EUR-Lex Adgang til EU-lovgivningen

Tilbage til forsiden

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 52016IR2880

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Inizjattiva Cloud Ewropea u l-Istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali

ĠU C 88, 21.3.2017, s. 34–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 88/34


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Inizjattiva Cloud Ewropea u l-Istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali

(2017/C 088/07)

Relatur:

Anne Karjalainen (FI/PSE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Kerava

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill- Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Istandards tal-ICT bħala l-Pedament Tas-Suq Uniku Diġitali

COM(2016) 176 final

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill- Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inizjattiva tal-Cloud Ewropea — Il-bini ta’ dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa

COM(2016) 178 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

Kummenti preliminari

1.

iqis li l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar il-Cloud Ewropea u dwar l-istandards tal-ICT huma importanti, b’mod partikolari fid-dawl tal-pożizzjoni tal-Ewropa fl-ekonomija diġitali globali u għall-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali;

2.

jinnota li t-tnaqqis tal-ostakli għall-iskambju tal-għarfien se jagħti spinta sostanzjali lill-kompetittività tan-negozji Ewropej filwaqt li jibbenefika wkoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

3.

jemmen li l-approċċ gradwali tal-Kummissjoni biex tniedi s-servizzi cloud Ewropej huwa sensibbli u bi pjaċir jinnota li l-qafas se jippermetti, l-ewwel nett il-komunità xjentifika, u mbagħad kemm in-negozji kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali, biex jużaw l-għarfien komuni kif ukoll il-produzzjoni tiegħu;

4.

huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li l-Informatika ta’ Prestazzjoni Għolja kompetittiva tista’ tiġi żviluppata biss permezz ta’ miżuri konġunti;

5.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-isforzi ta’ standardizzazzjoni tal-ICT Ewropew għandhom jiżdiedu sabiex jiġi utilizzat il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni u biex jiġu pprovduti servizzi transkonfinali;

6.

jinnota li minkejja l-istandardizzazzjoni tal-ICT, il-kumpaniji u s-settur pubbliku għandhom jingħataw ukoll il-flessibbiltà li jiżviluppaw, jiksbu u japplikaw soluzzjonijiet innovattivi li jiddevjaw minn dawk l-istandards;

7.

jinnota li l-iżvilupp u/jew l-applikazzjoni ta’ standards komuni għadhom serjament neqsin fil-każ ta’ ħafna oqsma kruċjali għas-suq uniku diġitali, pereżempju l-identifikazzjoni elettronika, u għadu mħasseb ħafna dwar il-fatt li d-differenzi ġeografiċi fl-aċċessibilità tal-broadband ta’ veloċità għolja li qed jostakolaw l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali (1). L-insularità hija fattur ġeografiku sfavorevoli minħabba l-ħtieġa ta’ aktar flus għall-kejbils ta’ taħt il-baħar;

8.

itenni f’dan il-kuntest l-istedina tiegħu biex proġetti għall-iżvilupp tal-broadband jiġu rikonoxxuti bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (2);

9.

jafferma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej huma ħerqana li jiżviluppaw l-kondiviżjoni tal-għarfien, kif ukoll li jinnotifikaw l-istandards tal-ICT li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tagħhom fir-rigward tal-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi (3);

10.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-atturi nazzjonali rilevanti fl-Istati Membri kollha jieħdu miżuri adegwati biex jippromovu servizzi ta’ cloud tax-xjenza miftuħa kif ukoll il-kondiviżjoni tal-għarfien b’mod aktar ġenerali, għax inkella jkun hemm riskju sostanzjali li d-differenzi bejn l-Istati Membri jiżdiedu rapidament, u din tkun sitwazzjoni li malajr toħroġ fid-dieher fl-attività tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

11.

jaqbel mal-Kummissjoni li kull organizzazzjoni — kbira jew żgħira, pubblika jew privata — hija mistennija tiġġestixxi adegwatament ir-riskji għas-sigurtà ċibernetika u, fejn meħtieġ, tkun f’pożizzjoni li turi li qed tagħmel dan b’suċċess, u jħeġġeġ biex il-miżuri jiġu mfassla biex jgħinu jiżviluppaw l-għarfien dwar iċ-ċibersigurtà fil-livelli kollha meħtieġa (4);

12.

jenfasizza b’mod ġenerali li sabiex jinkisbu l-benefiċċji multipli tas-Suq Uniku Diġitali, forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati hija meħtieġa biex timplimentah; jistieden għalhekk il-proposti tal-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas tal-Aġenda Ġdida dwar il-Ħiliet għall-Ewropa li ġiet adottata dan l-aħħar, biex tagħmel enfasi fuq l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu mgħammra bil-ħiliet neċessarji għat-tranżizzjoni diġitali;

Interoperabilità

13.

