017, s. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Istħarriġ Annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tkabbir tal-2017

(2017/C 207/01)

Imressaq mill-Gruppi Politiċi tal-PSE, il-PPE, l-ALDE, l-AE u l-KRE

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2017 (1) u l-bidu tas-Semestru Ewropew tal-2017;

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2016 (2);

1.

jilqa’ l-fatt li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) jiffoka fuq l-investiment, ir-riforma strutturali u finanzi pubbliċi responsabbli iżda kien jistenna li jkun hemm fokus aktar qawwi fuq l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli bħala wieħed mill-pilastri ta’ strateġija ekonomika, soċjali u ambjentali Ewropea għal wara l-2020;

2.

jinnota li diversi indikaturi – il-PDG, l-investiment, il-ħolqien tal-impjiegi u r-rati tal-attività – jindikaw li l-irkupru tal-ekonomija tal-UE huwa kontinwu minkejja ż-żieda fl-inċertezza madwar id-dinja; jikkondividi, madankollu, l-fehma tal-Kummissjoni li ma hemm l-ebda lok għal kompjaċenza, minħabba l-fatt li r-rati tal-qgħad għadhom għoljin wisq f’ħafna reġjuni tal-Ewropa u diversi snin kumulattivi ta’ sottoinvestiment (id-“diskrepanza fl-investiment”) huma ta’ piż kbir fuq il-kompetittività u l-koeżjoni tal-Ewropa;

3.

jinsab imħasseb li l-iżbilanċi eżistenti fi ħdan l-UE u ż-żona tal-euro joħolqu sfida kbira għat-tkabbir u l-koeżjoni u li l-konverġenza fost u fi ħdan l-Istati Membri waqfet f’ħafna każijiet; jenfasizza li diskrepanzi fi ħdan l-Istati Membri huma sors ewlieni ta’ diskrepanzi ekonomiċi u soċjali, li qed ikomplu jiżdiedu fl-UE, u jiddispjaċih li mhumiex indirizzati b’mod strutturat fl-SAT;

4.

jenfasizza li Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, jista’ jagħti kontribut kbir għall-koordinazzjoni u l-konverġenza ‘l fuq tal-istandards soċjali u t-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-UE;

5.

jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro miftuħa għall-Istati Membri kollha flimkien ma’ analiżi tal-impatt baġitarju (3);

It-tnedija mill-ġdid tal-investiment

6.

jilqa’ r-riżultat tal-ewwel sena tal-FEIS mil-lat tal-ammont ta’ investiment li rnexxielu jattiva; jinsab imħasseb, madankollu, dwar ir-riżultati inċerti tal-FEIS fir-rigward tal-addizzjonalità, id-distribuzzjoni ġeografika żbilanċjata tal-proġetti li ffinanzja u n-nuqqas ta’ informazzjoni dettaljata u trasparenti dwaru; jinnota li dan it-tħassib huwa kondiviż mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (4) u l-evalwazzjoni indipendenti ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea (5); jenfasizza li l-proġetti għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ tal-FEIS ġaladarba l-valur tal-proġett ikun ta’ EUR 10 miljun jew iżjed, u għaldaqstant l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jagħmlu aktar użu mill-FEIS, inkluż permezz tal-pjattaformi ta’ investiment, u jiddispjaċih li ħafna minnhom għad m’għandhomx informazzjoni dwaru; jinsab konvint li l-indirizzar tal-problemi ta’ kapaċità amministrattiva li ħafna drabi jiimpedixxu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali milli jagħmlu użu mill-FEIS għandu jitqies bħala prijorità fil-kuntest tas-Semestru Ewropew;

7.

jilqa’ r-referenza tal-SAT għall-eżistenza ta’ ostakli għall-investiment fil-livell lokali u reġjonali; jiddispjaċih madankollu li l-analiżi tal-ostakli għall-investiment li ġiet imnedija fis-Semestru Ewropew tal-2016, u li għaliha l-KtR kkontribwixxa permezz ta’ analiżi ta’ dawn l-ostakli fil-livell territorjali (6), ma kienx hemm segwitu dwarha fl-SAT għall-2017; jikkunsidra li huwa importanti li jiġi rikonoxxut li l-miżuri sabiex jiġi approfondit is-suq uniku għandhom rwol importanti fit-titjib tal-ambjent globali tal-investiment fil-livell tal-UE u fit-tneħħija tal-ostakoli għall-investiment fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

