This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016AE4477
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on the inclusion of greenhouse gas emissions and removals from land use, land use change and forestry into the 2030 climate and energy framework and amending Regulation (EU) No 525/2013 of the European Parliament and the Council on a mechanism for monitoring and reporting greenhouse gas emissions and other information relevant to climate change’ [COM(2016) 479 final – 2016/0230(COD)] and on the ‘Proposal for a regulation of the European Parliament and of the Council on binding annual greenhouse gas emission reductions by Member States from 2021 to 2030 for a resilient Energy Union and to meet commitments under the Paris Agreement and amending Regulation (EU) No 525/2013 of the European Parliament and the Council on a mechanism for monitoring and reporting greenhouse gas emissions and other information relevant to climate change’ [COM(2016) 482 final – 2016/0231(COD)]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima” [COM(2016) 479 final – 2016/0230(COD)] u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti u biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima” [COM(2016) 482 final – 2016/0231(COD)]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima” [COM(2016) 479 final – 2016/0230(COD)] u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti u biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima” [COM(2016) 482 final – 2016/0231(COD)]
ĠU C 75, 10.3.2017, p. 103–108
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
10.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 75/103 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima”
[COM(2016) 479 final – 2016/0230(COD)]
u dwar
“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti u biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima”
[COM(2016) 482 final – 2016/0231(COD)]
(2017/C 075/17)
Relatur: |
is-Sinjura Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA |
Korelatur: |
is-Sur Mindaugas MACIULEVIČIUS |
Konsultazzjoni |
Kunsill, 25.8.2016 Parlament Ewropew, 12.9.2016 Kummissjoni Ewropea, 20.7.2016 |
Bażi legali |
Artikolu 192(1) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adottata fis-sezzjoni |
24.11.2016 |
Adottata fil-plenarja |
14.12.2016 |
Sessjoni plenarja Nru |
521 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
210/0/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti f’waqthom min-naħa tal-Kummissjoni biex timplimenta l-impenn tal-UE li tnaqqas il-gassijiet b’effett ta’ serra tagħha sal-2030 fis-setturi kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà. Madankollu, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li fl-istess ħin tikkunsidra l-isfida globali fit-tul ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Dan jeħtieġ evalwazzjoni bir-reqqa dwar jekk l-approċċ ta’ politika attwali dwar il-klima tal-UE, fir-rigward ta’ sforzi fil-livelli globali, tal-UE u nazzjonali, huwiex adegwat biex iwitti t-triq għal dinja ħielsa mill-karbonju. |
1.2. |
Fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-isforzi, il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-fehma li d-differenzi bejn l-Istati Membri għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi żgurat li l-proċess ikun ġust u kosteffettiv. Biex tinkiseb kosteffettività ġenwina u b’mod ġust, il-kalkoli tal-kondiviżjoni tal-isforzi għandhom, madankollu, jindirizzaw iż-żewġ aspetti fl-istess ħin u fl-Istati Membri kollha u jiġu stabbiliti l-miri b’tali mod li l-ispejjeż relattivi jkunu l-istess għal kull pajjiż. Minħabba n-nuqqasijiet tal-kondiviżjoni tal-isforzi, il-KESE jħoss li huwa importanti li jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ flessibbiltà u li dawn ikomplu jiġu żviluppati. |
1.3. |
