EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC0422(01)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2016 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Il-Każ M.7637 — Liberty Global/BASE Belgium) (notifikat bid-dokument numru C(2016) 531) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU C 141, 22.4.2016, p. 7–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/7


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-4 ta' Frar 2016

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

(Il-Każ M.7637 — Liberty Global/BASE Belgium)

(notifikat bid-dokument numru C(2016) 531)

(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 141/06)

Fl-4 ta' Frar 2016 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f'każ ta' fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi  (1) (minn hawn 'il quddiem, “ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”), u partikolarment l-Artikolu 8(2) ta' dan ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa, billi l-każ jista' jkun fil-forma ta' verżjoni provviżorja, hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, f'dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

I.   IL-PARTIJIET

(1)

Telenet NV (“Telenet”), ikkontrollata minn Liberty Global Broadband I Limited (“Liberty Global”), hija operatur ta' netwerk bil-kejbil fil-Belġju, li jispeċjalizza fil-provvista ta' Internet fiss, servizzi tat-telefonija fissi u televiżjoni bil-kejbil għal klijenti fil-Fjandri kollha u f'partijiet ta' Brussell. Telenet toffri wkoll servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajl għall-konsumatur bħala operatur ta' netwerk virtwali tal-mowbajls (mobile virtual network operator, “MVNO”) fil-Belġju. Il-maġġoranza tal-konsumaturi tiegħu tal-mowbajls jgħixu fiż-żona koperta min-netwerk tal-kejbil tat-Telenet, li jkopri l-Fjandri u partijiet minn Brussell.

(2)

BASE Company NV (“BASE”) hija sussidjarja tal-grupp tat-telekomunikazzjonijiet Olandiż, KPN. BASE hija operatur tan-netwerk tal-mowbajls (mobile network operator, “MNO”) li toffri servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls fil-Belġju. BASE toffri wkoll aċċess għall-operaturi għan-netwerk tagħha lil MVNOs fil-Belġju. BASE hija fil-pussess ta' 50 % tal-ishma ta' VikingCo NV (“Mobile Vikings”). Mobile Vikings hija MVNO li jbigħ servizzi tal-mowbajl bil-marka kummerċjali Mobile Vikings u juża n-netwerk għall-mowbajls ta' BASE. Il-50 % l-oħra ta' Mobile Vikings huma fil-pussess ta' VikingCo International NV.

II.   L-OPERAZZJONI

(3)

Fit-18 ta' April 2015, ġie konkluż Ftehim ta' Xiri u Bejgħ (Sale and Purchase Agreement, “SPA”) bejn KPN Mobile International B.V. u KPN Mobile N.V, bħala bejjiegħa, u Telenet, bħala x-xerrejja, abbażi ta' liema Telenet takkwista l-ishma kollha maħruġa u ishma pendenti fil-kapital ta' BASE. Skont l-SPA, Telenet se takkwista biss kontroll uniku fuq BASE.

(4)

Fis-17 ta' Awwissu 2015, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li bih Telenet takkwista, fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll tal-impriża kollha ta' BASE, permezz ta' xiri ta' ishma.

III.   IL-PRODOTT RILEVANTI U SWIEQ ĠEOGRAFIĊI

(5)

L-operazzjoni tikkonċerna servizzi pprovduti fil-livell tal-operaturi u tal-konsumaturi fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet Belġjan.

(6)

Il-Kummissjoni tiddefinixxi s-suq tal-prodotti ġenerali għall-provvista lill-konsumaturi b'telekomunikazzjonijiet għall-mowbajls. Il-Kummissjoni tiddefinixxi tali suq tal-konsumaturi għal servizzi ta' telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls bħala b'kamp ta' applikazzjoni nazzjonali. Madankollu, fil-valutazzjoni tal-impatt kompetittiv tal-operazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li Telenet tikkompeti kważi esklussivament fiż-żona ġeografika li tikkorrispondi maż-żona koperta min-netwerk tal-kejbils.

