Valige katsefunktsioonid, mida soovite proovida

See dokument on väljavõte EUR-Lexi veebisaidilt.

Dokument 52016AE2470

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi” [COM(2016) 128 final – 2016/0070 (COD)]

    ĠU C 75, 10.3.2017, lk 81—96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 75/81


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi”

    [COM(2016) 128 final – 2016/0070 (COD)]

    (2017/C 075/15)

    Relaturi:

    is-Sinjura Vladimíra DRBALOVÁs-Sinjura Ellen NYGREN

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 11.4.2016

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Ix-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adottata fis-sezzjoni

    22.11.2016

    Adottata fil-plenarja

    14.12.2016

    Sessjoni plenarja Nru

    521

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    180/84/30

    1.   Konklużjonijiet u proposti

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li taħdem lejn Suq Uniku aktar profond u aktar ġust bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-mandat tagħha, u l-isforzi tagħha biex tingħata spinta addizzjonali għall-provvista ta’ servizzi transkonfinali permezz tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa tagħha.

    1.2.

    Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-KE li tintroduċi d-Direttiva dwar l-Infurzar 2014/67/UE (1) favur interpretazzjoni u implimentazzjoni komuni u aħjar tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema 96/71/KE (2).

    1.3.

    Id-Direttiva dwar l-Infurzar u l-proposta attwali għal reviżjoni mmirata tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema jindirizzaw aspetti differenti tal-prattika tal-istazzjonar ta’ ħaddiema. Dawn mhux biss jikkumplementaw lil xulxin, iżda r-riżultati mistennija mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar jistgħu jipprovdu wkoll stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni reali.

    1.4.

    Il-KESE jappoġġja fil-prinċipju l-proposta tal-Kummissjoni għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema. Il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post huwa l-bażi tal-pilastru tad-drittijiet soċjali fl-Ewropa.

    1.5.

    Il-KESE jqis il-ftehimiet kollettivi huma l-punt ta’ riferiment għal-livelli tar-remunerazzjoni.

    1.6.

    Il-KESE jenfasizza li r-rwol tal-esklużività tal-imsieħba soċjali ma kienx rispettat u jistaqsi għaliex ma tnedietx konsultazzjoni proprja magħhom skont l-Artikolu 154(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    1.7.

    B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni stipulat b’mod speċifiku t-tul massimu tal-istazzjonar. Il-limitu ta’ 24 xahar huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda limitu ta’ 6 xhur ikun eqreb għall-kundizzjonijiet tan-negozju reali.

    1.8.

    Il-KESE jappella sabiex id-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema tinkludi kjarifika li d-Direttiva tistabbilixxi standard minimu, u mhux massimu. Għal dan l-għan, il-bażi legali jkollha tiġi estiża.

    2.   Qafas politiku Ewropew

    2.1.

    Il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà ta’ forniment ta’ servizzi huma prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    2.2.

    Għandha ssir distinzjoni bejn il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà ta’ forniment ta’ servizzi skont l-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-moviment liberu tal-ħaddiema jagħti lil kull ċittadin id-dritt li jmur liberament fi Stat Membru ieħor biex jaħdem u jirrisjedi hemm għal dak l-għan u jipproteġih mid-diskriminazzjoni fir-rigward ta’ impjieg, remunerazzjoni u kondizzjonijiet oħra tax-xogħol meta mqabbla ma’ dawk li għandhom in-nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru.

    2.3.

    B’kuntrast, il-libertà ta’ forniment ta’ servizzi tagħti lin-negozji d-dritt li jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor. Għal dan l-għan, jistgħu jistazzjonaw lill-ħaddiema tagħhom stess temporanjament fl-Istat Membru l-ieħor biex jagħmlu x-xogħol meħtieġ biex jipprovdu s-servizzi.

    2.4.

    Fis-16 ta’ Diċembru 1996, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (3).

    2.5.

    Dik id-Direttiva għandha l-għan li tirrikonċilja l-eżerċizzju tal-libertà ta’ forniment ta’ servizzi transkonfinali skont l-Artikolu 56 tat-TFUE bi protezzjoni adatta tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati temporanjament barra minn pajjiżhom għal dan l-għan.

    2.6.

    F’Ottubru tal-2010, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Lejn Att dwar is-Suq Uniku – Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin” (4), il-Kummissjoni ressqet żewġ proposti maħsuba biex ireġġgħu lura l-fiduċja pubblika u l-appoġġ, waħda dwar il-bilanċ bejn id-drittijiet soċjali fundamentali u l-libertajiet ekonomiċi u l-oħra dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema.

    2.7.

    F’Marzu tal-2010, l-imsieħba soċjali Ewropej ressqu rapport (5) dwar il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li ġibdu l-attenzjoni dwar id-diverġenzi kbar fosthom. Filwaqt li BUSINESSEUROPE kienet kontra reviżjoni tad-Direttiva (iżda aċċettat il-ħtieġa għal kjarifika ta’ ċerti aspetti marbuta mal-infurzar), l-ETUC riedet li tiġi emendata bir-reqqa.

    2.8.

    F’Diċembru tal-2012, il-Kummissjoni ppubblikat proposta dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE. Id-Direttiva dwar l-Infurzar  (6) tistabbilixxi qafas komuni ta’ dispożizzjonijiet, miżuri u mekkaniżmi ta’ kontroll adatti meħtieġa għal implimentazzjoni prattika, applikazzjoni u infurzar aħjar u aktar uniformi tad-Direttiva 96/71/KE, inklużi miżuri ta’ prevenzjoni u sanzjoni għaċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli applikabbli jew l-abbuż tagħhom. Din fl-istess ħin tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati u t-tneħħija ta’ xkiel mhux iġġustifikat għall-forniment liberu ta’ servizzi.

    2.9.

    Id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar kienet it-18 ta’ Ġunju 2016, u sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Ġunju 2019 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha lill-PE, lill-Kunsill u lill-KESE u tipproponi emendi u modifiki fejn ikun meħtieġ. Fir-reviżjoni tagħha, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-Imsieħba Soċjali Ewropej, il-KE għandha tivvaluta kemm huma adatti u meħtieġa l-miżuri kollha introdotti u applikati, inkluża l-adegwatezza tad-data disponibbli relatata mal-istazzjonamenti.

    3.   Proposta għal reviżjoni mmirata tad-Direttiva dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema

    3.1.

    Skont l-aktar data riċenti disponibbli, fl-2014, kien hemm aktar minn 1,9 miljun stazzjonament fl-UE, li jirrappreżentaw 0,7 % (7) tal-forza tax-xogħol totali tal-UE. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 10,3 % fuq l-2013 u ta’ 44,4 % fir-rigward tal-2010. Din l-istatistika hija bbażata fuq in-numru ta’ formoli A1 maħruġin mill-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali; in-numru ta’ ħaddiema stazzjonati de facto mhux irreġistarti mhuwiex magħruf.

    3.2.

    Id-Direttiva tal-1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema tipprovdi qafas regolatorju tal-UE biex jiġi stabbilit bilanċ adatt u ġust bejn l-għanijiet ta’ promozzjoni u faċilitar tal-forniment transkonfinali tas-servizzi, il-ħarsien tal-ħaddiema stazzjonati u l-iżgurar tal-kundizzjonijiet ekwi bejn il-kompetituri barranin u dawk lokali.

    3.3.

    Issal-Kummissjoni ressqet proposta għar-reviżjoni mmirata ta’ din id-Direttiva, bil-għan li tindirizza kemm il-prattiki inġusti (8) kif ukoll tippromovi l-prinċipju li l-istess xogħol fl-istess post għandu jitħallas bl-istess mod.

    3.4.

    Il-proposta ġiet ippubblikata qabel id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-2014 u qabel ma setgħet titwettaq kwalunkwe valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha. Ħafna mill-isfidi li jikkonċernaw l-istazzjonar ta’ ħaddiema jibqgħu relatati mal-infurzar ħażin u ma’ nuqqas ta’ kontrolli fl-Istati Membri. Fl-istess ħin, l-għan ewlieni tar-reviżjoni proposta hu li tiċċara l-prinċipju tar-remunerazzjoni ndaqs. Dan l-għan jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ reviżjoni tad-Direttiva 96/71/KE stess.

    3.5.

    F’dan ir-rigward, il-KESE kien diġà għaraf li l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema m’għandhiex teskludi “reviżjoni parzjali tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema sabiex il-prinċipju tal-post tax-xogħol jiġi applikat b’mod konsistenti, u jagħmilha possibbli li jiġi stabbilit bil-liġi li l-istess kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ ħlas għandhom japplikaw dejjem għall-istess xogħol fl-istess post” (9).

    3.6.

    Il-proposta ġiet ippubblikata mingħajr ebda konsultazzjoni minn qabel tal-imsieħba soċjali Ewropej, li bagħtu ittra konġunta lill-Kummissjoni fejn talbu li jiġu kkonsultati kif suppost skont l-Artikolu 154(2) tat-TFUE.

