EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0595

Kawża T-595/15: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ottubru 2015 – Europäischer Tier- und Naturschutz u Giesen vs Il-Kummissjoni

ĠU C 27, 25.1.2016, p. 62–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/62


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ottubru 2015 – Europäischer Tier- und Naturschutz u Giesen vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-595/15)

(2016/C 027/79)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Europäischer Tier- und Naturschutz e.V. (Much, il-Ġermanja) u Horst Giesen (Much) (rappreżentant: P. Brockmann, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiħux azzjoni, tas-17 ta’ Awwissu 2015, innotifikata fl-24 ta’ Awwissu 2015,

fir-rigward tal-ħolqien tad-dritt Ewropew tal-assoċjazzjonijiet fil-forma tal-proposta ta’ liġi li ma għadhiex ippubblikata jew ta’ verżjoni tagħha emendata fil-qafas awtorizzat li tassimila attivitajiet transkonfinali b’għanijiet altruistiċi mal-assoċjazzjonijiet bi skop ta’ lukru, sussidjarjament

fir-rigward tal-armonizzazzjoni tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-għaqdiet u tal-assoċjazzjonijiet li jirrigwardaw attivitajiet transkonfinali b’għanijiet altruistiċi, u

tordna b’hekk lill-Kummissjoni sabiex timplementa sitwazzjoni legali fis-sens tal-Artikolu 266 TFUE, billi tonqos milli twettaq deterjorazzjonijiet oħra fis-sens tat-talbiet 1 u 2 li jistgħu jimpedixxu jew irendu iktar diffiċli l-implementazzjoni ta’ din is-sitwazzjoni, u

tikkundanna lill-Kummissjoni u intervenjenti eventwali għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkritikaw l-assenza ta’ ħolqien ta’ dritt Ewropew tal-assoċjazzjonijiet, l-assenza ta’ tneħħija tad-diskriminazzjoni eżistenti u l-preġudizzju għal-libertà kollettiva u individwali ta’ assoċjazzjoni.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), fuq l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), fuq il-prinċipji ġenerali tad-dritt previsti fl-Artikolu 6(3) TUE u fuq l-Artikolu 20 tal-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għall-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi (Artikolu 20 tal-Karta u Artikolu 14 tal-KEDB) bi preġudizzju għall-valuri altruistiċi u għal assoċjazzjonijiet b’għanijiet altruistiċi.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ir-restrizzjoni tal-portata tad-drittijiet fundamentali permezz ta’ nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni u interpretazzjoni abbużiva konformement mal-Artikoli 52 u 54 tal-Karta.


Top