(7)

Fir-rigward ta' servizzi tat-TV tal-konsumaturi, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq ta' prodotti rilevanti bħala s-suq globali tal-konsumaturi għal servizzi tat-TV. Rigward l-ambitu ġeografiku, il-Kummissjoni ħalliet id-domanda miftuħa dwar jekk is-suq kienx nazzjonali, reġjonali, jew jikkorrispondix maż-żona koperta min-netwerk tal-kejbils tat-Telenet.

(8)

Fir-rigward tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet fissi, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq bħala s-suq globali tal-konsumaturi għal servizzi ta' aċċess għall-Internet fissi, u ħalliet id-domanda miftuħa dwar jekk l-ambitu ġeografiku ta' dan is-suq għandux ikun nazzjonali, reġjonali, jew limitat għaż-żona koperta min-netwerk tal-kejbils tat-Telenet.

(9)

Il-Kummissjoni ddefinixxiet suq tal-prodotti globali għal telefonija fissa għall-konsumaturi, u ħalliet id-domanda dwar jekk il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku ta' dan is-suq għandux ikun nazzjonali, reġjonali jew limitat għaż-żona koperta min-netwerk tal-kejbils tat-Telenet.

(10)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk jistax jiġi identifikat suq tal-konsumaturi separat għall-hekk imsejħa servizzi “multiple play”, jiġifieri suq tal-konsumaturi fejn il-konsumaturi jixtru servizzi tat-telekomunikazzjonijiet għall-mowbajls flimkien b'servizz tat-telekomunikazzjonijiet fiss wieħed jew aktar (TV, Internet fiss, telefonija fissa). Il-Kummissjoni kkonkludiet li tali suq ma jeżistix attwalment fil-Belġju, fost l-oħrajn minħabba ammont limitat ta' servizzi fissi u tal-mowbajls mixtrija flimkien mill-konsumaturi. F'kull każ, kieku kien jeżisti suq tali tal-konsumaturi għal servizzi “multiple play”, l-effetti tal-operazzjoni fuq tali suq kienu jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni kompettitva tal-Kummissjoni ta' effetti ta' konglomerat possibbli.

(11)

Fil-livell tal-operaturi, il-Kummissjoni ddefinixxiet suq għal aċċess u oriġini ta' sejħiet fuq netwerks għall-mowbajls, li għandhom kamp ta' applikazzjoni nazzjonali.

(12)

Il-Kummissjoni identifikat ukoll swieq separati għal aċċess tal-operaturi għal servizzi tat-TV u tal-Internet, u ħalliet id-domanda dwar jekk dawn is-swieq għandhomx ikollhom kamp ta' applikazzjoni nazzjonali, jew ikunux limitati għaż-żona ta' kopertura tat-Telenet.

(13)

Il-Kummissjoni identifikat u ddefinixxiet ukoll swieq rilevanti għal: servizzi tal-operaturi ta' terminazzjoni tas-sejħiet fuq netwerks għall-mowbajls, servizzi tal-operaturi ta' roaming internazzjonali, servizzi tal-operaturi ta' terminazzjoni tas-sejħiet fuq netwerks fissi, servizzi tal-operaturi ta' tranżitu ta' sejħiet domestiċi fuq netwerks fissi, servizzi tal-operaturi ta' terminazzjoni u hosting ta' sejħiet għal numri mhux ġeografiċi, u aċċess tal-operaturi għal linji mikrija. Madankollu, il-Kummissjoni sabet li l-operazzjoni ma qajmitx tħassib ta' kompetizzjoni fir-rigward ta' xi wieħed minn dawn is-swieq.

IV.   VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

1.   Valutazzjoni orizzontali: Il-kompetizzjoni effettiva tkun imxekkla b'mod sinifikanti fis-suq tal-konsumaturi għal telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls.