L-integrazzjoni tal-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) fil-qafas tal-2030 iwasslu għal element ġdid importanti fil-politika tal-UE dwar il-klima. Il-KESE jemmen li jinħtieġ li l-integrazzjoni għandha sseħħ b’mod li ttejjeb in-newtralità tal-karbonju fit-tul. L-użu sostenibbli u l-ġestjoni attiva ta’ riżorsi naturali b’bażi bijoloġika, jiġifieri bijoekonomija sostenibbli, inkluż il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-produzzjoni tal-ikel li tirrispetta l-klima, huwa element fundamentali ta’ din it-tranżizzjoni u għandu jiġi indirizzat b’attenzjoni sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali. |
1.4. |
Ir-rwol tal-agrikoltura u l-forestrija jitlob approċċ olistiku mill-politika dwar il-klima tal-UE. Jeħtieġ li jiġu kkunsidrati kemm it-tnaqqis tal-emissjonijiet kif ukoll is-sekwestru tal-karbonju bħalma jiġu kkunsidrati l-isfidi ta’ adattament u s-sigurtà tal-ikel. Il-Ftehim ta’ Pariġi jintroduċi obbligu b’saħħtu li tittieħed azzjoni sabiex it-tisħin globali jinżamm “sew inqas minn 2 oC […] u jsir kull sforz biex iż-żieda fit-temperatura tkun limitata għal 1.5 oC”, “biex tiżdied il-kapaċità ta’ adattament għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u titrawwem ir-reżiljenza tal-klima u l-iżvilupp ta’ emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, b’mod li ma jheddidx il-produzzjoni tal-ikel”. Għalhekk, huwa importanti li tiġi indirizzata l-ħtieġa għal aktar reżiljenza fis-settur agrikolu filwaqt li jittaffa t-tibdil fil-klima. |
1.5. |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu r-rwol kruċjali u l-potenzjal tal-foresti u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti bħala bir ta’ karbonju u l-benefiċċji soċjali, ambjentali u ekonomiċi assoċjati. |
1.6. |
Is-sekwestru tal-karbonju mhijiex biss kwistjoni ta’ art tal-foresti iżda l-ewwel u qabel kollox li jiżdied it-tkabbir tal-foresti u l-fotosinteżi qawwija permezz ta’ ġestjoni attiva tal-foresti u ż-żieda fl-użu tal-bijomassa tal-injam għall-prodotti u l-enerġija. Ir-restrizzjoni tal-użu ta’ riżorsi tal-foresti tista’ eventwalment tirriżulta fi tnaqqis tal-bjar minħabba ż-żmien, u għalhekk il-foresti li jikbru bil-mod. B’mod simili, fuq l-uċuh tar-raba’ u tal-bwar, iċ-ċiklu ta’ tkabbir u l-ħsad tar-rendiment jiżguraw li t-tneħħija tad-diossidu tal-karbonju tibqa’ kemm jista’ jkun effiċjenti. |
1.7. |
Il-KESE jqis li huwa importanti li l-emissjonijiet u t-tneħħija tal- gassijiet b’effett ta’ serra għandhom jiġu evalwati xjentifikament bi trasparenza u kejl komuni. Huwa jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa regoli tal-kontabilità għall-ġestjoni tal-art u l-foresti b’tali mod li jirriflettu r-rati attwali tal-emissjonijiet u s-sekwestru. Barra minn hekk, il-livelli ta’ referenza nazzjonali għall-foresti jeħtieġ li jkunu stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mal-użu sostenibbli previst tar-riżorsi tal-foresti. L-UE għandha tiżviluppa wkoll għodda preċiża abbażi ta’ satellita għall-monitoraġġ globali tal-foresti. Barra minn hekk, għandhom jiġu żviluppati metodi ta’ kontabilità xierqa għas-sekwestru tal-karbonju minn pjanti mingħajr injam f’ħamrija agrikola. Huwa importanti wkoll li tiġi evitata l-kontabilità doppja ta’ emissjonijiet tal-LULUCF relatati mal-bijomassa f’setturi oħra. |
1.8. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri individwali biex jipprovdu politiki nazzjonali ambizzjużi, minn isfel għal fuq (bottom-up) għas-settur tal-LULUCF, bl-involviment mill-qrib tas-soċjetà ċivili fil-proċess fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. |
1.9. |
Il-KESE jagħraf li s-suċċess ta’ dawn il-proposti ambizzjużi jeħtieġ riżorsi finanzjarji sostanzjali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex minbarra l-faċilitajiet ta’ finanzjament eżistenti, tistabbilixxi strument ta’ finanzjament separat, flimkien mal-BEI, biex tappoġġja l-kisba ta’ dawn l-għanijiet. Hemm ukoll il-ħtieġa għal riċerka intensiva u l-innovazzjoni biex jiġu żviluppati u adottati metodi ġodda għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. |
