EUR-Lex Piekļuve Eiropas Savienības tiesību aktiem

Atpakaļ uz EUR-Lex sākumlapu

Šis dokuments ir izvilkums no tīmekļa vietnes EUR-Lex.

Dokuments 52016AR0007

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija tal-Avjazzjoni

ĠU C 88, 21.3.2017., 69./73. lpp. (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 88/69


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija tal-Avjazzjoni

(2017/C 088/14)

Relatur:

Ulrika Carlefall Landergren (SE/ALDE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Kungsbacka

Dokumenti ta’ referenza:

Komunikazzjoni dwar “Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa”

COM(2015) 598 final;

Staff Working Document accompanying the Communication “An Aviation Strategy for Europe”

SWD(2015) 261 final (mhux disponibbli bil-Malti);

Proposta għal Regolament dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

COM(2015) 613 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza tas-settur tal-avjazzjoni għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, il-kummerċ u l-mobilità fi ħdan u barra l-UE. Is-settur tal-avjazzjoni fih innifsu huwa attività ekonomika sostanzjali li toħloq bosta impjiegi;

2.

barra minn hekk, jixtieq jenfasizza s-sinifikat soċjali tas-settur tal-avjazzjoni u l-importanza kbira tiegħu għall-koeżjoni territorjali, mhux l-anqas minħabba l-aċċess li jista’ jagħti lir-reġjuni periferiċi u dawk skarsament popolati, fosthom dawk insulari u ultraperiferiċi, għal swieq komuni akbar u għal skambju kulturali. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa tal-fehma li settur Ewropew tal-avjazzjoni kompetittiv u sostenibbli huwa essenzjali għall-iżvilupp fil-livell lokali u reġjonali;

3.

fid-dawl tat-tibdil strutturali li seħħ dan l-aħħar fis-suq internazzjonali tal-avjazzjoni, l-istess bħall-Kummissjoni, josserva l-ħtieġa ta’ strateġija komuni fil-qasam tal-avjazzjoni, u jappoġġja l-għan tal-istrateġija, jiġifieri li tappoġġja l-mobilità taċ-ċittadini tal-UE, issaħħaħ il-kompetittività u tikseb is-sostenibbiltà ekoloġika kif ukoll ekonomika u soċjali fil-katina kollha tal-valur fis-settur tal-avjazzjoni fl-UE;

4.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol kruċjali x’jaqdu b’rabta mal-iżvilupp tal-ajruporti u tal-avjazzjoni, permezz tar-responsabbiltajiet tagħhom marbutin mal-kwalità ta’ ħajjet iċ-ċittadini, l-ambjent u l-ġestjoni tat-territorju. L-iżvilupp sostenibbli kontinwu tal-avjazzjoni fl-Ewropa, b’użu iktar effettiv u żieda fil-kapaċità tal-ajruporti, jitlob kooperazzjoni miftuħa, trasparenti u bbażata fuq il-fiduċja bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-rappreżentanti tas-settur tal-avjazzjoni u tal-ajruporti fil-qafas tal-ġestjoni tat-territorju. Dan huwa prerekwiżit biex tinkiseb l-aċċettazzjoni li hija meħtieġa għat-tisħiħ tal-kompetittività u jiġi żgurat li s-settur Ewropew tal-avjazzjoni jkun fuq quddiem nett;

5.

jiddispjaċih ħafna, f’dan il-kuntest, għall-fatt li ma ssir l-ebda referenza għal-livell lokali u reġjonali u l-awtoritajiet rispettivi meta tiġi deskritta l-ħtieġa għal sforz konġunt u kooperazzjoni; Bl-istess mod, m’hemm l-ebda referenza għall-perspettiva ta’ territorju u ta’ spazju u ma tingħata l-ebda attenzjoni lill-impatt ambjentali fil-livell lokali u reġjonali, li huma prerekwiżiti għall-iżvilupp fit-tul tas-settur tal-avjazzjoni. Ir-rappreżentanti tas-settur tal-avjazzjoni huma konxji ta’ dan, iżda dan mhuwiex rifless fl-istrateġija;

L-iżvilupp tas-suq tal-avjazzjoni

6.