(14)

Fil-livell tal-konsumaturi, l-attivitajiet ta' BASE u tat-Telenet jikkoinċidu biss fir-rigward tas-suq tal-konsumaturi għal servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls. F'dan is-suq, BASE topera bħala MNO, li għandu n-netwerk tal-mowbajls tiegħu stess. Fl-2014, kellu sehem mis-suq ta' [10-20] % skont id-dħul and [20-30] % f'termini ta' abbonati.

(15)

Telenet toffri wkoll servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls tal-konsumaturi, iżda ma għandhiex netwerk għall-mowbajls. Hija topera bħala MVNO, billi tiddependi fuq aċċess bl-ingrossa għan-netwerk għal-mowbajls ta' Mobistar, MNO ieħor li hu attiv fil-Belġju. Telenet bdiet toffri servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls tal-konsumaturi fl-2006 bħala MVNO ħafif, u sar MVNO sħiħ fl-2012. Fl-2014, kellha sehem fis-suq ta' [5-10] % skont l-introjtu u [5-10] % f'termini ta' abbonati. Is-suċċess tat-Telenet bħala MVNO kien minħabba diversi fatturi speċifiċi, inkluż il-fatt li, meta nediet l-attivitajiet tagħha bħala MVNO, hija diġà kellha preżenza stabbilita fis-suq u marka fil-Belġju abbażi tal-attivitajiet tagħha bħala fornitur ta' servizzi tat-TV u tal-Internet fissi.

(16)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni se twassal għal tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva li jirriżulta minn effetti mhux koordinati kontra l-kompetizzjoni fuq is-suq tal-konsumaturi għal servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls fil-Belġju. Is-suq tal-mowbajls tal-konsumaturi Belġjan huwa suq ikkonċentrat ħafna b'ostakli kbar għall-introjtu. Fi tmiem l-2014, it-tliet MNOs fil-Belġju u Telenet flimkien kienu responsabbli għal [90-100] % tal-introjtu kollu. BASE kienet it-tielet l-akbar MNO skont l-introjtu u t-tieni l-akbar MNO f'termini ta' abbonati fi tmiem l-2014. Telenet kienet l-akbar MNVO fil-Belġju, kemm bħala introjtu kif ukoll bħala abbonati. Kienet ir-raba' l-akbar operatur tal-mowbajls fil-Belġju skont l-introjtu u l-abbonati. L-operazzjoni toħloq entità li ssir it-tieni l-akbar operatur tal-mowbajls f'termini ta' abbonati, wara Proximus, u t-tielet l-akbar operatur tal-mowbajls skont id-dħul, wara Proximus u Mobistar.

(17)

Il-Kummissjoni sabet li BASE u Telenet kienu kompetituri partikolarment attivi u aggressivi fis-suq tal-konsumaturi tal-mowbajls, partikolarment fis-settur privat (mhux kummerċjali) tas-suq. Wara l-operazzjoni, l-entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni se tikkompeti b'mod anqas aggressiv, b'hekk tnaqqas il-kompetizzjoni fis-suq tal-konsumaturi għat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls.

(18)

Fil-livell tal-konsumaturi, Telenet kienet attiva wkoll fis-swieq tal-provvista tas-servizzi tat-TV, servizzi ta' aċċess għall-Internet fissi u servizzi tat-telefonija fissi. BASE mhix attiva fuq dawn is-swieq, peress li waqfet tipprovdi dawn is-servizzi fissi f'Diċembru 2014. Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li l-operazzjoni ma qajmitx tħassib ta' kompetizzjoni orizzontali fuq dawn is-swieq, u mhux se tneħħi lil BASE bħala kompetitur (attwali jew potenzjali) ta' Telenet għal servizzi tat-TV tal-konsumaturi, servizzi ta' aċċess għall-Internet fiss u servizzi tat-telefonija fissi.