2. Introduzzjoni
2.1. |
Fl-20 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposti għal Regolament dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 (Kondiviżjoni tal-Isforzi 2030) u għal Regolament dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-assorbimenti mill-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) fil-Qafas għall-Klima u l-Enerġija għall-2030. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni nediet Komunikazzjoni dwar strateġija Ewropea għal mobilità b’livell baxx ta’ emissjonijiet. F’din l-opinjoni, il-KESE jesprimi fehmietu dwar ir-regolamenti proposti filwaqt li l-fehmiet dwar il-Komunikazzjoni dwar it-trasport huma ppreżentati f’opinjoni oħra (TEN/609). |
2.2. |
Il-proposti huma parti mill-implimentazzjoni tal-impenn tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet serra b’tal-inqas 40 % sal-2030, meta mqabbel mal-livell tal-1990. Kif maqbul mill-UE, il-mira tal-2030 tesiġi tnaqqis ta’ 43 % tal-emissjonijiet fis-setturi li jaqgħu taħt l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet (ETS) u 30 % f’setturi oħra (mhux ETS), it-tnejn meta mqabbla mal-livelli tal-2005. Ir-reviżjoni tad-direttiva dwar l-ETS qed tiġi indirizzata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-KESE esprima fehmietu dwar din ir-reviżjoni fl-opinjoni tiegħu NAT/675. |
2.3. |
Ir-Regolament propost japplika għal setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS u attivitajiet bħat-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-iskart, kif ukoll l-użu tal-art u l-forestrija. Il-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Istati Membri huma estensjoni għad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi attwali dwar il-miri tal-klima tal-UE għall-2020, mentri l-użu tal-art u l-forestrija huma inklużi għall-ewwel darba fil-qafas tal-UE dwar l-enerġija u l-klima. S’issa, dawn ġew ikkunsidrati fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Kjoto. |
2.4. |
Il-Kummissjoni tipproponi miri nazzjonali diversifikati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bl-għan li jaderixxu mal-prinċipji ta’ ekwità u kosteffettività mitluba mill-Kunsill Ewropew. Il-miri tal-Istati Membri individwali għall-2030 ivarjaw minn 0 % sa 40 %. Rigward l-użu tal-art u l-forestrija, il-Kummissjoni tipproponi li l-emissjonijiet u l-assorbimenti, ikkalkulati skont ir-regoli tal-kontabbiltà, għandhom ikunu f’bilanċ f’kull Stat Membru. |
2.5. |
Il-Kummissjoni tipproponi li tissokta sistema ta’ flessibbiltà li tippermetti li l-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet jiġu trasferiti bejn l-Istati Membri u matul iż-żmien. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll flessibiltajiet ġodda li jippermettu lis-settur tal-kondiviżjoni tal-isforzi biex iwettaq ċerti kompromessi mal-ETS u s-setturi LULUCF. |
2.6. |
Ir-regolamenti proposti jindirizzaw ukoll il-monitoraġġ u r-rapportar tal-gassijiet b’effett ta’ serra, inklużi r-regoli ta’ kontabilità għall-użu tal-art u l-forestrija. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti f’waqthom mill-Kummissjoni biex timplimenta l-impenn tal-UE li tnaqqas il-gassijiet b’effett ta’ serra tagħha sal-2030 fis-setturi kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà. Madankollu, huwa jenfasizza l-ħtieġa li fl-istess ħin tiġi kkunsidrata l-isfida globali fit-tul ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Dan ifisser li l-politiki u l-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mal-għan fit-tul li tinkiseb dinja newtrali fir-rigward tal-karbonju. |
3.2. |