    3.7.

    Il-pubblikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni qanqlet fehmiet differenti li jifirdu l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-kumpaniji stess. Id-Direttiva proposta m’għandhiex tipperikola l-kompetittività jew toħloq ostakli ġodda għall-fornituri ta’ servizzi transkonfinali. Ir-reviżjoni għandha fl-istess ħin tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta fis-Suq Uniku u tipprevjeni d-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema abbażi tan-nazzjonalità tagħhom.

    3.8.

    Skont il-Protokoll Nru 2 għat-Trattati (10), erbatax-il kamra tal-parlamenti nazzjonali bagħtu opinjonijiet motivati lill-Kummissjoni fejn jiddikjaraw li l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema ma kinitx konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u b’hekk tiskatta l-proċedura tal-karta s-safra. B’segwitu għall-analiżi tas-sussidjarjetà tagħha, fl-20 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni kkonkludiet (11), li l-proposta għal reviżjoni mmirata tad-Direttiva 96/71/KE kienet konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà minqux fl-Artikolu 5(3) tat-TUE u li ma kienx meħtieġ l-irtirar jew emenda ta’ dik il-proposta. Il-Kummissjoni għalhekk żammet il-proposta.

    3.9.

    Parti mill-komunità tan-negozju hija tal-fehma li l-proposta tmur kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità. Uħud mill-kumpaniji jemmnu li l-bidliet proposti se jwasslu għal inċertezza legali u piżijiet amministrattivi addizzjonali. Huma jaħsbu li r-reviżjoni tista’ tolqot b’mod partikolari lill-kumpaniji mill-Istati Membri b’livelli ta’ pagi aktar baxxi li biħsiebhom jipprovdu servizzi transkonfinali fis-Suq Uniku, u li dan imur kontra l-intenzjoni u l-isforzi biex isaħħu l-proċess ta’ konverġenza fi ħdan l-UE.

    3.10.

    Oħrajn, inklużi t-trejdjunjins, iqisu li r-reviżjoni proposta – u b’mod partikolari l-idea ta’ “paga ndaqs għall-istess xogħol fl-istess post” – ykun tipprovdi għal kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji u aktar drittijiet indaqs għall-ħaddiema fl-UE. Hija se ssaħħaħ ukoll il-proċess ta’ konverġenzi ‘l fuq fl-UE, billi, fost affarijiet oħra, telimina d-differenzi fil-pagi bejn il-ħaddiema mill-Istati Membri l-antiki u dawk ġodda.

    3.11.

    Il-proposta tal-Kummissjoni kienet akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt (12) li tiddikjara li l-miżuri proposti għall-applikazzjoni tad-Direttiva riveduta se jkollhom impatti differenti fuq Stati Membri, setturi u kumpaniji differenti filwaqt li tinnota li l-limitazzjonijiet kbar fir-rigward tad-data dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema għadhom jikkawżaw problema attwali.

    3.12.

    Fl-2010, il-Eurofound ippubblikat rapport dwar “Posted workers in the European Union” (“Ħaddiema stazzjonati fl-Unjoni Ewropea”) (13), b’analiżi dwar il-fenomenu fl-Istati Membri tal-UE u fin-Norveġja. Dan ir-rapport jidentifika s-sorsi ta’ informazzjoni disponibbli dwar l-għadd ta’ stazzjonamenti u jipprovdi ċifri għal dawk il-pajjiżi fejn hemm data disponibbli. Ir-riċerka tal-Eurofound turi li hemm nuqqas ta’ data rigward l-għadd kumplessiv u l-karatteristiċi ta’ ħaddiema stazzjonati madwar l-UE.

    3.13.

    Dan ir-rapport tal-Eurofound kien segwit minn żewġ biċċiet ta’ riċerka relatati ma mobilità aktar ġusta fis-suq tax-xogħol: “Topical update on Member States’ progress in transposing Enforcement Directive on posting of workers” u “Exploring the fraudulent contracting of work in the European Union” (14).

    4.   Bidliet prinċipali fil-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 96/71/KE

    4.1.    Ir-remunerazzjoni

    4.1.1.

    Il-Kummissjoni tipproponi li tissostitwixxi l-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” b’“remunerazzjoni”. Skont il-proposta tal-KE, ir-remunerazzjoni tkopri l-elementi kollha tar-remunerazzjoni li huma obbligatorji fl-Istat Membru ospitanti.

    4.1.2.

    Il-Kummissjoni ressqet il-proposta bi tweġiba għal ħafna appelli biex tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ta’ differenzjali tal-pagi. Skont il-Kummissjoni hemm distakk bejn il-kondizzjonijiet applikati għall-ħaddiema lokali u dawk għall-ħaddiema stazzjonati. Skont il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta, id-differenzjal tal-pagi bejn il-ħaddiema stazzjonati u dawk lokali huwa stmat li jvarja minn 10 % sa 50 % skont il-pajjiż u s-settur. Ir-regoli dwar il-ħlas divrenzjat jgħawġu l-kundizzjonijiet ekwi fost il-kumpaniji. Il-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” mhuwiex l-istess bħar-regoli obbligatorji li huma applikati għal ħaddiema lokali.

    4.1.3.

    Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” jkun jista’ għalhekk jikkontribwixxi biex jintlaħqu kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni fis-Suq Uniku għas-servizzi. Il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” jkopri l-elementi kollha li jitħallsu lill-ħaddiema lokali jekk dawn ikunu stipulati bil-liġi jew bi ftehim kollettiv u li ġeneralment huma applikabbli għall-entitajiet kollha simili fiż-żona ġeografika u fil-professjoni jew industrija kkonċernati, u/jew fin-nuqqas ta’ tali sistema, bi ftehimiet kollettivi li jkunu ġew konklużi mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tax-xogħol l-aktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali u li huma applikati fit-territorju kollu. “Ir-remunerazzjoni” tista’ tinkludi ċerti elementi li mhumiex inklużi fil-kunċett ta’ “rata ta’ paga minima”, bħal allowances ta’ anzjanità, allowances u benefiċċji għal xogħol li jħammeġ, ta’ tbatija jew perikoluż, bonuses għall-kwalità, bonuses tat-13-il xahar, spejjeż tal-ivvjaġġar, vawċers għall-ikel – għalkemm bosta pajjiżi ospitanti diġà inkludew diversi minn dawk l-elementi fir-“rata ta’ paga minima”.

    4.1.4.

    Skont il-Kummissjoni, l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “remunerazzjoni” għandha tikkontribwixxi biex ittejjeb iċ-ċarezza dwar l-elementi kostitwenti tar-remunerazzjoni u jitnaqqsu d-differenzi bejn is-setturi eżistenti fl-applikazzjoni mandatorja ta’ ftehimiet kollettivi. Il-kunċett tar-remunerazzjoni għandu wkoll ineħħi kwalunkwe inċertezza dwar il-livell ta’ paga li għandu jiġi ggarantit lill-ħaddiema stazzjonati. Ir-reviżjoni proposta għandha l-għan li tikkodifika l-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża Sähköalojen ammattiliitto C-396/13, u b’hekk iżżid b’mod konsiderevoli ċ-ċertezza legali għall-ħaddiema kif ukoll għall-kumpaniji (15).

    4.1.5.

    Il-Kummissjoni tafferma li l-proposta mhix se taffettwa l-kompetenzi u t-tradizzjonijiet tal-Istati Membri fl-iffissar tal-pagi u li din tirrispetta rwol awtonomu qawwi tal-imsieħba soċjali. F’dan il-kuntest, huwa ta’ tħassib li l-Kummissjoni tipproponi li titħassar ir-referenza fid-Direttiva attwali li tiddikjara li “r-rati minimi ta’ ħlas huma ddefiniti mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem”. Din id-dispożizzjoni hija importanti sabiex ikun hemm konformità mad-diversi sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali nazzjonali.

    4.1.6.

    Għall-fini ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ remunerazzjoni għandu jiġi definit mil-liġi, il-ftehimiet kollettivi, u/jew il-prattika nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem.

    4.1.7.

    Din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi l-applikazzjoni tal-patti u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-pajjiż ospitanti jew tal-pajjiż ta’ oriġini tal-ħaddiem stazzjonat li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema, b’mod partikolari permezz tal-eżerċitar tad-dritt fundamentali tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fil-livelli adatti u li jieħdu azzjoni kollettiva biex jiddefendu l-interessi tagħhom, inklużi azzjoni ta’ strajk, biex jipproteġu u jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema, inkluż id-dritt għal trattament ugwali.

    4.1.8.

    Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni adatta tad-Direttiva dwar l-Infurzar, l-Istati Membri huma obbligati jippubblikaw l-informazzjoni dwar il-patti u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati fit-territorju tagħhom fuq sit web uniku. Dan il-proċess ma għandu jkun influwenzat ħażin minn l-ebda proposta ġdida.

    4.1.9.

