EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016Q1210(01)

Ir-regoli ta’ proċedura tal-21 ta’ Ottubru 2016 tal-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali

ĠU C 461, 10.12.2016, p. 8–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

10.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 461/8


IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA

tal-21 ta’ Ottubru 2016

tal-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali

(2016/C 461/05)

IL-KUMITAT KONSULTATTIV GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI MWAQQAF PERMEZZ TAL-ARTIKOLU 75(1) TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 883/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAD-29 TA’ APRIL 2004 DWAR IL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

Wara li kkunsidra r-regoli standard ta’ proċedura tal-gruppi ta’ esperti stabbiliti fl-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-operat ta’ gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni,

Biex il-Kumitat Konsultattiv ikun jista’ jwettaq dmirijietu li ngħataw lilu permezz tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (1) u permezz tal-Artikolu 89(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (2),

Waqt li jaġixxi skont il-kundizzjonijiet stipulati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

ADOTTA R-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONSULTATTIV B’MAĠĠORANZA ASSOLUTA TAL-MEMBRI TIEGĦU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-frekwenza tal-laqgħat, is-sejħiet u l-abbozz tal-aġenda

1.   Il-Kumitat Konsultattiv għandu jiltaqa’ tal-anqas darba fis-sena.

2.   Il-President għandu javża lil kull membru u membru supplenti bid-data tal-laqgħa mhux anqas minn erba’ ġimgħat qabel id-data tagħha. Huwa/hija għandu/ha fl-istess ħin jibgħatilhom/tibgħatilhom abbozz tal-aġenda li għandha tinkludi l-punti li jkunu se jiġu eżaminati. Huwa/hija għandu/ha fl-istess ħin, sakemm huwa possibbli, jagħmel/tagħmel id-dokumenti preparatorji disponibbli għalihom.

3.   F’każijiet ta’ urġenza, il-President jista’ jqassar il-perjodu ta’ erba’ ġimgħat imsemmi fil-paragrafu 2, imma fl-ebda każ ma għandu jibgħat l-avviż inqas minn ġimagħtejn qabel.

4.   Jekk tal-anqas terz tal-membri tal-Kumitat Konsultattiv jippreżentaw applikazzjoni bil-miktub, akkumpanjata minn proposti konkreti dwar l-aġenda, li l-kumitat Konsultattiv ikun sejjaħ, il-President għandu jaqbel mat-talba fi żmien tliet ġimgħat skont il-paragrafu 2.

5.   L-abbozz tal-aġenda għandu jinkludi suġġetti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kumitat Konsultattiv:

(a)

li jkunu proposti mill-President, jew

(b)

li għalihom tkun saret talba biex jiġu inklużi fl-abbozz tal-aġenda u fid-dokumentazzjoni rilevanti, ppreżentata minn wieħed jew iktar mill-membri, li tkun waslet f’forma miktuba għand il-President mhux anqas minn għaxart ijiem qabel id-data tal-laqgħa. F’dan il-każ, il-President irid, immedjatament, iressaq din it-talba għall-attenzjoni tal-membri l-oħra u l-membri supplenti tal-Kumitat Konsultattiv.

Artikolu 2

Il-post tal-laqgħat

Bħala regola ġenerali, il-Kumitat Konsultattiv u l-gruppi ta’ ħidma mwaqqfa skont l-Artikolu 9, għandhom jagħmlu l-laqgħat tagħhom fis-sede tal-Kummissjoni Ewropea.

Artikolu 3

L-aġenda

1.   Fil-bidu ta’ laqgħa, il-Kumitat Konsultattiv għandu japprova l-aġenda li għandha tikkonsisti fil-punti inklużi fl-abbozz tal-aġenda msemmi fl-Artikolu 1(5) u kull punt ieħor li jaqa’ fil-kompetenza tal-Kumitat Konsultattiv li jkun propost mill-President.

2.   Tul il-laqgħa, kull membru jista’ jipproponi li jiddaħħal punt fuq l-aġenda tal-laqgħa li jmiss. Fil-bidu tal-laqgħa ta’ wara, il-Kumitat Konsultattiv għandu jiddeċiedi għandux jinkludi l-punti proposti fuq l-aġenda.

Artikolu 4

Attendenza fil-laqgħat

Minbarra l-President u l-membri appuntati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, dawn il-persuni jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv:

(a)

membri supplenti appuntati skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004; dawn għandhom jipparteċipaw fil-proċedura msemmija fl-Artikoli 3, 5, 6, 7, u 12 biss fejn huma jissostitwixxu b’mod validu membru tal-Kumitat Konsultattiv;

(b)

il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea maħtura mill-President;

(c)

esperti oħra fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali mistiedna mill-President biex jagħtu parir lill-Kumitat Konsultattiv, inkluż il-koordinaturi tal-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali Ewropej.