Fl-opinjoni tiegħu (NAT/690) il-KESE appella lill-UE biex timmira lejn iż-żieda tal-impatt pożittiv tagħha fuq il-klima globali (“carbon handprint”) minflok ma ssir enfasi biss fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħha stess. Għandu għalhekk jitħeġġeġ ukoll il-provvediment ta’ soluzzjonijiet klimatiċi għall-implimentazzjoni ta’ proġetti konġunti ma’ pajjiżi terzi fil-kuntest tal-politika dwar il-klima tal-2030, b’kont meħud tal-fatt li l-Ftehim ta’ Pariġi jirreferi għal mekkaniżmu ġdid ta’ kooperazzjoni internazzjonali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. |
3.3. |
Fl-opinjoni msemmija hawn fuq il-KESE appella wkoll għal “Unjoni Klimatika” aktar effettiva fejn l-aspetti tal-klima jiġu integrati mill-qrib fil-politiki relatati mas-suq uniku. Id-diviżjoni tal-mira konġunta għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’sottomiri nazzjonali tista’ tiċċaqlaq b’mod aktar frammentat u f’direzzjoni diżintegrata. Għalhekk il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tevalwa wkoll opzjonijiet u possibbiltajiet għal approċċ komunitarju aktar koerenti fis-settur li mhux parti mill-ETS rigward il-politika tal-UE dwar il-klima għall-perjodu ta’ wara l-2030. |
3.4. |
L-approċċ settorjali, għall-kuntrarju ta’ kondiviżjoni tal-isforzi bejn l-Istati Membri, hija rotta possibbli oħra tal-politika dwar it-tibdil fil-klima. Il-komunikazzjoni dwar it-trasport hija bbażata fuq dan l-approċċ. Il-KESE jqis li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn kwistjonijiet relatati mas-suq uniku u dawk li huma ta’ natura nazzjonali. B’mod ġenerali, l-approċċ settorjali jaqbel aktar mas-suq uniku, mentri approċċ speċifiku għal kull pajjiż huwa rilevanti fi kwistjonijiet bħall-ġestjoni ta’ riżorsi naturali domestiċi. Dan jgħodd b’mod partikolari fir-rigward tal-politika dwar il-foresti. |
3.5. |
L-integrazzjoni tal-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas tal-2030 twassal għal element ġdid importanti fil-politika tal-UE dwar il-klima. Il-KESE jqis li jinħtieġ li l-integrazzjoni sseħħ b’mod li ttejjeb in-newtralità tal-karbonju fit-tul u t-tkabbir sostenibbli, minflok tiffoka fuq azzjonijiet fuq perjodu qasir u medju biss. |
3.6. |
Il-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet u jiżdied il-ħżin tal-karbonju sservi biex jiġi xprunat l-użu tal-bijomassa bħala materja prima għal diversi tipi ta’ prodotti tal-bijomassa u bħala sors ta’ enerġija rinnovabbli, inkluż l-użu tal-bijoenerġija sostenibbli flimkien mad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport. Il-bijoekonomija sostenibbli, jiġifieri l-użu sostenibbli u l-ġestjoni ta’ riżorsi naturali bijoloġiċi, hija element essenzjali fit-tranżizzjoni għan-newtralità tal-karbonju. |
3.7. |
Is-settur tal-foresti jista’ jkollu rwol kruċjali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, b’hekk iżid l-enerġija rinnovabbli u jippromovi l-konsum sostenibbli. Ir-riżorsi tal-foresti tal-UE qed jikbru, permezz ta’ investimenti fit-tul fil-ġestjoni tal-foresti bl-għan li jiżdiedu l-livelli sostenibbli għall-ħsad fil-futur. Iż-żieda fl-użu tal-bijomassa ser teħtieġ ukoll il-ġestjoni attiva tal-foresti fil-futur. |
3.8. |
Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-politika dwar il-klima tal-UE ma għandhiex tistabbilixxi limiti għall-użu tal-foresti, sakemm il-ħsad ma jaqbiżx it-tkabbir tar-riżorsi tal-foresti u jiġu segwiti l-prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Ir-restrizzjoni fuq perjodu qasir ta’ żmien tal-użu tal-foresti tista’ eventwalment tirriżulta fit-tnaqqis tal-bjar. |
3.9. |
It-tibdil fil-klima huwa wkoll marbut mill-qrib mas-sigurtà tal-ikel, partikolarment fil-livell globali. Għalhekk huwa importanti li wieħed ikun kapaċi jirrispondi b’mod simultanju għall-isfidi ta’ sigurtà tal-ikel u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Id-disponibbiltà tal-art għall-kultivazzjoni u l-pressjonijiet tal-urbanizzazzjoni għandhom iwasslu għal żieda sostenibbli tal-produttività sabiex l-Ewropa tikkontribwixxi sehemha biex tiġi indirizzata l-isfida globali tas-sigurtà tal-ikel. |
3.10. |
