Choisissez les fonctionnalités expérimentales que vous souhaitez essayer

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 62016CN0408

Kawża C-408/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel București (ir-Rumanija) fil-21 ta’ Lulju 2016 – Compania Națională de Autostrăzi și Drumuri Naționale din România SA vs Ministerul Fondurilor Europene — Direcția generală managementul fondurilor externe

ĠU C 383, 17.10.2016, p. 3-4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/3


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel București (ir-Rumanija) fil-21 ta’ Lulju 2016 – Compania Națională de Autostrăzi și Drumuri Naționale din România SA vs Ministerul Fondurilor Europene — Direcția generală managementul fondurilor externe

(Kawża C-408/16)

(2016/C 383/04)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel București

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Compania Națională de Autostrăzi și Drumuri Naționale din România SA

Konvenut: Ministerul Fondurilor Europene — Direcția generală managementul fondurilor externe

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/18/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru li ma jikkonformax ruħu, wara l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea, mad-direttiva inkwistjoni sa fejn jibbenefika minn kuntratt ta’ finanzjament konkluż mal-Bank Ewropew tal-Investiment, qabel l-adeżjoni, li abbażi tiegħu l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi japplikaw il-kriterji speċifiċi imposti mill-entità li tipprovdi l-finanzjament, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, li huma iktar restrittivi minn dawk previsti mid-direttiva?

2)

Id-Direttiva 2004/18/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-eżistenza ta’ att leġiżlattiv ta’ dritt intern, bħalma huwa d-digriet ta’ emerġenza tal-Gvern Nru 72/2007, li tipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-gwida ta’ għoti ta’ kuntratti tal-Bank Ewropew tal-Investiment japplikaw b’deroga għall-att leġiżlattiv li jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali, f’dan il-każ id-digriet ta’ emerġenza tal-Gvern Nru 34/2006, għal raġunijiet bħal dawk indikati fin-nota ta’ informazzjoni, sabiex jiġi osservat il-kuntratt ta’ finanzjament konkluż qabel l-adeżjoni?

3)

Fir-rigwad tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(5) u tal-Artikolu 60(a) tar-Regolament Nru 1083/2006 (2), proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku organizzata skont id-dispożizzjonijiet tal-gwida ta’ għoti ta’ kuntratti tal-Bank Ewropew tal-Investiment u skont d-dritt intern tista’ titiqes li hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u eliġibbli għal finanzjament Ewropew mhux rimborsabbli, mogħti retroattivament?

4)

Jekk id-domanda preċedenti tingaħta risposta negattiva, fil-każ ta’ kuntratt iddikjarat konformi mar-rekwiżiti tal-programm operattiv settorali “Transport” 2007-2013, tali preżunzjoni ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi (stabbiliment ta’ kriterji ta’ pre-kwalifikazzjoni tal-offerenti bħal dawk previsti fil-gwida ta’ għoti ta’ kuntratti tal-Bank Ewropew tal-Investiment, iktar restrittivi minn dawk previsti fid-Direttiva 2004/18 (ippreżentati fid-dettall fil-punti 12 sa 14 ta’ dan ir-rinviju) jikkostitwixxu “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, li joħloq obbligu fuq l-Istat Membru inkwistjoni li jimponi korrezzjoni finanzjarja/tnaqqis tal-perċentwali skont l-Artikolu 98(2) tal-imsemmi regolament?


(1)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)

(2)  Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25).


Haut