Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0136

Kawża C-136/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (Il-Portugall) fis-7 ta’ Marzu 2016 – Sociedade Metropolitana de Desenvolvimento SA vs Banco Santander Totta SA

ĠU C 165, 10.5.2016, pp. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 165/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (Il-Portugall) fis-7 ta’ Marzu 2016 – Sociedade Metropolitana de Desenvolvimento SA vs Banco Santander Totta SA

(Kawża C-136/16)

(2016/C 165/13)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Supremo Tribunal de Justiça

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sociedade Metropolitana de Desenvolvimento SA

Konvenut: Banco Santander Totta SA

Domandi preliminari

1)

F’tilwima bejn żewġ impriżi nazzjonali ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ kuntratti, l-eżistenza f’tali kuntratti ta’ klawżoli ta’ ġurisdizzjoni favur Stat Membru ieħor jikkostitwixxi element ta’ natura barranija li huwa suffiċjenti sabiex jingħata lok għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 44/2001 (1) u (UE) Nru 1251/2012 (2) għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, jew huwa neċessarju li tiġi vverifikata wkoll l-eżistenza ta’ elementi oħra ta’ natura barranija?

2)

L-applikazzjoni tal-ftehim dwar ġurisdizzjoni tista’ tiġi eskluża jekk l-għażla ta’ qrati ta’ Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tal-partijiet toħloq inkonvenjenti serji għal waħda minnhom mingħajr ma jkun jeżisti interess validu tal-parti l-oħra li jiġġustifika din l-għażla?

Fil-każ fejn jiġi konkluż li huma neċessarji elementi oħra ta’ natura barranija minbarra l-ftehim dwar ġurisdizzjoni:

3)

Il-kuntratti ta’ swap konklużi bejn SMD u Banco Santander Totta għandhom elementi ta’ natura barranija suffiċjenti sabiex jingħata lok għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 44/2001 u (UE) Nru 1215/2012 għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali għad-deċiżjoni tat-tilwim li jirrigwardahom meta:

a)

Dawn l-entitajiet huma rreġistrati fi Stat Membru, il-Portugall, ikkonkludew fil-Portugall żewġ kuntratti ta’ swap komposti minn ISDA Master Agreements u żewġ konfermi, innegozjati mir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira li kien qiegħed jirrappreżenta lil SMD;

b)

F’din in-negozzjazzjoni, ir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira, assistit minn Banco BPI, S.A., u minn kumpannija ta’ avukati, stieden lil iktar minn bank internazzjonali wieħed sabiex jippreżentaw proposti, fejn wieħed mill-banek mistiedna kien JPMorgan;

c)

Banco Santander Totta, S.A., huwa 100 % miżmum minn Banco Santander, u huwa ddomiċiljat fi Spanja;

d)

Banco Santander Totta, S.A., aġixxa fil-kapaċità tiegħu bħala bank internazzjonali, b’sussidjarji f’varji Stati Membri, u taħt l-isem kummerċjali uniku Santander;

e)

Banco Santander Totta, S.A., ġie kkunsidrat fl-ISDA Master Agreement bħala Multibranch Party, fejn jista’ jwettaq jew jirċievi pagamenti fi kwalunkwe tranżazzjoni permezz tas-sussidjarji tiegħu f’Londra jew fil-Lussemburgu;

f)

Skont l-ISDA Master Agreement magħmul, il-partijiet jistgħu, f’każijiet speċifiċi, jittrasferixxu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom favur uffiċċji ta’ rappreżentanza jew sussidjarji oħrajn;

g)

Il-partijiet fil-kuntratti ta’ swap għażlu l-liġi Ingliża bħala dik applikabbli u kkonkludew ftehim ta’ ġurisdizzjoni fejn taw ġurisdizzjoni esklużiva u sħiħa lill-qrati Ingliżi;

h)

Il-kuntratti ġew redatti bl-Ingliż u t-terminoloġija u l-kunċetti użati huma anglo-sassoni;

i)

Il-kuntratti ta’ swap ġew konklużi bil-għan li jiġi kopert ir-riskju ta’ varjazzjoni tar-rata tal-interessi ta’ żewġ kuntratti ta’ finanzjament, it-tnejn li huma redatti bl-Ingliż u ffirmati ma’ żewġ entitajiet barranin (waħda bis-sede tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-oħra fl-Italja), fejn f’wieħed mill-kuntratti ta’ finanzjament huwa previst li l-pagamenti tad-debituri f’self ta’ flus għandhom isiru lejn kont tal-bank HSBC Bank plc. f’Londra, f’dati ddefiniti b’riferiment għaż-żona orarja ta’ Londra, u huwa suġġett għal-liġi Ingliża u għall-qrati Ingliżi;

j)

Banco Santander Totta, S.A. aġixxa bħala intermedjarju fis-suq internazzjonali, fejn ikkonkluda kuntratti simmetriċi ta’ kopertura fil-kuntest tas-suq internazzjonali?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

(2)  Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1).


Top