Rigward l-emissjonijiet netti tas-settur agrikolu, il-KESE jfakkar li hemm ukoll proposta ambizzjuża b’mod simili dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet (NEC) u jitlob għall-konsistenza u l-evitar tal-piż ta’ duplikazzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ diversi biċċiet ta’ leġislazzjoni. |
4. Kummenti speċifiċi dwar il-proposta dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi
4.1. |
Il-Kummissjoni laqgħet l-appell tal-Kunsill Ewropew biex jiġu kkunsidrati l-prinċipji ta’ ġustizzja u kosteffettività fil-proposta tagħha. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-fehma li d-differenzi bejn l-Istati Membri għandhom jiġu kkunsidrati sabiex ikunu żgurati kemm il-ġustizzja kif ukoll il-kosteffettività. Dan huwa relatat mad-differenzi fil-karatteristiċi speċifiċi u l-punti tat-tluq tal-pajjiżi, kif ukoll il-potenzjal ekonomiku u soċjali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet. |
4.2. |
Il-KESE, madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-approċċ propost ma jwassalx għar-riżultat l-aktar effettiv fil-livell tal-UE, peress li l-ġustizzja u l-kosteffettività jiġu kkunsidrati separatament minn xulxin. Biex tinkiseb kosteffettività ġenwina u b’mod ġust, il-kalkoli għandhom ikopru iż-żewġ aspetti fl-istess ħin u fl-Istati Membri kollha. |
4.3. |
Idealment, tinstab is-soluzzjoni l-aktar kosteffikaċi billi jiġu kkalkulati x-xejriet tal-ispejjeż tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet f’kull pajjiż u jiġu stabbiliti l-miri sal-punt fejn l-ispejjeż marġinali meta mqabbla mal-PDG huma l-istess. Dan għandu jelimina wkoll il-problema possibbli ta’ allokazzjoni żejda. Alternattiva oħra hija li tiġi stabbilita l-istess mira relattiva għal kull pajjiż u mbagħad jintużaw mekkaniżmi ta’ flessibbiltà sabiex tinstab l-aħjar soluzzjoni. |
4.4. |
Rigward ir-riżultat tal-kondiviżjoni tal-isforzi, il-KESE jinnota li huwa diffiċli li dan jiġi vverifikat. Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fil-preżentazzjoni tad-data u s-suppożizzjonijiet tal-kalkoli kif ukoll fil-metodoloġija użata. |
4.5. |
Sabiex tiżdied il-prevedibbiltà, il-KESE jqis li huwa importanti li jitqiesu u jitħejjew għall-impatti possibbli tal-“Brexit” dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi. Min-naħa l-oħra, in-Norveġja u l-Islanda esprimew l-intenzjoni tagħhom li jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta mill-UE, li jista’ jkollu impatt fuq l-implimentazzjoni tal-kondiviżjoni tal-isforzi. |
4.6. |
Minħabba n-nuqqasijiet inevitabbli fil-kondiviżjoni tal-isforz, huwa importanti li jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ flessibbiltà u regoli li jagħmluha possibbli li jinkisbu l-ogħla benefiċċji fl-effiċjenza. Forom ġodda ta’ flessibbiltà transsettorjali għandhom jiġu eżaminati wkoll. Barra minn hekk, jeħtieġ li jkun hemm sistema effiċjenti u trasparenti biex jiġu ssorveljati r-riżultati tal-flessibiltajiet. |
4.7. |
Il-flessibbiltà li tipprovdi l-possibbiltà ta’ negozjar tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet bejn l-Istati Membri u l-implimentazzjoni ta’ miżuri fi Stat ieħor tikkontribwixxi kemm biex tiżdied il-kosteffettività kif ukoll il-ġustizzja. L-opzjoni li jiġu trasferiti l-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet matul iż-żmien hija meħtieġa wkoll u għandha tkun inqas ristretta, minħabba li fil-prattika l-miżuri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ma jsegwux trajettorja lineari minn sena għal sena. |
4.8. |
Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-opzjoni tal-użu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mis-settur tal-ETS biex jikkumpensaw għall-emissjonijiet minn setturi oħra hija milqugħa iżda għandha wkoll l-għan li jiġi ottimizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet. Fl-istess ħin wieħed għandu jirrikonoxxi li l-kanċellazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet f’pajjiż wieħed għandu wkoll impatt fuq pajjiżi oħra, minħabba l-iskema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet madwar l-UE kollha. |