huwa tal-fehma li l-liberalizzazzjoni tas-suq Ewropew tal-avjazzjoni f’dawn l-aħħar 20 sena kienet ta’ benefiċċju għar-reġjuni u għall-pubbliku, u jappoġġja l-miżuri proposti għall-iżvilupp tas-suq tal-avjazzjoni, inklużi n-negozjati dwar ftehim komprensiv dwar l-avjazzjoni fil-livell tal-UE ma’ għadd ta’ pajjiżi u reġjuni, kif ukoll negozjati dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni, miżuri li jistgħu jikkontribwixxu għat-tkomplija tal-liberalizzazzjoni tal-avjazzjoni u jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni ġusta fi ħdan is-settur tal-avjazzjoni. Il-ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni li qed jiġu nnegozjati għandhom jirrispettaw il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO;

7.

filwaqt li jinnota l-impatt tal-liberalizzazzjoni fuq is-settur tal-avjazzjoni tal-UE, ifakkar ukoll fl-isfidi ġodda ewlenin li jiffaċċja, jiġifieri l-ħtieġa li: jiġi promoss żvilupp territorjali bilanċjat, li jiġi żgurat li impjiegi eżistenti u dawk ġodda jikkonformaw mal-istandards Ewropej, u li jiġu applikati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

Nuqqas ta’ kapaċità fl-arja u fis-suq?

8.

jinnota li mil-lat tal-kapaċità fl-ajru, l-istampa li toħroġ mid-djalogu mal-operaturi tas-suq hija li m’hemmx verament nuqqas ta’ kapaċità fl-ajru u li l-medja tad-dewmien hija moderata ħafna. Iżda hemm potenzjal sinifikanti biex jittejbu l-effiċjenza u l-prestazzjoni ambjentali u jitnaqqsu l-ispejjeż permezz tal-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew u r-riżultati tal-proġett SESAR, anke permezz ta’ standards komuni li jistgħu jikkontribwixxu għall-ftuħ tas-suq tas-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Sistema effettiva u integrata tajjeb ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru hija ta’ benefiċċju għar-reġjuni u l-interessi tagħhom, speċjalment fir-reġjuni periferiċi b’ajruporti żgħar. Il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru mill-bogħod hija eżempju ta’ teknoloġija li tista’ ttejjeb it-tħaddim effiċjenti ta’ ajruporti reġjonali żgħar;

9.

jappoġġja l-proposta biex jiġi żviluppat ippjanar strateġiku għall-ġestjoni tal-kapaċità tal-ajruporti fil-livell tal-UE f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ċertu numru ta’ ajruporti maġġuri, u billi ħafna ajruporti mhumiex użati biżżejjed. Peress li hemm kapaċità żejda b’mod ġenerali, huwa importanti li jiġi żgurat użu effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti, li jkollu impatt ovvju fuq l-ambjent. Jenfasizza li tali ppjanar fil-livell nazzjonali u reġjonali għandu jkollu dimensjoni territorjali. Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin hija kif jista’ jsir l-aħjar użu tal-kapaċità tal-ajruporti. L-istrateġija tenfasizza d-differenzi mil-lat tal-konnettività bejn ir-reġjuni differenti u li mhux dejjem jistgħu jiġu spjegati minn differenzi mil-lat taċ-ċirkustanzi u d-domanda jew il-kundizzjonijiet tal-provvista. Dawn id-differenzi jwasslu għal żvantaġġi kompetittivi sostanzjali għal ċerti reġjuni u sfruttament iżjed dgħajjef u inugwali tal-potenzjal kumplessiv u jippreġudikaw ukoll il-koeżjoni territorjali. Il-punt tat-tluq għandu jkun livell raġonevoli ta’ konnettività reġjonali għar-reġjuni Ewropej kollha filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ ajruporti mhux profittabbli, kif ukoll id-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’każijiet fejn jeżistu l-kundizzjonijiet għal suq li jiffunzjona;

