EUR-Lex Der Zugang zum EU-Recht

Zurück zur EUR-Lex-Startseite

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 32016H0818(14)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Awstrija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tal-Awstrija

ĠU C 299, 18.8.2016, S. 57–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/57


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Lulju 2016

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Awstrija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tal-Awstrija

(2016/C 299/14)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17–18 ta' Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija identifikat lill-Awstrija bħala wieħed mill-Istati Membri li fir-rigward tiegħu kellha ssir analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Din ir-Rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-18-19 ta' Frar 2016 u adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Marzu 2016 (3). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, l-Awstrija għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tar-Rakkomandazzjoni.

(2)

Ir-rapport għal kull pajjiż tal-2016 għall-Awstrija ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Huwa evalwa l-progress li għamlet l-Awstrija biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottat mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress li għamlet l-Awstrija lejn il-miri nazzjonali tagħha ta' Ewropa 2020. Dan inkluda wkoll analiżi fil-fond taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Fit-8 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-analiżi fil-fond. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha għall-konklużjoni li l-Awstrija mhix għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi.

(3)

Fis-26 ta' April 2016, l-Awstrija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tagħha u fis-27 ta' April 2016 ippreżentat il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(4)

Fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perijodu 2014-2020 ġew indirizzati rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew ma' governanza ekonomika tajba.

(5)

Il-Programm ta' Stabbiltà jindika li l-impatt baġitarju tal-influss eċċezzjonali ta' refuġjati huwa sinifikanti u jipprovdi biżżejjed evidenza tal-ambitu u n-natura ta' dawn il-kostijiet baġitarji addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, in-nefqa addizzjonali eliġibbli kienet tammonta għal 0,09 % tal-PDG fl-2015 u bħalissa hija stmata fil-livell ta' 0,26 % tal-PDG tal-2016. Dawn l-ammonti jirrappreżentaw reviżjoni 'l fuq għar-rigward tal-istimi pprovduti fl-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2016, li ppreveda nefqa addizzjonali ta' madwar 0,08 % tal-PDG u ta' 0,16 % tal-PDG fl-2015 u fl-2016, rispettivament. Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru din in-nefqa addizzjonali, fis-sens li l-influss tar-refuġjati huwa avveniment eċċezzjonali, l-impatt tiegħu fuq il-finanzi pubbliċi tal-Awstrija huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tkunx kompromessa jekk titħalla devjazzjoni mill-pjan ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju. Fl-2015, peress li l-Awstrija kienet laħqet l-objettiv baġitarju ta' terminu medju, hija ma għamlitx użu mid-devjazzjoni temporanja possibbli. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-Awstrija tiġi konċessal-istess devjazzjoni temporanja bħall-pajjiżi li għadhom ma laħqux l-objettiv baġitarju ta' terminu medju, l-Awstrija ser tingħata konċessjoni li tiddevja mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju tagħha fl-2016 u fl-2017 bl-ammont meqjus eliġibbli għall-2015. Għar-rigward ta' devjazzjoni addizzjonali possibbli fl-2016, fir-rebbiegħa tal-2017 issir valutazzjoni finali, inkluż dwar l-ammonti eliġibbli, abbażi tad-data li tiġi osservata kif ipprovduta mill-awtoritajiet Awstrijaki.

(6)