jinnota li d-denominatur komuni taż-żewġ komunikazzjonijiet li qed tirreferi għalihom din l-Opinjoni huwa n-nuqqas ta’ interoperabilità f’ħafna setturi differenti, li jwassal biex ir-riċerkaturi, l-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi u dawk li jfasslu l-politika ma jkollhomx aċċess għad-data li jeħtieġu;

14.

jirrimarka li l-akbar ostaklu għall-interoperabilità, b’rabta ma’ tali kondiviżjoni ta’ data, bħal servizzi diġitali transkonfinali, ngħidu aħna, normalment huwa n-nuqqas ta’ arkitettura standardizzata tad-data (5);

15.

jirrakkomanda li, minbarra l-istandards minimi u l-meta-data sempliċi msemmija fil-komunikazzjoni, għandha titqies ukoll il-possibbiltà li tiġi definita l-master data Ewropea mitluba f’servizzi transkonfinali;

Standardizzazzjoni

16.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-kuntest attwali teħtieġ sħubijiet bejn setturi differenti fl-istandardizzazzjoni, u jista’ jagħti l-eżempju tas-saħħa elettronika, fejn biex in-nies ikollhom responsabbiltà akbar għal saħħithom stess hija meħtieġa perspettiva usa’ (6);

17.

jinnota li s-saħħa elettronika, is-sistemi ta’ trasport intelliġenti, l-enerġija intelliġenti u teknoloġija tal-manifattura li tirrispetta aktar l-ambjent, li l-Kummissjoni ssemmi fil-komunikazzjoni tagħha bħala eżempji ta’ oqsma ta’ mira importanti, huma pjuttost ċentrali għall-attivitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li ser ikollhom jiġu involuti b’mod attiv jekk se jintlaħqu l-objettivi;

18.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-prijoritajiet għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni regolari, għaliex il-ħtiġijiet ta’ standardizzazzjoni effettivament jistgħu jinbidlu malajr ħafna, minħabba l-wasla kostanti ta’ innovazzjonijiet ġodda fis-servizzi tal-għajnuna soċjali pereżempju;

19.

jemmen li huwa importanti fl-istandardizzazzjoni Ewropea li jsir użu wiesa’ tal-innovazzjonijiet li huma parti minn privattivi tal-kumpaniji, u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiċċara l-elementi ewlenin ta’ metodoloġija tal-liċenzjar ekwitabbli, effikaċi u infurzabbli madwar il-prinċipji FRAND;

20.

jinnota li ħafna softwer liċenzjat b’sors miftuħ diġà qed jintuża fl-amministrazzjoni tal-gvern lokali u reġjonali fl-Ewropa. Dan għandu jitqies bħala żvilupp pożittiv, li l-Kummissjoni għandha tmexxi ’l quddiem, b’mod partikolari billi tiċċara r-relazzjoni bejn it-termini ta’ liċenzjar ta’ sors miftuħ u FRAND;

21.

jinnota li flimkien mal-iżvilupp tal-istandardizzazzjoni uffiċjali fl-UE u fil-livell internazzjonali, huma meħtieġa miżuri li fuqhom jissejsu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT żviluppati minn organizzazzjonijiet oħrajn li jiżviluppaw l-istandards u prattiki tajbin li huma ġeneralment aċċettati li jintużaw aktar spiss;

22.

iqis li huwa essenzjali li jiġu żviluppati proċeduri biex jiżguraw li l-ħtiġijiet tal-utenti finali tal-istandards — kemm in-negozji kif ukoll is-settur pubbliku — huma magħrufa meta jitfasslu l-pjani ta’ standardizzazzjoni;

23.

jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-proposta tal-Kummissjoni biex tappoġġja l-parteċipazzjoni usa’ ta’ esperti Ewropej tal-istandardizzazzjoni tal-ICT internazzjonali, minħabba li l-proċeduri globali komuni huma ta’ importanza vitali kemm biex jintlaħqu l-objettivi ta’ diġitalizzazzjoni Ewropa u għall-iżvilupp tas-settur;

24.

josserva li diġà għaddew diversi snin mill-pubblikazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà għas-Servizzi Pubbliċi Ewropej, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni biex taġġornah, bit-tama li l-potenzjal tal-Internet tal-oġġetti se jkun ikkunsidrat ukoll f’dan il-proċess (1);

Servizzi tal-Cloud Ewropea

25.

jinnota li s-servizzi cloud qed jespandu b’rata mgħaġġla fl-Ewropa. Skont studju li sar mill-Kummissjoni, dan jista’ jfisser li s-suq tas-servizzi tal-cloud fl-Ewropa qed jikber minn EUR 9,5 biljun fl-2013 għal EUR 44,8 biljun sal-2020, ċifra li tirrappreżenta żieda ta’ ħames darbiet (7). Skont id-data tal-Eurostat minn tmiem l-2014 (8):