10.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ser tkompli taħdem mal-osservatorju dwar l-ajruporti biex tissorvelja t-tendenzi fl-Ewropa, kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE, u tidentifika n-nuqqasijiet u l-miżuri adatti li għandhom jittieħdu. Analiżi koordinata u kostanti tal-konnettività tar-reġjuni rigward id-domanda prevista li tindika liema huma r-reġjuni li mhumiex konnessi b’mod tajjeb u tagħti wkoll informazzjoni dwar il-kapaċità tal-ajruporti għandha tkun bażi siewja għall-ippjanar tal-użu u l-iżvilupp tal-kapaċità tal-ajruporti. Permezz ta’ miżuri tal-ippjanar biex tittejjeb l-aċċessibilità u tiġi estiża ż-żona tal-ilħuq tal-ajruporti (catchment area), tista’ tiġi affettwata l-attrazzjoni tal-ajruporti li ma jkunux konnessi daqshekk tajjeb. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li huwa essenzjali li tali ppjanar jikkunsidra kemm it-traffiku tal-passiġġieri kif kollu tal-merkanzija u jissejjes fuq perspettiva intermodali, u jeħtieġ li jikkunsidra wkoll l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali;

11.

josserva li fl-istrateġija l-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew jadottaw mill-iżjed fis il-proposta għal reviżjoni tar-Regolament dwar is-Slots, li l-Kummissjoni ressqet fl-2011. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa tal-fehma li l-konnettività reġjonali għandha tingħata prijorità akbar milli dik prevista meta tressqet il-proposta għal reviżjoni tar-Regolament dwar is-Slots, u jemmen ukoll li li għandha tiġi abbozzata mill-ġdid sabiex tikkunsidra aħjar il-prijoritizzazzjoni tal-konnettività reġjonali;

Trasport ta’ merkanzija bl-ajru

12.

josserva li l-merkanzija hija parti importanti tas-settur tal-avjazzjoni, iżda l-istrateġija tal-avjazzjoni ma tqisx dan. It-trasport tal-merkanzija bl-ajru huwa parti essenzjali tal-attivitajiet tat-trasport tal-merkanzija u l-loġistika li jaffettwaw l-opportunitajiet ta’ żvilupp tar-reġjuni, b’mod partikolari dawk ultraperiferiċi, u huwa kwistjoni rilevanti f’termini ta’ ġestjoni reġjonali. Huwa importanti li t-trasport bl-ajru tal-merkanzija jiġi kkunsidrat fl-ippjanar b’perspettiva logistika intermodali. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa tal-fehma li strateġija koerenti dwar l-avjazzjoni fl-UE għandha tikkunsidra t-trasport tal-merkanzija bl-ajru fir-rigward tal-kapaċità tal-ajruporti, l-intermodalità u n-netwerk tal-loġistika, iżda wkoll il-problemi speċifiċi tat-tniġġis akustiku li jista’ jikkawża t-traffiku ta’ tard filgħaxija, billejl u filgħodu kmieni;

Konnettività

13.

josserva li l-kundizzjonijiet ta’ żvilupp ta’ reġjun kwalunkwe jiddependu bil-bosta mill-kwalità tal-konnettività internazzjonali tiegħu. Minn perspettiva reġjonali, konnettività tajba hija l-vantaġġ prinċipali li s-settur tal-avjazzjoni huwa mistenni jipprovdi. Il-Kumitat tar-Reġjuni għalhekk jemmen li huwa interess leġittimu li r-reġjuni jkunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ u l-iżvilupp tal-konnettività tagħhom permezz tal-iżvilupp tar-rotot. Fil-każ tal-ajruporti ultraperiferiċi, din il-konnettività bl-ajru hija neċessità minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom u minħabba l-fatt li ma jeżistux mezzi ta’ trasport alternattivi. Dan jista’ jkun inċentiv għall-istabbiliment ta’ destinazzjonijiet ġodda bl-ajru diretti u għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Hemm bżonn tat-trasparenza biex ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni u telf tal-kredibbiltà;

14.

fl-istess ħin jixtieq jenfasizza li hija s-sistema integrata tat-trasport intermodali li tagħti lir-reġjuni l-konnettività tagħhom. It-trasport bl-ajru huwa kruċjali għall-konnessjonijiet ta’ distanza twila u l-konnettività bl-ajru kontinentali u interkontinentali, iżda l-livell ta’ koordinazzjoni tiegħu ma’ mezzi oħra tat-trasport fi ħdan sistema ta’ trasport koerenti huwa essenzjali għall-vjaġġi minn bieb sa bieb u l-benefiċċji soċjali. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-bżonnijiet ta’ dawk li jaħdmu fl-ajruporti jew fil-viċin li jkollhom aċċess għat-trasport pubbliku li jkun adattat għal dawk li jivvjaġġaw biex jaħdmu barra mill-ħinijiet normali tax-xogħol;