Bħalissa, l-Awstrija tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u soġġetta għar-regola tranżizzjonali tad-dejn. Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tiegħu, il-Gvern qiegħed jistenna li d-defiċit nominali jmur lura għal 1,6 % tal-PDG fl-2016, u mbagħad jitjieb gradwalment għal 0,4 % tal-PDG fl-2020. L-objettiv baġitarju ta' terminu medju — defiċit strutturali ta' 0,45 % tal-PDG sal-2016 u rivedut biex isir defiċit strutturali ta' 0,5 % tal-PDG mill-2017 'l quddiem — mistenni li jintlaħaq mill-2018 'l quddiem. Madankollu, abbażi tal-bilanċ strutturali rikalkulat, l-objettiv baġitarju ta' terminu medju mhux ser jintlaħaq qabel l-2019. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG huwa mistenni li jkun laħaq il-livell massimu tiegħu ta' 86,2 % fl-2015 u li jonqos gradwalment għal 76,6 % fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri ippjanati tad-defiċit mill-2017 ''il quddiem għadhom ma ġewx speċifikati biżżejjed. Abbażi tal-previżjonijiet tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, jeżisti r-riskju ta' xi devjazzjoni fl-2016. Madankollu, jekk l-impatt addizzjonali tal-influss eċċezzjonali ta' refuġjati li huwa previst bħalissa għall-2016 jiġi wkoll eskluż mill-valutazzjoni, l-Awstrija tkun mistennija li tiġi konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2016. Mingħajr tibdil fil-politika, jeżisti r-riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament irrakkomandat fl-2017. Madankollu, id-devjazzjoni prevista fl-2017 ma tkunx għadha sinifikanti wara li titqies il-varjazzjoni ulterjuri marbuta mal-impatt baġitarju tal-influss eċċezzjonali ta' refuġjati possibbilment mogħtija għall-2016. L-Awstrija hija prevista li tkun konformi mar-regola tranżitorja tad-dejn fl-2016 u, wara t-tmien tal-perijodu tranżitorju, mal-valur referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u filwaqt li titqies il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hemm riskju li l-Awstrija ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Għalhekk, ser ikun hemm bżonn miżuri ulterjuri biex tiġi ggarantita l-konformità fl-2016 u l-2017.

(7)

L-effett baġitarju tar-riforma fir-regoli tat-taxxa li saret dan l-aħħar għadha tirrappreżenta ċertu element ta' inċertezza. Meta jittieħdu miżuri biex jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minkejja riformi reċenti, il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol għadu għoli u l-Awstrija għandha porzjon għoli tat-taxxa f'paragun ma' pajjiżi oħra Ewropej. Sadanittant, sorsi oħra ta' tassazzjoni, aktar favorevoli għat-tkabbir, li jippermettu tnaqqis tal-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol, ma humiex użati biżżejjed. It-teħid ta' passi biex jitnaqqas il-piż tat-taxxi fuq ix-xogħol billi l-piż jiġi trasferit lejn sorsi oħra anqas ta' dannu għat-tkabbir ikun ta' għajnuna biex tiġi indirizzata din il-problema.

(8)

Fl-2015, ir-rata tal-impjieg tal-persuni bejn il-55 u l-64 sena kienet ta' 46,3 % (il-medja tal-UE: 53,3 %) u kienet fid-19-il post meta mqabbla ma' Stati Membri oħra. Miżuri addizzjonali biex tiżdied l-età effettiva tal-irtirar ilhom fis-seħħ sa mill-2014 u kellhom xi effett. Għad irid jidher kemm dawn il-miżuri jistgħu jdawru x-xejra li biha l-età effettiva tal-irtirar fl-Awstrija għadha lura meta mqabbel mal-medja fl-Unjoni fuq perijodu medju ta' żmien. Barra minn hekk, il-perijodu tal-irtirar qiegħed jiżdied minħabba stennija tal-għomor itwal. L-età statutorja tal-irtirar għan-nisa ser tiżdied u ser tiġi allinjata biss gradwalment ma' dik tal-irġiel, f'perijodu li jibda mill-2024 u jintemm fl-2033. Fl-Awstrija, l-età statutorja tal-pensjoni mhijiex marbuta ma' żieda fl-istennija tal-għomor. Il-Kummissjoni tistma li, fl-2040, in-nefqa fuq il-pensjonijiet ser tiżdied b'0,8 % tal-PDG meta mqabbel mal-2013. Għat-tul (2060), l-infiq fuq il-pensjonijiet huwa mistenni jiżdied b'0,5 % tal-PDG. B'mod simili, in-nefqa fuq il-kura tas-saħħa mistennija li tiżdied bejn l-2013 u l-2040 b'1 % tal-PDG u b'1,3 % tal-PDG fl-2060. Dan, flimkien maż-żieda mbassra fin-nefqa fuq is-saħħa u l-kura fit-tul, jikkwalifika bħala riskju medju għas-sostenibbiltà fiskali tal-Awstrija.

