EUR-Lex Adgang til EU-lovgivningen

Tilbage til forsiden

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 52016XR4785

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018

ĠU C 88, 21.3.2017, s. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 88/7


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018

(2017/C 088/03)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

waqt li kkunsidra l-Proposta mill-Kummissjoni Ewropea għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (1);

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

1.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-2018 tiġi kklassifikata bħala s-“Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali” u jaqbel mal-għanijiet speċifiċi u globali ddikjarati għal dik is-Sena;

2.

iqis li Sena Ewropea ddedikata għall-wirt kulturali tikkostitwixxi opportunità siewja biex ikun hemm sensibilizzazzjoni fil-livell lokali dwar il-bżonn li jiġi protett il-wirt kulturali, biex aktar nies ikunu jafu bih u biex isir kontribut għall-ksib ta’ għanijiet kondiviżi fil-kuntest pan-Ewropew (2); barra minn hekk, is-Sena Ewropea għandha tippromovi l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-iżvilupp ta’ sistemi ta’ ġestjoni effettivi, li jgħinu jnaqqsu r-riskji relatati mal-iżvilupp urban u t-trasformazzjoni tal-pajsaġġ u fil-ġlieda kontra t-tħaffir illeċitu u t-traffikar illegali tal-beni kulturali;

3.

jappella għal approċċ komprensiv u viżjonarju sabiex l-2018 issir is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, hekk kif din hija wkoll opportunità biex jerġa’ jiġi affermat il-motto tagħna “Maqgħudin fid-diversità”. Il-KtR jirrepeti l-intenzjoni tiegħu li jappoġġja s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018. Għal dan il-għan, jesprimi li hu lest li jikkontribwixxi wkoll għall-ħidma tal-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew, li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tistabbilixxi fi ħdan il-qafas tas-Sena Ewropea 2018;

4.

jirrikonoxxi li meta l-wirt kulturali jiġi ċċelebrat u kkommemorat, dan jgħin lill-Ewropej jifhmu aktar, jinspira l-kreattività u jippromovi ċ-ċittadinanza attiva. Għalhekk, il-promozzjoni tal-kultura u l-wirt kulturali hija essenzjali sabiex jissaħħu l-identità u l-valuri demokratiċi fl-Ewropa u sabiex isir kontribut għall-koeżjoni soċjali u ekonomika. F’dan ir-rigward, żoni naturali protetti għandhom jitqiesu bħala li jifformaw parti mill-wirt kulturali;

5.

jilqa’ r-rikonoxximent mogħti lill-kultura bħala għodda għall-iżvilupp lokali u reġjonali u l-valur ta’ mudelli innovattivi ta’ governanza f’diversi livelli u ġestjoni tal-wirt kulturali; jenfasizza, madankollu, li l-ħatra ta’ koordinaturi fil-livell tal-Istat Membru għandha tirrifletti bis-sħiħ l-istruttura ta’ governanza ta’ kull Stat Membru, inklużi l-istrutturi federali u/jew ir-reġjuni/il-bliet b’setgħat leġislattivi;

6.

itenni s-sinifikat tal-pajsaġġi bħala komponent bażiku tal-wirt naturali u kulturali, b’impatt profond fuq l-identità kulturali taċ-ċittadini tal-Ewropa; jemmen għalhekk li, b’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Pajsaġġ u l-Aġenda Ewropea għall-Kultura, l-għanijiet ġenerali għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 jistgħu jiġu arrikkiti billi jiġi inkluż komponent b’saħħtu għall-iżvilupp territorjali, fil-forma ta’ strateġiji kulturali reġjonali u lokali li tinvolvi l-promozzjoni ta’ turiżmu kulturali sostenibbli;

7.

jistenna li s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 toħloq momentum sabiex jiżdied il-finanzjament disponibbli fil-programm COSME għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju relatati mat-turiżmu kulturali;

8.