It-tariffi tal-ajruporti bħala strumenti ta’ kontroll

15.

jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u d-djalogu bejn l-ajruporti u t-trasportaturi bl-ajru meta jiġu ffissati t-tariffi tal-ajruporti. Il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq li fl-istrateġija tal-avjazzjoni tal-UE jara wkoll stedina biex tintuża b’mod ikkoordinat l-għażla li t-tariffi tal-ajruporti jintrabtu mal-ħarsien ambjentali fir-rigward tat-tniġġis akustiku u l-kwalità tal-arja. L-użu mifrux u kkoordinat tat-tariffi tal-ajruporti relatati mal-ambjent għandu jkollu impatt influwenti sinifikanti u jista’ jkun inċentiv wieħed fost diversi li, flimkien mal-istrumenti ekonomiċi biex itaffu l-konsum tal-fjuwil u l-impatt fuq il-klima, jistgħu jwasslu għal tiġdid aktar mgħaġġel tal-flotta tal-inġenji tal-ajru, li huwa essenzjali għal finijiet klimatiċi u ambjentali. Il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq ukoll li l-istrateġija tikkunsidra b’mod ġenerali l-kwistjoni tal-inċentivi biex jitħaffef il-pass tat-tiġdid tal-flotta tal-ajruplani bil-għan li jitnaqqsu l-impatti ambjentali u klimatiċi;

Sostenn għar-reġjuni b’nuqqas ta’ konnessjonijiet

16.

jiddispjaċih għall-fatt li, fl-istrateġija, il-Kummissjoni ma identifikatx ir-rwol u l-importanza tal-ajruporti reġjonali għall-iżvilupp tal-avjazzjoni. L-approċċ bilanċjat li l-Kummissjoni biħsiebha tieħu abbażi tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3) għandu jqis l-iżvilupp reġjonali u l-konnettività tar-reġjuni Ewropej kollha, b’mod partikolari fiż-żoni skarsament popolati, periferiċi u dawk ultraperiferiċi fejn ikun hemm riskju ċar li s-suq ma jissodisfax il-ħtiġijiet reġjonali. Il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq jenfasizza l-fatt li l-obbligi ta’ servizz pubbliku huma ta’ importanza kruċjali minn perspettiva reġjonali. Fl-istess ħin, trid tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li kwalunkwe ajruport reġjonali jkun jista’ jiġi sostnut biex jilħaq bilanċ ekonomiku sostenibbli fuq perjodu twil ta’ żmien. Il-konnessjonijiet bl-ajru lejn iċ-ċentri ekonomiċi u amministrattivi nazzjonali u lejn l-ajruporti ċentrali għal trasport ‘il barra lejn il-kumplament tad-dinja huma deċiżivi għas-sopravvivenza fit-tul tar-reġjuni ultraperiferiċi, periferiċi u skarsament popolati u wkoll għar-reġjuni li bħalissa għandhom konnettività ħażina għal raġunijiet oħra. F’ħafna każijiet, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet raġonevoli għall-iżvilupp ta’ dawn ir-reġjuni, jinħtieġu investiment u għajnuna operattiva lill-ajruporti minbarra t-trasport abbażi ta’ akkwist pubbliku, kif ukoll garanzija ta’ slots (take-off u llandjar) fl-eqqel ħinijiet tat-traffiku kummerċjali fl-ajruporti ewlenin sabiex ikun possibbli t-trasferiment lejn destinazzjonijiet interkontinentali u fl-Ewropa. Dan huwa essenzjali għall-koeżjoni territorjali tal-Unjoni Ewropea, u l-Kumitat tar-Reġjuni huwa tal-fehma li dan għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar fl-istrateġija tal-avjazzjoni. Il-Kumitat tar-Reġjuni jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni preċedenti tiegħu li l-isforzi tal-Kummissjoni għandhom jikkonċentraw fuq l-ajruporti maġġuri, u li l-interventi ta’ għajnuna mill-Istat għall-ajruporti żgħar b’medja ta’ traffiku ta’ inqas minn 300 000 passiġġier fis-sena għandhom jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għaliex dawn l-ajruporti ma jistax ikollhom effett sinifikanti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, peress li l-kapaċità strutturali ta’ dawn l-ajruporti ma tippermettilhomx li jkopru l-ispejjeż tal-kapital u tal-operat (1) u li l-għajnuna pubblika għandha l-għan li tiżviluppa infrastruttura sigura u ekonomikament vijabbli għat-traffiku tal-ajru f’reġjuni b’konnettività ħażina (2). Din id-dispożizzjoni għandha naturalment tkun akkumpanjata minn żieda sinifikanti fil-livell limitu għall-eżenzjoni tal-għajnuna għall-ajruporti li jipprovdu SIEĠ (attwalment stabbilit bħala 200 000 passiġġier fis-sena), u għandu jerġa’ jibda jiġi applikat il-limitu fis-seħħ qabel l-adozzjoni tal-hekk imsejjaħ “pakkett Almunia” dwar is-SIEĠ, jiġifieri miljun passiġġier fis-sena. Il-prerekwiżit għal azzjoni bħal din għandu, madankollu, ikun dak li livell raġonevoli ta’ konnettività ma jistax jinkiseb b’mezzi oħra;