(9)

L-arranġamenti fiskali bejn is-saffi differenti tal-gvern (il-livell federali, statali u lokali) huma kumplessi u r-responsabbiltajiet ta' dħul u nfiq f'ħafna oqsma mhumiex allinjati, bħal fil-każ tas-saħħa. Filwaqt li, skont id-data tal-OECD tal-2014, il-gvernijiet subnazzjonali għandhom responsabbiltà politika li tammonta għal infiq tal-amministrazzjoni pubblika ta' 16 % tal-PDG, is-sehem tat-taxxi subnazzjonali huwa ta' madwar 2 % tal-PDG biss. Dawn il-kumplessitajiet għandhom piż finanzjarju għoli, u jistgħu jnaqqsu d-dixxiplina baġitarja. L-allokazzjoni ta' introjti bejn it-tliet livelli ta' gvern bħalissa qiegħda tiġi nnegozjata għall-perijodu li jibda fl-2017, u b'hekk din hija opportunità biex tiġi diskussa din il-kwistjoni.

(10)

Tradizzjonalment l-Awstrija għandha waħda mill-aktar rati baxxi ta' qgħad fl-Unjoni. Madankollu, din kienet qiegħda tiżdied sa mill-2011 u laħqet 5,7 % fl-2015. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija baxxa wkoll: 10,6 % tal-persuni attivi bejn il-15 u l-24 sena fl-2015. L-Awstrija għandha wkoll rata għolja tal-impjieg. Madankollu, filwaqt li r-rata tal-impjieg fost in-nisa hija ta' 70,2 %, ogħla mill-medja tal-UE, proporzjon relattivament kbir tan-nisa jaħdmu part-time, minħabba l-obbligi tagħhom tal-kura tat-tfal jew il-kura tal-anzjani. Dan jikkontribwixxi għal wieħed mill-ogħla distakki fil-ħlas fl-Unjoni kif ukoll għal distakk kbir fil-pensjonijiet bejn is-sessi. Fir-rigward ta' ħaddiema aktar avvanzati fl-età (bejn il-55 u l-64 sena), ir-rata tal-impjiegi hija taħt il-medja tal-UE.

(11)

L-Awstrija diġà qabżet il-miri nazzjonali tagħha ta' Ewropa 2020 fejn tidħol l-edukazzjoni. Fl-2015, ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola kienet ta' 7,3 % u ta' dawk li jilħqu l-edukazzjoni terzjarja kienet ta' 38,7 %. Madankollu, ir-riżultati fl-edukazzjoni jiddependu ħafna fuq l-isfond soċjoekonomiku. Il-mobbiltà bejn il-ġenerazzjonijiet fl-edukazzjoni hija fost l-anqas minn fost il-pajjiżi kollha tal-OECD li għalihom hija disponibbli d-data. Ir-rata ta' tluq bikri mill-iskola fost studenti bi sfond ta' migrazzjoni hija aktar minn tliet darbiet ogħla minn dik fost dawk mingħajr sfond ta' migrazzjoni, u hemm sfida addizzjonali biex jiġu integrati r-refuġjati żgħażagħ u l-migranti tal-età li jattendu l-iskola obbligatorja, u ogħla, fis-sistema edukattiva u ta' taħriġ.

(12)

Filwaqt li hemm sfidi għall-banek Awstrijaċi kemm fis-suq domestiku kif ukoll f'dak barra mill-pajjiż, l-azzjoni ta' superviżjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew għenet biex jiġi indirizzat id-deterjorament fil-kwalità tal-assi fl-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u tax-Xlokk. Rigward ir-ristrutturar u l-istralċ ta' istituzzjonijiet finanzjarji f'diffikultà, ir-riskji fiskali diġà ġew ikkunsidrati fil-kontijiet tal-gvern. Filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li jkun hemm aktar riskji, dawn jidhru li huma limitati għal kwistjonijiet ta' legat fil-każ ta' ftit istituzzjonijiet speċifiċi.