2.   Valutazzjoni vertikali: Il-kompetizzjoni effettiva mhux se tkun ostakolata b'mod sinifikanti riżultat ta' tnaqqis fl-aċċess tal-operaturi għan-network tal-mowbajls ta' BASE jew netwerk tal-kejbil tat-Telenet (preklużjoni fil-livell tal-input)

(19)

Fir-rigward tas-suq tal-operaturi għal aċċess u oriġini tas-sejħat fuq netwerks tal-mowbajls, il-Kummissjoni analizzat jekk l-entità li rriżultat minn konċentrazzjoni teskludix l-MVNOs fuq in-netwerk BASE minn aċċess għan-netwerk tal-mowbajls tagħha (preklużjoni fil-livell tal-input). L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni mhux se tibdel l-abbiltà tal-entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni li timpenja ruħha fil-preklużjoni fil-livell tal-input, peress li BASE diġà tista' tiċħad l-aċċess għal pre-operazzjoni ta' MVNOs. It-tieni nett, il-Kummissjoni sabet li l-operazzjoni se tibdel l-inċentiva tal-entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni li timpenja ruħha fi preklużjoni fil-livell tal-input biss sa ċertu limitu. Finalment, il-Kummissjoni sabet li anki jekk l-entità li rriżultat minn konċentrazzjoni timpenja ruħha fi preklużjoni fil-livell tal-input lejn MVNOs, din l-imġiba jkollha effetti limitati, peress li MVNOss (barra minn Telenet) ma għandhomx rwol suffiċjentement importanti fil-proċess ta' kompetizzjoni fis-suq tal-konsumaturi għal servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni mhux se twassal għal impediment sinfikanti għall-kompetizzjoni effettiva riżultat ta' preklużjoni fil-livell tal-input tal-aċċess tal-operaturi u l-oriġini tas-sejħat fuq netwerks tal-mowbajls fil-Belġju.

(20)

Fir-rigward tas-swieq għal aċċess tal-operaturi għal servizzi tat-TV u tal-Internet, il-Kummissjoni vvalutat jekk l-operazzjoni tibdilx l-abbiltà tat-Telenet u l-inċentiva biex jiġu esklużi operaturi tat-telekomunikazzjoni oħra billi jiġi ostakolat l-aċċess għan-netwerk tal-kejbil tiegħu, li jista' jkun input għall-provvista tal-konsumaturi ta' servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fissi, bħat-telefonija fissa, l-Internet fiss u servizzi tat-TV. Il-Kummissjoni nnotat li r-regolaturi tat-telekomunikazzjonijiet Belġjani imponew lil Telenet l-obbligu li jagħti aċċess għan-netwerk tal-kejbil tiegħu għall-provvista ta' servizzi tat-TV tal-konsumaturi, u, flimkien ma' servizzi tat-TV tal-konsumaturi, servizzi ta' aċċess għal Internet tal-konsumaturi. Minħabba dan ir-reġim regolatorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li Telenet m'a ħandhiex l-abbiltà li teskludi aċċess għan-netwerk tal-kejbil tagħha bil-għan li tipprovdi servizzi tat-TV jew servizzi tal-Internet fissi flimkien ma' servizzi tat-TV u din is-sitwazzjoni mhux se tinbidel b'din l-operazzjoni. Fir-rigward ta' servizzi tal-Internet “stand-alone”, il-Kummissjoni nnotat li Telenet ma għandhiex l-abbiltà u l-inċentiva li teskludi l-aċċess għan-netwerk tal-kejbil tagħha, peress li ma hemm ebda obbligu regolatorju għat-Telenet li jagħti aċċess tal-operaturi għal servizzi tal-Internet fissi “standalone”. Madankollu, din is-sitwazzjoni diġà kienet teżisti qabel l-operazzjoni u ma kinitx affettwata mill-operazzjoni. Bħala tali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni mhux se twassal għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva riżultat ta' esklużjoni tal-input tal-aċċess tal-operaturi għal netwerk tal-kejbil ta' Telenet.