8.

jenfasizza l-kontribut tal-Fondi SIE għall-investiment, filwaqt li jenfasizza li 61 mir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż għall-2016 ġew adottati minn programmi tal-politika ta’ koeżjoni fil-livell tal-pajjiż; jikkondividi l-fehma li l-Fondi SIE jistgħu jintużaw flimkien mal-FEIS, filwaqt li jenfasizza li l-Fondi SIE huma l-għodda ta’ investiment ewlenija tal-UE, u l-għan tagħhom hija li tiżdied il-koeżjoni, kif iddikjarat fit-Trattati;

9.

jilqa’ r-referenza tal-SAT għall-ħtieġa li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni jiġu distribwiti b’mod ġust u li tiżdied il-leġittimità tal-politika kummerċjali; jenfasizza wkoll il-piż tat-tħassib taċ-ċittadini u l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea, il-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri tagħha u r-reġjuni jżommu l-marġni ta’ flessibbiltà u d-disrkezzjoni demokratika tagħhom, u b’dan il-mod tiġi salvagwardjata wkoll il-kapaċità demokratika taċ-ċittadini li jkollhom influwenza; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tieħu pożizzjoni aktar b’saħħitha hi u tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet kummerċjali biex iżżomm l-istandards ta’ kwalità Ewropej u l-istandards u r-regolamenti nazzjonali f’oqsma bħall-protezzjoni ambjentali, tal-annimali, tal-klima, tad-data, tas-saħħa u tal-konsumatur bil-għan li jiġi żgurat li l-ftehimiet kummerċjali jkunu jistgħu jagħtu riżultati ġusti u trasparenti;

10.

jilqa’ r-rikonoxximent tal-SAT tar-rwol li taqdi l-gwida ċara fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat dwar il-finanzjament pubbliku biex tiffaċilita l-finanzjament tal-ekonomija reali; jenfasizza li parti ewlenija minn din il-finanzjament jikkonċerna servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) u jistieden lill-Kummissjoni twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tas-SIEĠ sabiex jiġu indirizzati sfidi ġodda;

Insegwu r-riforma strutturali

11.

jinnota li r-riformi strutturali huma fatturi ewlenin għal kompetittività mtejba, li hija meħtieġa dejjem aktar biex jiġu promossi t-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli u inklużivi f’kuntest ta’ kummerċ u kompetizzjoni globali;

12.

jilqa’ r-rikonoxximent tar-rwol importanti tal-akkwist pubbliku fit-titjib tal-kompetittività u l-innovazzjoni u jenfasizza li sehem kbir tal-akkwist pubbliku qed jitwettaq mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza li l-isforzi mmirati lejn it-titjib tal-kapaċità amministrattiva biex jiġi indirizzat l-akkwist pubbliku għandhom jiġu diretti b’mod speċifiku lejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

13.

jenfasizza li l-SMEs, in-negozji ġodda u l-intraprenditorija għandhom jiġu appoġġjati billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi, billi jingħataw inċentivi għall-investimenti f’attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp, billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u billi r-regolamentazzjoni aħjar tkun minn ta’ quddiem fuq l-aġenda; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-SMEs fis-setturi kollha, inklużi l-fornituri tas-servizzi, jistgħu jieħdu sehem f’katini ta’ valur mondjali, fost affarijiet oħra permezz ta’ politika industrijali u regolatorja ta’ appoġġ;

14.

jenfasizza li n-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva tal-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha, u b’mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali, huwa ostaklu għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u li l-Kummissjoni għandha toħroġ dokument strateġiku uniku li jikkoordina l-flussi kollha tal-assistenza teknika ffinanzjata mill-UE għat-titjib tal-effiċjenza amministrattiva, inkluż il-Programm ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali;

15.

jinnota bi pjaċir li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jirreferi għall-prijoritizzazzjoni għal investiment fil-kapital uman. B’mod partikolari, jenfasizza l-importanza li tingħata spinta għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ, peress li dan għadu f’livell għoli f’diversi reġjuni u komunitajiet lokali.