(13)

L-Awstrija għandha rata ta' investiment ogħla mill-medja tal-UE għall-komponenti kollha tal-PDG, ħlief għad-djar. Madankollu, l-investiment fl-Awstrija kien dgħajjef sa mill-2012, minkejja l-likwidità solida tal-kumpanniji u kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli. Sabiex jiġu stimulati l-investiment u t-tkabbir, għandhom jitneħħew il-kumplessitajiet amministrattivi u l-ostakli. Pereżempju, l-ostakli regolatorji u l-piż amministrattiv fil-qasam tal-provvista tas-servizzi ma jwasslux għall-ftuħ ta' negozji ġodda. Fir-rigward ta' ostakli għall-istabbiliment ta' kumpanniji interdixxiplinari, kif jissemma fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2015, l-Awstrija bdiet tikkunsidra titjib, iżda għadhom ma ttieħdu l-ebda deċiżjonijiet. Fis-servizzi għan-negozji, l-isfidi partikolari jirriżultaw mir-rekwiżiti restrittivi amministrattivi u, fir-rigward ta' ċerti professjonijiet, minn restrizzjonijiet fuq il-forma ġuridika u l-parteċipazzjoni azzjonarja li twassal għal dinamika tas-suq kajmana u tkabbir negattiv fil-produttività. Il-pjan ta' azzjoni ppreżentat mill-Awstrija bħala riżultat tal-valutazzjoni reċiproka dwar l-aċċess għall-professjonijiet regolati, u l-prattika tagħhom, jipproponi biss għadd limitat ta' azzjonijiet, filwaqt li hemm lok ċar għal proposti aktar ambizzjużi.

(14)

L-influss qawwi ta' refuġjati li kien hemm fl-aħħar sena kellu għadd ta' konsegwenzi soċjali u ekonomiċi għall-Awstrija. Filwaqt li, fuq perijodu qasir, l-influss tar-refuġjati mistenni li jżid in-nefqa pubblika u li joħloq domanda domestika addizzjonali, biex b'hekk jiżdied il-PDG, l-effett fuq terminu medju fuq l-impjiegi u t-tkabbir idur fuq l-integrazzjoni b'suċċess tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà, inkluż permezz ta' sostenn edukattiv. Din il-kwistjoni hija fuq nett fl-aġenda politika kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri, u ser isir monitoraġġ fuqha u ser tiġi analizzata fid-dettall, inkluż fir-rapport tal-pajjiż tal-2017.

(15)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Awstrija u ippubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Awstrija fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Bulgarija imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (3) ta' hawn taħt.

(16)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (5) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Awstrija tieħu azzjoni fl-2016 u l-2017 biex:

1.

Tiżgura li d-devjazzjoni mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2016 u l-2017 ikun limitat għall-varjazzjoni marbuta mal-impatt baġitarju tal-influss eċċezzjonali ta' refuġjati fl-2015, u li għal dan l-effett tikseb aġġustament fiskali ta' 0,3 % tal-PDG fl-2017, sakemm l-objettiv baġitarju ta' terminu medju ma jkunx jista' jintlaħaq b'anqas sforz. Tiżgura s-sostenibbiltà tas-sistema tal-kura tas-saħħa, u tas-sistema tal-pensjoni billi torbot l-età statutorja tal-pensjoni mal-istennija tal-għomor. Tissimplifika u tirrazzjonalizza r-relazzjonijiet u r-responsabilitajiet fiskali bejn is-saffi diversi tal-gvern.

2.

Ittejjeb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa. Tieħu passi biex ittejjeb ir-riżultati edukattivi taż-żgħażagħ żvantaġġati, b'mod partikolari dawk bi sfond ta' migrazzjoni.

3.

Tnaqqas, fil-qasam tas-servizzi, l-ostakli amministrattivi u regolatorji għall-investimenti, bħalma huma r-rekwiżiti restrittivi ta' awtorizzazzjoni u r-restrizzjonijiet fuq il-forma ġuridika u l-parteċipazzjoni azzjonarja, u l-impedimenti fuq l-istabbiliment ta' kumpanniji interdixxiplinari.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽIMÍR


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  ĠU C 96, 11.3.2016, p. 1

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


nach oben