EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0326

Kawża C-326/16 P: Appell ippreżentat fid-9 ta’ Lulju 2016 minn LL mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fid-19 ta’ April 2016 fil-Kawża T-615/15, LL vs Il-Parlament Ewropew

ĠU C 343, 19.9.2016, p. 25–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 343/25


Appell ippreżentat fid-9 ta’ Lulju 2016 minn LL mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fid-19 ta’ April 2016 fil-Kawża T-615/15, LL vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-326/16 P)

(2016/C 343/38)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Appellant: LL (rappreżentant: J. Petrulionis, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Is-Seba’ Awla), tad-19 ta’ April 2016 fil-Kawża T-615/15, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għall-annullament tar-rikorrent, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni D(2014) 15503 tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tas-17 ta’ April 2014, li permezz tagħha ntalab iħallas lura l-allowance għall-assistenza parlamentari mħallsa lilu indebitament, u t-tieni nett, tan-Nota ta’ Debitu Nru 2014-575, tal-5 ta’ Mejju 2014;

tibgħat il-kawża lura għal eżami mill-ġdid.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames aggravji.

1.

Meta ħarġet id-digriet, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ma eżaminatx u ma evalwatx fil-fond, b’mod korrett, b’mod komprensiv u b’mod oġġettiv l-evidenza bil-miktub kollha ppreżentata flimkien mar-rikors li kienet ta’ rilevanza sabiex b’mod xieraq u korrett jiġi stabbilit it-terminu għal preżentata ta’ rikors, u għaldaqstant insiltu konklużjonijiet kuntrarji għall-materjal fil-proċess u għad-dispożizzjonijiet legali speċifikati fl-appell, inter alia, li “[l]-azzjoni tressqet iktar minn 17-il xahar wara dik l-aħħar ġurnata”, “[…] ir-rikorrent ma stabbilixxiex u lanqas biss għamel riferiment għall-eżistenza ta’ […] ċirkustanzi li jippermettu deroga mit-terminu inkwistjoni abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […]” u “[…] l-azzjoni għandha tkun miċħuda bħala manifestament inammissibbli minħabba t-tardività tagħha […]”.

2.

Fid-digriet, il-Qorti Ġenerali ma applikatx l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif xieraq, u minbarra dan kisret l-Artikolu 72 tal-Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew u evalwat b’mod inkorrett il-possibbiltajiet li jiġi applikat l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea:

peress li l-appellant, bħala ex Membru tal-Parlament Ewropew, ma qabilx mad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew (u man-nota ta’ debitu adottata abbażi tagħha) u kkunsidra li kienet infondata, huwa eżerċita d-dritt tiegħu u ssodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 72 tal-Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, billi ssottometta lment dwar id-deċiżjoni, l-ewwel lill-Kwesturi u sussegwentement lill-Bureau u lill-President tal-Parlament Ewropew;

kien biss wara, meta fl-10 ta’ Settembru 2015 l-appellant irċieva posta elettronika minn rappreżentant tal-Parlament Ewropew u flimkien magħha, fost dokumenti oħra, ittra finali Nru 311354, tas-26 ta’ Ġunju 2015, mingħand il-President tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 72(3) tal-Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, li tnissel id-dritt tal-appellant sabiex iressaq azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew u tan-nota ta’ debitu adottata abbażi tagħha;

kien speċifikament fil-jum li fih ġiet riċevuta l-ittra finali Nru 311354, tas-26 ta’ Ġunju 2015 mill-President tal-Parlament Ewropew skont l-Artrikolu 72(3) tal-Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, jiġifieri fl-10 ta’ Settembru 2015, li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, beda jiddekorri l-perijodu ta’ xahrejn fejn l-appellant seta’ jibda proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew u tan-nota ta’ debitu adottata abbażi tagħha;

fid-dawl ta’ dan u skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-perijodu sabiex jinbdew proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali ġie fi tmiemu fl-10 ta’ Diċembru 2015. Ir-rikors wasal għand ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Novembru 2015. Dan ifisser li l-perijodu ta’ xahrejn sabiex jinbdew proċeduri, stabbilit fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma nkisirx u tali azzjoni ma tressqitx “tard”;