Artikolu 5

Proċedimenti

1.   Il-preżenza tal-maġġoranza tal-membri jew tal-membri supplenti li jirrappreżentawhom b’mod validu għandha tifforma kworum, filwaqt li jitqies l-Artikolu 7.

2.   Il-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv m’għandhomx ikunu pubbliċi. Bi qbil mad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, il-Kumitat Konsultattiv jista’, b’maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu, jiddeċiedi li d-deliberazzjonijiet għandhom ikunu pubbliċi.

Artikolu 6

Il-maġġoranza meħtieġa, l-Adozzjoni tal-opinjonijiet u l-proposti u l-proċedura bil-miktub

1.   Minkejja l-Artikoli 5(2), 12 u t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-Artikolu preżenti, il-Kumitat Konsultattiv għandu jiddeċiedi b’maġġoranza assoluta tal-voti validi mitfugħa mill-membri jew mill-membri supplenti li jirrappreżentawhom b’mod validu. Dokumenti tal-vot li jitħallew vojta u astensjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala voti validi mitfugħa. Il-President m’għandux jivvota.

2.   L-opinjonijiet u l-proposti msemmija fl-Artikolu 75(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandhom, bħala regola ġenerali, jiġu mressqa waqt laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv.

Dawn għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati.

Iċ-ċifri tal-votazzjoni għandhom ikunu ddikjarati f’kull opinjoni jew proposta mogħtija mill-Kumitat. L-opinjoni jew il-proposta għandha tkun akkumpanjata bi stqarrija bil-miktub tal-opinjonijiet tal-minoranza, meta din tal-aħħar titlob hekk.

L-opinjonijiet u l-proposti għandhom jiġu mressqa quddiem il-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Kordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali u l-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat Konsultattiv.

3.   Il-Kumitat Konsultattiv jista’ jadotta opinjoni jew proposta u deċiżjonijiet oħra bl-użu ta’ proċedura bil-miktub jekk kemm-il darba jkun hemm qbil dwar din il-proċedura bil-miktub f’laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv qabel.

Għal dan il-għan, il-President għandu jikkomunika t-test li għandu jiġi adottat lill-membri tal-Kumitat Konsultattiv. Il-membri għandhom jingħataw limitu fiss ta’ żmien ta’ mill-anqas għaxart ijiem ta’ xogħol li fih il-membri għandu jkollhom il-possibilità li jistqarru li ma jaċċettawx it-test propost jew jastjenu mill-vot. Nuqqas ta’ tweġiba fil-limitu ta’ żmien fiss titqies bħala vot fl-affermattiv.

Il-President, wara li jiskadi l-limitu ta’ żmien, għandu jinforma lill-membri dwar ir-riżultat tal-vot. Opinjoni, proposta jew xi deċiżjoni oħra li jirċievu l-voti fl-affermattiv tal-maġġoranza assoluta tal-membri tal-Kumitat Konsultattiv għandhom jitqiesu bħala adottati fl-aħħar ġurnata stipulata għall-perjodu li fih il-membri kienu mistennija jirrispondu.

Artikolu 7

Sostituzzjoni ta’ membru permezz ta’ persuna oħra minbarra s-sostitut tiegħu/tagħha

1.   Membru li ma jkunx jista’ jattendi xi laqgħa u li ma jistax jirranġa mas-sostitut tiegħu/tagħha biex joħodlu/joħdilha postu/ha, jista’ jawtorizza lil xi membru ieħor jew membru supplenti ieħor fil-kategorija tiegħu/tagħha biex jivvota f’ismu/isimha. Membri li jkunu se jagħmlu dan iridu jinfurmaw lill-President bil-miktub qabel il-laqgħa.

2.   La l-membri u lanqas il-membri supplenti ma jistgħu jingħataw aktar minn vot ta’ prokura wieħed.

3.   Vot ta’ prokura huwa validu biss għal-laqgħa li jkun ingħata għaliha.

Artikolu 8

Il-minuti tal-laqgħa

1.   Il-minuti tad-diskussjoni dwar kull punt fuq l-aġenda u dwar l-opinjonijiet, il-proposti u r-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Kumitat Konsultattiv għandhom ikunu sinifikattivi u kompluti. Il-minuti għandhom jitħejjew mis-Segretarjat taħt ir-responsabbilità tal-President.

2.   Il-minuti għandhom jinkludu wkoll lista ta’ dawk preżenti, li tispeċifika, fejn xieraq, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet jew l-entitajiet pubbliċi oħra li għalihom jappartjenu l-parteċipanti.