    Il-membri tal-KESE ddiskutew il-kwistjoni tar-“remunerazzjoni” fil-fond, filwaqt li qiesu l-implikazzjonijiet kollha ta’ dan il-kunċett il-ġdid.

    4.1.10.

    Uħud mill-Membri jqisu li l-kunċett li għadu kif ġie introdott huwa l-uniku mod biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol indaqs kemm għall-ħaddiema stazzjonati kif ukoll għal dawk lokali, filwaqt li jiġu eliminati d-differenzjali tal-pagi u jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwi fost il-kumpaniji. Sabiex tiġi żgurata effettività sħiħa tal-prinċipju tar-remunerazzjoni ndaqs, għandhom jiġu rispettati l-ftehimiet kollettivi li effettivament ikunu applikati fuq il-post tax-xogħol – irrispettivament minn jekk ikunux applikabbli b’mod universali jew ġenerali.

    4.1.11.

    Membri oħrajn jemmnu li l-introduzzjoni ta’ dan il-kunċett il-ġdid jista’ jwassal għal inqas ċertezza u ċarezza legali u għal żieda fil-piżijiet amministrattivi u finanzjarji. Kwalunkwe diskussjoni dwar l-istazzjonar għandha tqis il-fatt li s-sitwazzjonijiet ta’ kumpaniji barranin u domestiċi huma differenti. Fornitur ta’ servizz barrani li jrid jistazzjona ħaddiema jġarrab spejjeż addizzjonali li jirriżultaw biss mill-prestazzjoni ta’ servizzi fi Stat Membru ieħor – spejjeż operattivi addizzjonali (16) u kostijiet tax-xogħol transkonfinali indiretti (17).

    4.2.    Stazzjonar li jaqbeż l-24 xahar

    4.2.1.

    Il-Kummissjoni qed tindirizza l-kwistjoni tat-tul tal-istazzjonamenti billi tintroduċi proposta li, f’każijiet fejn it-tul antiċipat jew effettiv tal-istazzjonar jaqbeż l-24 xahar, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem għandu jitqies bħala l-pajjiż li fih xogħlu/xogħolha jitwettaq abitwalment. Dan huwa applikabbli mill-ewwel jum li fih l-istazzjonar effettivament jaqbeż l-24 xahar. Il-Kummissjoni qed tintroduċi wkoll tul ta’ żmien kumulattiv tal-perjodi ta’ stazzjonar f’każijiet fejn il-ħaddiema huma sostitwiti.

    4.2.2.

    Id-direttiva oriġinali ma tistabbilixxi ebda limitu fiss u tiddikjara li, għall-finijiet tad-Direttiva, “ħaddiem stazjonat” tfisser ħaddiem li, għal perjodu limitat, jagħmel ix-xogħol tiegħu/tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru barra mill-Istat Membru li normalment jaħdem/taħdem fih.

    4.2.3.

    Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ bi pjaċir dan il-limitu fuq il-perjodu ta’ stazzjonar fil-qasam kopert mid-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema. Fil-fatt, hija prattika komuni li jsiru stazzjonamenti fit-tul jew ripetuti jew saħansitra sensieli ta’ stazzjonamenti fuq bosta snin. Il-KESE jemmen, madankollu, li l-perjodu ta’ 24 xahar mhumiex realistiku fil-prattika u għandu jitnaqqas b’mod sinifikanti. Għall-paragun, it-tul ta’ żmien medju ta’ stazzjonamenti fl-2014 kien inqas minn erba’ xhur (103 jum). Għaldaqstant regola dwar l-akkumulazzjoni u li tkun tapplika biss għal ħaddiema stazzjonati għal mill-inqas sitt xhur ma tkunx effettiva. It-tul massimu tal-istazzjonar għandu jkun limitat għal 6 xhur b’kollox.

    4.2.4.

    Għalhekk, il-KESE jitlob regola li tistipula li l-perjodi ta’ stazzjonar jiġu aggregati mill-ewwel ġurnata. Biex jiġi żgurat li din ir-regola ma twassalx għal skambju ta’ ħaddiema stazzjonati, huwa importanti li ssir referenza għall-post tax-xogħol speċifiku. Min iħaddem għandu jkun mitlub iżomm trasparenza dwar il-postijiet tax-xogħol u, pereżempju, jipprovdi lill-impjegati u lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni dwar in-numru ta’ ħaddiema impjegati u t-tul tal-impjieg tagħhom fuq il-post tax-xogħol inkwistjoni.

    4.2.5.

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir ir-regola li permezz tagħha, meta jinqabeż it-tul ta’ żmien massimu tal-istazzjonar, fil-prinċipju tkun tapplika l-liġi tal-Istat Membru ospitanti. Il-KESE jqis li huwa problematiku li l-premessa 8 tirreferi għar-Regolament Ruma I (“L-impjegat għandu, b’mod partikolari, igawdi l-protezzjoni u l-benefiċċji skont ir-Regolament Ruma I.”). Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I, kuntratt ta’ impjieg individwali huwa rregolat mil-liġi magħżula mill-partijiet.

    4.3.    Sottokuntrattar

    4.3.1.

    Il-proposta tal-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri l-alternattiva li, għal ħaddiema f’katina ta’ sottokuntrattar, japplikaw l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikati mill-kuntrattur prinċipali. Dawn il-kundizzjonijiet ikollhom jiġu applikati bl-istess mod kemm għas-sottokuntratturi nazzjonali kif ukoll transkonfinali, f’konformità mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.

    4.3.2.

    Hemm differenzi konsiderevoli bejn il-liġijiet, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi jew il-ftehimiet kollettivi applikabbli fl-Istati Membri biex jiżguraw li l-għoti ta’ sottokuntratt ma jagħtix lill-impriżi l-possibbiltà li jevitaw regoli li jiggarantixxu ċerti patti u kundizzjonijiet tal-impjieg li jkopru r-remunerazzjoni. Ma hemm l-ebda evidenza li turi kemm Stati Membri diġà japplikaw sistema bħal din u, fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni ma ppreżentatx analiżi dettaljata tal-konsegwenzi potenzjali ta’ tali regoli.

    4.3.3.

    Madankollu, sabiex din il-parti tal-proposta tkun effettiva fil-prattika, jista’ jkun utli li ssir referenza għal regola dwar l-obbligazzjoni in solidum matul kwalunkwe katina sottokuntrattwali introdotta mill-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-Infurzar (18).

    4.3.4.

    Barra minn hekk, il-frażi “ċerti patti u kundizzjonijiet tal-impjieg li jkopru remunerazzjoni” hija vaga u se twassal għal inċertezza legali, interpretazzjonijiet differenti, u kunflitti potenzjali ma’ partijiet oħrajn tad-direttiva. Ikun hemm ukoll problemi ta’ paragun u ħafna problemi purament prattiċi oħrajn, bħall-aċċess għal informazzjoni (anke f’dak li jirrigwarda l-obbligu tal-gvernijiet biex jippubblikaw tali informazzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2014/67/UE u d-disponibbiltà ta’ ftehimiet kollettivi).

    4.3.5.

    Lanqas ma huwa ċar kif il-Kummissjoni se tiddefinixxi u tapplika testijiet tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità għal dawn id-dispożizzjonijiet.

    4.3.6.

    Barra minn hekk, se jkun meħtieġ li jiġu introdotti dispożizzjonijiet adatti għall-verifika ta’ status ta’ impjieg indipendenti ġenwin tas-sottokuntratturi, skont l-istandards tal-Istati Membri.

    4.4.    Xogħol temporanju b’aġenzija

    4.4.1.

    Il-Kummissjoni tintroduċi obbligu ġdid għall-Istati Membri billi żżid paragrafu ġdid li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva, jiġifieri ħaddiema ingaġġati minn aġenzija temporanja stabbilita fi Stat Membru għajr l-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-impriża utenti. L-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(3)(c) ikollhom jiggarantixxu lill-ħaddiema stazzjonati l-patti u l-kundizzjonijiet li japplikaw skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (19) għal ħaddiema temporanji ingaġġati permezz ta’ aġenziji temporanji stabbiliti fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol.

    4.4.2.

    Il-KESE jemmen li din id-dispożizzjoni ġdida mhijiex meħtieġa, għaliex id-Direttiva oriġinali dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema diġà kienet tipprovdi għal tali għażla taħt l-Artikolu 3(9). L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jiggarantixxu lill-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 1(3)(c) il-patti u l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-ħaddiema temporanji fl-Istat Membru fejn qed isir ix-xogħol. L-għażla li tiġi applikata d-Direttiva 2008/104/KE kienet diġà ttieħdet mill-maġġoranza tal-pajjiżi ospitanti.

    4.4.3.

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tibqa’ żżomm l-arranġament eżistenti. Għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104/KE huma applikabbli għas-sitwazzjoni fl-Istati Membri differenti, filwaqt li d-Direttiva 96/71/KE tapplika għal attivitajiet transkonfinali. Dan kien rikonoxxut mill-Kummissjoni stess fir-Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (20).

    4.4.4.