3.   Valutazzjoni ta' effetti ta' konglomerat: L-operazzjoni mhux se twassal għal effetti ta' konglomerat minħabba r-raggruppament tas-servizzi fissi u ta-mowbajls

(21)

Il-Kummissjoni tivvaluta jekk l-operazzjoni twassalx għal effetti ta' konglomerat. L-operazzjoni tikkombina MNO ma' operatur b'netwerk fiss u l-Kummissjoni, għalhekk, tivvaluta jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tistax teskludi l-kompetituri bir-raggruppament ta' servizzi fissi u tal-mowbajls.

(22)

Il-Kummissjoni nnotat li qabel l-operazzjoni t-Telenet diġà kienet toffri l-erba' komponenti ta' pakketti “multiple play” għal servizzi fissi u tal-mowbajls (TV, Internet f'post fiss, servizzi ta' telefonija fissa u servizi ta' telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls). It-Telenet, għalhekk, diġà tista' tbiegħ pakketti mħallta għal servizzi fissi u tal-mowbajls lill-konsumaturi. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-operazzjoni ma tibdilx il-pożizzjoni ta' Telenet fi kwalunkwe suq tas-servizzi fissi, peress li BASE ma hija attiva fl-ebda wieħed minn dawn is-swieq. L-operazzjoni, madankollu, iżżid il-bażi ta' konsumaturi ta' servizzi tal-mowbajls tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, peress li tikkombina l-konsumaturi ta' BASE u Telenet. Min-naħa l-oħra, dan jista' possibilment jiffaċilita r-raggruppament ta' servizzi fissi u tal-mowbajls f'żewġ modi. L-ewwel nett, billi jagħmilha aktar faċli għal Telenet li tbigħ gruppi ta' servizzi fissi u tal-mowbajls lill-abbonati ta' BASE li sa issa għadhom ma xtrawx servizzi fissi minn Telenet. It-tieni nett, jista' jagħmilha aktar faċli għal Telenet li tbigħ pakketti ta' servizzi fissi u tal-mowbajls lill-abbonati ta' BASE li diġà jixtru servizzi fissi minn Telenet.

(23)

Fir-rigward tal-ewwel wieħed miż-żewġ tipi potenzjali ta' mġiba li jistgħu jiġu ffaċilitati mill-operazzjoni (esklużjoni billi jbigħu pakketti ta' servizzi fissi u tal-mowbajls lill-abbonati tas-servizz tal-mowbajls ta' BASE li sa issa ma xtrawx servizzi fissi minn Telenet), il-Kummissjoni nnotat dan li ġej. L-ewwel nett, mhuwiex probabbli li l-operazzjoni tagħti lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni l-abbiltà li timpenja ruħha f'esklużjoni permezz ta' raggruppament. Parti sinifikanti mill-konsumaturi ta' BASE jgħixu barra miż-żona ta' kopertura ta' Telenet u mhuwiex probabbli li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni toffri servizzi fissi u tal-mowbajls barra miż-żona ta' kopertura. Barra minn hekk, in-numru ta' klijenti BASE li t-Telenet għadha ma tbiegħx is-servizzi fissi tagħha lilhom, huwa limitat u diversi konsumaturi BASE huma konsumaturi mħallsa minn qabel, li l-ewwel iridu jinqalbu f'abbonati li diġà ħallsu qabel jiġu offruti pakketti fissi u tal-mowbajls. Dan huwa ostaklu addizzjonali għall-bejgħ inkroċjat ta' pakketti fissi u tal-mowbajls. Barra minn hekk, l-entità li rriżultat mill-konċentrazzjoni mhux se jkollha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-konsumaturi tal-mowbajls u għalhekk, hemm dubju dwar jekk l-entità hux se jkollha setgħa tas-suq suffiċjenti biex teskludi l-kompetituri permezz tar-raggruppament. Finalment, il-kompetituri tal-entità li tirriżulta minn kompetizzjoni jistgħu jużaw strateġiji ta' rispons, bħal dik li joffru pakketti ta' servizzi fissi u tal-mowbajls huma stess jew joffru servizzi tal-mowbajls bi prezzijiet attraenti biex iwaqqfu konsumaturi milli jixtru pakketti fissi u ta-mowbajls mill-entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni.