3.   Il-Kumitat Konsultattiv għandu japprova l-minuti.

4.   Il-minuti għandhom ikunu ppreżentati għall-approvazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv biss jekk ikun intbagħat abbozz lill-membri u lill-membri supplenti tal-anqas ħmistax-il ġurnata qabel id-data prevista tal-laqgħa. Jekk dan id-dokument ma jkunx intbagħat fil-ħin, għandu jinżamm għall-approvazzjoni sal-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv li jmiss.

5.   Il-mozzjonijiet għall-emendi tal-abbozz tal-minuti għandhom jitressqu bil-miktub mhux aktar tard mill-ftuħ tal-laqgħa li fiha għandhom jiġu approvati.

Artikolu 9

Gruppi ta’ ħidma

1.   Il-Kumitat jista’ jwaqqaf gruppi ta’ ħidma għal xi xogħlijiet speċifiċi. Jista’ wkoll itemm dawn il-gruppi ta’ ħidma jekk jara li hemm il-bżonn.

2.   Il-membri tal-gruppi ta’ ħidma għandhom jiġu appuntati mill-Kumitat Konsultattiv.

Meta jkun qiegħed jagħżel ir-rappreżentanti tat-trejdjunjins u tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, il-Kumitat Konsultattiv għandu jipprova jikseb rappreżentazzjoni ġusta tas-setturi varji kkonċernati fil-gruppi ta’ ħidma.

3.   Il-presidenza tal-gruppi ta’ ħidma għandha tkun f’idejn il-President tal-Kumitat Konsultattiv jew il-persuna appuntata minnu/minnha.

4.   Il-President ta’ grupp ta’ ħidma jista’ jistieden esperti biex jattendu l-laqgħat, jew fuq l-inizjattiva tiegħu/tagħha jew fuq talba ta’ wieħed jew aktar mill-membri tal-grupp ta’ ħidma.

5.   Id-dokumenti neċessarji għall-proċedimenti tal-grupp ta’ ħidma għandhom ikunu disponibbli għall-membri u għall-membri supplenti kollha tal-Kumitat Konsultattiv.

Artikolu 10

Segretarjat

1.   Id-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni għandu jipprovdi s-Segretarjat għall-Kumitat Konsultattiv. Is-Segretarjat għandu jorganizza x-xogħol tal-Kumitat Konsultattiv u tal-gruppi ta’ ħidma taħt is-superviżjoni tal-President, u għandu jassisti fil-preparazzjoni tal-abbozz tal-opinjonijiet u l-proposti.

2.   Il-korrispondenza maħsuba għall-Kumitat Konsultattiv, għall-gruppi ta’ ħidma u għas-Segretarjat għandha tiġi indirizzata lill-indirizz elettroniku għal dan l-għan (empl-ss-advisory-committee@ec.europa.eu) fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni.

Artikolu 11

Trasparenza

1.   Il-Kumitat Konsultattiv u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti.

2.   It-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza.

3.   Is-Segretarjat għandu jagħmel id-dokumenti rilevanti kollha, inkluż l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, disponibbli fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti jew inkella permezz ta’ ħolqa mir-Reġistru għal sit web apposta, fejn wieħed ikun jista’ jsib dan it-tagħrif. L-aċċess għal siti web speċifiċi m’għandux ikun soġġett għar-reġistrazzjoni tal-utent jew xi restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, is-Segretarjat għandu jippubblika l-aġenda u d-dokumenti ta’ sfond rilevanti oħra fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti mill-pubblikazzjoni tal-minuti approvati. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom jiġu previsti biss meta jitqies li l-iżvelar ta’ dokument idgħajjef il-protezzjoni tal-interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (3).

4.   Applikazzjonijiet għall-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-grupp għandhom jiġu ttrattati skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

Artikolu 12

Id-dħul fis-seħħ, ir-reviżjoni u r-revoka

1.   Dawn ir-regoli ta’ proċedura għandhom jidħlu fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħhom minn maġġoranza assoluta tal-membri tal-Kumitat Konsultattiv.

Għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Kumitat Konsultattiv għandu jiddeċiedi dwar ir-reviżjoni tar-regoli ta’ proċedura permezz ta’ maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu.

3.   Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konsultattiv tat-22 ta’ Ottubru 2010 huma rrevokati b’effett mid-data msemmija fil-paragrafu 1.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Konsultattiv

Jordi CURELL GOTOR


(1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1368/2014 tas-17 ta’ Diċembru 2014 (ĠU L 366, 20.12.2014, p. 15).

(2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


Top