    Il-KESE josserva li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE huwa ħafna usa’ mill-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 96/71/KE u li dan jista’ paradossalment iwassal għal kundizzjonijiet differenti għall-istazzjonar ta’ ħaddiema skont l-Artikolu 1(3)(a) u (b) u l-Artikolu 1(3)(c) tal-liġi attwali.

    5.   Azzjoni addizzjonali

    5.1.

    Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva 2014/68/UE (21) jekk għadhom ma għamlux dan u tiżgura li l-Istati Membri kollha jimplimentawha sew. Wara sentejn, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatt tagħha u tistabbilixxi jekk il-miżuri adottati wasslux għal implimentazzjoni u infurzar adatti u effettivi, peress li dawn huma elementi ewlenin fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati u fl-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwi għall-fornituri ta’ servizzi.

    5.2.

    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni f’diversi Stati Membri tal-UE, kif ukoll informazzjoni kwantitattiva reali dwar ħaddiema stazzjonati u modi kif tiġi implimentata u infurzata d-direttiva eżistenti.

    5.3.

    Id-disponibbiltà ta’ data affidabbli dwar ħaddiema stazzjonati hija prekundizzjoni għal dibattitu effettiv dwar il-karatteristiċi speċifiċi u l-bżonn ta’ protezzjoni tagħhom.

    5.4.

    Jekk il-Kummissjoni trid tiżgura kompetizzjoni ġusta, il-passi li jmiss għandhom jiffukaw ukoll fuq il-ġlieda kontra l-prattiki qarrieqa u l-qerda tal-fenomenu ta’ xogħol irregolari jew mhux dikjarat, primarjament fil-forma ta’ abbuż bħala kumpaniji tal-isem.

    5.5.

    Il-Kummissjoni għandha tħaffef il-konverġenza ‘l fuq ekonomika u soċjali fi ħdan l-UE, filwaqt li fl-istess ħin tiġi tiżgura mobilità ġusta tal-ħaddiema fil-kuntest tal-forniment transkonfinali tas-servizzi.

    5.6.

    Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-imsieħba soċjali, tirrikonoxxi l-awtonomija tagħhom u tirrispetta l-ftehimiet kollettivi li huma rilevanti f’dan il-qasam.

    5.7.

    Il-KESE jirrakkomanda li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema tiċċara li din mhix biss strument tas-Suq Intern, iżda hija wkoll strument għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Dan jirrikjedi l-estensjoni tal-bażi legali biex tinkludi l-liġi dwar il-politika soċjali (Artikoli 153 u 155 tat-TFUE). Ir-reviżjoni tad-Direttiva għandha wkoll tikkoreġi l-interpretazzjoni żbaljata tad-Direttiva bħala standard massimu, li ħarġet minn serje ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Laval, Rüffert, Commission v. Lussemburgu), u tistabilixxiha mill-ġdid bħala standard minimu.

    Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11).

    (2)  Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1) (Mhux disponibbli bil-Malti).

    (3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

    (4)  COM(2010) 608 final/2.

    (5)  It-test ġie ppreżentat matul il-Konferenza dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u d-Drittijiet tax-Xogħol organizzata mill-Presidenza Spanjola tal-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Marzu 2010 f’Oviedo. Id-dibattiti għal darb’oħra wrew il-fehmiet opposti fost il-partijiet interessati.

    (6)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (7)  Ara Kummissjoni Ewropea “Posting of workers – Report on A1 portable documents issued in 2014”, ippubblikat f’Diċembru 2015. Huwa meħtieġ li jitqies il-fatt li s-sitwazzjoni tvarja minn pajjiż għall-ieħor u 0,7 % hija biss medja. Ir-realtà hija x’imkien bejn 0,5 % - 3,6 %, u l-konsegwenzi għall-Istati Membri huma differenti wkoll.

    (8)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE dwar Mobilità iżjed ġusta fi ħdan l-UE”, adottata fis-27 ta’ April 2016 (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 11).

    (9)  Opinjoni tal-KESE dwar “Id-dimensjoni soċjali tas-suq intern”, adottata fl-14.7.2010, punt 1.7 (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 90).

    (10)  Protokoll Nru 2 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

    (11)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Parlamenti Nazzjonali dwar il-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema, fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, skont il-Protokoll Nru 2, COM(2016) 505 final tal-20 ta’ Lulju 2016.

    (12)  Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja d-dokument tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, SWD(2016) 52 final tat-8 ta’ Marzu 2016.

    (13)  Ir-rapport tal-Eurofound dwar “Posted workers in the European Union”, Roberto Pedersini u Massimo Pallini, ippubblikat fl-2010.

    (14)  Sejbiet preliminari taż-żewġ proġetti ta’ riċerka ġew ippreżentati matul il-konferenza tal-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol tal-KESE intitolata “Towards a fairer mobility within the EU” (“Lejn mobilità iżjed ġusta fi ħdan l-UE”) li saret fit-28 ta’ Settembru 2016. Ara l-aġġornament tal-Eurofound (2016) EurWORK dwar “Member States' progress in transposing Enforcement Directive on posting of workers” u Eurofound (2016) “Exploring the fraudulent contracting of work in the European Union”.

    (15)  Fil-Kawża C-396/13 Sähköalojen ammattiliitto tat-12 ta’ Frar 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddeċidiet li “r-rati minimi ta’ ħlas” ma jistgħux ikunu fl-għażla ta’ impjegatur li jistazzjona lill-ħaddiema bl-għan uniku li joffri xogħol bi prezz iktar baxx minn dak tal-ħaddiema lokali. Il-Qorti ddeċidiet ukoll li l-indennizzi ta’ kuljum, li jikkostitwixxu kumpens għal stazzjonament ‘il bogħod mid-dar, għandhom jitħallsu wkoll lill-ħaddiema stazzjonati, bl-istess livell bħalma jitħallsu lil ħaddiema lokali f’sitwazzjoni simili. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant tiċħad it-talba ta’ impjegatur li japplika l-iktar livell baxx fil-klassifikazzjoni tal-ħlas, irrispettivament mill-kwalifiki u l-anzjanità tal-ħaddiema kkonċernati.

    (16)  Spejjeż indiretti: il-kost biex wieħed jiffamiljarizza ruħu mar-rekwiżiti amministrattivi u mar-regolamenti fi Stati Membri oħrajn, eż. proċeduri ta’ notifika, traduzzjoni ta’ dokumenti, kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-ispezzjoni.

    (17)  Dan il-kost tax-xogħol transkonfinali indirett jista’ jiżdied sa 32 %. Dawn huma xi wħud mir-riżultati preliminari ta’ studju dwar “Labour cost in cross-border services” (“Kost lavorattiv fis-servizzi transkonfinali”), li sar minn Dr Marek Benio tad-Dipartiment tal-Ekonomija u l-Amministrazzjoni Pubblika tal-Università tal-Ekonomija ta’ Krakovja. Sejbiet preliminari taż-żewġ proġetti ta’ riċerka ġew ippreżentati matul il-konferenza tal-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol tal-KESE intitolata “Towards a fairer mobility within the EU” (“Lejn mobilità iżjed ġusta fi ħdan l-UE”) li saret fit-28 ta’ Settembru 2016.

    (18)  

    L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/67/UE dwar responsabbiltà tas-sottokuntrattar (ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1).

    (19)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).

    (20)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, COM(2014) 176 final.

    (21)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.


    ANNESS

    Il-kontropinjoni li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti:

    Kontropinjoni:

    Issostitwixxi l-Opinjoni kollha bit-test li ġej(ir-raġuni tinsab fl-aħħar tad-dokument):

    1.    Konklużjonijiet u proposti

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li taħdem lejn Suq Uniku aktar profond u aktar ġust bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-mandat tagħha, u l-isforzi tagħha biex tingħata spinta addizzjonali għall-provvista ta’ servizzi transkonfinali permezz tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa tagħha.

    1.2.

    Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-KE li tintroduċi d-Direttiva dwar l-Infurzar 2014/67/UE  (1) favur interpretazzjoni u implimentazzjoni komuni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema 96/71/KE  (2) li madankollu tirrappreżenta strument ibbilanċjat li jiggarantixxi kemm id-drittijiet għall-forniment tas-servizzi kif ukoll id-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati.

    1.3.

    Id-Direttiva dwar l-Infurzar u l-proposta attwali għal reviżjoni mmirata tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema jindirizzaw aspetti differenti tal-prattika tal-istazzjonar tal-ħaddiema, iżda huma ma jikkomplementawx biss lil xulxin, però r-riżultati mistennija mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-infurzar jistgħu jagħtu stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni reali.

    1.4.

    S’issa, mhux l-Istati Membri kollha lestew it-traspożizzjoni tagħha. Il-KESE jistenna li r-rapport tal-Kummissjoni, skedat għal mhux aktar tard mit-18 ta’ Ġunju 2019, għandu jipprovdi ħarsa ġenerali affidabbli dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Uħud mill-membri tal-KESE jirrakkomandaw stennija għal dan ir-rapport qabel tiġi proposta kwalunkwe emenda u modifika oħra.