(a)

19 % tan-negozji tal-UE kienu qed jużaw servizzi tal-cloud fl-2014, prinċipalment biex jospitaw is-sistemi tal-e-Mail u għall-ħżin ta’ fajls elettroniċi;

(b)

46 % ta’ dawk in-negozji kienu qed jużaw servizzi tal-cloud avvanzati relatati ma’ applikazzjonijiet ta’ softwer finanzjarju u tal-kontabilità, il-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-klijenti u l-użu tas-saħħa informatika għat-tmexxija tal-applikazzjonijiet tan-negozju;

(c)

erbgħa minn kull għaxra (39 %) tan-negozji li jużaw is-servizzi tal-cloud irrappurtaw dwar ir-riskju ta’ ksur tas-sigurtà tad-data bħala l-fattur ewlieni li jillimita l-użu tagħhom tas-servizzi tal-cloud;

(d)

proporzjon simili ta’ negozji (42 %) li ma jużawx is-servizzi tal-cloud qalu li l-fattur ewlieni li jżommhom milli jużaw is-servizzi tal-cloud kien in-nuqqas ta’ għarfien dwar il-cloud computing;

26.

jenfasizza, fid-dawl ta’ dan, il-ħtieġa għal impenn politiku ċar biex jiffinanzja l-infrastruttura ta’ riċerka tal-cloud sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal enormi tal-cloud computing;

27.

jinnota li s-servizzi tal-cloud huma bbażati fuq il-fiduċja u li biex tikseb u żżomm il-fiduċja trid tingħata attenzjoni konsiderevoli rigward is-sigurtà u l-privatezza tad-data;

28.

jittama li jittieħed kont tal-potenzjal għal servizzi tal-cloud tax-xjenza miftuħa li jintużaw fl-edukazzjoni;

29.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tas-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat fl-iżvilupp tas-servizzi tal-cloud tax-xjenza miftuħa u jtenni l-opinjoni tiegħu li ġie ddikjarat qabel li clouds eżistenti jew clouds li qed jiġu żviluppati fil-livell nazzjonali, reġjonali u eventwalment fil-livell lokali għandhom ikunu interkonnessi u interoperabbli b’soluzzjonijiet Ewropej (9);

30.

jinnota li l-użu mifrux tad-data u materjal ieħor provdut permezz tas-servizzi tal-cloud jiddependi fuq il-fatt li jiġu solvuti l-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur (10);

Kondiviżjoni tad-data

31.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kondiviżjoni ta’ data Ewropea f’konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data, u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi ħarsa ġenerali dwar fejn id-data rilevanti tista’ tkun aċċessibbli b’mod deċentralizzat, b’tali mod li l-informazzjoni tkun disponibbli b’dan il-mod;

32.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq inizjattiva tal-UE dwar “Il-fluss liberu tad-data” għall-promozzjoni tal-fluss liberu tad-data fl-Unjoni (11);

33.

jenfasizza li l-kondiviżjoni ta’ data standardizzata se tnaqqas il-frammentazzjoni attwali bejn ir-riċerkaturi, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll fi ħdan dawn il-gruppi, u li b’hekk jitmexxew ‘il quddiem ħafna mill-objettivi relatati mas-suq uniku diġitali;

34.

jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni dwar il-preġudizzji li fil-preżent qegħdin ifixklu l-kondiviżjoni tad-data u jħeġġiġha biex tkun aktar attiva fil-komunikazzjoni tal-benefiċċji tal-kondiviżjoni tad-data għall-parti li tkun qed taqsam dik id-data (12);

35.

jinnota li l-kondiviżjoni tad-data għandha wkoll benefiċċji importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Is-sid tad-data ma jitlef xejn billi jikkondividi d-data: għall-kuntrarju, il-kondiviżjoni żżid il-valur tad-data. Il-ftuħ tad-data tal-gven isaħħaħ id-demokrazija u joħloq opportunitajiet kummerċjali ġodda. Il-kondiviżjoni tad-data tnaqqas ukoll il-ħtieġa għal talbiet għal data ad hoc u li ta’ sikwit jiswew ħafna flus;

36.

jinnota li jekk iċ-ċittadini jkollhom aċċess usa’ għad-data tas-saħħa personali tagħhom onlajn dan ikun ifisser li jieħdu aktar responsabbiltà għal saħħithom stess, u jittama li jiżdiedu l-opportunitajiet biex in-nies ikunu jistgħu jużaw id-data tagħhom ukoll f’oqsma oħrajn tal-amministrazzjoni pubblika;

37.