(24)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma kinitx ċerta jekk it-Telenet għandhiex inċentiva biex timpenja ruħha f'bejgħ inkroċjat tas-servizzi fissi tiegħu lil konsumaturi tal-mowbajls ta' BASE, peress li x'aktarx ikollu joffri dawn is-servizzi bi skont, li jista' jiġi bi spiża għal Telenet.

(25)

Finalment, il-Kummissjoni sabet li tali mġiba x'aktarx ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-prezzijiet u l-għażla peress li mhuwiex probabbli li l-kompetituri joħorġu mis-suq jew jitilfu l-abbiltà li jikkompetu effettivament. Il-volum ta' bejgħ li jista' jiġi eskluż permezz ta' raggruppament riżultat tal-operazzjoni huwa limitat. Barra minn hekk, maġġoranza kbira tas-servizzi kollha tal-Belġju għadha tinxtara bħala servizz “stand-alone”, mhux f'pakkett. L-MNOs l-oħra fis-suq tal-Belġju huma Proximus u Mobistar u huma wkoll jistgħu jimpenjaw ruħhom f'raggruppamenti. Proximus hija l-akbar operatur tat-telekom fis-suq tal-konsumaturi Belġjan u hija involuta hija stess f'pakkett ta' servizzi fissi u tal-mowbajls. Mobistar hija, anki wara l-operazzjoni, it-tieni l-akbar operatur tal-mowbajls skont l-introjtu, wara Proximus. Hija tista' toffri servizzi fissi abbażi ta' aċċess tal-operaturi għal kejbil tan-netwerk tat-Telenet u diġà ħabbret li se tagħmel dan. Telenet hija taħt obbligu regolatorju li jipprovdi aċċess għan-netwerk tagħha sabiex operaturi alternattivi joffru servizzi tat-TV u, flimkien ma' servizzi tat-TV, servizzi tal-Internet fissi.

(26)

Fir-rigward tat-tieni tip ta' imġiba (esklużjoni bil-bejgħ ta' pakketti ta' servizzi fissi u tal-mowbajls lill-abbonati tal-mowbajls ta' BASE li jixtru wkoll servizzi fissi minn Telenet), il-Kummissjoni nnotat dan li ġej. L-ewwel nett, l-operazzjoni mhux se żżid b'mod sinifikanti l-abbiltà ta' Telenet li teskludi l-kompetituri billi toffri kont wieħed jew pakkett lil abbonati ta' BASE li diġà jixtru servizzi tat-Telenet. Kif indikat fil-paragrafu 22, dan il-vantaġġ huwa limitat minn numru ta' elementi, speċjalment mill-fatt li parti sinifikanti ta' abbonati ta' BASE jgħixu barra miż-żona ta' kopertura ta' Telenet u huma abbonati diġà mħallsa. Barra minn hekk, Telenet tista', anki wara l-operazzjoni, ma jkollhiex pożizzjoni dominanti fis-suq tal-konsumaturi tal-mowbajls u r-rivali tal-entità li rriżultat minn konċentrazzjoni jistgħu jkunu involuti fi strateġiji ta' rispons b'reazzjoni għar-raggruppament. It-tieni nett, ma kienx ċert jekk Telenet kellhiex inċentiv li tinvolvi ruħha f'tali imġiba, meta jiġi kkunsidrat li n-natura spekulattiva tal-gwadanji fit-tul ta' strateġija ta' foreclosure. Finalment, kif spjegat fil-paragrafu 24, tali imġiba x'aktarx mhux se jkollha impatt negattiv fuq il-prezzijiet jew twassal għal foreclosure tal-kompetituri li, b'mod partikolari, jistgħu joffru pakketti huma stess jew jagħtu prezz orħos għas-servizzi tagħhom tal-mowbajls biex iwaqqfu lill-konsumaturi milli jixtru l-pakkett tal-entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni.