    1.5.

    Uħud mill-membri tal-KESE jaħsbu li l-introduzzjoni tar-reviżjoni mmirata hija prematura u ma tikkonformax mal-prinċipju tar-regolamentazzjoni aħjar. Approċċ bħal dan jista’ jwassal għal tnaqqis fir-ritmu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-2014 u biex il-miżuri ta’ infurzar jitħalltu mal-proposti l-ġodda.

    1.6.

    Il-KESE jħoss li xorta waħda għad hemm nuqqas ta’ evidenza relatata mal-istazzjonamenti madwar l-Ewropa u dan jista’ jwassal għal tħassib fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri jekk il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja r-reviżjoni mmirata tipprovdix stampa ċara tas-sitwazzjoni reali.

    1.7.

    L-introduzzjoni ta’ kwalunkwe bidla ġdida bbażata biss fuq valutazzjoni tal-impatt ħafifa ħafna, b’data insuffiċjenti u mingħajr ma jitqiesu l-livelli differenti tal-prestazzjoni ekonomika madwar l-UE tista’ twassal biss għal diviżjonijiet ġodda fost l-Istati Membri u tipperikola l-isforzi tal-Kummissjoni biex tħeġġeġ il-konverġenza, l-integrazzjoni u l-fiduċja fl-Ewropa.

    1.8.

    Il-KESE jenfasizza li r-rwol tal-esklużività tal-imsieħba soċjali ma kienx rispettat u jistaqsi għaliex ma tnedietx konsultazzjoni proprja magħhom skont l-Artikolu 154(2) tat-TFUE.

    1.9.

    Aspett kruċjali tar-reviżjoni mmirata proposta mill-Kummissjoni Ewropea għadu l-kunċett ta’ “remunerazzjoni”. Il-membri tal-KESE mhumiex waħedhom f’dan ir-rigward meta jqisu sew mill-ġdid kemm l-alternattiva ta’ “ħlas minimu” ikkjarifikat mill-każistika kif ukoll mod ġdid għall-kalkolu tar-remunerazzjoni. Uħud mill-membri jqisu dan l-approċċ il-ġdid bħala mezz biex jittejbu u jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet għall-ħaddiema stazzjonati bħall-ħaddiema lokali. Fl-istess ħin, membri oħrajn ma jqisux din il-proposta bħala waħda adatta għar-realtà tan-negozju, peress li toħloq inċertezza u aktar piżijiet amministrattivi u finanzjarji għall-kumpaniji.

    1.10.

    Il-KESE mhuwiex konvint dwar il-ħtieġa li jiġu introdotti regoli stretti dwar it-tul tal-perjodi tal-istazzjonar. L-esperjenza turi li fir-realtà l-istazzjonar twil ħafna mhuwiex problema kbira għan-negozji Ewropej.

    2.    Qafas politiku Ewropew

    2.1.

    Il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà ta’ forniment ta’ servizzi huma prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    2.2.

    Għandha ssir distinzjoni bejn il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà ta’ forniment ta’ servizzi skont l-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-moviment liberu tal-ħaddiema jagħti lil kull ċittadin id-dritt li jmur liberament fi Stat Membru ieħor biex jaħdem u jirrisjedi hemm għal dak l-għan u jipproteġih mid-diskriminazzjoni fir-rigward ta’ impjieg, remunerazzjoni u kondizzjonijiet oħra tax-xogħol meta mqabbla ma’ dawk li għandhom in-nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru.

    2.3.

    B’kuntrast, il-libertà ta’ forniment ta’ servizzi tagħti lin-negozji d-dritt li jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor. Għal dan l-għan, jistgħu jistazzjonaw lill-ħaddiema tagħhom stess temporanjament fl-Istat Membru l-ieħor biex jagħmlu x-xogħol meħtieġ biex jipprovdu s-servizzi.

    2.4.

    Fis-16 ta’ Diċembru 1996, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id- Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi  (3).

    2.5.

    Dim id-Direttiva għandha l-għan li tirrikonċilja l-eżerċizzju tal-libertà ta’ forniment ta’ servizzi transkonfinali skont l-Artikolu 56 tat-TFUE bi protezzjoni adatta tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati temporanjament barra minn pajjiżhom għal dan l-għan.

    2.6.

    F’Ottubru 2010, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Lejn Att dwar is-Suq Uniku – Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin”  (4) , il-Kummissjoni ressqet żewġ proposti maħsuba biex iroddu lura l-fiduċja u l-appoġġ pubbliku, waħda dwar il-bilanċ bejn id-drittijiet soċjali fundamentali u l-libertajiet ekonomiċi u l-oħra dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema.

    2.7.

    F’Marzu 2010, l-imsieħba soċjali Ewropej ressqu rapport  (5) dwar il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li ġibdu l-attenzjoni dwar id-diverġenzi kbar fosthom. Filwaqt li BUSINESSEUROPE kienet kontra reviżjoni tad-Direttiva (iżda aċċettat il-ħtieġa għal kjarifika ta’ ċerti aspetti marbuta mal-infurzar), l-ETUC riedet li tiġi emendata bir-reqqa.

    2.8.

    F’Diċembru tal-2012, il-Kummissjoni ppubblikat proposta dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE. Id-Direttiva dwar l-Infurzar  (6) tistabbilixxi qafas komuni ta’ dispożizzjonijiet, miżuri u mekkaniżmi ta’ kontroll adatti meħtieġa għal implimentazzjoni prattika, applikazzjoni u infurzar aħjar u aktar uniformi tad-Direttiva 96/71/KE, inklużi miżuri għall-prevenzjoni u s-sanzjoni ta’ kwalunkwe ċirkomvenzjoni jew abbuż tar-regoli applikabbli. Din fl-istess ħin tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati u t-tneħħija ta’ xkiel mhux iġġustifikat għall-forniment liberu ta’ servizzi.

    2.9.

    Id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar kienet it-18 ta’ Ġunju 2016, u sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Ġunju 2019 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha lill-PE, lill-Kunsill u lill-KESE u tipproponi emendi u modifiki fejn ikun meħtieġ. Fir-reviżjoni tagħha, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-Imsieħba Soċjali Ewropej, il-KE għandha tivvaluta kemm huma adatti u meħtieġa l-miżuri kollha introdotti u applikati, inkluża l-adegwatezza tad-data disponibbli relatata mal-istazzjonamenti.

    3.    Proposta għal reviżjoni mmirata tad-Direttiva dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema

    3.1.

    Skont l-aktar data reċenti disponibbli, fl-2014, kien hemm aktar minn 1,9 miljun stazzjonament fl-UE, li jirrappreżentaw 0,7 %  (7) tal-forza tax-xogħol totali tal-UE. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 10,3 % fuq l-2013 u ta’ 44,4 % fir-rigward tal-2010. Din l-istatistika hija bbażata fuq in-numru ta’ formoli A1 maħruġin mill-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali; in-numru ta’ ħaddiema stazzjonati de facto mhux irreġistarti mhuwiex magħruf.

    3.2.

    Id-Direttiva tal-1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema tipprovdi qafas regolatorju tal-UE biex jiġi stabbilit bilanċ adatt u ġust bejn l-għanijiet ta’ promozzjoni u faċilitar tal-forniment transkonfinali tas-servizzi, il-ħarsien tal-ħaddiema stazzjonati u l-iżgurar tal-kundizzjonijiet ekwi bejn il-kompetituri barranin u dawk lokali.

    3.3.

    Madankollu, issal-Kummissjoni ressqet proposta għar-reviżjoni mmirata ta’ din id-Direttiva, bil-għan li tindirizza kemm il-prattiki inġusti  (8) kif ukoll tippromovi l-prinċipju li l-istess xogħol fl-istess post għandu jitħallas bl-istess mod.

    3.4.

    Il-proposta ġiet ippubblikata qabel id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-2014 u qabel ma setgħet titwettaq kwalunkwe valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha. Ħafna mill-isfidi li jikkonċernaw l-istazzjonar ta’ ħaddiema jibqgħu relatati mal-infurzar ħażin u ma’ nuqqas ta’ kontrolli fl-Istati Membri.

    3.5.

    Il-proposta ġiet ippubblikata wkoll mingħajr ebda konsultazzjoni minn qabel tal-imsieħba soċjali Ewropej, li bagħtu ittra konġunta lill-Kummissjoni fejn talbu li jiġu kkonsultati kif suppost skont l-Artikolu 154(2) tat-TFUE. “Issa qegħdin niktbu biex nitolbu lill-Kummissjoni tieħu l-ħin tagħha sabiex tikkonsulta b’mod adegwat mal-imsieħba soċjali qabel ma tniedi l-proposta tagħha  (9).”

    3.6.

    Il-pubblikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni qanqlet fehmiet differenti li jifirdu l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-kumpaniji stess. Id-Direttiva proposta m’għandhiex tipperikola l-kompetittività jew toħloq ostakli ġodda għall-fornituri ta’ servizzi transkonfinali.