jistenna li t-turiżmu, speċjalment it-turiżmu kulturali u dak marbut mal-wirt, jaqdi rwol importanti fl-2018, fid-dawl tal-fatt li huwa wieħed mis-setturi ekonomiċi li qed jikbru l-iżjed malajr fl-Ewropa u dan imexxi t-tkabbir u l-iżvilupp globali, joħloq miljuni ta’ impjiegi, jixpruna l-esportazzjoni u l-investiment u jibdel ħajjet in-nies;

9.

jenfasizza l-importanza tal-kultura bħala wieħed mill-fatturi kruċjali sabiex jinġibdu t-turisti u jenfasizza l-ħtieġa biex jiġi promoss il-wirt kulturali u naturali tal-Ewropa fir-reġjuni, il-bliet u ż-żoni rurali li jservu ta’ vetrina għad-diversità tagħna, u biex jiżgura aktar aċċessibilità għal dawk iż-żoni, li diffiċli wieħed ikollu aċċess għalihom, bħal reġjuni rurali, muntanjużi jew gżejjer;

10.

ifakkar l-għan tal-Aġendi Urbani l-ġodda tal-UE sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja fl-irħula u l-bliet u tiġi żviluppata governanza “urbana” ġdida, u jenfasizza li għandhom jiġu stabbiliti sħubijiet dwar kwistjonijiet oħra li jeħtieġu approċċi integrati ta’ politika, pereżempju, billi jitqiesu d-dimensjoni kulturali u tat-turiżmu fl-iżvilupp urban, forom inklużivi ġodda ta’ parteċipazzjoni, l-innovazzjoni u l-Bliet Intelliġenti (3);

11.

jenfasizza r-rabtiet mill-qrib bejn il-wirt kulturali u l-iżvilupp rurali u jappella liż-żoni rurali biex jagħtu iżjed attenzjoni lill-wirt kulturali fl-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom peress li jikkontribwixxi għas-salvagwardja u l-ħolqien ta’ impjiegi, l-appoġġ ta’ negozji agrikoli, il-ħarsien tal-pajsaġġi kulturali, l-appoġġ tal-arti u s-snajja’ rurali;

12.

jirrepeti l-vantaġġ possibbli li jintuża r-Raggruppament Ewropew tal-Kooperazzjoni Territorjali (REKT) għall-proġetti ta’ governanza f’diversi livelli, fejn il-parteċipanti rilevanti kollha jiġu involuti fil-governanza ta’ territorju transkonfinali jew Ewroreġjonali (4) u jistimulaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura, inkluż il-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, b’konsegwenzi pożittivi fuq is-setturi l-oħra, bħat-turiżmu u l-industrija;

13.

jirrepeti l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura u taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, kif ukoll għall-Jiem tal-Patrimonju Ewropew u l-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali, u jenfasizza l-bżonn għal sinerġiji b’saħħithom bl-attivitajiet li jsiru fil-kuntest tas-Sena Ewropea 2018;

14.

jinnota li, għalkemm il-kofinanzjament fil-livell Ewropew tal-attivitajiet li jappoġġjaw is-Snien Ewropej huwa fi ħdan il-possibbiltajiet eżistenti sabiex tiġi stabbilita l-prijorità fuq bażi annwali jew pluriennali u f’rabta mal-programmi eżistenti, l-għażla tal-fokus tal-politika ta’ kull Sena tiddetermina sa ċertu punt d-daqs tal-pakkett baġitarju disponibbli. Dan iwassal għal varjazzjonijiet konsiderevoli fil-finanzjament minn Sena għal oħra, li jista’ jxekkel il-ksib tal-għanijiet ta’ Sena;

15.

itenni li f’dinja li qed tiġi globalizzata, il-kultura tista’ tiddetermina kemm ikun attraenti post kif ukoll il-kompetittività għan-negozji, l-investituri u l-individwi kreattivi u intraprenditorjali;

16.

iqis is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 bħala pass importanti biex tiġi promossa l-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali (5)

17.