Niżguraw l-espansjoni fiskali u finanzi pubbliċi responsabbli

16.

jilqa’ b’mod pożittiv id-dibattitu dwar il-qagħda fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro inġenerali, li neċessarjament jeħtieġ li jimxi id f’id mal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali;

17.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma interessati fl-użu sħiħ tal-flessibilità permessa mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir; itenni t-talba tiegħu li l-investiment li jsir mill-awtoritajiet lokali u reġjonali taħt il-Fondi SIE jiġi eskluż mill-kalkoli tad-defiċit u l-limiti massimi tad-dejn fil-pajjiżi kollha tal-UE;

18.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u l-limitazzjoni tad-dejn pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern, bħala parti minn dan l-isforz globali; jenfasizza li l-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika għandha tittejjeb fid-dawl tal-prinċipji tal-OECD (Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi) għal investiment pubbliku effettiv fil-livelli kollha tal-gvern; huwa involut fit-tnedija ta’ eżerċizzju ta’ monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tippromovi d-deċentralizzazzjoni fiskali fl-UE kollha, li, skont l-evidenza disponibbli, tgħin biex ittejjeb l-effettività tan-nefqa pubblika;

Intejbu l-governanza tas-Semestru Ewropew

19.

jinnota li aktar minn nofs ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jikkonċernaw riformi strutturali li jistgħu jiġu indirizzati biss fi sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza għalhekk li l-involviment limitat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa wieħed mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ effettività u sjieda ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika skont is-Semestru Ewropew, kif muri mil-livelli modesti ta’ twassil ta’ riformi strutturali deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

20.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Uffiċjali tas-Semestru Ewropew issekondati mill-Kummissjoni lill-Istati Membri diġà qed jikkooperaw mal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’ċerti Stati Membri. Dan għandu jkun l-approċċ standard fl-Istati Membri kollha;

21.

jiddispjaċih li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mhuwiex rikonoxxut fl-SAT u li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ma jqisux il-fatt li ħafna kompetenzi huma esklużivi għal-livell reġjonali; jenfasizza li qed iħejji Opinjoni li tipproponi Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew; jilqa’ l-appoġġ għal din il-proposta espress mill-Parlament Ewropew; jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE jiddiskutu l-proposta malli tiġi ppubblikata;

22.

jinnota li diversi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jitolbu riformi strutturali li l-implimentazzjoni tagħhom tista’ tieħu ħafna aktar minn sena, biex b’hekk il-kejl tal-implimentazzjoni wara sena jista’ jissottovaluta l-progress li nkiseb, li jista’ jkun kemm qarrieqi kif ukoll skoraġġanti għal-livelli nazzjonali u sottonazzjonali tal-gvern involut; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jabbozzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż b’mod li jippermetti kejl ġust u trasparenti tal-progress fl-implimentazzjoni tagħhom;

23.

jagħti struzzjonijiet lill-President sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni quddiem il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Presidenza Maltija, il-Kunsill u l-President tal-Kunsill Ewropew.

Brussell, it-8 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  COM(2016) 725 final.

(2)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+TA+P8-TA-2016-0416+0+DOC+PDF+V0//MT

(3)  Ara l-abbozz ta’ opinjoni tal-KtR dwar “Il-kapaċità fiskali u l-istabbilizzaturi awtomatiċi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja”, relatur: Carl Fredrik Graf (PPE/SV), ECON-VI-018, li mistennija tiġi adottata fis-sessjoni plenarja tal-KtR ta’ Frar 2017.

(4)  QEA, “EFSI: an early proposal to extend and expand” (FEIS: proposta bikrija għal estensjoni u espansjoni), Opinjoni Nru 2/2016.

(5)  https://ec.europa.eu/priorities/publications/independent-evaluation-investment-plan_en.

(6)  7th CoR Monitoring Report on Europe 2020 and the European Semester (Is-Seba’ Rapport ta’ Monitoraġġ tal-KtR dwar l-Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew)http://portal.cor.europa.eu/europe2020/pub/Documents/2016/7mp.pdf.


Alkuun