17.

huwa tal-fehma li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari l-Linji gwida tal-UE tal-2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat lill-Ajruporti u lill-Kumpaniji tal-Ajru, flimkien mar-regoli tal-UE li jirregolaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huma kkumplikati u li dan iwassal għal inċertezzi dwar kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jipprovdu għajnuna finanzjarja lill-ajruporti reġjonali. L-approċċ meħud mill-Kummissjoni f’dawn il-każijiet jidher li jieħu ħafna żmien, u għalhekk huwa xieraq li jiġi ċċarat u jitħaffef il-pass tal-proċess tal-awtorizzazzjoni. L-inċertezza u d-dewmien fl-ipproċessar jirriskjaw li jagħmluha iżjed diffiċli li tingħata għajnuna urġenti sabiex jinżamm livell raġonevoli ta’ konnettività fir-reġjuni periferiċi, ultraperiferiċi u żgħar u jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp ekonomiku ta’ dawn ir-reġjuni;

18.

B’rabta mar-reviżjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER) (3) fejn il-mira hi li tiġi eżentata l-għajnuna mill-Istat għal infrastruttura tal-ajruporti mir-rekwiżit tan-notifika, il-KtR b’mod espliċitu jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea għal għajnuna għall-investiment lill-ajruporti reġjonali fejn “Mhuwiex xieraq li jiġi stabbilit livell limitu ta’ notifika rigward l-ammont ta’ għajnuna, peress li l-impatt kompetittiv ta’ miżura ta’ għajnuna jiddependi prinċipalment mid-daqs tal-ajruport u ma jiddependix mid-daqs tal-investiment.” Il-KtR jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tiżgura allinjament mal-leġislazzjoni eżistenti tal-UE fid-“definizzjonijiet ta’ għajnuna għal ajruporti reġjonali”;

Riċerka u innovazzjoni

19.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-istrateġija tirrikonoxxi l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll tal-innovazzjoni sabiex tinżamm il-pożizzjoni fuq quddiem nett tal-Ewropa fis-settur tal-avjazzjoni u l-industrija ajrunawtika. Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza r-rwol tar-reġjuni, mhux l-inqas fil-qafas tar-responsabbiltà tagħhom għall-ħidma ta’ żvilupp reġjonali bil-kooperazzjoni tas-settur pubbliku, is-settur privat u l-qasam akkademiku tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Ir-riċerka u l-iżvilupp li jikkontribwixxu biex jittaffa l-impatt ambjentali tal-avjazzjoni huma ta’ interess partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet kosteffettivi u mingħajr l-użu ta’ fjuwils fossili fl-avjazzjoni huwa eżempju wieħed ta’ qasam importanti ta’ riċerka;

Vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord (drones)

20.