jilqa’ l-attenzjoni fuq il-Lvant Nofsani meta jitqies ir-rwol tal-wirt fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, peress li dan ir-reġjun huwa milqut sew mill-qirda apposta tat-teżori kulturali f’ċerti żoni ta’ kunflitt. Jaqbel li l-kooperazzjoni kulturali għandha titfittex ukoll mal-pajjiżi membri tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tas-Sħubija tal-Lvant;

18.

jenfasizza li huwa fundamentali li ż-żgħażagħ jirrikonoxxu, jifhmu u japprezzaw il-wirt tagħhom u jħossuh bħala parti mill-identità tagħhom. F’dan ir-rigward jappella għal approċċ aktar proattiv sabiex il-wirt kulturali Ewropew u d-diversità tiegħu jiġu promossi fost iż-żgħażagħ u t-tfal; għaldaqstant jirrakkomanda li fil-kurrikulu tal-iskejjel jiġu inklużi elementi ta’ edukazzjoni dwar l-arti, il-mużika, it-teatru u ċ-ċinema Ewropea sabiex jitjieb l-għarfien tal-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli tal-kontinent;

19.

jerġa’ jafferma l-importanza li l-ħiliet kulturali u kreattivi jinkisbu minn età bikrija, kemm fi ħdan is-sistema edukattiva kif ukoll fil-ħin liberu, hekk kif dawn jagħtu s-setgħa lill-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ sabiex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-forom ġodda ta’ aċċess għall-kultura (6);

20.

iqis li l-aċċessibbiltà hija fundamentali sabiex is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 tkun suċċess; it-titjib fl-aċċessibbiltà jirrappreżenta punt ta’ tluq kruċjali sabiex jiżdiedu wkoll ir-rati ta’ parteċipazzjoni (7);

21.

jikkonferma r-rieda tiegħu li jkun involut fit-tfassil ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni komprensiva, kif ukoll fl-organizzazzjoni ta’ konferenzi, avvenimenti u inizjattivi rilevanti, u jikkonferma wkoll li jinsab lest li jiffaċilita l-impenn maċ-ċittadini u l-partijiet interessati;

22.

jixtieq jara politika medjatika, awdjoviżiva u tal-IT tal-UE iżjed attiva li tfittex li tippromwovi l-wirt kulturali u lingwistiku tal-Ewropa;

23.

iqis ukoll li jinħtieġ li jinħoloq Netwerk Ewropew ta’ Bliet Siti ta’ Wirt Dinji, u jiġi meqjus bħala Wirt Komuni għaċ-ċittadini Ewropej kollha u jiġu adottati miżuri speċifiċi sabiex tiġi ppreservata u kondiviża l-eżistenza tiegħu;

24.

jagħti struzzjonijiet lill-President sabiex iwassal din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Presidenza Slovakka.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali

Emenda 1

Premessa 0

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

L-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi sabiex tippreserva u tiżviluppa l-valuri universali u indiviżibbli tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, waqt li tiġi rispettata d-diversità tal-kulturi, il-lingwi u t-tradizzjonijiet tal-popli tal-Ewropa, kif iddikjarat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 2

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Kif enfasizzat mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha “Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali” (8), il-wirt kulturali se jiġi kkunsidrat bħala riżorsa kondiviża u ġid komuni miżmum għall-ġenerazzjonijiet futuri, li l-ħarsien tiegħu hija r-responsabbiltà komuni tal-partijiet ikkonċernati kollha.

Kif enfasizzat mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha “Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali” (8), il-wirt kulturali se jiġi kkunsidrat bħala riżorsa kondiviża u ġid komuni miżmum għall-ġenerazzjonijiet futuri, li l-ħarsien tiegħu hija r-responsabbiltà komuni tal-partijiet ikkonċernati kollha. Għal dan il-għan, l-Artikolu 36 tat-TFUE ma jipprekludix projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet, esportazzjonijiet jew oġġetti fit-tranżitu ġġustifikati abbażi tal-ħarsien tat-teżori nazzjonali li għandhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku.

Raġuni

Huwa importanti li jitfakkar li l-oġġetti li huma parti mit-teżori kulturali nazzjonali huma eżentati mir-regoli tal-UE relatati mal-libertà tal-moviment tal-oġġetti.