4.9. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-possibbiltà li jintużaw l-assorbimenti tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur tal-LULUCF biex jiġu kkumpensati emissjonijiet f’setturi oħra. L-inklużjoni possibbli ta’ ġestjoni tal-foresti f’mekkaniżmi ta’ flessibbiltà għandha titfassal b’tali mod li tinċentiva l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u t-tkabbir tal-foresti u ma tfixkilx l-użu tar-riżorsi tal-foresti bħala materja prima tal-bijoekonomija. |
5. Kummenti speċifiċi dwar il-proposta dwar l-LULUCF
5.1. |
Ir-rwol tal-agrikoltura u l-forestrija jitlob approċċ olistiku mill-politika dwar il-klima tal-UE. Minbarra l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-agrikoltura u l-forestrija wkoll qed jaffaċċaw l-isfida li jadattaw għat-tibdil fil-klima peress li huma s-setturi l-aktar milquta minn avvenimenti klimatiċi avversi. Għal din ir-raġuni, għandu jitħeġġeġ pjan ta’ mitigazzjoni bl-inqas impatt negattiv fuq il-produzzjoni. Kif imsemmi fil-proposta tal-Kummissjoni, huwa importanti li tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-UE fix-xena globali u jittieħed kont tal-bilanċ globali tal-Ftehim ta’ Pariġi, speċjalment fir-rigward tal-integrità ambjentali u l-effetti negattivi possibbli tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. |
5.2. |
Skont il-Ftehim ta’ Pariġi, l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kkawżati mill-bniedem mis-sorsi u l-assorbimenti minn bjar bħall-foresti għandhom ikunu bbilanċjati sat-tieni nofs tas-seklu. Huwa għalhekk kruċjali li jinżammu l-foresti bħala bjar u biex tiġi evitata s-saturazzjoni tal-karbonju fil-foresti li qed jixjieħu. |
5.3. |
Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, flimkien mal-użu tal-injam bħala materja prima għal prodotti u s-sostituzzjoni tal-karburanti fossili mal-bijoenerġija, huma mezz effettiv biex jiġi kkontrollat il-bilanċ tal-karbonju. Biex jiġi evitat li tiddgħajjef l-integrità ambjentali, l-emissjonijiet fossili minn setturi oħra m’għandhomx jiġu kkumpensati permezz ta’ bjar forestali b’tali mod li jnaqqsu d-disponibbiltà tal-injam għall-iskopijiet tal-bijoekonomija. |
5.4. |
Il-ġestjoni tal-bjar tal-foresti mhijiex biss kwistjoni ta’ art tal-foresti iżda l-ewwel u qabel kollox it-tisħiħ tat-tkabbir tal-foresti permezz ta’ ġestjoni attiva tal-foresti, u ż-żieda fl-użu tal-prodotti tal-injam. Il-KESE għalhekk iqis li huwa importanti li l-prodotti tal-injam maħsud (HWP) jiġu inklużi fis-settur tal-LULUCF, u l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal ipprovdut minn dawn għall-ħażna tal-karbonju u l-krediti ġġenerati minn dan. Barra minn hekk, għandu jkun possibbli li jkun permess li l-emissjonijiet ikkawżati mid-deforestazzjoni jiġu kkumpensati permezz ta’ żieda fir-riżorsi tal-foresti miksuba mill-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. |
5.5. |
Sabiex jintuża l-potenzjal sinifikanti tal-ġestjoni (1) sostenibbli tal-foresti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tiffoka sforzi intensivi fuq l-iżvilupp tar-regoli tal-kontabilità tal-ġestjoni tal-foresti. Ir-regoli għandhom jirriflettu r-rati attwali tat-tkabbir tal-foresti u s-sekwestru sabiex tiġi evitata l-problema tar-regoli attwali, li hija li f’ċerti każijiet ikun hemm bjar reali li jiġu definiti bħala sors ta’ emissjoni. |
5.6. |
Ir-regoli ta’ kontabilità proposti dwar il-livelli ta’ referenza għall-foresti huma iktar ikkumplikati minn qabel u ma jħeġġux biżżejjed it-tisħiħ tat-tkabbir tal-foresti jew tal-bijoekonomija. Il-KESE jipproponi li, minflok jiġu stabbiliti kriterji ddetaljati wisq, il-livelli ta’ referenza nazzjonali għall-foresti għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri skont l-użu previst tar-riżorsi tal-foresti, filwaqt li jiġi żgurat li l-ħsad annwali ma jaqbiżx it-tkabbir annwali fit-tul. |