jemmen li hemm potenzjal qawwi għall-użu tad-drones fil-livell lokali u reġjonali, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Ewropa aktar skarsament popolati, u jappoġġja l-ambizzjoni li l-Ewropa tkun f’pożizzjoni minn ta’ quddiem fl-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġija tad-drones. Eżempju ta’ attività b’potenzjal kbir għall-iżvilupp huwa l-agrikoltura fejn l-applikazzjonijiet tat-teknoloġija tad-drones jistgħu jwasslu għal effiċjenza akbar fuq perjodu twil ta’ żmien. L-ambitu u l-firxa tas-servizzi bbażati fuq din it-teknoloġija huma mistennija jiżdiedu b’mod konsiderevoli għall-benefiċċju kemm tan-negozji kif ukoll taċ-ċittadini, iżda ż-żieda fl-użu tad-drones tfisser li għandhom jiġu kkunsidrati u indirizzati l-kwistjonijiet tas-sikurezza fl-ajru u fuq l-art, il-protezzjoni tal-privatezza, ir-responsabbilità, ir-regolazzjoni dwar l-użu tal-ispettru tal-frekwenzi tar-radju u l-aċċettazzjoni pubblika. F’dan il-kuntest, il-KtR wettaq valutazzjoni tal-impatt territorjali tad-drones. Jixtieq jara wkoll regolazzjoni armonizzata fundamentalment ibbażata fuq ir-riskju ta’ kull użu tad-drones fil-livell tal-UE, filwaqt li jitqies il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u jenfasizza l-ħtieġa għal djalogu bejn l-EASA, li għandha l-kompitu li tipproduċi tali regolazzjoni fundamentali, u l-atturi rilevanti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri. It-teknoloġija tad-drones ser tagħti lill-avjazzjoni tip differenti ta’ firxa lokali u reġjonali minn qabel, u d-dimensjoni ġeografika għandha tiġi rikonoxxuta fil-kuntest tal-leġislazzjoni u r-regolazzjoni. Ir-regolamentazzjoni ġenerali armonizzata dwar id-drones għandha, barra minn hekk, tinkludi regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni u l-approvazzjoni tat-tip għal taħriġ u kwalifiki rigward tħaddim u manutenzjoni tad-drones, b’mod li jiġi ggarantit il-moviment ħieles ta’ dawn il-professjonisti kif ukoll il-libertà ta’ stabbiliment ta’ impriżi fi kwalunkwe territorju tal-Unjoni Ewropea;

Il-klima, l-ambjent u l-ippjanar soċjali intermodali għall-iżvilupp sostenibbli

21.

jinsab sorpriż li t-tibdil fil-klima, li hija waħda mill-akbar sfidi komuni assoluti għall-futur, ingħata trattament sommarju fl-istrateġija. F’dan ir-rigward, jinnota li għandhom jiġu indirizzati l-frammentazzjoni tal-ajru Ewropew u n-nuqqas ta’ azzjoni globali ta’ mitigazzjoni bħala fatturi ewlenin li jżommu lura t-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju. Huwa tajjeb li ssir ħidma permezz tal-ICAO biex jinkiseb mekkaniżmu globali sabiex jittaffa l-impatt tas-settur tal-avjazzjoni fuq il-klima, iżda dan m’għandux iżommna milli fl-Ewropa jkollna livell ogħla ta’ ambizzjoni mil-limitu stabbilit mill-ICAO, abbażi tal-għan dwar iż-żamma u t-tisħiħ ta’ standards ambjentali għoljin fuq medda ta’ żmien, kif stabbilit fl-istrateġija. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-mitigazzjoni ta’ kwalunkwe problema ta’ aċċessibbiltà u kompetittività li tirriżulta għar-reġjuni skont l-Artikolu 349 tat-TFUE;

22.

jiddispjaċih li l-industrija tal-avjazzjoni (flimkien ma’ dik marittima) tħallew barra mill-ftehim dwar il-klima ta’ Pariġi tas-sena l-oħra. Filwaqt li jfakkar li t-titjiriet fi ħdan l-UE huma diġà soġġetti għall-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (ETS), jinkoraġġixxi l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ dan it-tip lil hinn mill-UE biex jiġu limitati l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju. Għal din ir-raġuni l-KtR iħeġġeġ bil-qawwi lill-ICAO biex tieħu pass ‘il quddiem dwar din il-kwistjoni matul id-39 Assemblea li jmiss;