    3.7.

    B’konformità mal-Protokoll Nru 2 għat-Trattati  (10) , erbatax-il kamra tal-parlamenti nazzjonali bagħtu opinjonijiet motivati lill-Kummissjoni fejn jiddikjaraw li l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema ma kinitx konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u b’hekk ingħata bidu għall-proċedura tal-karta s-safra. B’segwitu għall-analiżi tagħha tas-sussidjarjetà, fl-20 ta’ Lulju, il-Kummissjoni kkonkludiet  (11) li l-proposta għal reviżjoni mmirata tad-Direttiva 96/71/KE kienet konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà minqux fl-Artikolu 5(3) tat-TUE u li ma kienx meħtieġ li l-proposta tiġi rtirata jew emendata. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet il-proposta.

    3.8.

    Parti mill-komunità tan-negozju hija tal-fehma li l-proposta tmur kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità. Uħud mill-kumpaniji jemmnu li l-bidliet proposti se jwasslu għal inċertezza legali u piżijiet amministrattivi addizzjonali. Ir-reviżjoni tista’ tolqot b’mod partikolari lill-kumpaniji mill-Istati Membri b’livelli ta’ pagi aktar baxxi li biħsiebhom jipprovdu servizzi transkonfinali fis-Suq Uniku, u dan imur kontra l-intenzjoni u l-isforzi biex isaħħu l-proċess ta’ konverġenza fi ħdan l-UE.

    3.9.

    Oħrajn, inklużi t-trejdjunjins, iqisu li r-reviżjoni proposta – u b’mod partikolari l-idea ta’ “paga ndaqs għall-istess xogħol fl-istess post” – Tkun tipprovdi għal kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji u aktar drittijiet indaqs għall-ħaddiema fl-UE.

    3.10.

    Il-proposta tal-Kummissjoni kienet akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt  (12) li tiddikjara li l-miżuri proposti għall-applikazzjoni tad-Direttiva riveduta se jkollhom impatti differenti fuq Stati Membri, setturi u kumpaniji differenti filwaqt li tinnota li l-limitazzjonijiet kbar fir-rigward tad-data dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema għadhom jikkawżaw problema kontinwa.

    3.11.

    Ċifri komparabbli huma bbażati fuq id-dokumenti portabbli A1 li jirrikjedu informazzjoni dettaljata minn kumpaniji li jistazzjonaw ħaddiema lejn pajjiż. L-eżattezza tal-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti portabbli A1 ma tistax tiġi garantita minħabba nuqqas ta’ kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet fil-pajjiżi minn fejn intbagħtu l-ħaddiema. Għalhekk iċ-ċifri ppreżentati fil-valutazzjoni tal-impatt jirrappreżentaw biss stima tan-numru attwali ta’ stazzjonamenti li jseħħu u ma jipprovdux stampa ċara tas-sitwazzjoni reali.

    3.12.

    Fl-2010, il-Eurofound ippubblikat rapport dwar “Posted workers in the European Union”  (13) , b’analiżi dwar il-fenomenu fl-Istati Membri tal-UE u fin-Norveġja. Dan ir-rapport jidentifika s-sorsi ta’ informazzjoni disponibbli dwar l-għadd ta’ stazzjonamenti u jipprovdi ċifri għal dawk il-pajjiżi fejn hemm data disponibbli. Ir-riċerka tal-Eurofound turi li hemm nuqqas ta’ data rigward l-għadd kumplessiv u l-karatteristiċi ta’ ħaddiema stazzjonati madwar l-UE.

    3.13.

    Dan ir-rapport tal-Eurofound huwa segwit minn żewġ xogħlijiet ta’ riċerka reċenti relatati ma’ mobilità iżjed ġusta fis-suq tax-xogħol: Analiżi fil-qosor tat-traspożizzjoni min-naħa tal-Istati Membri tal-UE tad-Direttiva 2014/67 dwar “l-infurzar” li ttejjeb l-infurzar tad-Direttiva 96/71 dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema u forom qarrieqa ta’ xogħol b’kuntratt u impjieg indipendenti  (14).

    4.    Bidliet prinċipali fil-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 96/71/KE

    4.1.    Ir-remunerazzjoni

    4.1.1.

    Il-Kummissjoni tipproponi li tissostitwixxi l-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” b’“remunerazzjoni”. Skont il-proposta tal-KE, ir-remunerazzjoni tkopri l-elementi kollha tar-remunerazzjoni li huma obbligatorji fl-Istat Membru ospitanti.

    4.1.2.

    Il-Kummissjoni ressqet il-proposta bi tweġiba għal ħafna appelli biex tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ta’ differenzjali tal-pagi. Skont il-Kummissjoni hemm distakk bejn il-kondizzjonijiet applikati għall-ħaddiema lokali u dawk għall-ħaddiema stazzjonati. Skont il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta, id-differenzjal tal-pagi bejn il-ħaddiema stazzjonati u dawk lokali huwa stmat li jvarja minn 10 % sa 50 % skont il-pajjiż u s-settur. Ir-regoli dwar il-ħlas divrenzjat jgħawġu l-kundizzjonijiet ekwi fost il-kumpaniji. Il-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” mhuwiex l-istess bħar-regoli obbligatorji li huma applikati għal ħaddiema lokali.

    4.1.3.

    Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” jkun jista’ għalhekk jikkontribwixxi biex jintlaħqu kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni fis-Suq Uniku għas-servizzi. Il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” jkopri l-elementi kollha li jitħallsu lill-ħaddiema lokali jekk dawn ikunu stipulati bil-liġi jew bi ftehim kollettiv u li ġeneralment huma applikabbli għall-entitajiet kollha simili fiż-żona ġeografika u fil-professjoni jew industrija kkonċernata, jew bi ftehimiet kollettivi li jkunu ġew konklużi mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tax-xogħol l-aktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali u li huma applikati fit-territorju kollu. “Ir-remunerazzjoni” tista’ tinkludi ċerti elementi li mhumiex inklużi fil-kunċett ta’ “rata ta’ paga minima”, bħal allowance ta’ anzjanità, allowances u benefiċċji għal xogħol li jħammeġ, ta’ tbatija jew perikoluż, bonuses għall-kwalità, bonuses tat-13-il xahar, spejjeż tal-ivvjaġġar, vawċers għall-ikel – għalkemm bosta pajjiżi ospitanti diġà inkludew diversi minn dawk l-elementi fir-“rata ta’ paga minima”.

    4.1.4.

    Skont il-Kummissjoni, l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “remunerazzjoni” għandha tikkontribwixxi biex ittejjeb iċ-ċarezza dwar l-elementi kostitwenti tar-remunerazzjoni u jitnaqqsu d-differenzi bejn is-setturi eżistenti fl-applikazzjoni mandatorja ta’ ftehimiet kollettivi.

    4.1.5.

    Madankollu, it-terminu “remunerazzjoni” fih innifsu jista’ jitqies bħala impreċiż, u jagħti lok għal diversi interpretazzjonijiet, u dan joħloq inċertezza legali. Il-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas”, minkejja d-diversi dubji li jqajjem, huwa aktar preċiż u aktar faċli biex jiġi definit.

    4.1.6.

    Il-Kummissjoni tafferma li l-proposta mhix se taffettwa l-kompetenzi u t-tradizzjonijiet tal-Istati Membri fl-iffissar tal-pagi u li din tirrispetta rwol awtonomu qawwi tal-imsieħba soċjali. F’dan il-kuntest, huwa ta’ tħassib li l-Kummissjoni tipproponi li titħassar ir-referenza fid-Direttiva attwali li tiddikjara li “r-rati minimi ta’ ħlas huma ddefiniti mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem”. Din id-dispożizzjoni hija importanti sabiex ikun hemm konformità mad-diversi sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali nazzjonali.

    4.1.7.

    Għall-fini ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ remunerazzjoni għandu jiġi definit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem.

    4.1.8.

    Din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi l-applikazzjoni tal-patti u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-pajjiż ospitanti jew tal-pajjiż ta’ oriġini tal-ħaddiem stazzjonat li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema, b’mod partikolari permezz tal-eżerċitar tad-dritt fundamentali tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fil-livelli adatti u li jieħdu azzjoni kollettiva biex jiddefendu l-interessi tagħhom, inklużi azzjoni ta’ strajk, biex jipproteġu u jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema, inkluż id-dritt għal trattament ugwali.

    4.1.9.

    Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni adatta tad-Direttiva dwar l-Infurzar, l-Istati Membri huma obbligati jippubblikaw l-informazzjoni dwar il-patti u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati fit-territorju tagħhom fuq sit web uniku. L-Istati Membri jistgħu jipposponu l-istabbiliment tas-sit web uniku, peress li l-patti u l-kundizzjonijiet applikabbli x’aktarx li jinbidlu. Dan il-proċess ma għandu jkun influwenzat ħażin minn l-ebda proposta ġdida.