5.7. |
Il-KESE jilqa’ n-nota tal-Kummissjoni li sabiex tiġi evitata l-kontabilità doppja tal-emissjonijiet, l-użu tal-bijomassa fis-settur tal-enerġija għandha titqies bħala newtrali fil-karbonju, skont il-linji ta’ gwida IPCC. Barra minn hekk, kwalunkwe kontabilità doppja oħra tal-emissjonijiet għandha tiġi evitata. |
5.8. |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tistinka għal regoli ta’ kontabilità globali ssemplifikati għal-LULUCF. Biex jitħeġġu pajjiżi oħra biex jinvolvu ruħhom fil-proċess, ir-regoli għandhom ikunu sempliċi kemm jista’ jkun. Fil-livell internazzjonali, l-UE għandha tikkontribwixxi wkoll l-għarfien tagħha stess fir-rigward tal-inventarji tar-riżorsi tal-foresti u l-metodi ta’ monitoraġġ u b’mod partikolari tiżviluppa sistema satellitari tal-UE bil-kapaċità li tipprovdi data globali attwali. |
5.9. |
Bħal fil-każ tal-ġestjoni tal-foresti, il-ġestjoni attiva tar-raba’ u tal-bwar tikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, filwaqt li tikkontribwixxi għas-sigurtà alimentari globali. It-titjib tal-ġestjoni tar-raba’ u tal-bwar, inkluż il-produttività tal-ħamrija, il-ħsad u t-tħawwil mill-ġdid, isaħħaħ is-sekwestru tal-karbonju u għalhekk għandu jkun akkreditat b’mod xieraq. Il-limitazzjoni tal-produzzjoni tal-bijomassa tista’ eventwalment tirriżulta f’inqas u inqas tneħħija ta’ gassijiet serra mill-atmosfera minħabba t-tnaqqis tal-fotosinteżi. L-ispeċjalità tal-ħamrija organika għandha tiġi kkunsidrata wkoll u l-possibbiltajiet offruti biex titkompla l-biedja fiha. |
5.10. |
Sabiex isir użu sħiħ tal-potenzjal sinifikanti tal-ġestjoni tar-raba’ u tal-bwar sabiex jiżdiedu l-bjar tal-karbonju tal-ħamrija u jiġi indikat titjib possibbli fil-prestazzjoni tagħhom, il-KESE jappella għar-riċerka dwar u l-iżvilupp tar-regoli tal-kontabilità għall-bijomassa assoċjata ma’ pjanti annwali u perenni mingħajr injam. Il-potenzjal ta’ approċċ dinamiku għall-ġestjoni tal-ħamrija li jiffoka fuq li jottimizza l-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet lokali, jista’ jkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-klima u l-ambjent, iżda wkoll jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà ekonomika u soċjali tas-settur tal-biedja, speċjalment irziezet żgħar tal-familja. |
5.11. |
Kollox ma’ kollox, is-suċċess f’Pariġi nkiseb b’approċċ minn isfel għal fuq bl-istabbiliment ta’ miri nazzjonali, ibbażati fuq il-punti b’saħħithom u l-opportunitajiet ipprovduti mill-Istati individwali. Il-KESE jirrikonoxxi wkoll id-differenzi bejn l-Istati Membri fis-settur tal-LULUCF. Il-politiki għandhom għalhekk jitfasslu fil-livell nazzjonali, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u s-settur tal-LULUCF għandu jinżamm bħala pilastru separat tal-politika dwar il-klima. |
5.12. |
Il-KESE ser iħeġġeġ lill-Istati Membri individwali biex jistabbilixxu politiki ambizzjużi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fis-settur tal-LULUCF, filwaqt li tinħoloq viżjoni fit-tul għall-użu sostenibbli tal-art u tal-forestrija, u b’mod partikolari li tinvolvi s-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fil-proċess fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. |
5.13. |
Biex il-politiki ambizzjużi jkunu jistgħu jiġu implimentati, jeħtieġ li jkun hemm riżorsi finanzjarji sostanzjali. Għal dan l-għan, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex, minbarra il-faċilitajiet ta’ finanzjament eżistenti, jitwaqqaf strument ta’ finanzjament separat, flimkien mal-BEI, b’appoġġ għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet. Barra minn hekk, hemm ħtieġa ċara għal aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp immirat lejn metodi ġodda ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. |
Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Nabuurs et al. 2015. Rwol ġdid għall-foresti u s-settur tal-foresti fil-miri dwar il-klima għal wara l-2020 tal-UE.