4.   Konklużjoni dwar il-valutazzjoni kompetittiva

(27)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-operazzjoni se twassal għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva li jirriżulta minn effetti kontra l-kompetizzjoni mhux ikkoordinati fuq is-suq tal-konsumaturi għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-Belġju. Il-Kummissjoni sabet li l-operazzjoni mhux se twassal għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fir-rigward tal-effetti vertikali u ta' konglomerat fuq is-swieq tat-telekomunikazzjonijiet tal-konsumaturi jew tal-operaturi fissi u tal-mowbajls.

V.   IMPENJI

(28)

Sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni dwar is-suq tal-konsumaturi għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls, Liberty Global ippreżentat impenji.

1.   Deskrizzjoni tal-impenji

(29)

L-impenji finali ppreżentati minn Liberty Global jikkonsistu f'żewġ elementi. L-ewwel, Telenet se ċċedi tnejn mill-bażijiet tal-konsumaturi ta' BASE, li jammontaw għal […] abbonati attivi, għal xerrej wieħed. It-tieni, Telenet tidħol fi ftehim MVNO max-xerrej tal-bażijiet tal-konsumaturi, li jiffaċilita lill-akkwirent (remedy taker) jopera fis-suq tal-konsumaturi għal servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls bħala MVNO fuq in-netwerk ta' BASE. L-impenji finali inkludew klawżola ta' xerrej upfront (Telenet ma setgħetx tagħlaq l-operazzjoni qabel ma kkonkludiet ftehim għaċ-ċessjoni tal-bażijiet tal-konsumaturi) u rrikjedew li l-Kummissjoni tapprova l-ftehim MVNO bħala konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-impenji finali.

(30)

Liberty Global ipproponiet Medialaan lill-Kummissjoni bħala akkwirent preventiv. Liberty Global pprovdiet ukoll kopji lill-Kummissjoni ta' (i) il-ftehim ma' Medialaan għall-bejgħ ta' bażijiet tal-konsumaturi ta' BASE; u (ii) il-ftehim MVNO ma' Medialaan.

(31)

Fl-ambitu tal-impenji finali, Telenet se tittrasferixxi lil Medialaan is-sjieda tal-konsumaturi tal-marka “JIM Mobile”, u s-sehem tagħha ta' 50 % fid-dawl ta' MVNO Mobile Vikings. “JIM Mobile” hija marka diġà fis-sjieda ta' Medialaan, iżda l-konsumaturi “JIM Mobile” jappartjenu lil BASE. Mobile Vikings hija MVNO ħafifa li topera fuq in-netwerk BASE, li fiha BASE għandha sehem ta' 50 %. B'mod parallel mal-akkwist tas-sehem ta' BASE f'Mobile Vikings, Medialaan akkwista separatament is-sehem l-ieħor ta' 50 % f'Mobile Vikings. L-effett ikkombinat tal-impenji finali u l-akkwist separat ta' Medialaan huwa għalhekk li Medialaan se tkun fil-pussess direttament jew indirettament ta' 100 % ta' Mobile Vikings.

(32)

L-impenji finali pprovdew li l-ftehim MVNO jista' jkollu l-karatteristiċi li ġejjin: (i) Medialaan se ssir MVNO sħiħ f'terminu ta' żmien stabbilit, bl-għajnuna ta' Telenet; (ii) il-ftehim MVNO se jkollu tul ta' ħames snin minn meta jiġi mniedi b'mod sħiħ MVNO; (iii) skont il-ftehim MVNO, l-MVNO se jopera skont mudell “pay-as-you-go”, iżda jkollu l-għażla li jakkwista kapaċità minn BASE għal dejta (il-mudell “pay-as-you-go” se jkompli għal voice u SMS); (iv) bl-għażla tal-kapaċità, Medialaan se takkwista, għal prezz annwali fiss, 20 % tal-kapaċità fuq in-netwerk ta' BASE, bil-possibbiltà li jakkwista kapaċità addizzjonali ulterjuri (5 % u żieda ta' 5 % oħra); (v) fil-każ tal-eżerċizzju tal-għażla tal-kapaċità, il-ftehim MVNO se jiġi estiż għal ħames snin mill-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-għażla tal-kapaċità; (vi) il-ftehim MVNO se jkollu perjodu ta' esklussività ta' perjodu ta' żmien fiss li jibda mid-data ta' ċessjoni tal-bażijiet tal-konsumaturi, li fih Medialaan ma jiddependix fuq host MNO ieħor; (vii) bl-għażla tal-kapaċità, jekk Medialaan taqbeż il-kapaċità mixtrija minn BASE, hija se tkun intitolata wara l-perjodu ta' esklussività li tiddependi fuq MNO ieħor għall-kapaċità żejda meħtieġa (bħala alternattiva għax-xiri ta' kapaċità addizzjonali minn BASE).