    4.1.10.

    Il-membri tal-KESE ddiskutew il-kwistjoni tar-“remunerazzjoni” fil-fond, filwaqt li qiesu l-implikazzjonijiet kollha ta’ dan il-kunċett il-ġdid.

    4.1.11.

    Uħud mill-Membri jqisu li l-kunċett li għadu kif ġie introdott huwa l-uniku mod biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol indaqs kemm għall-ħaddiema stazzjonati kif ukoll għal dawk lokali, filwaqt li jiġu eliminati d-differenzjali tal-pagi u jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwi fost il-kumpaniji.

    4.1.12.

    Membri oħrajn jemmnu li l-introduzzjoni ta’ dan il-kunċett il-ġdid jista’ jwassal għal inqas ċertezza u ċarezza legali u għal żieda fil-piż amministrattiv u finanzjarju. Kwalunkwe diskussjoni dwar l-istazzjonar għandha tqis il-fatt li s-sitwazzjonijiet ta’ kumpaniji barranin u domestiċi huma differenti. Fornitur ta’ servizz barrani li jrid jistazzjona ħaddiema jġarrab spejjeż addizzjonali li jirriżultaw biss mill-prestazzjoni ta’ servizzi fi Stat Membru ieħor – spejjeż operattivi addizzjonali  (15) u kostijiet tax-xogħol transkonfinali indiretti  (16).

    4.1.13.

    Rigward l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi applikabbli globalment għas-setturi kollha, il-KESE jirrakkomanda li jitqies mill-ġdid jekk hemmx bżonn jiġu estiżi awtomatikament is-sorsi tal-istandards tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati f’dawk is-setturi fejn ma ġiet reġistrata ebda problema kbira rigward l-istazzjonar.

    4.2.    Stazzjonar li jaqbeż l-24 xahar

    4.2.1.

    Il-Kummissjoni qed tindirizza l-kwistjoni tat-tul tal-istazzjonamenti billi tintroduċi proposta li, f’każijiet fejn it-tul antiċipat jew effettiv tal-istazzjonar jaqbeż l-24 xahar, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem għandu jitqies bħala l-pajjiż li fih xogħlu/xogħolha jitwettaq abitwalment. Dan huwa applikabbli mill-ewwel jum li fih l-istazzjonar effettivament jaqbeż l-24 xahar. Il-Kummissjoni qed tintroduċi wkoll tul ta’ żmien kumulattiv tal-perjodi ta’ stazzjonar f’każijiet fejn il-ħaddiema huma sostitwiti.

    4.2.2.

    Id-direttiva oriġinali ma tistabbilixxi ebda limitu fiss u tiddikjara li, għall-finijiet tad-Direttiva, “ħaddiem stazjonat” tfisser ħaddiem li, għal perjodu limitat, jagħmel ix-xogħol tiegħu/tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru barra mill-Istat Membru li normalment jaħdem/taħdem fih.

    4.2.3.

    Sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet mhux ċari fejn hu diffiċli jiġi stabbilit jekk hemmx stazzjonar jew le skont it-tifsira tad-Direttiva dwar l-Istazzjonament ta’ Ħaddiema, l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Infurzar jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji kwalitattivi li jikkaratterizzaw kemm in-natura temporanja inerenti fil-kunċett ta’ stazzjonar għall-forniment ta’ servizzi, kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta ġenwina bejn min iħaddem u l-Istat Membru li minnu joriġina l-istazzjonar.

    4.2.4.

    Wieħed mill-argumenti ewlenin mqajma kien li la t-TFUE u lanqas ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (ir-Regolament “Ruma I”)  (17) ma jipprovdu bażi għall-adozzjoni ta’ perjodu ta’ 24 xahar bħala l-perjodu ta’ referenza biex jiġi determinat il-pajjiż li fih jitwettaq ix-xogħol abitwalment. Barra minn hekk, mhuwiex adatt li tintuża direttiva biex tibdel l-applikazzjoni ta’ regolament, jew biex jiġu definiti t-termini użati fir-Regolament Ruma I b’mod differenti għall-finijiet tad-Direttiva dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mis-Servizz Legali tal-Kummissjoni Ewropea fl-opinjoni tiegħu: “… (Artikolu 2a ġdid) din ir-regola ma taffettwax id-dritt tal-impriżi li jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li jinvokaw il-libertà li jipprovdu servizzi anki f’ċirkustanzi fejn l-istazzjonar jaqbeż l-24 xahar. L-għan huwa biss li tinħoloq ċertezza ġuridika fl-applikazzjoni tar-Regolament Ruma I għal sitwazzjoni speċifika, mingħajr ma dan ir-Regolament jiġi emendat bl-ebda mod.”  (18)

    4.2.5.

    Il-KESE mhuwiex favur li jiġi stabbilit tali limitu ta’ żmien fiss. Dan imur kontra n-natura tal-istazzjonar tal-ħaddiema u huwa kuntrarju għall-għan tad-Direttiva. It-tul ta’ żmien medju għal stazzjonar fl-UE hu ta’ 103 ġurnata  (19) (4-5 % biss tal-istazzjonamenti kollha huma itwal minn 12-il xahar  (20) ). Ma hemm l-ebda evidenza li l-perjodi ta’ stazzjonar itwal minn sentejn huma prattika mifruxa u problematika li twassal għal abbuż tar-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema.

    4.2.6.

    Għall-kuntrarju, l-introduzzjoni tat-terminu “tul ta’ żmien mistenni tal-istazzjonar” u l-issettjar ta’ regoli għal sostituzzjoni tal-ħaddiema jistgħu jwasslu għal inċertezza u applikazzjoni mhux uniformi tar-regoli dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema. B’mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni, se jkun diffiċli biex wieħed jantiċipa “il-perjodu ta’ żmien għat-twettiq tax-xogħol” u biex il-korpi ta’ spezzjoni jagħtu prova ta’ dan.

    4.2.7.

    Id-definizzjoni eżistenti hija biżżejjed, u kwalunkwe ssettjar ta’ limitu ta’ żmien għall-istazzjonar tal-ħaddiema jmur kontra l-prinċipju tal-verifika ta’ x’inhu każ ta’ stazzjonament ġenwin u ġustifikat. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba kkonfermat li t-terminu “temporanju” għandu jiġi kkunsidrat fuq bażi ta’ każ b’każ.

    4.2.8.

    Il-Kummissjoni ssostni li b’din il-bidla d-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema tiġi konformi mar-regoli tas-sigurtà soċjali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 883/2004  (21) . Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 jagħti lill-Istati Membri l-alternattiva li jestendu – permezz ta’ ftehimiet bilaterali – il-perjodu inizjali ta’ sentejn li matulu jitħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ta’ oriġini. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema tipprovdi li, meta t-tul tal-istazzjonar antiċipat jew effettiv jaqbeż l-24 xahar, il-kundizzjonijiet kollha tax-xogħol tal-pajjiż ospitanti jkollhom jiġu applikati mill-ewwel ġurnata tal-istazzjonar. Dan la huwa meħtieġ u lanqas konsistenti.

    4.3.    Sottokuntrattar

    4.3.1.

    Il-proposta tal-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri l-alternattiva li, għal ħaddiema f’katina ta’ sottokuntrattar, japplikaw l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikati mill-kuntrattur prinċipali. Dawn il-kundizzjonijiet ikollhom jiġu applikati bl-istess mod kemm għas-sottokuntratturi nazzjonali kif ukoll transkonfinali, f’konformità mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.

    4.3.2.

    Hemm differenzi konsiderevoli bejn il-liġijiet, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi jew il-ftehimiet kollettivi applikabbli fl-Istati Membri biex jiżguraw li l-għoti ta’ sottokuntratt ma jagħtix lill-impriżi l-possibbiltà li jevitaw regoli li jiggarantixxu ċerti patti u kundizzjonijiet tal-impjieg li jkopru r-remunerazzjoni. Ma hemm l-ebda evidenza li turi kemm Stati Membri diġà japplikaw sistema bħal din u, fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni ma ppreżentatx analiżi dettaljata tal-konsegwenzi potenzjali ta’ tali regoli.

    4.3.3.

    Madankollu, sabiex din il-parti tal-proposta tkun effettiva fil-prattika, jista’ jkun utli li ssir referenza għal regola dwar l-obbligazzjoni in solidum matul kwalunkwe katina sottokuntrattwali introdotta mill-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-Infurzar  (22).

    4.3.4.

    Barra minn hekk, il-frażi “ċerti patti u kundizzjonijiet tal-impjieg li jkopru remunerazzjoni” hija vaga u se twassal għal inċertezza legali, interpretazzjonijiet differenti, u kunflitti potenzjali ma’ partijiet oħrajn tad-direttiva. Ikun hemm ukoll problemi ta’ paragun u ħafna problemi purament prattiċi oħrajn, bħall-aċċess għal informazzjoni (anke f’dak li jirrigwarda l-obbligu tal-gvernijiet biex jippubblikaw tali informazzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2014/67 u d-disponibbiltà ta’ ftehimiet kollettivi).