23.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fir-rigward tal-impatt fuq il-klima, l-atturi kollha għandhom responsabbiltà komuni, u li huwa importanti li jkun hemm perspettiva olistika u mhux biss niffokaw fuq l-impatt tat-trasport bl-ajru fuq il-klima. It-trasport fuq l-art u l-attivitajiet tal-ajruporti jirrapreżentaw parti sostanzjali tat-total tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju fil-livell lokali u reġjonali – sa 50 %. L-interazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-settur privat u l-ajruporti biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet intermodali tat-trasport intelliġenti favur il-klima hija eżempju ta’ inizjattiva li tista’ tagħmel kontribut sostanzjali biex jittaffa l-impatt fuq il-klima. Bosta ajruporti qed jaħdmu b’mod ambizzjuż fuq programmi li jikkontribwixxu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-ajruporti fl-Ewropa. Il-KtR huwa tal-fehma li l-istrateġija tal-avjazzjoni għandha tagħti kas ir-responsabbiltajiet u l-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jikkontribwixxu b’mod attiv biex jonqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju relatati mal-avjazzjoni;

24.

huwa tal-fehma li t-tniġġis akustiku mill-ajruplani huwa l-isfida prinċipali li jeħtieġ li tiġi indirizzata sabiex l-avjazzjoni tal-UE tkompli tiżviluppa. Jemmen ukoll li huwa sorprendenti li kwistjoni daqstant kruċjali għall-avjazzjoni ġiet trattata b’mod daqshekk inadegwat. It-tniġġis akustiku marbut mal-avjazzjoni jikkawża problemi kbar għas-saħħa u huwa ta’ ħsara għall-benessri. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, minħabba r-responsabilità tagħhom għal saħħet iċ-ċittadini u s-sigurtà u l-benessri tagħhom, kif ukoll għall-ġestjoni tat-territorju, jaqdu rwol ċentrali fil-ġestjoni tat-tniġġis akustiku madwar l-ajruporti u l-kunflitti ta’ interess li jirriżultaw minnu;

25.

jixtieq jara wkoll eżami aktar fil-fond tal-effetti l-oħra tal-avjazzjoni fuq l-ambjent, l-iżjed l-emissjonijiet fl-arja tal-NOx u tal-materja partikulata. L-istrateġija tirreferi għar-riżultati mistennija minn proġetti ta’ riċerka u żvilupp, bħall-Clean Sky u SESAR, u tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li rapport ambjentali annwali jippermetti lill-UE, lill-Istati Membri u lill-industrija biex jissorveljaw aħjar il-prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport bl-ajru, u l-effettività tal-miżuri differenti. Il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon tali valutazzjoni sistematika, konsistenti u regolari tal-prestazzjoni ambjentali. Hija ta’ valur kbir għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li ssir disponibbli data f’livell ġeografiku iktar baxx;

26.

huwa tal-fehma li l-istrateġija tal-avjazzjoni għandha b’mod espliċitu tenfasizza r-rwol ċentrali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ forom adatti ta’ kooperazzjoni bejn l-operaturi li jimmmaniġġjaw l-ajruporti u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Għandhom jiġu identifikati l-prattiki tajbin bil-għan li jħeġġu u jappoġġjaw dan it-tip ta’ żvilupp;

27.

huwa tal-fehma li, fir-rigward tal-impatt ambjentali, hemm żewġ approċċi bażiċi li għandhom jikkomplementaw lil xulxin. L-ewwel wieħed huwa li l-emissjonijiet jiġu limitati fis-sors, u l-istrumenti u l-istandards internazzjonali għandhom influwenza importanti f’dan. It-tieni wieħed huwa li jiġu limitati l-emissjonijiet lokali u/jew l-impatt tagħhom permezz ta’ ġestjoni tat-territorju effettiva u miżuri oħrajn fil-livell lokali u reġjonali bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-rappreżentanti tal-ajruporti u s-settur tal-avjazzjoni. Madankollu, l-importanza tal-ippjanar fil-livell lokali u reġjonali u r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan ma jiġux ikkunsidrati fl-istrateġija, u dan huwa nuqqas gravi.

Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Opinjoni tal-KtR dwar “Linji gwida tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat lill-Ajruporti u lill-Kumpaniji tal-Ajru”, 28 ta’ Novembru 2013, COTER-V-043 (ĠU C 114, 15.4.2014, p. 11).

(2)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-ajruport ta’ Angoulême, 23 ta’ Lulju 2014; http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-14-498_en.htm.

(3)  http://ec.europa.eu/competition/consultations/2016_gber_review/index_en.html.


Augša