Emenda 3

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-wirt kulturali jista’ jkollu rwol importanti għall-koeżjoni tal-komunità fi żmien meta d-diversità kulturali qed tiżdied f’soċjetajiet Ewropej. Approċċi parteċipatorji u interkulturali ġodda għal politiki dwar il-wirt u inizjattivi edukattivi li jattribwixxu dinjità ugwali għall-wirt kulturali kollha għandhom il-potenzjal li jżidu l-fiduċja, ir-rikonoxximent reċiproku u l-koeżjoni soċjali.

Il-wirt kulturali jista’ jkollu rwol importanti għall-koeżjoni tal-komunità fi żmien meta d-diversità kulturali qed tiżdied f’soċjetajiet Ewropej. Is-siti li ngħataw iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandhom dimensjoni Ewropea b’saħħitha peress li ntgħażlu għar-rwol tagħhom fl-istorja Ewropea. Għalhekk, jissimbolizzaw l-ideali, il-valuri, l-istorja u l-integrazzjoni Ewropej, u jqarrbu lill-Unjoni Ewropea maċ-ċittadini tagħha. Flimkien mal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, iżidu s-sens ta’ appartenenza taċ-ċittadini Ewropej għal żona kulturali komuni. Għalhekk għandhom jitfittxu l-komplementaritajiet mas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali. Approċċi parteċipatorji u interkulturali ġodda għal politiki dwar il-wirt u inizjattivi edukattivi li jattribwixxu dinjità ugwali għall-wirt kulturali kollha , filwaqt li jirrispettaw il-libertà tal-arti, skont l-Artikolu 13 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom il-potenzjal li jżidu l-fiduċja, ir-rikonoxximent reċiproku u l-koeżjoni soċjali.

Raġuni

Kemm iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew kif ukoll il-Kapitali Ewropej tal-Kultura huma strumenti importanti sabiex il-wirt kulturali jiġi promoss fil-livell lokali u reġjonali u għandhom jiġu rikonoxxuti kif dovut fid-Deċiżjoni. L-istess japplika għal-libertà tal-arti, li hija l-pedament tal-kreattività Ewropea.

Emenda 4

Artikolu 2(2)(k)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

li jiġu inkoraġġiti sinerġiji bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, inkluż it-tisħiħ ta’ inizjattivi li jipprevjenu t-traffikar illegali ta’ oġġetti kulturali.

li jiġu inkoraġġiti sinerġiji bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, inkluż it-tisħiħ ta’ inizjattivi li jipprevjenu t-tħaffir mhux awtorizzat u t-traffikar illegali ta’ oġġetti kulturali.

Raġuni

Il-qirda tas-siti arkeoloġiċi minħabba tħaffir illeċitu għandha konsegwenzi inestimabbli għall-wirt kulturali tal-Ewropa.

Emenda 5

Artikolu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur nazzjonali responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sehem tiegħu fis-Sena Ewropea. Il-koordinatur għandu jiżgura l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet rilevanti fil-livell nazzjonali.

Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sehem tiegħu fis-Sena Ewropea , b’rispett sħiħ tas-setgħat mogħtija lil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali ta’ gvern . Il-koordinatur għandu jiżgura l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet rilevanti fil-livell tal-Istat Membru .

Raġuni

L-istrutturi ta’ stat federali u l-livelli governattivi sottonazzjonali għandhom jitqiesu bis-sħiħ fil-ħatra tal-koordinaturi fil-livell tal-Istat Membru.

Brussell, 12 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  COM(2016) 543 final.

(2)  COR-2014-05515-00-00-AC-TRA.

(3)  COR-2015-05511-00-01-AC-TRA

(4)  CDR371-2011_FIN_AC

(5)  JOIN(2016) 29 final

(6)  CDR 2391/2012 fin

(7)  CDR3952-2013_00_00_TRA_AC.

(8)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta’ Lulju 2014 Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali COM(2014) 477 finali.

(8)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta’ Lulju 2014 Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali COM(2014) 477 finali.


Op