fid-digriet, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma evalwat id-dokumenti u ċ-ċirkustanzi li sar riferiment għalihom, jew id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 72 tal-Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, dispożizzjonijiet li l-appellant osserva u li abbażi tagħhom huwa ressaq ilment kontra d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew u kontra n-nota ta’ debitu taħt proċedura prekontenzjuża;

permezz tad-digriet, il-Qorti Ġenerali mhux biss kisret id-drittijiet u l-interessi tal-appellant, iżda wkoll applikat l-Artikolu 263 TFUE b’mod inkorrett, u barra minn hekk kisret l-Artikolu 72 tal-Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew;

barra minn hekk, fid-digriet il-Qorti Ġenerali b’mod inkorrett u infondat ikkonkludiet li ma kien hemm ebda possibbiltà sabiex l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġi applikat. L-implementazzjoni tal-proċedura għal eżami prekontenzjuż tat-tilwima, il-kondotta attiva, bir-reqqa, attentiva u b’sens ta’ kuxjenza tal-appellant, iż-żmien li fih id-dokumenti ġew riċevuti u ċirkustanzi oħra jikkonfermaw li fil-każ ineżami, anki kieku kellu jiġi deċiż li l-perijodu sabiex jinbdew il-proċeduri kien inqabeż, il-perijodu jkollu jiġġedded, għaliex ikun inqabeż għal raġunijiet importanti, oġġettivi u ġustifikabbli, jiġifieri osservanza tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 72 tal-Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja). L-appellant ma setax ikun jaf li osservanza tal-proċedura obbligatorja stabbilita fl-Artikolu 72 tal-Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew tista’ tfisser li dan jitlef id-dritt tiegħu li jibda proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja). Għandu jiġi osservat li fir-rikors, l-appellant iktar tard qajjem il-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjonijiet tal-Kwesturi u tal-Bureau tal-Parlament Ewropew adottati skont l-Artikolu 72 tal-Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew kinux fondati u legali.

3.

Fid-digriet, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat applikat l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u fuq dik il-bażi, permezz tad-digriet iddeċidiet li ma tiħux passi ulterjuri fil-proċeduri u li tiċħad ir-rikors;

fid-digriet, il-Qorti Ġenerali bbażat l-applikazzjoni tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha fuq is-sempliċi fatt u raġuni li l-proċeduri nbdew tard, jiġifieri wara li l-perijodu stabbilit fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE skada;

fir-rikors intwera li l-perijodu stabbilit fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jinbdew proċeduri ma kienx skada, u għaldaqstant permezz tad-digriet il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat u illegali ċaħdet ir-rikors abbażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha;

fil-każ ineżami, il-bażi u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali huma nieqsa. Ir-rikors ġie ppreżentat qabel ma l-perijodu stabbilit fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE skada u għaldaqstant ma jistax jitqies manifestament inammissibbli. Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha billi applikatu b’mod żbaljat u illegali.

4.

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali kiser id-dritt tal-appellant għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, stabbilit fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamnentali tal-Unjoni Ewropea, għaliex permezz tad-digriet il-Qorti Ġenerali b’mod illegali u żbaljat ċaħdet ir-rikors abbażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha bħala manifestament inammissibbli għar-raġuni li dan allegatament tressaq tard u ma eżaminatx ir-rikors, u l-argumenti u l-pretensjonijiet imniżżla fih, fuq il-mertu.

5.

Permezz tad-digriet, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li l-appellant kellu jbati l-ispejjeż tiegħu stess quddiem il-Qorti Ġenerali (Artikolu 133 u Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali):

Permezz tad-digriet, il-Qorti Ġenerali bi żball ċaħdet ir-rikors abbażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, u għaldaqstant b’mod żbaljat ukoll hija ddeċidiet li l-appellant kellu jbati l-ispejjeż tiegħu stess quddiem il-Qorti Ġenerali. Wara li d-digriet tal-Qorti Ġenerali jiġi annullat u l-kawża mibgħuta lura lill-qorti tal-ewwel istanza għal eżami mill-ġdid, il-kwistjoni tat-tqassim tal-ispejjeż għandha tiġi ddeterminata mill-ġdid permezz tad-deċiżjoni finali tal-Qorti Ġenerali, u, jekk ir-rikors jintlaqa’, il-konvenut, jiġifieri l-Parlament Ewropew, ikollu jiġi ordnat iħallas lill-appellant l-ispejjeż kollha sostnuti minnu (Artikolu 133 u Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali).


Top