2.   Valutazzjoni tal-impenji ppreżentati u tal-akkwirent

(33)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impenji finali neħħew it-tħassib orizzontali tal-Kummissjoni fir-rigward tas-suq tal-konsumaturi għal servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls.

(34)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li ċ-ċessjoni ta' żewġ bażijiet ta' konsumaturi (konsumaturi ta' “JIM Mobile” u Mobile Vikings) lil Medialaan toħloq operatur tal-mowbajls tal-iskala u l-kopertura meħtieġa li jikkompeti b'mod aggressiv fuq is-suq tal-konsumaturi għal telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls u joħloq mill-ġdid sakemm jista' jkun l-pressjoni kompetitiva eżerċizzata mill-pre-operation tat-Telenet.

(35)

Fir-rigward tal-ftehim MVNO, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-mudell “pay-as-you-go” […], u b'hekk tippermetti lil Medialaan topera permezz ta' ċirkostanzi ekonomiċi favorevoli. Fir-rigward tal-għażla tal-kapaċità, il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-għażla se tippermetti lil Medialaan tkompli tikber u tikkompeti b'mod effettiv.

(36)

Bħala parti mill-valutazzjoni, il-Kummissjoni analizzat ukoll lil Medialaan bħala akkwirent propost. Il-Kummissjoni kkonkludiet li Medialaan tista' tkun xerrej adatt, tkun indipendenti minn Telenet u jkollha r-riżorsi finanzjarji, il-kompetenza u l-inċentivi li tikkompeti effettivament fuq is-suq tal-konsumaturi għal telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls. B'mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-trasferiment ta' konsumaturi ta' “JIM Mobile” u Mobile Vikings għal Medialaan u t-tranżizzjoni ta' Medialaan għall-MVNO sħiħ jistgħu jiġu akkwistati fiż-żmien pprovdut fl-impenji finali u jista' jippermetti lil Medialaan issir kompetitur effettiv. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-akkwist ta' Medialaan tal-konsumaturi ta' “JIM Mobile” u Mobile Vikungs ma jqajjimx tħassib ta' kompetizzjoni prima facie.

(37)

Il-Kummissjoni għamlet rieżami tal-ftehim MVNO bejn Telenet u Medialaan u kkonkludiet li t-termini tagħha kienu konformi mar-rekwiżit tal-impenji finali.

(38)

Il-Kummissjoni, għalhekk, ikkonkludiet li l-impenji finali se jneħħu t-tħassib orizzontali li kienet identifikat fir-rigward tas-suq tal-konsumaturi għal telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls. Hija approvat Medialaan bħala akkwirent adatt u ddikjarat il-ftehim MVNO konsistenti mal-impenji finali.

VI.   KONKLUŻJONI

(39)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, id-deċiżjoni tikkonkludi li, suġġett għal konformità mal-impenji tal-parti notifikanti, il-konċentrazzjoni proposta mhux se timpedixxi b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni fis-Suq Intern jew f'parti sostanzjali tiegħu.

(40)

Konsegwentement, il-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-Suq Intern u l-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


Top