jinnota li biex jibbenefikaw mill-Fond Ewropew tax-Xjenza tal-Cloud Miftuħa, l-awtoritajiet pubbliċi u l-SMEs b’mod partikolari jeħtieġu mhux biss id-data attwali iżda wkoll l-għodod għall-analiżi tagħha, speċjalment fil-każ tal-Big Data;

38.

jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tgħaqqad flimkien il-komunità tad-data Ewropea, pereżempju fis-sħubija pubblika-privata dwar il-Big Data taħt il-programm Orizzont 2020, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jinvolvu ruħhom f’din il-kooperazzjoni, jekk jistgħu;

39.

jemmen li l-Fond Ewropew tax-Xjenza tal-Cloud Miftuħa, li jinkorpora l-awtorità pubblika, id-data tan-negozju u r-riċerka, jista’ juża metodi tal-ipproċessar tal-Big Data biex jiffaċilita pereżempju t-trattament ta’ kwistjonijiet ta’ politika muniċipali, li ta’ spiss huma multidimensjonali u kumplessi;

L-Internet tal-oġġetti

40.

jafferma r-rwol importanti tal-cloud Ewropea, fit-termini ta’ protezzjoni tal-ambjent permezz tal-ħżin tad-dokumenti, tal-informazzjoni jew tad-data diġitali. Barra minn dan, il-ħżin u l-aċċess għal diversi fajls huwa ħafna eħfef, u l-fatt li ma jkunx hemm bżonn li jiġu stampati jikkontribwixxi għal użu minimu tal-karti u għaldaqstant għall-protezzjoni tal-ambjent;

41.

bi pjaċir jinnota li l-Internet tal-oġġetti (IoT – Internet of Things) huwa fost il-prijoritajiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istandardizzazzjoni, peress li fil-futur dan se jkollu impatt pożittiv sostanzjali fuq il-kwalità tas-servizzi u l-produttività tal-attivitajiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Skont studju tal-Kummissjoni Ewropea (13), il-valur tas-suq tal-IoT fl-UE huwa mistenni li jaqbeż triljun ewro sas-sena 2020;

42.

jittama li l-Kummissjoni tieħu kont akbar tal-potenzjal kbir tal-IoT fid-diversi programmi dwar id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika;

43.

jemmen li t-twaqqif ta’ standards dwar l-Internet tal-oġġetti fil-kuntest tal-akkwist pubbliku jaqdi l-bżonnijiet tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet u jista’ jagħti lill-industrija Ewropea vantaġġ sostanzjali f’dan is-settur;

44.

jirrimarka, madankollu, li l-IoT huwa settur ġdid u li mhux biss huma meħtieġa standards, iżda wkoll sperimentazzjoni innovattiva, li l-finanzjament tagħha għandu tkun prijorità għall-Unjoni;

45.

jinnota li diversi analiżi wrew li ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali mhumiex infurmati biżżejjed dwar il-benefiċċji tal-IoT, b’mod speċjali fil-kura tas-saħħa, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, kwistjonijiet ambjentali, is-sigurtà, u l-ġestjoni tal-proprjetà, biex ma nsemmux it-trasport intelliġenti, u jittama li l-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura skambju ta’ informazzjoni f’dan il-qasam u dokumentazzjoni aħjar u tipprovdi informazzjoni dwar l-impatt u l-opportunitajiet marbuta mal-Internet tal-oġġetti, il-bliet intelliġenti u d-data miftuħa;

46.

jenfasizza li kull wieħed mill-ħames oqsma ta’ prijorità identifikati mill-Kummissjoni għal standardizzazzjoni huma interkonnessi, iżda li hemm interdipendenza partikolari bejn l-IoT u netwerks 5G futuri. Sakemm tinkiseb kopertura ġeografika sħiħa għan-netwerks 5G, ser ikun impossibbli li l-Internet tal-oġġetti jintuża bl-istess mod fir-reġjuni kollha Ewropej.

Brussell, il-11 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Ara CdR 104/2010, CdR 65/2011, CdR 3597/2013, CdR 2646/2015 u CdR 4165/2014.

(2)  CdR 2646/2015.

(3)  CdR 626/2012.

(4)  CdR 1646/2013.

(5)  CdR 5514/2014.

(6)  CdR 5514/2014.

(1)  Ara CdR 10/2009, CdR 5514/2014, Anness 2 ta’ COM(2010) 744 final, u COM(2016) 179 final.

(7)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/final-report-study-smart-20130043-uptake-cloud-europe.

(8)  Cloud computing – statistics on the use by enterprises (Eurostat, November 2014): http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Cloud_computing_-_statistics_on_the_use_by_enterprises

(9)  CdR 1673/2012.

(10)  CdR 2646/2015.

(11)  COM(2015) 192.

(12)  CdR 4165/2014.

(13)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/definition-research-and-innovation-policy-leveraging-cloud-computing-and-iot-combination


Op