    4.3.5.

    Lanqas ma huwa ċar kif il-Kummissjoni se tiddefinixxi u tapplika testijiet tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità għal dawn id-dispożizzjonijiet.

    4.3.6.

    Barra minn hekk, se jkun meħtieġ li jiġu introdotti dispożizzjonijiet adatti għall-verifika ta’ status ta’ impjieg indipendenti ġenwin tas-sottokuntratturi, skont l-istandards tal-Istati Membri.

    4.4.    Xogħol temporanju b’aġenzija

    4.4.1.

    Il-Kummissjoni tintroduċi obbligu ġdid għall-Istati Membri billi żżid paragrafu ġdid li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva, jiġifieri ħaddiema ingaġġati minn aġenzija temporanja stabbilita fi Stat Membru għajr l-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-impriża utenti. L-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(3)(c) ikollhom jiggarantixxu lill-ħaddiema stazzjonati l-patti u l-kundizzjonijiet li japplikaw skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija  (23) għal ħaddiema temporanji ingaġġati permezz ta’ aġenziji temporanji stabbiliti fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol.

    4.4.2.

    Il-KESE jemmen li din id-dispożizzjoni ġdida mhijiex meħtieġa, għaliex id-Direttiva oriġinali dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema diġà kienet tipprovdi għal tali għażla taħt l-Artikolu 3(9). L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jiggarantixxu lill-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 13(c) il-patti u l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-ħaddiema temporanji fl-Istat Membru fejn qed isir ix-xogħol. L-għażla li tiġi applikata d-Direttiva 2008/104/KE kienet diġà ttieħdet mill-maġġoranza tal-pajjiżi ospitanti.

    4.4.3.

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tibqa’ żżomm l-arranġament eżistenti. Għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104/KE huma applikabbli għas-sitwazzjoni fl-Istati Membri differenti, filwaqt li d-Direttiva 96/71/KE tapplika għal attivitajiet transkonfinali. Dan kien rikonoxxut mill-Kummissjoni stess fir-Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija  (24).

    4.4.4.

    Il-KESE josserva li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE huwa ħafna usa’ mill-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 96/71/KE u li dan jista’ paradossalment iwassal għal kundizzjonijiet differenti għall-istazzjonar ta’ ħaddiema skont l-Artikolu 1(3)(a) u (b) u l-Artikolu 1(3)(c) tal-liġi attwali.

    5.    X’għandu jkun il-fokus prinċipali tal-Kummissjoni Ewropea

    5.1.

    Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva dwar l-Infurzar  (25) jekk għadhom ma għamlux dan u tiżgura li l-Istati Membri kollha jimplimentawha sew. Wara sentejn, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatt tagħha u tistabbilixxi jekk il-miżuri adottati wasslux għal implimentazzjoni u infurzar adatti u effettivi, peress li dawn huma elementi ewlenin fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati u fl-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwi għall-fornituri ta’ servizzi.

    5.2.

    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni f’diversi Stati Membri tal-UE, kif ukoll informazzjoni kwantitattiva reali dwar ħaddiema stazzjonati u modi kif tiġi implimentata u infurzata d-direttiva eżistenti.

    5.3.

    Id-disponibbiltà ta’ data affidabbli dwar ħaddiema stazzjonati hija prekundizzjoni għal dibattitu effettiv dwar il-karatteristiċi speċifiċi u l-bżonn ta’ protezzjoni tagħhom.

    5.4.

    Jekk il-Kummissjoni trid tiżgura kompetizzjoni ġusta, il-passi li jmiss għandhom jiffukaw fuq il-ġlieda kontra l-prattiki qarrieqa u l-qerda tal-fenomenu ta’ xogħol illegali, primarjament fil-forma ta’ abbuż bħala kumpaniji tal-isem.

    5.5.

    Il-Kummissjoni għandha tħaffef il-konverġenza ekonomika u soċjali fi ħdan l-UE, filwaqt li fl-istess ħin tiġi tiżgura mobilità ġusta tal-ħaddiema fil-kuntest tal-forniment transkonfinali tas-servizzi.

    5.6.

    L-introduzzjoni ta’ kunċett ġdid bħal “remunerazzjoni” tista’ tqajjem mistoqsijiet kemm mill-Istati Membri fil-Kunsill kif ukoll minn kumpaniji matul il-konsultazzjoni pubblika. Il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi soċjoekonomika dettaljata tal-konsegwenzi għall-konsumaturi, il-kumpaniji u b’mod ġenerali għall-kompetittività u l-impjieg tal-UE.

    5.7.

    Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-imsieħba soċjali, tirrikonoxxi l-awtonomija tagħhom u tirrispetta l-ftehimiet kollettivi li huma rilevanti f’dan il-qasam.

    Raġuni għall-emenda:

    This amendment seeks to propose a balanced approach to this Commission proposal, which has generated different points of view, both amongst Member States, the social partners and businesses. The aim of this amendment is to adequately reflect those diverging views in a credible and balanced manner, while also showing points where there is a consensus. This amendment, which corresponds to the text submitted by the two SOC section rapporteurs, following the 3rd study group meeting, better presents this balance between different views than the text amended and adopted by the section.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur

    94

    Kontra

    175

    Astensjonijiet

    23


    (1)  Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11).

    (2)  Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997).

    (3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

    (4)  COM(2010) 608 final/2.

    (5)  It-test ġie ppreżentat matul il-Konferenza dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u d-Drittijiet tax-Xogħol organizzata mill-Presidenza Spanjola tal-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Marzu 2010 f’Oviedo. Id-dibattiti għal darb’oħra wrew il-fehmiet opposti fost il-partijiet interessati.

    (6)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (7)  Huwa meħtieġ li jitqies il-fatt li s-sitwazzjoni tvarja minn pajjiż għall-ieħor u 0,7 % hija biss medja. Ir-realtà hija x’imkien bejn 0,5 % - 3,6 %, u l-konsegwenzi għall-Istati Membri huma differenti wkoll.

    (8)  Opinjoni tal-KESE dwar “Mobilità iżjed ġusta fi ħdan l-UE”, adottata fis-27 ta’ April 2016 (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 11).

    (9)  Ittra konġunta tal-imsieħba soċjali Ewropej (ETUC, BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP) lill-President Juncker, 2 ta’ Marzu 2016.

    (10)  Protokoll Nru 2 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

    (11)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Parlamenti Nazzjonali dwar il-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema, fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, skont il-Protokoll Nru 2, COM(2016) 505 final tal-20 ta’ Lulju 2016.

    (12)  Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja d-dokument tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, SWD(2016) 52 final tat-8 ta’ Marzu 2016.

    (13)  Ir-rapport tal-Eurofound dwar “Posted workers in the European Union”, Roberto Pedersini u Massimo Pallini, ippubblikat fl-2010.

    (14)  Is-sejbiet preliminari taż-żewġ proġetti ta’ riċerka ġew ippreżentati matul il-konferenza tal-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol tal-KESE dwar “Towards a fairer mobility within the EU” (“Lejn mobilità iżjed ġusta fi ħdan l-UE”) li saret fit-28 ta’ Settembru 2016.

    (15)  Spejjeż indiretti: il-kost biex wieħed jiffamiljarizza ruħu mar-rekwiżiti amministrattivi u mar-regolamenti fi Stati Membri oħrajn, eż. proċeduri ta’ notifika, traduzzjoni ta’ dokumenti, kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-ispezzjoni.

    (16)  Dan il-kost tax-xogħol transkonfinali indirett jista’ jiżdied sa 32 %. Dawn huma xi wħud mir-riżultati preliminari ta’ studju pilota dwar “Labour cost in cross-border services” (“Kost lavorattiv fis-servizzi transkonfinali”), li sar mid-Dipartiment tal-Ekonomija u l-Amministrazzjoni Pubblika tal-Università tal-Ekonomija ta’ Krakovja. Dawn ir-riżultati ġew ippreżentati matul il-konferenza tal-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol tal-KESE dwar “Lejn mobilità iżjed ġusta fi ħdan l-UE” li saret fit-28 ta’ Settembru 2016.

    (17)  Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).

    (18)  Opinjoni tas-servizz legali tal-Kummissjoni Ewropea – fajl istituzzjonali 2016/0070 (COD) tat-28 ta’ Mejju 2016.

    (19)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD (2016)52 final, p. 39, J. Pacolet u F. De Wispelaere, Posting of Workers. Report on A1 portable document issued in 2014, Diċembru 2015.

    (20)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD (2016)52 final, p. 39, L&R Sozialforschung, Entwicklungen im Bereich des Lohndumpings, Mejju 2014.

    (21)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali. (ĠU L 166, 30.4.2004 p. 1).

    (22)  

    L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/67/UE dwar responsabbiltà tas-sottokuntrattar (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1).

    (23)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).

    (24)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, COM(2014) 176 final.

    (25)  ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.


    Üles